Language of document : ECLI:EU:T:2017:372

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

1 ta’ Ġunju 2017 *

* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż. – Importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġina miċ-Ċina – Modifika tad-dazju antidumping definittiv – Reviżjoni interim parzjali – Status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq – Nefqiet fuq l-inputs maġġuri li jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq – Bdil fiċ-ċirkustanzi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq – Drittijiet tad-difiża – Artikolu 20(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009”

Fil-Kawża T‑442/12,

Changmao Biochemical Engineering Co. Ltd, stabbilita fi Changzhou (iċ-Ċina), irrappreżentata minn E. Vermulst, S. van Cutsem, F. Graafsma u J. Cornelis, avocats,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Boelaert, bħala aġent, assistita inizjalment minn G. Berrisch, avocat, u minn N. Chesaites, barrister, sussegwentement minn G. Berrisch u minn B. Byrne, solicitor, u finalment minn N. Tuominen, avocat,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn M. França u A. Stobiecka-Kuik, sussegwentement minn M. França u J.-F. Brakeland, bħala aġenti,

u minn
Distillerie Bonollo SpA, stabbilita fi Formigine (l-Italja),

Industria Chimica Valenzana SpA, stabbilita fi Borgoricco (l-Italja),

Distillerie Mazzari SpA, stabbilita fi Sant’Agata sul Santerno (l-Italja),

Caviro Distillerie Srl, stabbilita fi Faenza (l-Italja),

u

Comercial Química Sarasa, SL, stabbilita fi Madrid (Spanja), irrappreżentati minn R. MacLean, solicitor,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 626/2012, tas-26 ta’ Ġunju 2012, li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni [tal-Kunsill] (UE) Nru 349/2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2012, L 182, p. 1), sa fejn dan japplika għar-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins (Relatur), President, M. Kancheva u R. Barents, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        L-aċidu tartariku jintuża fil-produzzjoni tal-inbid u ta’ xarbiet oħrajn bħala additiv fl-ikel u fix-xorb u bħala ritardant fil-ġibs u fi prodotti oħra. Fl-Unjoni Ewropea u kif ukoll fl-Arġentina, l-aċidu tartariku L+ huwa mmanifatturat minn prodott sekondarju tal-produzzjoni tal-inbid, imsejħa karfa tal-inbid, li tiġi ttrasformata f’tartrat tal-kalċju u, sussegwentement f’aċidu tartariku. Fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-aċidu tartariku L+ u l-aċidu tartariku DL huma mmanifatturati mill-benżen, li jiġi ttrasformat f’anidride malejika, u sussegwentement f’aċidu malejiku u, fl-aħħar nett f’aċidu tartariku. L-aċidu tartariku mmanifatturat permezz ta’ sinteżi kimika għandu l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi u huma intiż għall-istess użi bażiċi bħal dak immanifatturat minn prodotti sekondarji tal-produzzjoni tal-inbid. B’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali magħmula waqt is-seduta, il-partijiet ikkonfermaw li l-aċidu tartariku DL kien prodott biss fiċ-Ċina.

2        Fl-24 ta’ Settembru 2004, quddiem il-Kummissjoni Ewropea tressaq ilment dwar prattiki ta’ dumping fis-settur tal-aċidu tartariku, liema lment tressaq minn diversi produtturi Ewropej, fosthom Comercial Química Sarasa, SL, Distillerie Mazzari SpA u Industria Chimica Valenzana SpA.

3        Fit-30 ta’ Ottubru 2004, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ ftuħ ta’ proċedura antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2004, C 267, p. 4).

4        Fis-27 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 1259/2005, li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2005, L 200, p. 73).

5        Fit-23 ta’ Jannar 2006, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament (KE) Nru 130/2006 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2008, L 334M, p. 755).

6        Wara l-pubblikazzjoni, fl-4 ta’ Awwissu 2010, ta’ avviż tal-iskadenza imminenti ta’ ċerti miżuri anti-dumping (ĠU 2010, C 211, p. 11), il-Kummissjoni rċiviet, fis‑27 ta’ Ottubru 2010, talba għal reviżjoni tal-iskadenza ta’ dawn il-miżuri, imressqa minn Caviro Distillerie Srl, Comercial Química Sarasa, Distillerie Bonollo SpA, Distillerie Mazzari u Industria Chimica Valenzana.

7        Fis-26 ta’ Jannar 2011, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-Kummissjoni ppubblikat l-avviż ta’ tnedija ta’ reviżjoni ta’ skadenza u ta’ reviżjoni tal-miżuri tal-antidumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2011, C 24, p. 14), skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).

8        Fid-9 ta’ Ġunju 2011, il-ħames kumpanniji msemmija fil-punt 6 hawn fuq ressqu talba għal reviżjoni interim parzjali dwar żewġ produtturi-esportaturi, fosthom ir-rikorrenti, Changmao Biochemical Engineering Co. Ltd, skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

9        Fid-29 ta’ Lulju 2011, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ bidu ta’ reviżjoni parzjali interim tal-miżuri tal-anti-dumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2011, C 223, p. 16), konformement mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

10      Fl-1 ta’ Awwissu 2011, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti kwestjonarju u formularju ta’ talba għall-benefiċċju tal-istatus ta’ impriża li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija fis-suq (iktar ’il quddiem “SES”). Ir-rikorrenti bagħtet it-talba tagħha lill-Kummissjoni fis-26 ta’ Awwissu 2011, u l-kwestjonarju debitament mimli fl-1 ta’ Settembru 2011.

11      Fit-3 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti talba għal informazzjoni. B’mod partikolari, hija talbitha tipprovdi provi li l-prezzijiet tal-materji primi tagħha kienu jirriflettu l-valuri tas-suq, peress li s-sors tal-materja prima inkwistjoni kien iż-żejt mhux raffinat, jiġifieri prodott ikkummerċjalizzat fis-swieq mondjali.

12      Fis-17 ta’ Ottubru 2011, ir-rikorrenti rrispondiet għat-talba tal-Kummissjoni, u dan billi ppreċiżat li benżen li hija kienet tuża kien derivat tal-kokk u mhux taż-żejt mhux raffinat u billi pprovdiet dijagramma li turi l-prezzijiet ta’ xiri tagħha tal-benżen immanifatturat mill-kokk kif ukoll dijagramma li turi l-prezz tal-benżen tal-kokk fit-tramuntana tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Hija żiedet li l-prezz ta’ xiri tagħha tal-benżen kien jirrifletti l-valuri tas-suq Ċiniż.

13      Fl-14 u fil-15 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni wettqet żjara ta’ verifika fil-bini tar-rikorrenti.

14      Fl-1 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti n-notifika tagħha fir-rigward tat-talba għas-SES, fejn kienet tinformaha biċ-ċaħda ta’ din it-talba kif ukoll bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom kienet ibbażata din iċ-ċaħda. B’mod partikolari, in-notifika kienet tindika li, skont ir-rikorrenti, il-benżen li hija kienet tuża kien immanifatturat mill-kokk u mhux miż-żejt mhux raffinat. Barra minn hekk, in-notifika kienu turi li l-benżen kien jirrappreżenta l-maġġor parti tal-ispiża tal-materji primi, li min-naħa tagħhom dawn kienu jirrappreżentaw kważi nofs l-ispiża tal-produzzjoni tal-aċidu tartariku. Għalhekk, skont in-notifika, kull distorsjoni tal-prezz tal-benżen kellha impatt sinjifikattiv fuq l-ispiża tal-produzzjoni tal-aċidu tartariku fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Fl-aħħar nett, in-notifika kienet turi li l-prezz tal-benżen fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina kien minn 19 % sa 51 % orħos milli fl-Ewropa u fl-Istati Uniti.

15      Fit-13 ta’ Frar 2012 ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni l-kummenti tagħha dwar in-notifika msemmija fil-punt 14 hawn fuq, fejn b’mod partikolari allegat li d-dazju ta’ 40 % fuq l-esportazzjonijiet tal-benżen kien issostitwit minn dazju temporanju ta’ 0 %. Barra minn hekk, ir-rikorrenti insistiet fuq il-fatt li l-benżen li hija kienet tuża kien prodott mill-kokk u li, għaldaqstant, il-paragun tal-prezzijiet tal-benżen imwettaq mill-Kummissjoni kien inkorrett peress li fl-Ewopa u fl-Istati Uniti l-benżen kien prodott miż-żejt mhux raffinat.

16      Fil-11 ta’ April 2012, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti d-dokument ta’ informazzjoni finali bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom hija kellha l-intenzjoni tirrakkomanda l-modifika tal-miżuri antidumping fis-seħħ, konformement mal-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku, kif ukoll dokument li jipprovdi dettalji dwar il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping tar-rikorrenti. B’mod partikolari, id-dokument ta’ informazzjoni kien juri li d-dazju ta’ 40 % fuq l-esportazzjonijiet ta’ benżen kien ġie ssostitwit minn dazju temporanju ta’ 0 %. Madankollu, dan kien jikkonkludi li r-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tispjega l-prezz baxx tal-benżen fis-suq Ċiniż. F’dan ir-rigward, id-dokument ta’ informazzjoni finali kien jirrileva l-eżistenza ta’ differenza fil-prezz tal-benżen ta’ minn 19 % sa 51 % bejn ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u pajjiżi oħra b’ekonomija tas-suq kif ukoll l-assenza ta’ rimbors tas-17 % taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq l-esportazzjonijiet ta’ benżen.

17      Fis-16 ta’ April 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implementazzjoni (KE) Nru 349/2012, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU 2012, L 110, p. 3).

18      Fil-25 ta’ April 2012, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni l-kummenti tagħha dwar id-dokument ta’ informazzjoni finali, fejn b’mod partikolari talbitha tipprovdilha informazzjoni addizzjonali li tikkonċerna l-metodoloġija użata sabiex ħadmet il-valur normali. Barra minn hekk, fl-istess jum, hija bagħtet proposta ta’ impenn fuq il-prezz intiż li jelimina d-dumping, konformement mall-kliem tal-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku.

19      Wara l-proċedura ta’ reviżjoni interim parzjali li tikkonċerna lir-rikorrenti u lil produttur-esportatur ieħor, fis-26 ta’ Ġunju 2012 il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 626/2012, li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 349/2012 (ĠU 2012, L 182, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”).

20      Essenzjalment, ir-regolament ikkontestat jiċħad is-SES lir-rikorrenti u, wara l-istabbiliment tal-valur normali abbażi tal-informazzjoni kkomunikata minn produttur li kkoopera fil-pajjiż analogu, iżid id-dazju antidumping applikabbli għall-prodotti mmanifatturati minnha minn 10.1 % għal 13.1 %. Barra minn hekk, ir-regolament ikkontestat jiċħad l-impenn fuq il-prezz offrut mir-rikorrenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrenti ppreżentat din l-azzjoni.

22      Permezz ta’ atti ddepożitati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 u fil-31 ta’ Jannar 2013, Caviro Distillerie, Comercial Química Sarasa, Distillerie Bonollo, Distillerie Mazzari u Industria Chimica Valenzana (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji intervenjenti”), minn naħa, u l-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, talbu li jintervjenu fil-proċedura preżenti, u dan insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

23      Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Marzu 2013, il-President tal-Ewwel Awla awtorizza l-intervent tal-Kummissjoni, u dan filwaqt li ppreċiża li, peress li t-talba għal intervent tagħha kienet tressqet wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, hija kienet awtorizzata tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha abbażi tar-rapport tas-seduta, li kien se jiġi kkomunikat lilha, waqt il-proċedura orali.

24      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla, u konsegwentement din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla.

25      Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Mejju 2015, il-President tat-Tmien Awla awtorizza l-intervent tal-kumpanniji intervenjenti.

26      Il-kumpanniji intervenjenti ppreżentaw in-nota ta’ intervent tagħhom fl-4 ta’ Awwissu 2015. Il-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din in-nota fit-termini mogħtija.

27      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ikkontestat sa fejn jikkonċernaha;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

28      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

29      Il-kumpanniji intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż sostnuti minnhom.

 Id-dritt

30      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku u, il-ħames wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku u tad-drittijiet tad-difiża.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku

 L-argumenti tal-partijiet

31      Ir-rikorrenti ssostni li r-regolament ikkontestat jikser l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku sa fejn dan jikkonkludi li l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq ma kinux jipprevalu għaliha. Ir-rikorrenti ssostni li hija pprovdiet provi suffiċjenti li d-deċiżjonijiet kummerċjali tagħha kienu ttieħdu skont is-sinjali tas-suq li jirriflettu l-provvista u d-domanda u mingħajr intervent sinjifikattiv tal-Istat u li n-nefqiet fuq l-inputs maġġuri kienu jirriflettu sostanzjalment il-valur tas-suq. B’mod partikolari, hija wriet li d-deċiżjonijiet tagħha ta’ xiri ta’ materji primi kienu ttieħdu mingħajr l-inqas intervent tal-Istat dwar il-kwantitajiet jew il-prezzijiet. Hija żżid li, skont ir-regolament ikkontestat, hija kienet tosserva l-kundizzjonijiet previsti mit-tieni sal-ħames inċiżi tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

32      Mill-premessa 18 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kunsill ibbaża r-rifjut tiegħu fuq il-fatt li l-prezz ta’ ċerti materji primi huwa distort, b’mod partikolari dak tal-benżen u tal-anidrida malejika.

33      Qabelxejn ir-rikorrenti tippreċiża li hija ma tixtrix anidrida malejika, iżda li hija tipproduċiha hija stess mill-benżen tal-kokk. Għaldaqstant, id-distorsjonijiet ikkonstatati fil-prezz ta’ din l-ewwel materja prima huma irrilevanti.

34      Fir-rigward tal-prezz tal-benżen, hija tirrileva li l-Kunsill ibbaża l-konklużjoni tiegħu fuq tliet argumenti, jiġifieri l-eżistenza ta’ differenza ta’ bejn 19 % u 51 %, li ma ġietx spjegata, bejn il-prezzijiet tas-suq intern Ċiniż u l-prezzijiet ipprattikati f’pajjiżi oħra b’ekonomija tas-suq, l-eżistenza ta’ dazju fuq l-esportazzjoni fuq il-benżen ta’ 40 % u l-assenza ta’ rimbors tas-17 % VAT fuq l-esportazzjoni tal-benżen.

35      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill injora li d-differenza fil-prezz ta’ bejn 19 % u 51 % kienet dovuta għall-fatt li l-ispiża tal-faħam, li huwa l-materja prima użata għall-produzzjoni tal-benżen tal-kokk fiċ-Ċina, kienet inferjuri għal dik taż-żejt mhux raffinat, li huwa l-materja prima użata fl-Ewropa u fl-Istati Uniti, hekk kif hija kienet sostniet matul il-proċedura amministrattiva. Ir-regolament ikkontestat allegatament ippreżuppona, b’mod żbaljat, li l-materja prima tal-benżen mixtri mir-rikorrenti kienet iż-żejt mhux raffinat, kif dan jirriżulta b’mod partikolari mit-talba għal kjarifikazzjonijiet tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2011.

36      Barra minn hekk, fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-argument tal-Kunsill li skontu proċess ta’ arbitraġġ kellu jelimina d-differenzi fil-prezz tressaq għall-ewwel darba fir-risposta u la jidher fir-regolament ikkontestat u lanqas fid-dokumenti tal-investigazzjoni.

37      It-tieni nett, ir-rikorrenti tosserva li r-regolament ikkontestat b’mod żbaljat jindika li kienu jeżistu dazji ta’ 40 % fuq l-importazzjonijiet ta’ benżen filwaqt li dan id-dazju kien jikkonċerna l-esportazzjonijiet. Fi kwalunkwe każ, hija wriet li l-allegata taxxa fuq l-esportazzjoni ma kinitx fis-seħħ matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni minħabba l-eżistenza parallela ta’ rata temporanja ta’ 0 %, hekk kif ir-regolament ikkontestat stess jirrikonoxxi.

38      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-assenza ta’ rimbors tas-17 % VAT fuq l-esportazzjoni ta’ benżen ma tikksotitwixxix indħil Statali sinjifikattiva, fis-sens tar-Regolament bażiku. Skont il-ġurisprudenza, ir-Regolament bażiku jirrikjedi li l-intervent Statali jkun sinjifikattiv, effettiv u dirett. Dan għaldaqstant jippermetti ċertu livell ta’ intervent min-naħa tal-Istat. Hija żżid li dawn il-kundizzjonijiet ma kinux issodisfatti f’dan il-każ peress li hija baqgħet libera tixtri benżen importat minn diversi fornituri u bi prezzijiet innegozjati mingħajr indħil Statali. Fi kwalunkwe każ, l-assenza ta’ rimbors tal-VAT fuq l-esportazzjonijiet ta’ benżen setgħet tiġġustifika aġġustament tal-valur normali, kif seħħ matul l-investigazzjoni inizjali u fi proċeduri antidumping oħrajn, minflok ma twassal għaċ-ċaħda tas-SES.

39      Fir-replika, ir-rikorrenti tirrileva li, fin-notifika dwar it-talba għas-SES tal-1 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni indikat li hija ma kinitx tissodisfa l-kriterju inkwistjoni, u dan minħabba l-eżistenza ta’ “intervent sinjifikattiv tal-Istat” fis-suq tal-benżen. Għaldaqstant, il-Kummissjoni u l-Kunsill (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, l-“istituzzjonijiet”) ibbażaw ruħhom fuq il-kriterju stabbilit fl-ewwel parti tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, u mhux fuq dak stabbilit fit-tieni parti tal-imsemmija dispożizzjoni. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza ċċitata mill-Kunsill fir-rigward ta’ din il-kwistjoni hija rrilevanti.

40      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

41      Preliminarjament għandu jingħad li, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, b’deroga mir-regoli stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 6 tal-istess artikolu, il-valur normali huwa, fil-prinċipju, iddeterminat abbażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq. Għalhekk, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex jiġi evitat it-teħid inkunsiderazzjoni tal-prezzijiet u tal-ispejjeż fis-seħħ fil-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, sa fejn dawn il-parametri ma humiex ir-riżultat normali tal-forzi li jaġixxu fis-suq (ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group, C‑337/09 P, EU:C:2012:471, punt 66).

42      Madankollu, skont il-paragrafu (7)(b) tal-imsemmi artikolu, fil-każ tal-investigazzjonijiet antidumping li jirrigwardaw l-importazzjonijiet li joriġinaw minn xi pajjiż li ma għandux ekonomija taas-suq li huwa membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), fosthom ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-valur normali jrid jiġi stabbilit skont l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku, jekk ikun muri, abbażi ta’ talbiet issostanzjati kif xieraq, minn produttur wieħed jew iktar li jkunu suġġetti għall-investigazzjoni u skont il-kriterji u l-proċeduri stabbiliti fl-istess paragrafu 7(ċ), illi jipprevalu l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq għal dan il-produttur jew dawn il-produtturi fir-rigward tal-manifatturar u l-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat.

43      Barra minn hekk, il-metodu għad-determinazzjoni tal-valur normali ta’ prodott previst fl-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku huwa eċċezzjoni għall-metodu speċifiku previst għal dan il-għan fl-Artikolu 2(7)(a) tal-imsemmi regolament, peress illi dan tal-aħħar huwa, bħala regola ġenerali, applikabbli fil-każ ta’ importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi li m’għandhomx ekonomija tas-suq. Skont ġurisprudenza stabbilita sew, kull deroga jew eċċezzjoni minn regola ġenerali għandha tiġi interpretata b’mod strett (sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, T‑35/01, EU:T:2004:317, punt 50, u tal-10 ta’ Ottubru 2012, Shanghai Biaowu High-Tensile Fastener u Shanghai Prime Machinery vs Il-Kunsill, T‑170/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:531, punt 76).

44      Skont l-Artikolu 2(7)(ċ), kull produttur li jixtieq jibbenefika minn dawn ir-regoli għandu jġib provi suffiċjenti, bħal dawk imsemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni, li juru li huwa jopera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-produttur‑esportatur li jixtieq jibbenefika mis-SES (sentenza tat-18 ta’ Marzu 2009, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, T‑299/05, EU:T:2009:72, punt 83). Huma l-Kunsill u l-Kummissjoni li għandhom jevalwaw jekk il-provi fornuti mill-produttur-esportatur ikkonċernat humiex biżżejjed sabiex juru li l-kriterji imposti fl-imsemmi Artikolu 2(7)(ċ) humiex issodisfatti sabiex jingħatalu l-benefiċċju tas-SES.

46      Għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, b’mod partikolari fir-rigward tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u legali li għandhom jeżaminaw. Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali evalwazzjoni, dan għandu għalhekk ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati biex issir l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ abbuż ta’ poter [sentenzi tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 63, u tal-11 ta’ Settembru 2014, Gem-Year Industrial u Jinn-Well Auto-Parts (Zhejiang) vs Il-Kunsill, C‑602/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2203, punt 48].

47      Huwa paċifiku li, f’dan il-każ, il-benefiċċju tas-SES ġie miċħud lir-rikorrenti sempliċiment minħabba li hija ma kinitx stabbilixxiet li hija kienet tissodisfa l-kriterju stabbilit fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, filwaqt li l-kriterji l-oħra ġew ikkunsidrati bħala ssodisfatti.

48      Skont l-imsemmi l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ), il-produttur għandu jippreżenta provi suffiċjenti ta’ natura li tistabbilixxi li d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-inputs, pereżempju tal-materji primi, tat-teknoloġija, tax-xogħol, tal-produzzjoni, tal-bejgħ u tal-investimenti, jittieħdu billi jiġu kkunsidrati s-sinjali tas-suq li jirriflettu l-provvista u d-domanda u mingħajr intervent sinjifikattiva mill-Istat f’dak ir-rigward u li n-nefqiet fuq l-inputs maġġuri jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq.

49      Din id-dispożizzjoni għaldaqstant tistabbilixxi, minn naħa, kundizzjoni doppja fir-rigward ta’ ċerti deċiżjonijiet kummerċjali tal-produttur u, min-naħa l-oħra, kundizzjoni dwar in-nefqiet fuq l-inputs maġġuri (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group, C‑337/09 P, EU:C:2012:471, punt 73). L-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija intiża li jiġi vverifikat jekk id-deċiżjonijiet rilevanti tal-produtturi-esportaturi kkonċernati humiex iggwidati minn kunsiderazzjonijiet purament kummerċjali, xierqa għal impriża li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq, jew jekk dawn humiex distorti minn kunsiderazzjonijiet oħra, speċifiċi għall-ekonomiji tal-Istat (sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2009, Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group vs Il-Kunsill, T‑498/04, EU:T:2009:205, punt 88). Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar il-fatt li n-nefqiet fuq l-inputs maġġuri jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq, il-ġurisprudenza stabbilixxiet li hija kellha tinftiehem bħala li tirreferi għal suq fejn id-determinazzjoni tal-prezzijiet ma ġietx distorta minn interventi Statali [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2014, Gem-Year Industrial u Jinn-Well Auto-Parts (Zhejiang) vs Il-Kunsill, C‑602/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2203, punt 52; tal-10 ta’ Ottubru 2012, Shanghai Biaowu High‑Tensile Fastener u Shanghai Prime Machinery vs Il-Kunsill, T‑170/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:531, punti 74 u 77, u tal-10 ta’ Ottubru 2012, Gem-Year u Jinn-Well Auto-Parts (Zhejiang) vs Il-Kunsill, T‑172/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:532, punti 119 u 120].

50      F’dan il-każ, hekk kif issostni r-rikorrenti mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Kunsill, il-konstatazzjoni dwar il-prezz tal-anidride malejika tikkonċerna biss il-produttur-esportatur l-ieħor li huwa suġġett għall-proċedura ta’ reviżjoni interim u mhux ir-rikorrenti. Għalhekk, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rifjut li s-SES jingħata lir-rikorrenti ma kienx ibbażat fuq din il-kunsiderazzjoni.

51      Mill-premessa 18 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li s-SES ġie miċħud lir-rikorrenti, u dan abbażi ta’ provi li jindikaw li l-prezz tal-materja prima bażika, il-benżen, kien distort. Dwar dan il-punt, l-ewwel nett, ir-regolament ikkontestat jirrileva li paragun bejn il-prezzijiet tas-suq intern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, bl-użu tal-prezz tax-xiri ta’ wieħed mill-produtturi li kkooperaw bħala sors, u l-prezzijiet ipprattikati f’pajjiżi oħra b’ekonomija tas-suq wera differenza ta’ bejn 19 % u 51 % matul il-perijodu tal-investigazzjoni. It-tieni nett, ir-regolament ikkontestat jirrileva li r-Repubblika Popolari taċ-Ċina kienet timponi dazju fuq l-importazzjoni fuq il-benżen ta’ 40 %, iżda li dan ma kienx fis-seħħ matul il-perijodu tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li r-riferiment għal dazju fuq l-importazzjoni jikkostitwixxi żball tal-pinna, bħalma jirrikonoxxu l-partijiet, li żelaq għall-ewwel darba fid-dokumenti li jinsabu fil-fajl amministrattiv u, iktar preċiżament, fid-dokument ta’ informazzjoni finali u li huwa barra minn hekk irripetut mir-rikorrenti fil-kummenti tagħha dwar dan id-dokument tal-25 ta’ April 2012. It-tielet nett, ir-regolament ikkontestat jikkonstata li r-Repubblika Popolari taċ-Ċina ma kinitx tirrimborsa s-17 % VAT fuq l-esportazzjoni ta’ benżen.

52      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif isostni huwa stess, fir-regolament ikkontestat, il-Kunsill ibbaża r-rifjut tiegħu fuq il-kundizzjoni dwar in-nefqiet tal-inputs maġġuri, prevista fit-tieni parti tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, u mhux fuq dik dwar id-deċiżjonijiet tal-impriżi, prevista fl-ewwel parti tal-imsemmija dispożizzjoni. Dan jirriżulta mill-qari tar-regolament ikkontestat fil-kuntest tiegħu, fid-dawl tan-natura taċ-ċirkustanzi identifikati għaċ-ċaħda tas-SES, tal-formulazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku u tad-dokumenti kollha li jiffurmaw il-fajl amministrattiv. Minkejja li n-notifika relattiva għat-talba għal SES tagħmel riferiment għal intervent sinjifikattiv tal-Istat, hija żżid li l-prezzijiet tal-benżen ma kinux jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq. Barra minn hekk, id-dokument ta’ informazzjoni finali tal-Kummissjoni kkonstata l-eżistenza ta’ distorsjonijiet fil-prezz tax-xiri tal-materji primi, b’mod partikolari l-benżen.

53      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li r-regolament ikkontestat ikkonkluda mhux li l-Istat kien intervjena b’mod sinjifikattiv fid-deċiżjonijiet tar-rikorrenti li jikkonċernaw l-inputs tagħha, fis-sens tal-ewwel parti tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, iżda li n-nefqiet tal-inputs maġġuri tar-rikorrenti ma kinux jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq, peress li dan kien distort, fis-sens tat-tieni parti tal-imsemmi artikolu.

54      Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata insostenn ta’ dawn l-argumenti, intiżi li juru li d-deċiżjonijiet kummerċjali tagħha li jikkonċernaw ix-xiri tal-materji primi kienu ġew adottati mingħajr intervent Statali sinjifikattiv, effettiv u dirett, għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

55      F’dak li jikkonċerna l-elementi rrilevati fil-premessa 18 tar-regolament ikkontestat fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar in-nefqiet tal-inputs, jiġifieri dik li ġiet applikata effettivament, l-ewwel nett hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni, id-differenza fil-prezz minn 19 % sa 51 % tal-materja prima bażika, jiġifieri l-benżen, tista’ tikkostitwixxi indizju importanti li l-imsemmija kundizzjoni ma hijiex issodisfatta.

56      Ir-rikorrenti tispjega din id-differenza fil-prezz permezz tal-fatt li l-benżen immanifatturat mill-kokk jiswa inqas mill-benżen immanifatturat miż-żejt mhux raffinat. Hija żżid li r-regolament ikkontestat sempliċement injora din il-ġustifikazzjoni.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li n-notifika relattiva għat-talba għal SES tal-1 ta’ Frar 2012 jindika b’mod espress li l-istituzzjonijiet ħadu nota ta’ dan l-argument. F’dan il-kuntest, il-premessa 20 tar-regolament ikkontestat isostni li r-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tispjega l-prezz baxx tal-benżen fis-suq tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina meta mqabbel ma’ dan il-prezz f’pajjiżi oħra li għandhom ekonomija tas-suq. Moqri f’dan il-kuntest, ir-regolament ikkontestat għandu jiġi interpretat bħala li jikkonkludi li l-element fattwali mressaq mir-rikorrenti ma kienx biżżejjed sabiex jispjega d-differenza fil-prezz inkwistjoni.

58      Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ dan r-rikors, il-Kunsill, sostnut mill-kumpanniji intervenjenti, żied li l-benżen kien prodott bażiku omoġenju, li l-benżen taż-żejt mhux raffinat u dak tal-kokk ma kinux ta’ kwalità differenti li kienet tiġġustifika differenza fil-prezz u li, f’suq mhux distort, arbitraġġ kellu jwassal sabiex jinħoloq bilanċ bejn il-prezzijiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u dawk ta’ pajjiżi oħra li għandhom ekonomija tas-suq. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma hemm ebda raġuni għaliex l-argument li jikkonċerna l-proċess ta’ arbitraġġ tal-prezz għandu jiġi miċħud bħala tardiv, peress li dan kien impliċitu fir-raġunament adottat fir-regolament ikkontestat, li huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ differenzi fil-prezz bejn diversi reġjuni tad-dinja mhux iġġustifikati mir-rikorrenti.

59      Għandu jitfakkar li, hekk kif ġie indikat fil-punti 44 u 45 hawn fuq, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-produttur-esportatur li jixtieq jibbenefika mis-SES. Għaldaqstant, kienet ir-rikorrenti li kellha tagħti prova b’mod konlużiv li l-benżen taż-żejt mhux raffinat u dak tal-kokk kellhom karatteristiċi u proprjetajiet differenti li jiġġustifikaw din id-differenza fil-prezz jew li kienu jeżistu raġunijiet oħra li jiġġustifikaw id-differenza fil-prezz bejn dawn ir-reġjuni. Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti llimitat ruħha li tinvoka sempliċement id-differenza fil-materja prima għall-immanifatturar tal-benżen, li huwa prodott bażiku li l-karatteristiċi ma jvarjawx skont il-materja użata għall-produzzjoni tiegħu, mingħajr ma pprovdiet il-ġustifikazzjonijiet u l-provi meħtieġa sabiex turi li hija setgħet tibbenefika mis-SES.

60      Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti dwar id-differenza fil-prezz tal-benżen identifikata mir-regolament ikkontestat għandhom jiġu miċħuda.

61      It-tieni nett, fir-rigward tad-dazju fuq l-esportazzjonijiet, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-regolament ikkontestat jikkonstata li d-dazju ta’ 40 % kien temporanjament sospiż. Għaldaqstant, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk l-eżistenza ta’ dazju temporanjament sospiż huwiex element li fih innifsu jista’ jkollu effett dissważiv fuq l-esportazzjonijiet bħalma jsostnu l-kumpanniji intervenjenti, għandu jiġi rrilevat li r-regolament ikkontestat ma kienx ibbażat fuq dan l-element preċiżament minħabba s-sospensjoni tad-dazju.

62      It-tielet nett, ir-regolament ikkontestat seta’, u dan mingħajr ma jitwettaq ebda żball, iqis li l-assenza ta’ rimbors tas-17 % VAT fuq l-esportazzjonijiet ta’ benżen kien element li jista’ jikkontribwixxi għad-distorsjoni tal-prezz tal-benżen fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Fil-fatt, huwa evidenti li dan l-intervent statali għandu l-konsegwenza li jirrendi inqas attraenti l-esportazzjoni ta’ benżen mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u, għaldaqstant, jikkontribwixxi sabiex il-prezz tax-xiri tal-benżen fis-suq Ċiniż jitbaxxa artifiċjalment.

63      Barra minn hekk, għar-raġunijiet indikati fil-punti 52 sa 54 hawn fuq, l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-allegat rekwiżit ta’ intervent Statali sinjifikattiv, effettiv u dirett għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi. Minbarra dan, u kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-assenza ta’ rimbors tas-17 % VAT fuq l-esportazzjonijiet ma tistax titqies bħala intervent Statali mhux sinjifikattiv fuq il-prezz tax-xiri tal-benżen fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

64      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku

 L-argumenti tal-partijiet

65      Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li r-regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, sa fejn iċ-ċirkustanzi ma nbidlux b’mod sinjifikattiv u dewwiemi bejn l-investigazzjoni inizjali, li fi tmiemha s-SES kien ingħata, u r-reviżjoni interim, li fi tmiemha dan l-istatus ġie miċħud.

66      B’riferiment għall-premessa 34 tar-regolament ikkontestat, ir-rikorrenti tqis li l-arguent ibbażat fuq id-distorsjonijiet tal-prezz tal-benżen kien żbaljat peress li l-Kunsill, b’mod żbaljat, kien injora li l-benżen mixtri minnha kien prodott mill-kokk u mhux miż-żejt mhux raffinat. Barra minn hekk hija tirrileva li, fi kwalunkwe każ, id-dazju fuq l-esportazzjoni ta’ benżen ta’ 40 % kien ġie ssostitwit minn dazju ta’ 0 % bejn l-2007 u l-2011, u għaldaqstant inkluż matul il-perijodu tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni.

67      Il‑Kunsill, sostnut mill‑kumpanniji intervenjenti, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

68      Skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, il-bżonn taż-żamma tal-miżuri tista’ tiġi riveduta, jekk dan ikun ġustifikat, fuq it-talba tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru jew, sakemm ikun għadda perijodu raġonevoli ta’ mill-inqas sena mill-impożizzjoni tal-miżura definittiva, fuq it-talba ta’ esportatur, ta’ importatur jew tal-produtturi tal-Unjoni li jkun fiha biżżejjed provi li jissostanzjaw il-bżonn għal reviżjoni interim.

69      Reviżjoni interim għandha tinbeda meta t-talba jkun fiha provi biżżejjed li ż-żamma tal-miżura ma għadhiex neċessarja sabiex tagħmel tajjeb għad-dumping u/jew li d-dannu x’aktarx ma jitkompliex jew ma jerġax iseħħ li kieku l-miżura kellha titneħħa jew tiġi modifikata, jew li l-miżura eżistenti mhix, jew ma għadhiex, suffiċjenti sabiex tagħmel tajjeb għad-dumping li jkun qiegħed jikkawża d-dannu.

70      Waqt l-investigazzjonijiet imwettqa fil-kuntest ta’ reviżjoni interim, il-Kummissjoni tista’, fost oħrajn, teżamina jekk iċ-ċirkustanzi li jikkonċernaw id-dumping u d-dannu tbiddlux b’mod sinjifikattiv jew jekk il-miżuri eżistenti pproduċewx l-effetti maħsuba u eliminawx id-dannu stabbilit qabel konformement mal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku. Għal dawn l-għanijiet, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi kollha rilevanti u debitament issostanzjati fid-determinazzjoni finali.

71      F’dan il-każ, il-punt C 7 tar-regolament ikkontestat, li jikkonċerna d-dumping, huwa intitolat “In-natura permanenti [dewwiema] taċ-ċirkostanzi mibdula”. B’mod iktar preċiż, il-premessa 34 tar-regolament ikkontestat jindika li, b’teħid inkunsiderazzjoni tar-raġunijiet ta’ rifjut li jingħata s-SES, seta’ jitqies li l-konklużjonijiet tar-reviżjoni kienu ta’ natura dewwiema. Huwa jżid li l-provi kienu juru li d-distorsjoni tal-prezz tal-benżen fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina kienet teżisti qabel il-perijodu ta’ reviżjoni u li xejn ma kien jippermetti li wieħed jikkonkludi li l-gvern ta’ dak l-Istat se jneħħi dik id-distorsjoni.

72      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tidher li qiegħda tallega li l-iżbalji ta’ liġi invokati fil-kuntest tal-ewwel motiv jikkostitwixxu, bħala konsegwenza, ksur tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, sa fejn iċ-ċirkustanzi ma nbidlux b’mod sinjifikattiv u dewwiemi, peress li hija kellha tibbenefika mis-SES. Skont dan il-qari, id-deċiżjoni dwar it-teni motiv għandha tkun identika għal dik fir-rigward tal-ewwel wieħed.

73      Madankollu, it-tieni motiv iqajjem kwistjoni distinta, li hija dik dwar jekk, fil-kuntest ta’ reviżjoni interim, l-istituzzjonijiet għandhomx jikkonstataw bidla oġġettiva fiċ-ċirkustanzi fattwali jew jekk dawn jistgħux iwettqu evalwazzjoni differenti abbażi ta’ ċirkustanzi eżistenti minn qabel fid-dawl ta’ argumenti ġodda u provi miġjuba mill-partijiet.

74      Minkejja l-fatt li t-titolu tal-punt C 7 tar-regolament ikkontestat jagħmel riferiment għal bidla fiċ-ċirkustanzi, mill-qari tal-premessa 34 tiegħu kif ukoll mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kunsill fil-kuntest tat-tilwima preżenti jirriżulta li, essenzjalment, hija l-evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet li nbidlet, u mhux iċ-ċirkustanzi oġġettivi li fuqhom din l-evalwazzjoni ġiet ibbażata. Fil-fatt, l-imsemmija premessa tirrikonoxxi li d-distorsjoni tal-prezz tal-benżen kienet teżisti qabel il-perijodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni. Barra minn hekk, xejn fir-regolament ikkontestat ma jissuġġerixxi li l-politika ta’ assenza ta’ rimbors tal-VAT fuq l-esportazzjoni ta’ benżen ġiet introdotta wara l-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali. Barra minn hekk, indipendentement mir-rilevanza, għal dawn il-finijiet, tad-dazju ta’ 40 % fuq l-esportazzjoni tal-benżen, li l-Kunsill jikkontesta, ir-rikorrenti tirrileva li dan id-dazju ġie sospiż sa mill-2007, u dan mingħajr ma ġiet kontradetta dwar dan il-punt.

75      Għaldaqstant, il-Kunsill jidher li bidel l-evalwazzjoni tiegħu minkejja li ċ-ċirkustanzi sottostanti mhux neċessarjament inbidlu. Ir-regolament ikkontestat iqis li ċ-ċirkustanzi li jirrigwardaw id-distorsjoni tal-prezz tal-benżen huma ta’ natura dewwiema, u dan jiġġustifika l-modifika tal-miżuri fis-seħħ. Il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi jekk, fid-dawl ta’ dan, ir-regolament ikkontestat kisirx l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

76      Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, wieħed għandu josserva li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku u tar-regolamenti li għandhom għan simili adottati qablu ġew modifikati b’mod sinjifikattiv f’dak li jikkonċerna b’mod partikolari l-proċedura ta’ reviżjoni. Per eżempju, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3017/79, tal-20 ta’ Diċembru 1979, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ “dumping” jew ta’ sussidji minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunitá Ekonomika Ewropea (ĠU 1979, L 339, p. 1), ir-regolamenti li jimponu dazji antidumping “għandhom ikunu suġġetti għal reviżjoni, jekk ikun meħtieġ”. Skont il-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni, meta r-reviżjoni tkun teħtieġ, il-miżuri għandhom jiġu modifikati, imħassra jew annullati. Madankollu, l-imsemmija dispożizzjoni ma tippreċiżax f’liema ċirkustanzi tali modifika hija meħtieġa.

77      Sussegwentement, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2176/84, tat-23 ta’ Lulju 1984, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1984, L 201, p. 1), kien jindika li reviżjoni għandha ssir fuq it-talba ta’ Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni. Issa, reviżjoni għandha ssir ukoll meta parti interessata tagħmel talba għaliha, sakemm hija “tippreżenta provi ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-ħtieġa ta’ din ir-reviżjoni” u li tkun għaddiet tal-inqas sena mill-konklużjoni tal-investigazzjoni. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu kien jillimita ruħu li sempliċement jindika li l-miżuri għandhom jiġu modifikati meta r-reviżjoni tkun teħtieġ dan, mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra.

78      Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2176/84, il-ġurisprudenza indikat li l-proċedura ta’ reviżjoni kienet applikabbli fil-każ ta’ evoluzzjoni tad-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Frar 1987, Continentale Produkten Gesellschaft Erhardt-Renken vs Il-Kummissjoni, 312/84, EU:C:1987:94, punt 11) jew ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi, meta r-reviżjoni sseħħ fuq it-talba ta’ parti interessata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1990, Sermes, C‑323/88, EU:C:1990:299, punti 16 u 17). Abbażi ta’ din l-istess dispożizzjoni ġie deċiż li l-proċedura ta’ reviżjoni setgħet tiġi ġġustifikata biss permezz ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi, meta r-reviżjoni ssir fuq talba minn parti interessata (sentenza tal-1 ta’ April 1993, Findling Wälzlager, C‑136/91, EU:C:1993:133, punt 15), kif jirriżulta mill-formulazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni.

79      L-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), introduċa dispożizzjoni li l-formulazzjoni tagħha hija identika għal dik tal-Artikolu 11(3) attwali tar-Regolament bażiku.

80      Huwa b’riferiment għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 78 hawn fuq, minkejja li l-kawża inkwistjoni kienet tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 384/96, li l-formulazzjoni tiegħu hija differenti minn dik tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2176/84, li ġie deċiż li l-proċedura ta’ reviżjoni kellha l-għan li taġġusta d-dazji imposti sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tal-elementi li wasslu għalihom u għaldaqstant ippreżupponiet il-modifika ta’ dawn l-elementi (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2000, Medici Grimm vs Il-Kunsill, T‑7/99, EU:T:2000:175, punt 82). Dan huwa spjegat mill-partikolaritajiet tal-kuntest fattwali tal-kawża ineżami. Fil-fatt, f’din il-kawża, sitt ġimgħat biss wara l-pubblikazzjoni tar-regolament inizjali li jistabbilixxi dazju antidumping, il-Kummissjoni ppubblikat avviż li stieden lill-produtturi-esportaturi jippreżentaw elementi li jiġġustifikaw, b’mod eċċezzjonali, il-ftuħ ta’ reviżjoni interim antiċipata. Sussegwentement, hija bagħtet kwestjonarji li jikkonċernaw l-istess perijodu tal-investigazzjoni inizjali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ppruvat tistabbilixxi jekk kienx hemm bdil fiċ-ċirkustanzi li seta’ jimmotiva reviżjoni mill-istituzzjonijiet u kkonkludiet li l-għan ta’ din il-proċedura kien esklużivament li jippermetti lill-impriżi li ma kinux ipparteċipaw fil-proċedura inizjali li jiksbu trattament individwali (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2000, Medici Grimm vs Il-Kunsill, T‑7/99, EU:T:2000:175, punt 83). Għaldaqstant, f’dan il-każ, ma twettqitx reviżjoni tal-miżuri fis-seħħ iżda twettaq ftuħ mill-ġdid tal-proċedura inizjali (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2000, Medici Grimm vs Il-Kunsill, T‑7/99, EU:T:2000:175, punt 85).

81      Għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza sussegwenti dwar l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 384/96 u l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku kienet tikkonċerna l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ bidla sinjifikattiva fiċ-ċirkustanzi, filwaqt li żiedet li tali bidla kellha tkun dewwiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 2009, MTZ Polyfilms vs Il-Kunsill, T‑143/06, EU:T:2009:441, punt 41; tas-17 ta’ Diċembru 2010, EWRIA et vs Il‑Kummissjoni, T‑369/08, EU:T:2010:549, punti 81 u 94, u tat-28 ta’ April 2015, CHEMK u KF vs Il-Kunsill, T‑169/12, EU:T:2015:231, punt 48, ikkonfermata fl-appell permezz ta’ digriet tad-9 ta’ Ġunju 2016, CHEMK u KF vs Il-Kunsill, C‑345/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:433, punti 29 sa 32).

82      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-proċedura ta’ reviżjoni huma l-istituzzjonijiet li għandhom iwettqu mhux biss analiżi retrospettiva tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni meqjusa, sa mill-istabbiliment tal-miżura definittiva inizjali, sabiex tiġi evalwata l-ħtieġa taż-żamma ta’ din il-miżura jew tal-modifika tagħha bl-għan li tagħmel tajjeb għad-dumping li jikkawża d-dannu, iżda wkoll analiżi prospettiva tal-evoluzzjoni probabbli tas-sitwazzjoni, sa mill-adozzjoni tal-miżura ta’ reviżjoni, sabiex jiġi evalwat l-impatt probabbli ta’ tneħħija jew ta’ modifika tal-imsemmija miżura (sentenza tat-18 ta’ Settembru 2014, Valimar, C‑374/12, EU:C:2014:2231, punt 55, u digriet tad-9 ta’ Ġunju 2016, CHEMK u KF vs Il-Kunsill, C‑345/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:433, punt 31).

83      Fid-dawl ta’ dak suespost, l-istituzzjonijiet, fil-kuntest tal-analiżi retrospettiva u prospettiva li għandhom iwettqu għall-finijiet tar-reviżjoni, jistgħu jibdlu l-evalwazzjoni tagħhom taċ-ċirkustanzi. B’mod partikolari għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku jindika li l-istituzzjonijiet jistgħu, “inter alia”, jeżaminaw mhux biss jekk iċ-ċirkustanzi nbidlux b’mod sinjifikattiv, iżda wkoll jekk il-miżuri eżistenti pproduċewx l-effetti maħsuba u eliminawx id-dannu stabbilit preċedentement. Minn dan jirriżulta li l-imsemmija dispożizzjoni espliċitament tammetti li l-istituzzjonijiet jistgħu jaslu għall-konklużjoni li l-miżuri inizjalment adottati ma kinux suffiċjenti sabiex jagħmlu tajjeb għad-dumping li kkawża d-dannu, kuntrarjament għal dak li kienu qiesu inizjalment, u li, għaldaqstant, dawn il-miżuri għandhom jiġu modifikati. Barra minn hekk, l-espressjoni “inter alia” tindika li l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku ma jipprovdix lista eżawrjenti tal-kwistjonijiet li jistgħu jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ reviżjoni interim, lil hinn mill-bidla sinjifikattiva taċ-ċirkustanzi u mill-produzzjoni tal-effetti maħsuba mill-miżuri. Barra minn hekk, l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku jżid li, “[f]’dan il-każ, għandu jingħata każ, fid-determinazzjoni finali, ta’ l-evidenza kollha rilevanti u dokumentata kif suppost”. Konsegwentement, l-istituzzjonijiet jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni kull prova pprovduta sussegwentement, anki jekk din tkun tirrigwarda ċirkustanzi oġġettivi li ma nbidlux sa mill-investigazzjoni inizjali.

84      Fil-fatt, ikun illoġiku li l-istituzzjonijiet ikunu obbligati japplikaw l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku b’mod li rriżulta żbaljat fid-dawl tal-provi ppreżentati fil-kuntest tar-reviżjoni interim sempliċement għaliex tali applikazzjoni twettqet fl-investigazzjoni inizjali. Tali konlużjoni tkun iktar u iktar illoġika għaliex, skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku, reviżjoni interim biss jippermetti l-modifika tal-miżuri, filwaqt li reviżjoni tal-miżuri li se jiskadu tista’ twassal biss għat-tħassir tagħhom jew għaż-żamma tagħhom.

85      F’dan il-każ, l-evalwazzjoni mwettqa mir-regolament ikkontestat ġiet ibbażata fuq ċirkustanzi fattwali ta’ natura dewwiema u mhux temporanji, b’mod partikolari fuq id-distorsjoni tal-prezz tal-benżen u l-assenza ta’ rimbors tas-17 % VAT fuq l-esportazzjoni ta’ benżen. Bħalma l-Kunsill sostna ġustament, huwa seta’ jikkunsidra b’mod leġittimu li d-distorsjoni tal-prezz tal-benżen fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina kienet dewwiema għaliex ma kinitx teżisti indikazzjoni waħda li din kienet se titneħħa. Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jikkonċerna d-diversi materji primi użati għall-immanifatturar tal-benżen fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, jiġifieri l-kokk minflok iż-żejt mhux raffinat, peress li hija ma wrietx li l-benżen taż-żejt mhux raffinat u dak tal-kokk kellhom proprjetajiet differenti li jiġġustifikaw dik id-differenza fil-prezz, kif ġie indikat fil-punti 58 u 59 hawn fuq. F’dak li jikkonċerna d-dazju fuq l-esportazzjoni ta’ benżen ta’ 40 %, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-regolament ikkontestat jillimita ruħu li sempliċement josserva li dan kien ġie ssostitwit minn dazju ta’ 0 % matul il-perijodu inkwistjoni. Fid-dawl ta’ dak suespost, hemm lok li jiġi konkluż li r-regolament ikkontestat ma jmurx kontra l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

86      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

87      Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li r-regolament ikkontestat jikser l-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE kif ukoll mill-Artikolu 6(7), l-Artikolu 11(3), l-Artikolu 14(2) u l-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku. Essenzjalment, hija ssostni li r-regolament ikkontestat naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni wħud mill-argumenti tagħha jew, tal-inqas, ma indikax ir-raġunijiet taċ-ċaħda tagħhom.

88      Il‑Kunsill, sostnut mill‑kumpanniji intervenjenti, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

89      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu iżda fid-dawl ukoll tal-kuntest tiegħu u tat-totalità tar-regoli legali li jirregolaw il-materja kkonċernata (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Eurocoton et vs Il-Kunsill, C‑76/01 P, EU:C:2003:511, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      Barra minn hekk, ġie deċiż li l-Kunsill ma huwiex obbligat jagħti motivazzjoni speċifika, fir-regolament li jimponi dazju antidumping definittiv, għall-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-diversi argumenti mressqa mill-partijiet matul il-proċedura amministrattiva. Huwa biżżejjed li dan ir-regolament ikun fih ġustifikazzjoni ċara tal-elementi prinċipali li, f’dan il-każ, ittieħdu inkunsiderazzjoni fl-analiżi tiegħu tal-kwistjoni dwar jekk in-nefqiet fuq l-inputs maġġuri tagħhom jirriflettux sostanzjalment il-valuri tas-suq, peress li din il-ġustifikazzjoni tista’ tindika r-raġunijiet li għalihom il-Kunsill warrab l-argumenti rilevanti invokati taħt dan l-aspett mill-partijiet waqt il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1999, Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, T‑33/98 u T‑34/98, EU:T:1999:330, punt 151).

91      Madankollu, il-motivazzjoni ta’ att għandha tidher fil-parti prinċipali stess tiegħu u, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, ma tistax tirriżulta mill-ispjegazzjonijiet bil-miktub jew orali mogħtija sussegwentement, waqt li dan ikun diġà s-suġġett ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni (sentenza tal-20 ta’ Mejju 2015, Yuanping Changyuan Chemicals vs Il-Kunsill, T‑310/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:295, punt 174).

92      F’dan il-każ, mill-premessa 18 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li t-talba għal SES tar-rikorrenti ġiet miċħuda minħabba l-fatt li l-prezz tax-xiri tagħha ta’ benżen kien distort u ma kienx jirrifletti sostanzjalment il-valuri tas-suq. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, ir-regolament ikkontestat irrileva tliet elementi, hekk kif jirriżulta mill-punt 51 iktar ’il fuq, jiġifieri l-eżistenza ta’ differenza kunsiderevoli fil-prezzijiet tal-benżen fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u f’pajjiżi oħra b’ekonomija tas-suq, l-eżistenza ta’ dazju fuq l-esportazzjonijiet tal-benżen, anki jekk dan ġie sospiż, u n-nuqqas ta’ rimbors tal-VAT fuq l-esportazzjonijiet tal-benżen. Il-premessa 20 tar-regolament ikkontestat iżid li, minkejja li r-rikorrenti kkontestat il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tispjega l-prezz baxx tal-benżen fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

93      Minn dan jirriżulta li r-regolament ikkontestat josserva r-rekwiżiti tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kif dan ġie interpretat mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 89 sa 91 hawn fuq. Fil-fatt, ir-regolament ikkontestat espona l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li kienu ta’ bażi għall-konklużjonijiet tiegħu, minkejja li dan ma fih ebda motivazzjoni speċifika dwar l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva, b’mod partikolari dwar it-tliet elementi msemmija hawn fuq.

94      L-ewwel nett, fir-regolament ikkontestat, il-Kunsill ikkonkluda li r-rikorrenti ma kinitx spjegat b’mod validu d-differenza fil-prezzijiet tal-benżen ikkonstatata fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u f’pajjiżi oħra b’ekonomija tas-suq, b’mod partikolari fl-Ewropa u fl-Istati Uniti, minkejjja l-ispjegazzjoni pprovduta li skontha l-benżen tagħha kien immanifatturat mil-kokk u mhux miż-żejt mhux raffinat.

95      Fid-dawl tal-kuntest u tal-istruttura tar-regolament ikkontestat, dan jimplika li, skont dan tal-aħħar, ir-rikorrenti ma tatx il-prova li l-benżen immanifatturat miż-żejt mhux raffinat u dak immanifatturat mill-kokk ma kinux prodotti paragunabbli jew li kien hemm raġunijiet oħra li jispjegaw id-differenza fil-prezz bejn dawn iż-żewġ prodotti fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u f’pajjiżi oħra b’ekonomija tas-suq. Għaldaqstant, hekk kif il-Kunsill sostna ġustament, l-oġġezzjoni dwar l-arbitraġġ tal-prezz kienet impliċita fir-raġunament adottat fir-regolament ikkontestat.

96      It-tieni nett, ir-regolament ikkontestat jillimita ruħu li sempliċement jikkonstata l-eżistenza ta’ dazju fuq l-esportazzjonijiet tal-benżen li kien sospiż matul il-perijodu tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni, kif tallega r-rikorrenti, mingħajr madankollu ma tislet minnu konklużjonijiet speċifiċi. Għaldaqstant, ir-regolament ikkontestat ma jistax jiġi kkritikat għal nuqqas ta’ motivazzjoni jew għal allegata kontradizzjoni dwar dan il-punt.

97      It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li n-nuqqas ta’ rimbors tal-VAT fuq l-esportazzjonijiet ta’ benżen ma kienx jikkostitwixxi intervent sinjifikattiv tal-Istat, dan huwa ineffettiv, hekk kif jirriżulta mill-punti 52 sa 54 u 63 hawn fuq, u b’hekk il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat li fir-regolament ikkontestat ma esponiex ir-raġunijiet għar-rifjut tiegħu.

98      Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, il-motivazzjoni pprovduta mir-regolament ikkontestat jippermetti lill-Qorti Ġenerali tevalwa b’mod sħiħ il-fondattezza tiegħu, kif jirriżulta mill-analiżi tal-ewwel motiv.

99      Peress li, fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tinvoka wkoll il-ksur tal-Artikolu 6(7), tal-Artikolu 11(3), tal-Artikolu 14(2), u tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku, mingħajr madankollu ma tipprovdi argumenti suffiċjentement ċari u preċiżi insostenn ta’ din it-teżi, hemm lok li wieħed jistaqsi dwar l-ammissibbiltà tiegħu fid-dawl tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kif interpretat mill-ġurisprudenza (sentenza tat-28 ta’ Jannar 2009, Centro Studi Manieri vs Il-Kunsill, T‑125/06, EU:T:2009:19, punt 71).

100    Fi kwalunkwe każ, jekk wieħed jippreżupponi li dawn l-ilmenti għandhom jitqiesu bħala ammissibbli, fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 6(7) tar-Regolament bażiku għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tobbliga lill-istituzzjonijiet jieħdu inkunsiderazzjoni l-kummenti ta’ produttur-esportatur bħar-rikorrenti sa fejn dawn ikunu ssostanzjati suffiċjentement. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma timplikax li l-istituzzjonijiet għandhom jikkonkludu li dawn il-kummenti huma fondati. F’dan il-każ, fil-premessa 20 tiegħu, ir-regolament ikkontestat jieħu nota tal-fatt li r-rikorrenti kkontestat il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, b’mod partikolari min-notifika relatata mat-talba għal SES jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet speċifikament inkunsiderazzjoni l-argument tar-rikorrenti dwar il-fatt li l-benżen li hija kienet tuża kien prodott mill-kokk u mhux miż-żejt mhux raffinat. Minkejja dan, ir-regolament ikkontestat jikkonkludi li ma kienx possibbli għar-rikorrenti li tispjega l-prezz baxx tal-benżen fis-suq tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6(7) tar-Regolament bażiku għandu jiġi miċħud.

101    L-istess jgħodd għall-allegat ksur tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. Sa fejn l-ilment tar-rikorrenti jista’ jiġi interpretat bħala li huwa bbażat fuq li r-regolament ikkontestat ma ħax inkunsiderazzjoni l-provi rilevanti u debitament issostanzjati kollha fil-kuntest tar-reviżjoni interim, huwa biżżejjed li b’analoġija wieħed jirreferi għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 100 hawn fuq sabiex dan l-ilment jiġi miċħud. Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-provi kollha rilevanti mhux neċessarjament jimplika li l-pretensjonijiet ta’ parti jintlaqgħu abbażi tal-provi prodotti minnha.

102    Fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament bażiku, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-regolament ikkontestat fih sommarju tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet essenzjali li jikkonċernaw id-determinazzjoni tad-dumping, b’mod partikolari fil-premessi 15 sa 35 tiegħu. Għalhekk dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

103    Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-allegat ksur tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 20 tar-regolament ikkontestat kif ukoll skont in-notifika dwar it-talba għal SES u d-dokument ta’ informazzjoni fnali, ir-raġuni li għaliha l-provi u l-argumenti pprovduti mir-rikorrenti ġew miċħuda kienet li, minkejja dawn, din tal-aħħar ma setgħetx tispjega l-prezz baxx tal-benżen fis-suq tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Għalhekk, hemm ukoll lok li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku jiġi miċħud.

104    Għaldaqstamt, fid-dawl tas-suespost, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku

 L-argumenti tal-partijiet

105    Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. Hija tallega li, filwaqt li l-kwistjoni dwar jekk hija kinitx tissodisfa l-kriterji li jippermettulha tibbenefika mis-SES kellha tiġi deċiża fi tliet xhur mill-ftuħ tal-investigazzjoni, f’dan il-każ dan it-terminu kien ta’ sitt xhur.

106    Hija ssostni li, li kieku r-risposta għal din id-domnda kienet ingħatat fit-terminu ta’ tliet xhur, ir-regolament ikkontestat u d-dazji antidumping setgħu kienu differenti. F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha li tiċħad is-SES fuq informazzjoni miksuba waqt verifiki fuq il-post li twettqu wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-prezz tax-xiri tal-benżen. Għaldaqstant, hija tqis li, li kieku d-deċiżjoni kienet ġiet adottata fit-terminu previst, ir-riżultat kien ikun li s-SES kien jingħatalha, peress li f’dak il-mument l-istituzzjonijiet ma kellhomx l-informazzjoni dwar il-prezz tax-xiri tal-benżen, li kienet fundamentali sabiex ir-rifjut li jingħatalha dan l-istatus ikollu bażi.

107    Barra minn hekk, hija tirrileva li l-kwistjonijiet dwar l-allegat dazju fuq l-esportazzjoni tal-benżen u dwar l-assenza ta’ rimbors tal-VAT qamu wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur, hekk kif allegatament jirriżulta mill-fajl amministrattiv.

108    Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li, li kieku l-marġni ta’ dumping kien ġie kkalkolat abbażi tal-informazzjoni li hija kienet ipprovdiet, dan kien ikun sinjifikattivament iktar baxx minn dak stabbilit mir-regolament ikkontestat.

109    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, it-terminu ta’ tliet xhur għandu l-għan li jiżgura li l-kwistjoni dwar jekk il-produttur-esportatur jissodisfax il-kriterji li jippermettu li wieħed jibbenefika mis-SES ma tiġix deċiża abbażi tal-effett tagħha fuq il-kalkolu tad-dazji antidumping, iżda f’dan il-każ dan it-terminu ma ġiex osservat.

110    Il‑Kunsill, sostnut mill‑kumpanniji intervenjenti, jikkontesta l‑argumenti tar‑rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

111    Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti f’din il-każ, il-kwistjoni ta’ jekk il-produttur jissodisfax il-kriterji msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi deċiża fi żmien tliet xhur mill-ftuħ tal-investigazzjoni, wara konsultazzjoni speċifika mal-kumitat konsultattiv u wara li l-industrija tal-Unjoni tkun ingħatat l-opportunità tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Is-soluzzjoni magħżula tibqa fis-seħħ matul l-investigazzjoni kollha.

112    Fid-29 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni ppubblikat l-avviż ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ reviżjoni interim parzjali, skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, it-terminu ta’ tliet xhur kien jiskadi fid-29 ta’ Ottubru 2011. Issa, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti n-notifika tagħha dwar it-talba għal SES fl-1 ta’ Frar 2012.

113    Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku ma fih ebda indikazzjoni dwar il-konsegwenzi ta’ qbiż tat-terminu ta’ tliet xhur mill-Kummissjoni. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, kull qbiż ta’ dan it-terminu mill-Kummissjoni ma jwassalx awtomatikament għall-annullament tar-regolament adottat sussegwentement (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2009, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, T‑299/05, EU:T:2009:72, punti 115 u 116, u tal-10 ta’ Ottubru 2012, Ningbo Yonghong Fasteners vs Il-Kunsill, T‑150/09, mhux ippubblikat, EU:T:2012:529, punt 53).

114    Barra minn hekk, billi l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku jipprevedi eċċezzjoni għall-metodu ta’ determinazzjoni tal-valur normali msemmi fil-paragrafu 7(a) tal-istess artikolu, din l-eċċezzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett. Għaldaqstant, din ma għandhiex tapplika b’mod awtomatiku fil-każ ta’ qbiż tat-terminu ta’ tliet xhur mill-Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni li tipprevedi dan (sentenza tat-18 ta’ Marzu 2009, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, T‑299/05, EU:T:2009:72, punt 121).

115    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li irregolarità bħall-qbiż tat-terminu ta’ tliet xhur tista’ taffettwa l‑legalità tar‑regolament ikkontestat biss jekk ir‑rikorrenti turi li, li kienu ngħatat fit‑termini stabbiliti, it‑tweġiba għat‑talba għall‑għoti tas‑SES setgħet tkun differenti, jiġifieri iktar favorevoli għall-interessi tal-imsemmija parti (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Transnational Company “Kazchrome” u ENRC Marketing vs Il-Kunsill, T‑192/08, EU:T:2011:619, punt 303; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2009, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, T‑299/05, EU:T:2009:72, punt 138, u tat-18 ta’ Settembru 2012, Since Hardware (Guangzhou) vs Il-Kunsill, T‑156/11, EU:T:2012:431, punt 160).

116    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tqis li, li kieku d-deċiżjoni kienet ġiet adottata fit-terminu previst, din kienet tkun favorevoli peress li f’dak il-mument l-istituzzjonijiet ma kellhomx l-informazzjoni dwar il-prezz tax-xiri tal-benżen, li kienet fundamentali sabiex jinċaħdilha s-SES. Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

117    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie indikat fil-punt 45 iktar ’il fuq, l-oneru tal-prova li hija tosserva l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku jaqa’ fuq ir-rikorrenti.

118    It-tieni nett għandu jiġi rrilevat li, skont l-avviż ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ reviżjoni interim parzjali, il-kumpanniji li ressqu din it-talba kienu pprovdew provi li mal-ewwel daqqa t’għajn jindikaw li r-rikorrenti kienet tislet vantaġġi minn ċerti miżuri Statali li kienu jimmodifikaw l-istruttura tal-ispejjeż effettivi tagħha tal-produzzjoni. B’hekk, l-istituzzjonijiet kellhom ċerti dubji dwar il-fatt li r-rikorrenti tista’ tkompli tibbenefika mis-SES, fid-dawl b’mod partikolari tal-allegazzjoni li skontha hija kienet tixtri l-benżen bi prezzijiet distorti.

119    It-tielet nett, minkejja dan, fit-talba tagħha għas-SES, ir-rikorrenti ma pprovdietx data dwar il-prezz tax-xiri tagħha ta’ benżen. Għaldaqstant, fit-talba tagħha għal informazzjoni tat-3 ta’ Ottubru 2011, b’mod espliċitu l-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti tipprovdi provi li l-prezz tax-xiri tagħha ta’ benżen kien jirrifletti l-valuri tas-suq. Bi tweġiba għal din it-talba, fis-17 ta’ Ottubru 2011, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur, ir-rikorrenti ppreċiżat li l-benżen tagħha kien immanifatturat mill-kok, u mhux miż-żejt mhux raffinat, u pprovdiet data dwar il-prezz tax-xiri tagħha fil-forma ta’ dijagramma. Il-Kummissjoni kkontrollat din id-data waqt iż-żjara ta’ verifika tal-14 u tal-15 ta’ Novembru 2011, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu inkwistjoni.

120    Fid-dawl tas-suespost għandu jitqies li, fil-mument tal-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur, ir-rikorrenti ma kinitx ipprovdiet provi suffiċjenti li juru li hija kienet tosserva, b’mod partikolari, il-kundizzjoni stabbilita fit-tieni parti tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. Fil-verità, f’dak il-mument, l-istituzzjonijiet kellhom indizji serji li skonthom ir-rikorrenti ma kinitx tissodisfa din il-kundizzjoni.

121    L-ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma jista’ jinvalida din il-konklużjoni.

122    Fl-ewwel lok, il-kunsiderazzjonijiet dwar l-allegat dazju fuq l-esportazzjoni ta’ benżen u fuq l-assenza ta’ rimbors tal-VAT fuq l-esportazzjoni jirrigwardaw ukoll il-kwistjoni dwar jekk il-prezz tax-xiri tal-benżen tar-rikorrenti kienx jirrifletti sostanzjalment il-valuri tas-suq, li kien ġie kkontestata qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur.

123    Fit-tieni lok, hekk kif jirrileva ġustament il-Kunsill, il-kalkoli tal-marġni ta’ dumping ipprovduti mir-rikorrenti fir-replika huma sempliċement il-kalkoli tagħha stess. Dan ma jurix li, li kieku d-deċiżjoni li tikkonċerna s-SES kienet ġiet adottata fit-terminu previst, il-Kunsill kien ikollu jaċċetta dawn l-istess kalkoli jew saħansitra jwettaq kalkoli simili. Barra minn hekk, dawn il-kalkoli jidhru li huma bbażati fuq il-premessa li r-rikorrenti kellha tibbenefika mis-SES peress li dawn kienu jidhru li jwettqu paragun bejn il-prezz tal-bejgħ fis-suq intern Ċiniż u l-prezz tal-bejgħ fuq l-esportazzjoni. Issa, fid-dawl tas-suespost, din il-premessa hija inkorretta.

124    Fit-tielet lok, kuntrarjament għal dak li jidher li qiegħda tissuġġerixxi r-rikorrenti, il-ġurisprudenza li hija tiċċita ma tippermettix li jiġi konkluż li r-regolament ikkontestat għandu jiġi annullat minħabba l-fatt li, meta d-deċiżjoni dwar is-SES ġiet adottata wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur, il-Kummissjoni kellha l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tikkalkola l-marġni ta’ dumping fil-każ ta’ għoti tas-SES (sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2006, Nanjing Metalink vs Il-Kunsill, T‑138/02, EU:T:2006:343, punt 44; tat-18 ta’ Marzu 2009, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, T‑299/05, EU:T:2009:72, punt 127, u tal-10 ta’ Ottubru 2012, Shanghai Biaowu High-Tensile Fastener u Shanghai Prime Machinery vs Il-Kunsill, T‑170/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:531, punt 50).

125    Fil-verità, din il-ġurisprudenza tistabbilixxi li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku tipprekludi li l-istuzzjonijiet, wara li jadottaw deċiżjoni dwar is-SES, sussegwentement jibdlu din id-deċiżjoni inizjali skont l-effett tagħha fuq il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping. Madankollu, l-istituzzjonijiet jistgħu jibdlu din id-deċiżjoni inizjali jekk jinġiebu elementi ġodda jew anki fl-assenza ta’ elementi ġodda f’ċerti sitwazzjonijiet fid-dawl tal-prinċipji ta’ legalità u ta’ amministrazzjoni tajba (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2009, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, T‑299/05, EU:T:2009:72, punt 127, u tat-8 ta’ Novembru 2011, Zhejiang Harmonic Hardware Products vs Il-Kunsill, T‑274/07, mhux ippubblikata, EU:T:2011:639, punti 37 sa 39). Fi kwalunkwe każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-istituzzjonijiet ma bidlux id-deċiżjoni dwar is-SES peress li l-imsemmi status qatt ma ngħata matul l-investigazzjoni tar-reviżjoni interim parzjali.

126    Fid-dawl tas-suespost, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku u tad-drittijiet tad-difiża

 L-argumenti tal-partijiet

127    Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku u tad-drittijiet tad-difiża.

128    B’mod partikolari, hija tirrileva li, fid-dokument ta’ informazzjoni finali tal-11 ta’ April 2012, il-Kummissjoni indikat li l-valur normali kien ġie stabbilit abbażi tal-informazzjoni miksub mill-produttur li kkoopera fil-pajjiż analogu, jiġifieri l-Arġentina. Għalkemm dan il-produttur kien jikkummerċjalizza l-prodott inkwistjoni fis-suq intern tiegħu, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-differenzi fil-metodu tal-produzzjoni bejn l-Arġentina u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina ġie deċiż li jinħadem il-valur normali minflok ma jintużaw il-prezzijiet tal-bejgħ fis-suq intern. Għaldaqstant, il-valur normali għall-aċidu tartariku L+, li kien immanifatturat mill-produttur Arġentin, allegatament inħadem mill-ispiża tal-produzzjoni fl-Arġentina, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-differenzi fil-metodu ta’ produzzjoni. Minħabba li l-produttur Arġentin ma kienx jimmanifattura l-aċidu tartariku DL, il-valur normali ta’ dan tal-aħħar inħadem bl-użu tad-differenza fil-prezz ikkonstatata bejn iż-żewġ tipi ta’ prodotti. Id-dokument ta’ informazzjoni jindika li, għal raġunijiet marbuta mal-kunfidenzjalità, ma kienx possibbli li tiġi pprovduta informazzjoni iktar iddettaljata dwar il-valur normali, peress li produttur Arġentin wieħed biss ikkoopera b’mod sħiħ matul il-proċedura.

129    Ir-rikorrenti żżid li, fil-kummenti tagħha tal-25 ta’ April 2012 dwar id-dokument ta’ informazzjoni finali, hija sostniet li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovdiet informazzjoni sinjifikattiva dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-valur normali għall-aċidu tartariku DL, b’mod partikolari dwar is-sors tal-prezzijiet tal-aċidu tartariku L+ u tal-aċidu tartariku DL u dwar il-fatturi li jaffettwaw il-paragun tal-prezzijiet.

130    Ir-rikorrenti ssostni li ċ-ċaħda, permezz tal-premessa 38 tar-regolament ikkontestat, tat-talba tagħha dwar il-kostruzzjoni tal-valur normali tal-aċidu tartariku DL, għar-raġuni li huwa impossibbli li tali informazzjoni tingħata mingħajr ma jiġu żvelati l-metodi u l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-produttur Arġentin inkwistjoni, tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku.

131    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tindika li, peress li l-produttur fil-pajjiż analogu ma kienx jipproduċi aċidu tartariku DL, jidher li, sabiex jiġi kkalkolat il-valur normali tal-aċidu tartariku DL, l-istituzzjonijiet, l-ewwel nett, qabblu ċerti prezzijiet tal-aċidu tartariku L+ u tal-aċidu tartariku DL u, it-tieni nett, applikaw din id-differenza għall-valur normali kkalkolat għall-aċidu tartariku L+ fil-pajjiż analogu. Issa, ma kienx possibbli għaliha li tindika l-pożizzjoni tagħha dwar l-eżattezza tal-paragun tal-prezzijiet imwettaq mir-regolament ikkontestat bejn l-aċidu tartariku L+ u l-aċidu tartariku DL. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, id-data dwar l-aċidu tartariku DL ma setgħetx tikkostitwixxi informazzjoni kunfidenzjali tal-produttur tal-pajjiż analogu, peress li huwa ma kienx jipproduċi dan il-prodott. Fi kwalunkwe każ, kien possibbli li l-informazzjoni kunfidenzjali kollha tiġi kkomunikata fil-forma ta’ sunt jew billi jiġi indikat ordni ta’ kobor iktar milli ċifri preċiżi.

132    Il-Kunsill jirribatti li din l-allegazzjoni hija vaga u infondata. Huwa kkomunika l-metodoloġija u spjega liema fatturi kienu aġġustati. B’mod partikolari, ir-regolament ikkontestat indika li l-istituzzjonijiet użaw l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-aċidu tartariku L+ tal-produttur tal-pajjiż analogu, issostitwixxew l-ispiża tal-materja prima fl-Arġentina bi prezz tas-suq medju tal-benżen u aġġustaw l-ispejjeż tal-bejgħ, spejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali oħra tal-produttur tal-pajjiż analogu. Għall-aċidu tartariku DL, ir-regolament ikkontestat ħa inkunsiderazzjoni d-differenzi fil-prezz tal-aċidu tartariku L+ u tal-aċidu tartariku DL sabiex jinħadem il-valur normali. Il-Kunsill isostni li huwa ma setax jipprovdi d-data użata fil-kalkoli tal-valur normali tal-aċidu tartariku L+ mingħajr ma jiżvela informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali li tikkonċerna l-produttur tal-pajjiż analogu.

133    Fil-kontroreplika, il-Kunsill iżid li kien evidenti li l-istituzzjonijiet kienu bbażaw ruħhom fuq il-prezzijiet tal-esportazzjoni mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina sabiex jikkalkolaw id-differenza fil-prezz tal-aċidu tartariku L+ u tal-aċidu tartariku DL.

134    B’risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali magħmula waqt is-seduta, il-Kunsill u il-Kummissjoni ppreċiżaw li, sabiex jikkalkolaw id-differenza fil-prezz tal-aċidu tartariku L+ u tal-aċidu tartariku DL, huma kienu bbażaw ruħhom fuq il-prezzijiet ipprattikati mir-rikorrenti u mill-produttur-esportatur Ċiniż l-ieħor li kkoopera. Peress li l-prezzijiet tar-rikorrenti kienu wieħed miż-żewġ komponenti għall-kalkolu tal-imsemmija differenza, li kieku l-istituzzjonijiet kienu pprovdew din id-data, ir-rikorrenti kienet tkun tista’ tiddeduċi l-prezzijiet tal-kompetitur tagħha, u din kienet informazzjoni kummerċjali sensittiva.

135    Il-kumpanniji intervenjenti jqisu li l-istituzzjonijiet setgħu ġustament jirrifjutaw li jikkomunikaw informazzjoni kummerċjali sensittiva dwar l-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ kompetitur.

136    Fl-osservazzjonijet tagħha dwar in-nota ta’ intervent, ir-rikorrenti tippreċiża li hija ma talbitx informazzjoni li tikkonċerna l-produttur tal-pajjiż analogu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

137    Permezz tal-ħames motiv tagħha r-rikorrenti tinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku sa fejn l-istituzzjonijiet ma pprovdewlhiex informazzjoni sinjifikattiva dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-valur normali għall-aċidu tartariku DL, b’mod partikolari dwar is-sors tal-prezzijiet tal-aċidu tartariku L+ u tal-aċidu tartariku DL u dwar il-fatturi li jaffettwaw il-paragun tal-prezzijiet.

138    Skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku, il-partijiet jistgħu jitolbu informazzjoni finali dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom jiġi rrakkomandat l-istabbiliment ta’ miżuri definittivi jew l-għeluq ta’ investigazzjoni jew ta’ proċedura mingħajr l-istabbiliment ta’ miżuri.

139    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju, huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi żgurat, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il‑Kunsill, C‑141/08 P, EU:C:2009:598, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju huwa ta’ importanza kbira fil-proċeduri ta’ investigazzjonijiet antidumping (ara s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

140    Skont l-imsemmi prinċipju, l-impriżi kkonċernati għandhom ikunu tqiegħdu f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li jesprimu effettivament il-perspettiva tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u ċ-ċirkustanzi allegati u dwar il-provi mressqa mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u tad-dannu li jirriżulta minnha (sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 76).

141    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, fit-twettiq tad-dmir ta’ informazzjoni tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jaġixxu bid-diliġenza kollha meħtieġa meta jippruvaw jagħtu lill-impriżi kkonċernati, sa fejn l-osservanza tas-sigriet tan-negozju jibqa’ żgurat, indikazzjonijiet utli għad-difiża tal-interessi tagħhom u meta jagħżlu, jekk ikun xieraq ex officio, il-modalitajiet xierqa ta’ tali komunikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Marzu 1985, Timex vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni, 264/82, EU:C:1985:119, punt 30; tas-27 ta’ Ġunju 1991, Al-Jubail Fertilizer vs Il-Kunsill, C‑49/88, EU:C:1991:276, punt 17, u tat-3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, C‑458/98 P, EU:C:2000:531, punt 99).

142    L-obbligu ta’ informazzjoni li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-antidumping għandu jikkonċilja mal-obbligu li l-informazzjoni kunfidenzjali tiġi osservata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Settembru 1997, Shanghai Bicycle vs Il-Kunsill, T‑170/94, EU:T:1997:134, punt 121, u tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Ajinomoto u NutraSweet vs Il-Kunsill, T‑159/94 u T‑160/94, EU:T:1997:209, punt 83). Madankollu, l-obbligu ta’ osservanza tal-informazzjoni kunfidenzjali ma tistax ixxejjen id-drittijiet tad-difiża mill-kontenut essenzjali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 1985, Timex vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 264/82, EU:C:1985:119, punt 29).

143    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li huwa skont il-livell ta’ speċifiċità tal-informazzjoni mitluba li wieħed għandu jevalwa n-natura suffiċjenti tal-informazzjoni pprovduta mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Ajinomoto u NutraSweet vs Il-Kunsill, T‑159/94 u T‑160/94, EU:T:1997:209, punt 93).

144    Għandu jitfakkar li r-rikorrenti ma tistax tiġi obbligata turi li d-deċiżjoni tal-istituzzjonijiet kienet tkun differenti, iżda sempliċement li tali ipoteżi ma hijiex totalment eskluża peress li hija setgħet tiżgura aħjar id-difiża tagħha fl-assenza tal-irregolarità proċedurali li għaldaqstant taffettwa b’mod konkret id-drittijiet tad-difiża (sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punti 78 u 79).

145    Min-naħa l-oħra, hija r-rikorrenti li għandha tistabbilixxi b’mod konkret kif hija setgħet tiżgura d-difiża tagħha aħjar fl-assenza ta’ tali irregolarità, mingħajr ma tillimita ruħha li tinvoka l-impossibbiltà li tipprovdi osservazzjonijiet dwar sitwazzjonijiet ipotetiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Growth Energy u Renewable Fuels Association vs Il-Kunsill, T‑276/13, EU:T:2016:340, punt 264).

146    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, skont id-dokument ta’ informazzjoni finali, peress li l-produttur Arġentin ma kienx jimmanifattura aċidu tartariku DL, il-valur normali inħadem bl-użu tad-differenza fil-prezz ikkonstatat bejn iż-żewġ tipi ta’ prodotti. Fil-kummenti tagħha dwar id-dokument ta’ informazzjoni finali, ir-rikorrenti talbet b’mod speċifiku għal informazzjoni dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-valur normali għall-aċidu tartariku DL, b’mod partikolari dwar is-sors tal-prezzijiet tal-aċidu tartariku L+ u tal-aċidu tartariku DL u dwar il-fatturi li jaffettwaw il-paragun tal-prezzijiet. Minkejja din it-talba, bħal fid-dokument ta’ informazzjoni finali, il-premessa 29 tar-regolament ikkontestat tindika li, peress li l-produttur Arġentin ma kienx jimmanifattura aċidu tartariku DL, il-valur normali nħadem bl-użu tad-differenza fil-prezz ikkonstatat bejn iż-żewġ tipi ta’ prodotti. Barra minn hekk, skont il-premessa 38 tar-regolament ikkontestat, il-preċiżazzjonijiet ulterjuri mitluba mir-rikorrenti ġew irrifjutati lilha peress li jkun impossibbli li wieħed jipprovdi tali informazzjoni mingħajr ma jiżvela l-metodi u l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-produttur Arġentin.

147    Mill-punt 61 tar-replika jirriżulta li r-rikorrenti fehmet li, għall-kalkolu tal-valur normali tal-aċidu tartariku DL, l-istituzzjonijiet l-ewwel kienu pparagunaw ċerti prezzijiet tal-aċidu tartariku L+ u tal-aċidu tartariku DL u, sussegwentement, kienu applikaw din id-differenza għall-valur normali kkalkolat għall-aċidu tartariku L+ fil-pajjiż analogu.

148    Madankollu, l-istituzzjonijiet ma informawx lir-rikorrenti bl-oriġini tal-prezzijiet tal-aċidu tartariku L+ u tal-aċidu tartariku DL li ntużaw għall-kalkolu tad-differenza fil-prezzijiet li ntużat għall-kalkolu tal-valur normali tal-aċidu tartariku DL. Huwa biss fl-istadju tal-kontroreplika li l-Kunsill indika li l-istituzzjonijiet kienu bbażaw ruħhom fuq il-prezzijiet tal-esportazzjoni mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina sabiex jikkalkolaw id-differenza fil-prezzijiet tal-aċidu tartariku L+ u tal-aċidu tartariku DL. B’risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali, l-istituzzjonijiet ippreċiżaw għall-ewwel darba fis-seduta li l-prezzijiet użati għall-paragun kienu joriġinaw mingħand ir-rikorrenti stess u mingħand il-produttur-esportatur ikkonċernat fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina l-ieħor, jiġifieri l-uniċi żewġ produtturi-esportaturi kkonċernati li kkooperaw matul l-invetigazzjoni. Għandu jiġi kkonstatat li din l-informazzjoni ma ġietx ipprovduta lir-rikorrent fi żmien xieraq matul il-proċedura amministrattiva.

149    Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet qatt ma kkomunikaw lir-rikorrenti d-differenza fil-prezzijiet tal-aċidu tartariku L+ u tal-aċidu tartariku DL.

150    Huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-aċidu tartariku DL huwa mmanifatturat biss fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Issa, kuntrarjament għal dak li sostna l-Kunsill fil-kontroreplika, mid-dokument ta’ informazzjoni finali jew mir-regolament ikkontestat mhux neċessarjament jista’ jiġi dedott li l-prezzijiet użati għall-kalkolu tad-differenza fil-prezz bejn l-aċidu tartariku L+ u l-aċidu tartariku DL kienu joriġinaw minn produtturi stabbiliti f’dan il-pajjiż. Bħala prinċipju, xejn ma jxekkel milli l-Kummissjoni tikkalkola din id-differenza abbażi tal-prezzijiet tal-aċidu tartariku DL fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u tal-aċidu tartariku DL+ f’pajjiżi oħra.

151    Mill-punt 28 tal-kontroreplika jirriżulta li l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Kunsill li skontha huwa ma setax jipprovdi lir-rikorrenti b’informazzjoni kunfidenzjali dwar il-produttur Arġentin kienet relatata mal-kostruzzjoni tal-valur normali tal-aċidu tartariku L+ u mhux mal-paragun tal-prezzijiet tal-aċidu tartariku DL u tal-aċidu tartariku L+.

152    Waqt is-seduta, l-istituzzjonijiet sostnew li r-rifjut li tiġi kkomunikata l-informazzjoni dwar id-differenza fil-prezzijiet tal-aċidu tartariku DL u tal-aċidu tartariku L+ kien ibbażat fuq il-fatt li, abbażi ta’ din l-informazzjoni, ir-rikorrenti kienet kapaċi tikseb il-prezzijiet tal-kompetitur tagħha, jiġifieri l-produttur‑esportatur l-ieħor, li kienu jikkostitwixxu informazzjoni kummerċjali sensittiva.

153    Issa, skont il-ġurisprudenza, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data meta l-att ġie adottat, b’mod li l-Qorti Ġenerali ma tkunx tista’ tissostitwixxi l-motivi invokati matul il-proċedura ta’ investigazzjoni b’motivi oħra invokati għall-ewwel darba quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kunsill, T‑424/13, EU:T:2016:378, punt 150). Għalhekk, ir-rifjut ta’ żvelar tal-informazzjoni inkwistjoni ma jistax jiġi ġġustifikat permezz ta’ motiv invokat matul il-proċedura orali quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġifieri l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ kompetitur tar-rikorrenti, bħalma r-rikorrenti ġustament sostniet matul is-seduta.

154    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li r-regolament ikkontestat ma jagħmel riferiment għal ebda ġustifikazzjoni valida sabiex jagħti bażi għar-rifjut ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar id-differenza fil-prezzijiet tal-aċidu tartariku DL u tal-aċidu tartariku L+.

155    Għandu jiġi rrilevat li d-differenza fil-prezzijiet tal-aċidu tartariku L+ u tal-aċidu tartariku DL hija wieħed mill-elementi fundamentali tal-kalkolu tal-valur normali tal-aċidu DL, bl-ieħor ikun il-valur tal-aċidu tartariku L+ maħdum abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-produttur Arġentin. Ir-rikorrenti ssostni li, li kieku hija kienet irċeviet l-informazzjoni dwar id-differenza fil-prezzijiet, hija kienet tkun tista’ tipparagunahom mad-data tagħha stess sabiex tiżgura ruħha li d-differenza fil-prezzijiet kienet tal-inqas koerenti ma’ dik id-data, u dan kien jippermettilha teskludi l-eżistenza ta’ żbalji sinjifikattivi.

156    F’dan ir-rigward, huwa utli li wieħed ifakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-fatt li jkun hemm disponibbli l-kalkoli ddettaljati mwettqa mill-Kummissjoni u d-data użata għal dawn il-kalkoli huwa, b’mod ġenerali, ta’ natura li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jipprovdu osservazzjonijiet iktar utli għad-difiża tagħhom. Fil-fatt, huma jistgħu għalhekk jivverifikaw speċifikament il-mod kif il-Kummissjoni użat din id-data u jipparagunawha mal-kalkoli proprji tagħhom, fatt li huwa ta’ natura li jippermettilhom jidentifikaw żbalji eventwali min-naħa tal-Kummissjoni li kieku jibqgħu mhux identifikabbli. Barra minn hekk, il-prassi tal-istituzzjonijiet turi li huma stess jikkunsidraw li l-fatt li l-partijiet interessati jkollhom, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping, il-kalkoli ddettaljati huwa ta’ natura li jippermettilhom jeżerċitaw utilment id-drittijiet tad-difiża tagħhom (sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kunsill, T‑424/13, EU:T:2016:378, punt 208).

157    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 144 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tistax tiġi obbligata turi li d-deċiżjoni tal-istituzzjonijiet kienet tkun differenti, iżda sempliċement li tali ipoteżi ma hijiex totalment eskluża peress li hija kienet tkun tista’ tiżgura aħjar id-difiża tagħha fl-assenza tal-irregolarità proċedurali li b’hekk taffettwa b’mod konkret id-drittijiet tad-difiża tagħha.

158    Dawn ir-rekwiżiti huma ssodisfatti f’dan il-każ, peress li l-istituzzjonijiet irrifjutaw li jipprovdu l-informazzjoni dwar id-differenza fil-prezzijiet tal-aċidu tartariku DL u tal-aċidu tartariku L+ mingħajr ma pprovdew ġustifikazzjoni valida fi żmien xieraq. Huwa paċifiku li din id-differenza kienet fundamentali għall-kalkolu tal-valur normali tal-aċidu tartariku DL. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li jkollha din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha kien jippermettilha, b’mod partikolari, teskludi l-eżistenza ta’ żbalji manifesti. Għaldaqstant, ir-rikorrenti kienet tkun tista’ tiżgura d-difiża tagħha aħjar fl-assenza ta’ din l-irregolarità proċedurali.

159    Fl-aħħar nett, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni antidumping, l-istituzzjonijiet ma jistgħux jitqiegħdu f’obbligu assolut li jirrifjutaw li jiżvelaw informazzjoni li tikxef is-sigriet tan-negozju, mingħajr evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il-Kunsill, T‑424/13, EU:T:2016:378, punti 165 u 199). Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tippreġudika r-riżultat li jaslu għalih l-istituzzjonijiet fil-kuntest ta’ reviżjoni tat-talba għal informazzjoni dwar id-differenza fil-prezzijiet, fid-dawl tal-motivi li huma jkunu jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod validu.

160    Konsegwentement, b’applikazzjoni tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku u tad-drittijiet tad-difiża, bħala prinċipju l-istituzzjonijiet kellhom jagħtu lir-rikorrenti l-aċċess għall-informazzjoni mitluba dwar id-differenza fil-prezzijiet tal-aċidu DL u tal-aċidu tartariku L+, fid-dawl tal-fatt li huma ma identifikawx raġuni valida sabiex dan ir-rifjut ikun fondat fi żmien xieraq.

161    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-ħames motiv għandu jitnlaqa’.

 Fuq l-ispejjeż

162    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 135(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti li titlef għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, parti biss mill-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

163    Billi r-rikors intlaqa’ parzjalment biss, tkun qed issir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li kull parti għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha. Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

164    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

165    Skont l-Artiklu 138(3) tal-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjent, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-imsemmi artikolu, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, għandu jiġi deċiż li l-kumpanniji intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 626/2012, tas26 ta’ Ġunju 2012, li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni [tal-Kunsill] (UE) Nru 349/2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, huwa annullat sa fejn dan japplika għal Changmao Biochemical Engineering Co. Ltd.

2)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati nofsi l-ispejjeż sostnuti minn Changmao Biochemical Engineering kif ukoll l-ispejjeż tiegħu stess.

3)      Changmao Biochemical Engineering għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

5)      Distillerie Bonollo SpA, Industria Chimica Valenzana SpA, Distillerie Mazzari SpA, Caviro Distillerie Srl u Comercial Química Sarasa, SL għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Collins

Kancheva

Barents

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-1 ta’ Ġunju 2017.

Firem