Language of document :

Appell ippreżentat fit-8 ta’ Marzu 2024 minn Air France-KLM u Société Air France mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) fl-20 ta’ Diċembru 2023 fil-Kawża T-216/21, Ryanair u Malta Air vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-192/24 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Air France-KLM, Société Air France (rappreżentanti: J. Derenne, D. Vallindas, avukati, A. Álvarez Vidal, avukata)

Partijiet oħra fil-proċedura: Ryanair DAC, Malta Air ltd., Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tagħmel użu mis-setgħa tagħha taħt it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddeċiedi definittivament il-kawża u tiċħad it-talba għal annullament imressqa fil-Kawża T-216/21;

sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa l-motivi li ma ġewx indirizzati; u

tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż ta’ din l-istanza fil-każ li tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali, jew tikkundanna lil Ryanair DAC u Malta Air ltd. għall-ispejjeż tal-appell u għal dawk tal-ewwel istanza, fil-każ li tiddeċiedi definittivament il-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali applikat kriterju żbaljat għad-determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna f’grupp ta’ kumpanniji u, għalhekk, ikkonkludiet b’mod żbaljat li Air France-KLM Holding u s-sussidjarji tagħha, inkluża KLM u s-sussidjarji tagħha, ma setgħux jiġu esklużi mill-benefiċċju tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni.

It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha tad-determinazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna mingħajr ma stabbilixxiet b’mod xieraq żball manifest ta’ evalwazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata 1 tal-Kummissjoni Ewropea.

It-tielet aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tagħha tal-kunċetti ta’ vantaġġ indirett u effetti sekondarji fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2983 final tal-4 ta’ Mejju 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.57082 (2020/N) – Franza – COVID-19 – Qafas Temporanju 107(3)(b) – Garanzija u self minn azzjonist għall-benefiċċju ta’ Air France, kif ikkoreġuta bid-Deċiżjonijiet C(2020) 9384 final tas-17 ta’ Diċembru 2020, u C(2021) 5701 final tas-26 ta’ Lulju 2021.