Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Ġunju 2022 – Föreningen Svenskt Landskapsskydd vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-346/22)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Föreningen Svenskt Landskapsskydd (Höganäs, l-Isvezja) (rappreżentant: G. Byrne, Barrister-at-Law)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tordna l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad bħala inammissibbli t-talba tar-rikorrenti sabiex issir reviżjoni interna, innotifikata lir-rikorrenti b’ittra tal-1 ta’ April 2022, sa fejn din tikser it-Trattati;

tiddikjara, barra minn hekk jew sussidjarjament, li l-Kummissjoni naqset illegalment milli tieħu azzjoni skont l-Artikolu 265 TFUE;

tiddikjara li, f’ċirkustanzi fejn il-Pjan Nazzjonali Integrat għall-Enerġija u l-Klima (iktar ’il quddiem il-“PNEK”) Svediż ma huwiex konformi mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, dan ġie evalwat u/jew adottat u/jew ippubblikat b’mod illegali mill-Kummissjoni, u jikser għalhekk id-dritt tal-Unjoni u d-dritt internazzjonali u/jew huwa illegali;

tiddikjara li l-Kummissjoni naqset milli tosserva l-obbligi pożittivi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni u taħt id-dritt internazzjonali li tieħu dawk il-miżuri neċessarji u xierqa sabiex tindirizza u/jew tirrimedja n-nuqqas ta’ konformità tal-PNEK Svediż mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus;

tiddikjara li r-Regolament (EU) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 ma jagħtix effett lid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, inkluż l-Artikolu 7 tiegħu, u bħal tali ma huwiex konformi mad-dritt ambjentali tal-Unjoni u mad-dritt ambjentali internazzjonali, u huwa għalhekk illegali;

filwaqt li tqis in-nuqqas ta’ konformità tal-PENK u, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ konformità tal-PNEK Svediż mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, tiddikjara li n-nuqqas tal-Kummissjoni milli twettaq l-obbligi tagħha skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 jikkostitwixxi ksur ta’ dan ir-regolament, ksur tal-Konvenzjoni u, barra minn hekk, jikkostitwixxi ksur tat-Trattati;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kkomunikata lir-rikorrenti b’ittra datata l-1 ta’ April 2022 għandha tiġi annullata. Ir-rikorrenti ressqet talba lill-Kummissjoni b’ittra datata l-15 ta’ Diċembru 2021. Bi tweġiba għat-talba tar-rikorrenti, bl-ittra tagħha hawn fuq imsemmija, il-Kummissjoni qieset li t-talba tar-rikorrenti kienet inammissibbli. Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward hija fundamentalment ivvizzjata, tammonta għal ksur tad-dritt ambjentali tal-Unjoni u tad-dritt ambjentali internazzjonali, u tikkostitwixxi ksur tat-Trattati. Ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni qiegħda tikser l-obbligi pożittivi tagħha taħt it-Trattati u d-dritt internazzjonali, inklużi l-Artikoli 3, 6 u 7 tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku, fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (il-Konvenzjoni ta’ Aarhus). Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-deċiżjoni kkontesata tal-Kummissjoni kisret leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni inklużi l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 . Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tikser id-dritt tagħha ta’ aċċess għal rimedju legali taħt il-Konvenzjoni ta’ Aahrus u r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 (kif emendat).

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli taġixxi fis-sens tal-Artikolu 265 TFUE fir-rigward tal-PNEK evalwati, adottati u ppubblikati mill-Kummissjoni inkluż, b’mod partikolari, il-PNEK Svediż ikkontestat. Billi naqset milli taġixxi, il-Kummissjoni qiegħda tikser l-obbligi tagħha taħt it-Trattati u d-dritt internazzjonali, inklużi l-Artikoli 3, 6 u 7 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-ommissjoni tal-Kummissjoni kisret il-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni inklużi, inter alia, l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 (kif emendat).

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li n-nuqqas tal-Kummissjoni milli tiżgura l-konformità sħiħa tal-PNEK Svediż mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ifisser li l-imsemmi PNEK huwa, u ġie f’kull ħin materjali, evalwat, adottat u ppubblikat bi ksur manifest tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt internazzjonali u huwa għalhekk illegali.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-Regolament (UE) 2018/1999 ma jagħtix effett lid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, inkluż l-Artikolu 7 tiegħu, u bħala tali ma huwiex konformi mad-dritt ambjentali tal-Unjoni u mad-dritt ambjentali internazzjonali. Barra minn hekk, jew sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament (UE) 2018/1999 jikser it-Trattati. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament (UE) 2018/1999 għandu jiġi ddikjarat illegali.

____________

1     Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2018 L 328, p. 1).

1     Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264 p. 13).