Language of document : ECLI:EU:C:2021:135

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

25 ta’ Frar 2021 (*)

“Talba għal deċiżjoni preliminari ‑ Rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali ‑ Direttiva 2005/36/KE ‑ Artikolu 4f(6) ‑ Leġiżlazzjoni nazzjonali ‑ Aċċess parzjali għal waħda mill-professjonijiet li jaqgħu taħt il-mekkaniżmu tar-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki professjonali”

Fil-Kawża C‑940/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Diċembru 2019, fil-proċedura

Les chirurgiens-dentistes de France, li kienet l-confédération nationale des syndicats dentaires,

Confédération des syndicats pharmaceutiques de France,

Fédération des syndicats pharmaceutiques de France,

Syndicat des biologistes,

Syndicat des laboratoires de biologie clinique,

Syndicat des médecins libéraux,

Union dentaire,

Conseil national de l’ordre des chirurgiens-dentistes,

Conseil national de l’ordre des masseurs-kinésithérapeutes,

Conseil national de l’ordre des infirmiers,

vs

Ministre des Solidarités et de la Santé,

Ministre de l’Enseignement supérieur, de la Recherche et de l’Innovation,

Premier ministre,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-chirurgiens-dentistes de Franza, il-confédération des syndicats médicaux français, il-fédération des syndicats pharmaceutiques de France, is-syndicat des biologistes, is-syndicat des laboratoires de biologie clinique, is-syndicat des médecins libéraux u l-union dentaire, minn V. Pellegrain, avukat,

–        għall-Conseil national de l’ordre des chirurgiens-dentistes, minn F. Thiriez, avukat,

–        għall-Conseil national de l’ordre des infirmiers, minn O. Smallwood, avukat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn A.‑L. Desjonquères, N. Vincent u A. Daniel, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil kif ukoll minn I. Gavrilová, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch u J. Schmoll, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati u H. Støvlbæk kif ukoll minn C. Vrignon, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal‑1 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4f(6), kif ukoll tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005, L 255, p. 22), kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Novembru 2013 (ĠU 2013, L 354, p. 132), (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2005/36 emendata”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Les chirurgiens-dentistes de France, li kienet il-confédération nationale des syndicats dentaires, il-confédération des syndicats médicaux français, il-fédération des syndicats pharmaceutiques de France, is-syndicat des biologistes, is-syndicat des laboratoires de biologie clinique, is-syndicat des médecins libéraux et l’Union dentaire, kif ukoll il-conseil national de l’ordre des  chirurgiens-dentistes, il-conseil national de l’ordre des masseurs-kinésithérapeutes u l-conseil national de l’ordre des infirmiers (iktar ’il quddiem il-“chirurgiens-dentistes de France et”), u l-Ministru tas-Solidarjetà u s-Saħħa, il-Ministru tal-Edukazzjoni Ogħla, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, kif ukoll il-Prim Ministru, dwar talba għall-annullament ta’ atti regolatorji mmirati lejn ċerti aspetti ta’ aċċess parzjali għall-professjonijiet tas-saħħa.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2013/55

3        Skont il-premessa 1 tad-Direttiva 2013/55, id-Direttiva 2005/36, fil-verżjoni inizjali tagħha, tipprevedi rikonoxximent awtomatiku għal numru limitat ta’ professjonijiet, ibbażat fuq l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ.

4        Il-premessa 7 tad-Direttiva 2013/55 hija fformulata kif ġej:

“(7)      Id-Direttiva 2005/36/KE tapplika biss għal professjonisti li jixtiequ jeżerċitaw l-istess professjoni fi Stat Membru ieħor. Hemm każijiet fejn, fl-Istat Membru ospitanti, l-attivitajiet ikkonċernati jkunu parti minn professjoni b’ambitu ta’ attivitajiet akbar milli fl-Istat Membru ta’ oriġini. Jekk id-differenzi bejn l-oqsma ta’ attività tant ikunu kbar tant li jkun meħtieġ li l-professjonist jagħmel programm sħiħ ta’ edukazzjoni u taħriġ sabiex jikkumpensa għan-nuqqasijiet u jekk il-professjonist jitlob dan, f’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari Stat Membru ospitanti għandu jawtorizza aċċess parzjali. Madankollu, fejn ikun hemm raġunijiet prevalenti ta’ interess ġenerali, kif definiti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-ġurisprudenza tagħha relatata mal-Artikoli 49 u 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u li tista’ tkompli tevolvi, Stat Membru għandu jkun jista’ jiċħad talba għal aċċess parzjali. Dan jista’, b’mod partikolari, ikun il-każ għall-professjonisti tas-saħħa jekk ikollhom implikazzjonijiet marbuta mas-saħħa pubblika jew mas-sikurezza tal-pazjenti. L-għoti ta’ aċċess parzjali għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tas-sieħba soċjali li jorganizzaw irwieħhom”

 Id-Direttiva 2005/36 emendata

5        Il-premessi 1 u 19 tad-Direttiva 2005/36 emendata jipprovdu li:

“(1)      Skond l-Artikolu 3(1)(ċ) tat-Trattat, l-abolizzjoni, bejn l-Istati Membri, ta’ ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi huwa wieħed mill-għanijiet tal-Komunità. Għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri, din tinkludi, b’mod partikolari, id-dritt li wieħed jeżerċita professjoni, għal rasu jew bħala impjegat, fi Stat Membru li mhuwiex dak fejn ikun kiseb il-kwalifiki professjonali tiegħu. Barra minn hekk, l-Artikolu 47(1) tat-Trattat jistabbilixxi li għandhom jiġu ppubblikati direttivi għar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali.

[…]

(19)      Il-libertà tal-moviment u r-rikonoxximent reċiproku tal-provi ta’ kwalifiki formali ta’ tobba, infermiera responsabbli mill-kura ġenerali, tobba dentisti, kirurgi veterinarji, qwiebel, spiżjara u periti għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju fundamentali tar-rikonoxximent awtomatiku tal-provi ta’ kwalifiki formali abbażi ta’ kondizzjonijiet minimi kordinati għat-taħriġ. […]”

6        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għan”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli skond liema Stat Membru li jissoġġetta l-aċċess jew l-eżerċizzju ta’ professjoni regolata fit-territorju tiegħu għall-kondizzjoni ta’ pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘l-Istat Membru ospitanti’) għandu jirrikonoxxi kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru jew aktar (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘l-Istat Membru ta’ l-oriġini’) u li jippermettu li persuna li jkollha dawk il-kwalifiki teżerċita l-istess professjoni hemmhekk, għal aċċess għal u eżerċizzju ta’ dik il-professjoni.

Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll ir-regoli li jikkonċernaw l-aċċess parzjali għal professjoni regolata u r-rikonoxximent ta’ dan it-taħriġ prattiku professjonali li jsir fi Stat Membru ieħor.”

7        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Effetti tar-rikonoxximent”, jipprovdi:

“1.      Ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali mill-Istat Membru ospitanti għandu jippermetti lill-benefiċjarji sabiex, f’dak l-Istat Membru, jaċċedu għall-istess professjoni bħal dik li huma kkwalifikati għaliha fl-Istat Membru ta’ oriġini u sabiex jeżerċitaw din il-professjoni fl-Istat Membru ospitanti bl-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini tiegħu.

2.      Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-professjoni li l-applikant jixtieq li jeżerċita fl-Istat Membru ospitanti hija l-istess bħal dik li huwa kwalifikat fiha fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jekk l-attivitajiet koperti huma paragunabbli.

3.      B’deroga mill-paragrafu 1, aċċess parzjali għal professjoni fl-Istat Membru ospitanti għandu jingħata skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4f.”

8        L-Artikolu 4f tad-Direttiva 2005/36 emendata, intitolat “Aċċess parzjali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tagħti aċċess parzjali, abbażi ta’ kull każ għalih, għal attività professjonali fit-territorju tagħha biss fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

a)      il-professjonist ikun kompletament ikkwalifikat biex jeżerċita fl-Istat Membru ta’ oriġini l-attività professjonali li għaliha jitlob aċċess parzjali fl-Istat Membru ospitanti;

b)      id-differenzi bejn l-attività professjonali mwettqa fl-Istat Membru ta’ oriġini u l-professjoni regolata fl-Istat Membru ospitanti tant huma kbar li l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ kumpens ikunu jirriżultaw fi ħtieġa li l-applikant ilesti l-programm sħiħ ta’ edukazzjoni u taħriġ meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti sabiex ikollu aċċess għall-professjoni regolata sħiħa fl-Istat Membru ospitanti;

c)      l-attività professjonali tista’ tiġi separata b’mod oġġettiv minn attivitajiet oħra li jaqgħu taħt il-professjoni regolata fl-Istat Membru ospitanti.

Għall-fini tal-punt (c), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tqis jekk l-attività professjonali tistax issir b’mod awtonomu fl-Istat Membru ta’ oriġini.

2.      L-aċċess parzjali jista’ jiġi rifjutat jekk tali rifjut ikun ġustifikat minn raġunijiet prevalenti ta’ interess ġenerali, xierqa biex jiġi żgurat li jiintlaħaq l-objettiv mixtieq u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv.

3.      L-applikazzjonijiet għall-fini tal-istabbiliment fi Stat Membru ospitanti għandhom jiġu eżaminati skont il-Kapitoli I u IV tat-Titolu III fil-każ ta’ stabbiliment fl-Istat Membru ospitanti.

4.      L-applikazzjonijiet għall-fini tal-forniment ta’ servizzi temporanji u okkażjonali fl-Istat Membru ospitanti li jikkonċernaw attivitajiet professjonali b’implikazzjonijiet marbuta mas-s-saħħa u s-sikurezza pubblika għandhom jiġu eżaminati skont it-Titolu II.

5.      B’deroga mis-sitt subparagrafu tal-Artikolu 7(4) u l-Artikolu 52(1), l-attività professjonali għandha titwettaq bit-titlu professjonali tal-Istat Membru ta’ oriġini ladarba jingħata aċċess parzjali. L-Istat Membru ospitanti jista’ jeżiġi l-użu ta’ dak it-titlu professjonali fil-lingwi tal-Istat Membru ospitanti. Il-professjonisti li jibbenefikaw minn aċċess parzjali għandhom jindikaw b’mod ċar lir-riċevituri tas-servizzi l-ambitu tal-attivitajiet professjonali tagħhom.

6.      Dan l-Artikolu m’għandux japplika għall-professjonisti li jibbenefikaw minn rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki professjonali tagħhom skont il-Kapitoli II, III u IIIa tat-Titolu III.”

9        Taħt it-Titolu III, Kapitolu III, tad-Direttiva 2005/36 emendata, li jirrigwarda r-“[r]ikonoxximent abbażi ta’ kordinazzjoni ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ taħriġ”, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) ta’ din id-direttiva, intitolat “Prinċipju ta’ rikonoxximent awtomatiku” jipprevedi li “[k]ull Stat Membru għandu jirrikonoxxi bħala provi ta’ kwalifiki formali ta’ tabib li jagħti aċċess għal attivitajiet professjonali ta’ tabib b’taħriġ bażiku u tabib speċjalizzat, bħala infermiera responsabbli mill-kura ġenerali, bħala dentist, bħala dentist speċjalizzat, bħala kirurgu veterinarju, bħala spiżjar u bħala perit, elenkati fl-Anness V, punti 5.1.1, 5.1.2, 5.2.2, 5.3.2, 5.3.3, 5.4.2, 5.6.2 u 5.7.1 rispettivament, dawk il-provi li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ imsemmija fl-Artikoli 24, 25, 31, 34, 35, 38, 44 u 46 rispettivament, u għandu, għall-finijiet ta’ aċċess għal u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali, jagħti dawn il-provi l-istess effett fuq it-territorju tiegħu bħala provi ta’ kwalifiki formali li joħroġ huwa stess.”

 Id-dritt Franċiż

10      L-Artikolu L. 4002‑3 tal-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika jiftaħ l-possibbiltà ta’ aċċess parzjali lill-professjonisti tas-saħħa kollha rregolati mir-raba’ parti tal-istess Kodiċi, inkluż, konsegwentement, il-professjonijiet li għalihom japplika l-mekkaniżmu tar-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki professjonali.

11      Id-Décret du 2 novembre 2017 relatif à la reconnaissance des qualifications professionnelles dans le domaine de la santé (id-Digriet Nru 2017‑1520 tat‑2 ta’ Novembru 2017 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali fil-Qasam tas-Saħħa), ġie maħruġ għall-applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu L. 4002‑3 tal-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika.

12      Id-digrieti tal-Ministeru tas-Solidarjetà u s-Saħħa tal‑4 u t‑8 ta’ Diċembru 2017 meħuda għall-applikazzjoni tad-Digriet Nru 2017‑1520 tat‑2 ta’ Novembru 2017.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13      Permezz ta’ diversi rikorsi, il-kirurgi dentali ta’ Franza ressqu rikors quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), intiż, skont il-każ, għall-annullament, totali jew parzjali, tad-Digriet Nru 2017‑1520 tat‑2 ta’ Novembru 2017, u/jew għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Ministru tas-Solidarjetà u tas-Saħħa tal‑4 ta’ Diċembru 2017 u/jew tat‑8 ta’ Diċembru 2017.

14      Fir-rigward tal-imsemmi digriet, il-chirurgiens-dentistes de France et li kkontestawh sostnew, b’mod partikolari, li l-Artikolu L. 4002‑3 tal-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika, li huwa l-bażi legali ta’ dan id-digriet, kien inkompatibbli, sa fejn japplika għall-professjonijiet ta’ tabib, ta’ kirurgu dentali, ta’ qabla u ta’ infermier, u li jinvalida, flimkien mal-Artikolu 4f(6) tad-Direttiva 2005/36 emendata, b’tali mod li dan l-istess digriet jinkludi, konsegwentement, illegalment fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-professjonijiet li jaqgħu taħt it-Titolu III, Kapitolu III ta’ din id-direttiva.

15      Fir-rigward taż-żewġ deċiżjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ġie sostnut, b’mod partikolari, li huma illegali sa fejn jirrigwardaw il-professjonijiet li jaqgħu taħt it-Titolu III, Kapitolu III tad-Direttiva 2005/36 emendata, peress li dawn il-professjonijiet huma esklużi mill-mekkaniżmu tal-aċċess parzjali previst fl-Artikolu 4f(6) tal-imsemmija direttiva.

16      Skont il-qorti tar-rinviju, peress li d-Digriet Nru 2017‑1520 tat‑2 ta’ Novembru 2017 ġie adottat abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 4002‑3 tal-Kodiċi tas-Saħħa Pubblika, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 4f(6) tad-Direttiva 2005/36 emendata għandux jinftiehem bħala li jipprekludi li Stat Membru jistabbilixxi l-possibbiltà ta’ aċċess parzjali għal waħda mill-professjonijiet li għalihom japplika l-mekkaniżmu tar-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki professjonali previst mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu III, Kapitolu III ta’ din id-direttiva, hija determinanti għas-soluzzjoni tat-tilwima u tippreżenta diffikultà serja. Fir-rigward tal-legalità taż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati, din tiddependi minn dik tal-imsemmi digriet, li jikkostitwixxi l-bażi legali tagħhom.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 4f(6) td-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [emendata] tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali jeskludi li Stat Membru jistabbilixxi l-possibbiltà ta’ aċċess parzjali għal waħda mill-professjonijiet li għalihom jiġi applikat il-mekkaniżmu tar-rikononxximent awtomatiku tal-kwalifiki professjonali previst mid-dispożizzjonijiet tal-Titolu III, Kapitolu III tal-istess direttiva?”

 Fuq id-domanda preliminari

18      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4f(6) tad-Direttiva 2005/36 emendata għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni li tippermetti l-possibbiltà ta’ aċċess parzjali għal waħda mill-professjonijiet li jaqgħu taħt il-mekkaniżmu tar-rikonoxximent awtomatiku ta’ kwalifiki professjonali previst mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu III, Kapitolu III ta’ din id-direttiva.

19      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jirreferixxux għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħhom, dawn għandhom jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll il-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2020, Möbel Kraft, C‑529/19, EU:C:2020:846, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Kif jirriżulta mill-premessa 19 tad-Direttiva 2005/36 emendata, din tipprevedi, fir-rigward tal-kwalifiki ta’ taħriġ mediku, infermiera responsabbli għall-kura ġenerali, ta’ prattikant tad-dentistrija, ta’ veterinarju, ta’ qabla, ta’ spiżjar u ta’ perit, sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku tal-provi ta’ kwalifiki formali bbażata fuq il-koordinazzjoni tal-kundizzjonijiet minimi ta’ taħriġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Ordre des architectes, C‑365/13, EU:C:2014:280, punt 20).

21      Skont l-Artikolu 4f(6) tad-Direttiva 2005/36 emendata, dan l-artiklu ma għandux japplika għall-professjonisti li jibbenefikaw minn rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki professjonali tagħhom konformement mat-Titolu III, Kapitoli II, III u IIIa ta’ din id-direttiva.

22      Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li huma esklużi mill-aċċess parzjali previst fl-Artikolu 4f(1) sa (5) tad-Direttiva 2005/36 emendata l-professjonisti li jibbenefikaw mir-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki professjonali tagħhom skont il-Kapitoli II, III u IIIa tat-Titolu III ta’ din id-direttiva, u mhux il-professjonijiet li huma kkonċernati minn tali rikonoxximent awtomatiku.

23      Il-kliem tal-Artikolu 4f(6) tad-Direttiva 2005/36 emendata jindika għalhekk li jirreferi għal individwi.

24      Tali interpretazzjoni testwali tal-imsemmija dispożizzjoni hija konformi mal-kuntest u mal-għan ta’ din id-direttiva.

25      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li kemm l-oriġini tad-Direttiva 2005/36 kif ukoll l-istruttura ta’ din tal-aħħar jikkonfermaw li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiddistingwi l-użu tal-kliem “professjonijiet” u “professjonisti”.

26      Fil-fatt, minn naħa, mill-eżami tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, filwaqt li l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2005/36, li toriġina mill-Kummissjoni (COM (2011) 883 finali), ma kinitx tinkludi dispożizzjoni bħal dik li tinsab fl-Artikolu 4f(6) attwali tad-Direttiva 2005/36, il-Parlament Ewropew ippropona emenda intiża sabiex teskludi mill-aċċess parzjali l-professjonijiet li jibbenefikaw mir-rikonoxximent awtomatiku.

27      Madankollu, il-kelma “professjonisti” kienet miżmuma wara ftehim bejn l-istituzzjonijiet involuti fil-proċess leġiżlattiv.

28      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-istruttura tar-rikonoxximent awtomatiku, għalkemm l-Artikolu 4f(6) tad-Direttiva 2005/36 emendata jirreferi għall-“professjonisti” li jibbenefikaw minnu, dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva, bħal dawk imsemmija mill-Avukat Ġenerali fil-punt 23 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 tal-konklużjonijiet tiegħu, jipprevedu, għall-kuntrarju, il-“professjonijiet” li jibbenefikaw minnhom jew le.

29      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 7 tad-Direttiva 2013/55, fil-każ ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, Stat Membru għandu jkun f’pożizzjoni li jirrifjuta l-aċċess parzjali, b’mod partikolari għall-professjonijiet tas-saħħa, jekk dawn ikollhom implikazzjonijiet fil-qasam tas-saħħa pubblika jew tas-sigurtà tal-pazjenti. Il-professjonijiet tas-saħħa jinkludu, b’mod partikolari, professjonijiet ikkonċernati bir-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki professjonali, bħal dawk ta’ tabib, infermiera responsabbli mill-kura ġenerali, bħala prattikant tad-dentistrija, ta’ veterinarju, ta’ qabla u ta’ spiżjar, li huma msemmija fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2005/36 emendata u li jibbenefikaw mir-rikonoxximent awtomatiku. Għaldaqstant, il-possibbiltà li l-aċċess parzjali għall-imsemmija professjonijiet jiġi rrifjutat tippreżumi li, bħala prinċipju, l-aċċess parzjali għalihom ma huwiex eskluż.

30      Tali aċċess parzjali jissodisfa, minn naħa, l-għan ġenerali tal-abolizzjoni bejn l-Istati Membri tal-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi, kif stabbilit fil-premessa 1 tad-Direttiva 2005/36. Min-naħa l-oħra, huwa jissodisfa wkoll l-għan iktar speċifiku li jirriżulta mill-premessa 7 tad-Direttiva 2013/55, jiġifieri li jmur lil hinn mid-Direttiva 2005/36, li tapplika biss għall-professjonisti li jixtiequ jeżerċitaw l-istess professjoni fi Stat Membru ieħor, u li tagħti lill-professjonist li jitlob aċċess parzjali meta, fl-Istat Membru ospitanti, l-attivitajiet ikkonċernati jaqgħu taħt professjoni li l-kamp ta’ attività tagħha huwa ikbar milli fl-Istat Membru ta’ oriġini u meta d-differenzi bejn l-oqsma ta’ attività huma tant kbar li huwa neċessarju li jkun meħtieġ li l-professjonist isegwi programm komprensiv ta’ edukazzjoni u taħriġ biex jegħleb in-nuqqasijiet tiegħu.

31      Fin-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ aċċess parzjali għall-professjonijiet tas-saħħa elenkati fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, jiġifieri l-professjonijiet li jinsabu fit-Titolu III, Kapitolu III tad-Direttiva 2005/36 emendata, numru kbir ta’ professjonisti tas-saħħa kkwalifikati fi Stat Membru sabiex jeżerċitaw fih ċerti attivitajiet li jaqgħu taħt waħda mill-imsemmija professjonijiet, iżda li ma jikkorrispondux, fl-Istat Membru ospitanti, għal professjoni eżistenti, jibqgħu jaffaċċjaw ostakoli għall-mobbiltà.

32      Barra minn hekk, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali, fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-awtorizzazzjoni ta’ aċċess parzjali għall-attivitajiet inklużi fil-professjonijiet ikkonċernati mir-rikonoxximent awtomatiku skont, b’mod partikolari, it-Titolu III, Kapitolu III tad-Direttiva 2005/36 emendata, ma hijiex ta’ natura li tippreġudika l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ meħtieġa għal dawn il-professjonijiet, kif stabbilit fil-premessa 1 tad-Direttiva 2013/55.

33      Fil-fatt, mill-Artikolu 4f(5) tad-Direttiva 2005/36 emendata jirriżulta li l-attivitajiet awtorizzati fil-kuntest tal-aċċess parzjali għal professjoni rregolata huma eżerċitati taħt it-titolu professjonali tal-Istat Membru ta’ oriġini, tradott, jekk ikun il-każ, fil-lingwi tal-Istat Membru ospitanti, u bil-kundizzjoni li l-professjonist ikkonċernat jindika b’mod ċar lid-destinatarji tas-servizzi l-kamp tal-attivitajiet professjonali tiegħu. Barra minn hekk, il-fatt li persuna tkun awtorizzata biss sabiex teżerċita parti mill-attivitajiet inklużi fi professjoni kkonċernata minn rikonoxximent awtomatiku ma jikkontestax is-sistema stabbilita minn din id-direttiva u li tipprovdi li huma biss il-persuni li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ meħtieġa minn din tal-aħħar għal professjoni kkonċernata minn rikonoxximent awtomatiku li jistgħu effettivament jibbenefikaw minn tali rikonoxximent u jeżerċitaw it-totalità tal-attivitajiet li tali professjoni tinkludi.

34      Għaldaqstant, l-Artikolu 4f(6) tad-Direttiva 2005/36 emendata jimplika, kif sostniet essenzjalment il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-professjonisti li jibbenefikaw mir-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki professjonali tagħhom skont, b’mod partikolari, it-Titolu III, Kapitolu III ta’ din id-direttiva, għandhom aċċess għall-attivitajiet kollha koperti mill-professjoni korrispondenti fl-Istat Membru ospitanti u li għalhekk ma humiex ikkonċernati mill-aċċess parzjali. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma timplikax li l-professjonijiet imsemmija fl-imsemmi Titolu III, Kapitolu III, ma humiex ikkonċernati mill-aċċess parzjali.

35      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 4f(6) tad-Direttiva 2005/36 emendata għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni li tippermetti l-possibbiltà ta’ aċċess parzjali għal waħda mill-professjonijiet li jaqgħu taħt il-mekkaniżmu tar-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki professjonali previst mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu III, Kapitolu III ta’ din id-direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

36      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 4f(6) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013, ma jipprekludix Stat Membru milli jipprovdi għal aċċess parzjali lil waħda mill-professjonijiet koperti mill-mekkaniżmu tar-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki professjonali stabbilit mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu III, Kapitolu III ta’ dik id-direttiva kif emendata.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.