Language of document : ECLI:EU:F:2013:111

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

2 ta’ Lulju 2013

Kawża F‑64/12 DEP

Guillermo Martinez Erades

vs

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

“Servizz pubbliku — Proċedura — Intaxxar tal-ispejjeż”

Suġġett:      Talba għal intaxxar tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru skont l-Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura, li permezz tagħha G. Martinez Erades ressaq din it-talba għal intaxxar tal-ispejjeż quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

Deċiżjoni:      L-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru minn G. Martinez Erades mingħand is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna b’rabta mal-Kawża F‑64/12 huwa ta’ EUR 5 700, flimkien mal-VAT dovuta fuq din is-somma. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha sostnuti taħt din il-proċedura għal intaxxar tal-ispejjeż.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Kunċett — Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet — Produzzjoni ta’ dokumenti ta’ sostenn ta’ natura li jistabbilixxu kemm huma l-ispejjeż

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

2.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Kunċett — Taxxa fuq il-valur miżjud — Inklużjoni fil-każ ta’ persuna mhux taxxabbli

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 91(b))

3.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Spejjeż sostnuti taħt il-proċedura għal intaxxar tal-ispejjeż — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 86 u 92)

1.      Skont l-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-ispejjeż li jistgħu jinġabru huma limitati, minn naħa, għal dawk sostnuti għall-finijiet tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, min-naħa l-oħra, għal dawk li kienu indispensabbli għal dawn il-finijiet.

Ċertament, huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi dokumenti ta’ sostenn ta’ natura li jistabbilixxu kemm huma l-ispejjeż li tagħhom huwa jitlob il-ħlas lura, iżda minn dan jista’ jiġi dedott li avukat ippreżenta r-rikors u ressaq att ta’ rinunzja għall-atti wara li sar ftehim bejn il-partijiet li dan l-avukat effettivament wettaq atti u servizzi neċessarji għall-finijiet tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddetermina liema ammont tal-ispejjeż li tagħhom qed jintalab il-ħlas mill-avukat ta’ parti jistgħu jinġabru mingħand il-parti li ssostni l-ispejjeż.

(ara l-punti 16, 20 u 21)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Novembru 2009, X vs Il‑Parlament, F‑14/08 DEP, punt 21; 8 ta’ Novembru 2011, U vs Il‑Parlament, F‑92/09 DEP, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata; 22 ta’ Marzu 2012, Brune vs Il‑Kummissjoni, F‑5/08 DEP, punt 19

2.      Rikorrent li ma huwiex suġġett għat-taxxa fuq il-valur miżjud ma għandux il-possibbiltà li jiġbor it-taxxa mħallsa fuq is-servizzi ffatturati mill-avukat tiegħu. B’hekk, it-taxxa fuq il-valur miżjud eventwalment imħallsa fuq l-onorarji meqjusa indispensabbli tirrappreżenta għalih spejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedura fis-sens tal-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

(ara l-punt 28)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Lulju 2004, De Nicola vs BĊE, T‑7/98 DEP, T‑208/98 DEP u T‑109/99 DEP, punt 37

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 25 ta’ Ottubru 2012, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni, F‑50/09 DEP, punt 31

3.      L-Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dwar il-proċedura ta’ kontestazzjoni fuq l-ispejjeż ma jipprevedix, b’differenza għall-Artikolu 86 tal-imsemmi regolament, li għandha tingħata deċiżjoni fuq l-ispejjeż fis-sentenza li fiha d-digriet jagħlaq l-istanza. Fil-fatt, li kieku, skont l-Artikolu 92 tar-Regoli tal-Proċedura, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu jiddeċiedi dwar il-kontestazzjoni tal-ispejjeż ta’ istanza prinċipali u, separatament, dwar l-ispejjeż ġodda sostnuti fil-kuntest ta’ din l-aħħar kontestazzjoni, huwa jkun jista’, jekk ikun il-każ, jiġi adit ulterjorment b’kontestazzjoni ġdida tal-ispejjeż ġodda.

Għaldaqstant ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni separata dwar l-ispejjeż u onorarji sostnuti għall-finijiet tal-proċedura ta’ intaxxar tal-ispejjeż quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Madankollu, huwa t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, meta jistabbilixxi l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, li għandu jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sal-mument tal-adozzjoni tad-digriet ta’ intaxxar tal-ispejjeż.

(ara l-punti 33 sa 35)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 12 ta’ Diċembru 2012, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, F‑12/10 DEP, punt 49; U vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65