Language of document : ECLI:EU:T:2011:634

Kawża T-436/09

Julien Dufour

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew

“Aċċess għal dokumenti — Deċiżjoni 2004/258/KE — Databases tal-BĊE li servew għat-tfassil tar-rapporti li jirrigwardaw ir-reklutaġġ u l-mobbiltà tal-persunal — Rifjut ta’ aċċess — Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Ammissibbiltà — Kunċett ta’ dokument — Rikors għad-danni — Natura prematura”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Rikors li jista’ jkun ta’ benefiċċju għar-rikorrent

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

2.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Deċiżjoni 2004/258 tal-Bank Ċentrali Ewropew

3.      Rikors għal annullament — Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni — Talbiet intiżi li tinkiseb ordni indirizzata lil istituzzjoni — Aċċess għal dokumenti — Inammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

4.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew li tirrifjuta lir-rikorrent l-aċċess għal uħud mid-databases tiegħu peress li dawn ma għandhomx natura ta’ dokumenti

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 2004/258, Artikoli 7(1), 8(1) u 9)

5.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE)

6.      Approssimazzjoni tal-liġijiet — Protezzjoni legali ta’ databases — Direttiva 96/9 — Kunċett ta’ database

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/9, Artikolu 1(2))

7.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Deċiżjoni 2004/258 tal-Bank Ċentrali Ewropew — Kunċett ta’ dokument

(Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 2004/258, Artikolu 3(a))

8.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Talba li tammonta għal piż eċċessiv ta’ xogħol — Ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni

(Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 2004/258, Artikolu 3(a))

9.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Deċiżjoni 2004/258 tal-Bank Ċentrali Ewropew — Kunċett ta’ dokument

(Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew Nru 2004/258, Artikolu 3(a))

10.    Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Deċiżjoni 2004/258 tal-Bank Ċentrali Ewropew — Obbligu tal-Bank li jipproċedi b’riċerka normali jew ta’ rutina ta’ dokumenti — Portata

(Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 2004/258, Artikoli 2(1), 3(a), 4(5) u (6), u 6(1) sa (3))

11.    Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Obbligu li jinħoloq reġistru ta’ dokumenti — Inklużjoni ta’ database fir-reġistru

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 11; Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 2004/258, Artikolu 3(a))

12.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali — Assenza ta’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet — Ċaħda tar-rikors għad-danni kollu kemm hu

(Artikolu 107(2) KE u t-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 288 KE; it-tielet sentenza tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 TUE)

13.    Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

1.      Rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din il-persuna jkollha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu. Dan ikun hekk fil-każ ta’ rikors għal annullament dirett minn persuna fiżika kontra ċ-ċaħda mill-Bank Ċentrali Ewropew tat-talba tagħha għal aċċess għad-data ta’ database, imressqa skont l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni 2004/258, dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), u li tkun ibbażata fuq it-teżi, ikkontestata mir-rikorrent, li tgħid li d-Deċiżjoni 2004/258 ma tapplikax, fir-rigward tal-aċċess għad-databases jew għad-data li jkun hemm fihom.

(ara l-punti 28, 36)

2.      Fil-każ ta’ talba għall-aċċess għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), jirriżulta mill-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni 2004/258, dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew, b’mod partikolari bl-użu tal-verbi “jsaqsi” u “jassistih”, li dan ma jistax jiċħad immedjatament applikazzjoni għal aċċess għar-raġuni li d-dokument li ntalab ma jeżistix. Min-naħa l-oħra, f’sitwazzjoni bħal din, huwa għandu, skont l-Artikolu 6(2) tal-imsemmija deċiżjoni, jitlob lill-applikant jikkjarifika l-applikazzjoni tiegħu u jassistih għal dan il-għan, b’mod partikolari billi jiġu indikati d-dokumenti li huwa għandu u li huma analogi għal dawk koperti mill-applikazzjoni għall-aċċess jew li jistgħu jkollhom parti jew l-informazzjoni kollha mfittxija mill-applikant.

(ara l-punti 30, 31)

3.      Il-Qorti Ġenerali ma tistax tindirizza ordni lill-istituzzjonijiet jew tissostitwixxihom fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità li hija teżerċita. Din il-limitazzjoni tal-istħarriġ ta’ legalità tapplika fl-oqsma kontenzjużi li fihom il-Qorti Ġenerali hija kompetenti, inkluż dak tal-aċċess għal dokumenti.

(ara l-punt 39)

4.      Il-motivazzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jidher li jiġi evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari mill-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra, ikkonċernati direttament u individwalment mill-att, jistgħu jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-kliem tagħha, iżda wkoll mill-kuntest tagħha kif ukoll mir-regoli kollha ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat.

B’hekk jirriżulta li istituzzjoni tikkonforma ruħha ma’ dan l-obbligu meta hija tindika li l-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrent għad-databases li hija għandha hija miċħuda peress li, għal numru ta’ raġunijiet li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ verżjonijiet stampati tad-data mitluba u għall-piż kbir ta’ xogħol li l-preparazzjoni ta’ verżjonijiet bħal dawn jeħtieġu, l-applikazzjoni tagħha ma tirrigwardax dokument fis-sens tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ. Motivazzjoni bħal din tippermetti, fil-fatt, lir-rikorrent jifhem il-ġustifikazzjoni tar-rifjut għall-applikazzjoni tiegħu għal aċċess u jikkontesta dan ir-rifjut quddiem il-qorti tal-Unjoni.

(ara l-punti 47-51)

5.      L-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità proċedurali sostanzjali, li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni hijiex fondata, peress li din tal-aħħar tirrigwarda l-legalità sostantiva tal-att ikkontestat. Fil-fatt, in-natura eventwalment żbaljata ta’ motivazzjoni ma tirrendix motivazzjoni ineżistenti.

(ara l-punt 52)

6.      Il-kunċett ta’ database fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases, ikopri kull kollezzjoni li tkun tinkludi xogħlijiet, data jew materjal ieħor, li jkunu jistgħu jiġu separati minn xulxin mingħajr ma’ jkun affettwat il-valur tal-kontenut tagħhom, u li tinkludi metodu jew sistema, ta’ kwalunkwe xorta, li jippermettu l-irkupru ta’ kull wieħed mill-materjali li jikkostitwixxuha. Fost il-karatteristiċi ta’ database jidhru, minn naħa, l-eżistenza ta’ kontenut ta’ kull tip (informattiv, litterarju, artistiku, mużikali jew ieħor) u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ medju fiss, ta’ kull tip, li fuqu l-imsemmi kontenut huwa merfugħ.

L-elementi li jiffurmaw database bħal din, jiġifieri d-data, huma indipendenti wieħed mill-ieħor. Bħala regola ġenerali, huma ma jkunux f’konfigurazzjoni fissa u invarjabbli, iżda, bl-użu tal-mezzi tekniċi jew oħrajn disponibbli, jistgħu jiġu ppreżentati f’kumbinazzjonijiet multipli differenti.

(ara l-punti 87, 102, 107)

7.      Fir-rigward tad-definizzjoni tal-kelma “dokument” li tidher fl-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew, jirriżulta impliċitament, iżda b’mod ċar, mill-kliem “medju”, “merfugħ”, “recording”, “mħejji” u “miżmum”, użati f’din id-definizzjoni, li ġie kkunsidrat kontenut ikkonservat, dak li jista’ jiġi riprodott jew ikkonsultat wara l-produzzjoni tiegħu. Elementi mhux ikkonservati b’hekk ma jammontawx għal dokumenti, anki meta jkunu magħrufa mill-Bank.

Fit-tieni lok, mill-istess dispożizzjoni jirriżulta li n-natura tal-medju ta’ ħżin ta’ kontenut huwa irrilevanti, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kontenut jammontax jew le għal dokument. B’hekk, jista’ jkun kemm każ ta’ tip ta’ medju tradizzjonali, bħall-karta, kif ukoll tipi ta’ medja iktar sofistikati, bħad-dispożittivi differenti ta’ ħżin elettroniku (ħard disk, ċippa ta’ memorja elettronika, eċċ) jew il-medja differenti użati għal recordings tal-ħoss, viżivi jew awdjoviżivi (CD, DVD, kassetti video, eċċ).

Fit-tielet lok, il-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni jkopri “kull kontenut”. Fi kliem ieħor, it-tip u n-natura tal-kontenut merfugħ huma wkoll irrilevanti. B’hekk, dokument fis-sens tad-definizzjoni li tidher fl-imsemmija deċiżjoni jista’ jinkludi l-kliem, iċ-ċifri jew kull tip ieħor ta’ simbolu, iżda wkoll xbihat u recordings ta’ ħsejjes, bħad-diskors ta’ kelliem, jew viżivi, bħal film. L-unika limitazzjoni li tirrigwarda kontenut li tista’ taqa’ taħt id-definizzjoni li tidher f’din id-dispożizzjoni hija l-kundizzjoni li tgħid li l-imsemmi kontenut għandu jkun dwar il-politika, l-attivitajiet jew id-deċiżjonijiet tal-Bank.

Fir-raba’ lok, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, it-tul, l-importanza jew il-preżentazzjoni ta’ kontenut huma irrilevanti għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dan il-kontenut huwiex, jew le, kopert mill-imsemmija definizzjoni. B’hekk jirriżulta li dokument fis-sens tad-Deċiżjoni 2004/258 jista’ jkun ktieb ta’ mijiet ta’ paġni jew “biċċa karta” li jkollha biss kelma jew ċifra, pereżempju isem jew numru tat-telefown. Bl-istess mod, dokument jista’ wkoll jikkonsisti mhux biss f’test, bħal ittra jew nota, iżda wkoll f’tabella, katalogu jew lista, bħal direttorju telefoniku, lista ta’ prezzijiet jew lista ta’ spare parts. Anki kontenut ta’ daqs żgħir, pereżempju kelma waħidha jew ċifra, jekk huwa merfugħ, huwa suffiċjenti sabiex jammonta għal dokument.

Li wieħed jaċċetta li data, meħuda fiha nnfisha, ma hijiex “kontenut” ta’ daqs jew ta’ natura suffiċjenti sabiex tammonta għal dokument fis-sens tad-Deċiżjoni 2004/258 jew fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, jammonta, min-naħa l-oħra, għal li ma jiġix ikkunsidrat il-fatt li t-tifsira ta’ data kontenuta f’database ma tinstabx biss fid-daqs tagħha, eventwalment żgħir, iżda wkoll fir-relazzjonijiet multipli, diretti jew indiretti, mad-data l-oħra kontenuta fl-istess database. Fil-fatt, huma preċiżament dawn ir-relazzjonijiet li jippermettu l-kontenut ta’ database li tkun “disponibbli b’mod sistematiku jew metodiku”. B’hekk anki numru żgħir ta’ data estratta minn database tista’ twassal għal informazzjoni utli, filwaqt li, bħala regola ġenerali, parti żgħira minn test meħuda barra mill-kuntest titlef it-tifsira tagħha. Konsegwentement, ma jkunx ikkunsidrat li d-data kollha li tinsab fid-database kienet tammonta għal massa li ma kinitx tagħmel sens. Fil-fatt, l-imsemmija data ma hijiex merfugħa b’mod perikoluż u kif ġie ġie, iżda skont skema ta’ klassifikazzjoni preċiża, li, minħabba l-kumplessità tagħha, tippermetti l-kreazzjoni tar-relazzjonijiet multipli bejn dawn l-elementi ta’ din id-data.

B’hekk jirriżulta li, skont interpretazzjoni litterali tad-definizzjoni tal-kelma “dokument”, li tidher fl-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, hija twassal għall-konklużjoni li d-data kollha li tinsab f’database tammonta għal dokument fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

(ara l-punti 88-94, 106, 108, 110, 111, 116, 164)

8.      Id-daqs eventwalment kunsiderevoli tad-data kollha li tinsab fid-database ma jammontax għal argument effettiv sabiex jiġu rrifjutati l-kwalità tad-dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Fil-fatt, jekk istituzzjoni għandha tiżgura l-possibbiltà li tibbilanċja, minn naħa, l-interess tal-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti u, min-naħa l-oħra, il-piż tax-xogħol li jirriżulta, sabiex jiġi ppreżervat, f’dawn il-każi partikolari, l-interess ta’ amministrazzjoni tajba, din il-possibbiltà tibqa’ applikabbli eċċezzjonalment, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li l-kunsiderazzjoni tal-piż tax-xogħol meħtieġa mill-eżerċizzju tad-dritt għal aċċess u tal-interess tal-applikant ma hijiex bħala prinċipju rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-portata tal-eżerċizzju tal-imsemmi dritt. Barra minn hekk, sa fejn id-dritt għall-aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet jikkostitwixxi soluzzjoni li għandha tkun applikata bħala prinċipju, l-oneru tal-prova dwar id-diffikultà tal-kompitu li jirriżulta mill-applikazzjoni jaqa’ fuq l-istituzzjoni li tibbaża ruħha fuq eċċezzjoni marbuta man-natura irraġonevoli ta’ dan il-kompitu.

(ara l-punti 121, 122, 124)

9.      Sabiex ikun merfugħ fuq medju, kontenut għandu jkollu livell minimu ta’ stabbiltà. Kontenut li għandu preżenza biss instantanja fuq dispożittiv tekniku ma jissodisfax din il-kundizzjoni. Sa mill-mument meta kontenut huwa merfugħ mill-Bank Ċentrali Ewropew fuq medju xieraq, jammonta għal dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew, li jista’ jkun previst minn applikazzjoni għal aċċess. Il-fatt li dan il-kontenut jista’ jiġi modifikat sussegwentement huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti. Min-naħa l-oħra, applikazzjoni għal aċċess ma tista’ tkopri la kontenut futur u, b’hekk, li għadu ma ġiex irreġistrat, u lanqas kontenut li, għalkemm irreġistrat fil-passat, ġie mħassar qabel l-introduzzjoni tal-applikazzjoni. Bl-istess mod, kontenut merfugħ għand fornitur estern tas-servizzi f’isem il-bank u b’mod li, fi kwalunkwe mument, ikun għad-dispożizzjoni tiegħu, huwa miżmum mill-bank fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

(ara l-punt 126-128, 131)

10.    In-natura potenzjalment sensittiva jew kunfidenzjali ta’ ċerta data li tinsab fid-database tal-Bank Ċentrali Ewropew ma tistax tammonta għal motiv adegwat sabiex jiġi rrifjutat li jiġi rrikonoxxut il-kontenut ta’ tali database bħala dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Il-Bank jista’, barra minn hekk, jillimita rifjut ta’ aċċess għad-data biss koperta mill-eċċezzjonijiet previsti skont l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni 2004/258. Din għandha konsegwentement tagħti aċċess parzjali bħal dan jekk l-għan imfittex minn din l-istituzzjoni, meta hija tirrifjuta l-aċċess għad-dokument, jista’ jintlaħaq fis-sitwazzjoni fejn huwa jillimita ruħu li joskura l-partijiet jew id-data li tista’ tippreġudika l-interess pubbliku protett.

Applikazzjoni bil-għan li tikseb mill-Bank riċerka fid-databases tiegħu u komunikazzjoni tar-riżultat ta’ din ir-riċerka taqa’ fl-istess kuntest, peress li din tikkostitwixxi, essenzjalment, applikazzjoni għal aċċess parzjali għal dokument.

Peress li l-aċċess parzjali previst fl-Artikolu 4(5) tad-Deċiżjoni 2004/258, huwa soluzzjoni li għandha tiġi adottata meta huwa impossibbli li tintlaqa’ totalment applikazzjoni għal aċċess, il-persuni kkonċernati, li għandhom, bħala prinċipju, dritt ta’ aċċess għall-intier ta’ kull dokument tal-Bank, jistgħu, a fortiori, jitolbu biss aċċess parzjali għal dokument bħal dan. Applikazzjoni bħal din għandha tidentifika b’mod suffiċjenti speċifikament mhux biss id-dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tal-imsemmija deċiżjoni li jammonta għas-suġġett, iżda wkoll il-parti tiegħu li għaliha l-aċċess huwa mitlub.

Fis-sitwazzjoni ta’ applikazzjoni għal aċċess bil-għan li l-Bank iwettaq riċerka f’waħda mid-databases tiegħu skont parametri definiti mill-applikant, dan huwa marbut, suġġett għall-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2004/258, jagħti risposta pożittiva għal din l-applikazzjoni, jekk ir-riċerka mitluba tista’ ssir billi jintużaw l-għodda tar-riċerka disponibbli għal din id-database. Min-naħa l-oħra ma jkunx meħtieġ mill-Bank, permezz ta’ applikazzjoni għal aċċess għad-dokumenti ppreżentati fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 2004/258, li jikkomunika lill-applikant parti jew id-data kollha li tinsab f’wieħed mid-databases tiegħu, ikklassifikati skont skema mhux prevista mill-imsemmija database. Applikazzjoni bħal din effettivament twassal għall-kreazzjoni ta’ “dokument” ġdid u, konsegwentement, ma taqax fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

B’hekk jirriżulta li, fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal aċċess parzjali għal dokument, dak kollu li jista’ jiġi estratt mid-database billi ssir riċerka normali jew ta’ rutina jista’ jammonta għas-suġġett ta’ applikazzjoni għal aċċess imressaq fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 2004/258.

(ara l-punti 138, 144, 146-148, 150, 152, 153)

11.    B’differenza mir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, id-Deċiżjoni 2004/258 dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew ma tipprovdix għall-kreazzjoni mill-Bank ta’ reġistru ta’ dokumenti. L-obbligu li jinħoloq reġistru, previst fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament, għandu bħala għan li jippermetti liċ-ċittadini jgawdu b’mod konkret id-drittijiet tagħhom li jirriżultaw. B’hekk, hemm dubju li d-diffikultà, anki l-impossibbiltà, li jkun jidher element f’dan ir-reġistru tista’ tammonta għal argument suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li huwa ma huwiex dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258.

Fi kwalunkwe każ, l-inklużjoni ta’ database f’reġistru bħal dan, b’referenza għall-informazzjoni prevista fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma tidhirx li tikkawża diffikultajiet partikolari. Din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma teżiġi l-adattament ta’ din l-iskrizzjoni kull darba li data hija miżjuda ma’ din id-database jew li hija titneħħa. Adattament bħal dan huwa l-iktar l-iktar neċessarju fil-każ ta’ modifika kbira tal-kontenut tad-database. L-inklużjoni ta’ database fir-reġistru tista’, min-naħa l-oħra, tkun is-suġġett ta’ aġġornament għal intervalli raġonevoli, sabiex jiġi rifless bl-aħjar mod il-kontenut attwali ta’ din id-database.

(ara l-punti 155, 156)

12.    Ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE għal aġir illegali tal-korpi tagħha hija suġġetta li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-allegat aġir tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu, u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat aġir u d-dannu invokat.

Fir-rigward tal-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet, għandu jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt intiża sabiex tagħti drittijiet lill-individwi. Fir-rigward tar-rekwiżit li l-ksur għandu jkun suffiċjentement serju, il-kriterju deċiżiv li jippermetti li jiġi kkunsidrat li dan ir-rekwiżit huwa ssodisfatt huwa dak tan-nuqqas ta’ osservanza manifesta u gravi, mill-istituzzjoni kkonċernata, tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha. Meta din l-istituzzjoni jkollha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqsa, jew saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju.

F’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni dwar rabta kawżali, l-Unjoni tista’ tiġi miżmuma responsabbli biss tad-dannu li jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir irregolari tal-istituzzjoni kkonċernata. Fir-rigward tad-dannu, dan għandu jkun reali u ċert u li jista’ jiġi evalwat. Min-naħa l-oħra, dannu purament ipotetiku u indeterminat ma jagħtix dritt għal kumpens. Huwa r-rikorrent li għandu jressaq provi sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza u l-portata tad-dannu tiegħu. Barra minn hekk, meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma hijiex issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra.

F’dan il-kuntest, hija prematura talba għad-danni tar-rikorrent ibbażata fuq id-dewmien li jaffettwa d-difiża tat-teżi tiegħu tad-dottorat minħabba rifjut ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li tagħtih aċċess għal ċerti dokumenti tiegħu, dment li dan ir-rifjut ma huwiex l-uniku fattur li wassal għal dan id-dewmien.

(ara l-punti 189-193, 197)

13.    Skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u espożizzjoni sommarja tar-raġunijiet imressqa. Sabiex dawn ir-rekwiżiti jiġu ssodisfatti, rikors bil-għan tal-kumpens għad-danni kkawżati minn istituzzjoni Komunitarja għandu jkollu elementi li jippermettu li jiġi identifikat, b’mod partikolari, id-dannu li r-rikorrent jallega li jkun bata kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu.

(ara l-punt 194)