Language of document : ECLI:EU:T:2007:270

Kawża T-243/05

Ir-Repubblika Ellenika

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“FAEGG — Taqsima ‘Garanzija’ — Infiq eskluż mill-finanzjament Komunitarju — Uċuħ tar-raba’ li jinħarat — Żejt taż-żebbuġa — Verifika finanzjarja — Terminu ta’ 24 xahar”

Sommarju tas-sentenza

1.      Agrikoltura — FAEGG — Clearance ta’ kontijiet

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 729/70, Artikolu 5(2)(c), u Nru 1258/1999, il-ħames subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(4); Regolament tal-Kummissjoni Nru 1663/95, kif emendat bir-Regolament Nru 2245/1999, l-ewwel u t-tielet subparagrafi ta’ l-Artikolu 8(1))

2.      Agrikoltura — FAEGG — Clearance ta’ kontijiet

3.      Atti ta’ l-istituzzjonijiet — Regolamenti — Regolament li jippreskrivi miżuri speċifiċi ta’ stħarriġ

1.      Kemm skond l-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament Nru 729/70, dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni, kif ukoll skond il-ħames subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola, li jillimitaw, f’termini ta’ żmien, l-infiq li jista’ jiġi affettwat minn rifjut ta’ finanzjament mill-FAEGG, il-perijodu taż-żmien ta’ erbgħa u għoxrin xahar għandu jiġi kkalkulat minn meta l-Kummissjoni tikkomunika lill-Istat Membru kkonċernat ir-riżultati tal-verifiki tagħha, jiġifieri r-riżultati ta’ l-ispezzjonijiet fil-post, fl-Istati Membri, effettwati mid-dipartimenti tagħha. Il-garanzija proċedurali mogħtija, taħt il-forma tal-perijodu taż-żmien ta’ erbgħa u għoxrin xahar, permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija marbuta biss ma’ din il-komunikazzjoni tar-riżultati tal-verifiki u mhux ma’ evalwazzjoni ta’ l-infiq li l-Kummissjoni biħsiebha teskludi. Fil-fatt, huma r-riżultati tal-verifiki tal-Kummissjoni li jikkostitwixxu l-bażi ta’ kull korrezzjoni u li għandhom jiġu kkomunikati lill-Istat Membru kmieni kemm jista’ jkun sabiex dan ta’ l-aħħar ikun jista’ jirrimedja għan-nuqqasijiet ikkonstatati fl-iqsar żmien u, konsegwentement, jevita korrezzjonijiet ġodda fil-futur.

Minn dan jirriżulta li, anki jekk l-evalwazzjoni ta’ l-infiq li għandu jiġi eskluż issir fit-tieni komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tintbagħat lill-Istat Membru kkonċernat wara diskussjonijiet bilaterali, skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95, li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 li jirrigwarda l-proċedura għall-verifikar tal-kontijiet tat-Taqsima Garanziji tal-FAEGG, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/1999, il-perijodu taż-żmien ta’ erbgħa u għoxrin xahar dejjem għandu jiġi kkalkulat, skond ir-Regolamenti Nru 729/70 u Nru 1258/1999, mill-ewwel komunikazzjoni, li tesponi r-riżultati tal-verifiki, kif previst fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95.

Din il-pożizzjoni ma taffettwax id-drittijiet proċedurali ta’ l-Istati Membri. Fil-fatt, id-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG jittieħdu wara proċedura inter partes li fiha l-Istati Membri kkonċernati jiddisponu mill-garanziji kollha meħtieġa biex jippreżentaw il-perspettiva tagħhom.

(ara l-punti 41-44)

2.      Fir-rigward ta’ finanzjament tal-politika agrikola komuni mill-FAEGG, il-Kummissjoni, sabiex tipprova l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, hija obbligata mhux li tipprova b’mod eżawrjenti n-nuqqas ta’ kontrolli mwettqa mill-amministrazzjonijiet nazzjonali jew l-irregolarità taċ-ċifri trażmessi minnhom, iżda li tippreżenta element ta’ prova tad-dubju serju u raġonevoli li hija ssib fir-rigward ta’ dawn il-kontrolli jew dawn iċ-ċifri. Dan it-tnaqqis ta’ l-oneru tal-prova li tgawdi minnu l-Kummissjoni huwa dovut għall-fatt li huwa l-Istat Membru li jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiġbor u jivverifika d-data neċessarja għall-clearance tal-kontijiet tal-FAEGG u li, bħala konsegwenza, għandu l-obbligu li jippreżenta l-prova l-aktar dettaljata u kompluta tal-veraċità tal-kontrolli tiegħu jew taċ-ċifri tiegħu u, jekk ikun il-każ, ta’ l-ineżattezza ta’ l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni.

(ara l-punt 57)

3.      Meta regolament jistabbilixxi miżuri speċifiċi ta’ kontroll, l-Istati Membri għandhom japplikawhom mingħajr ma jkun neċessarju li jevalwaw il-mertu ta’ l-argument li sistema ta’ kontroll differenti hija iktar effettiva, anki jekk jiġi preżunt li kontrolli alternattivi diġà ġew organizzati.

(ara l-punti 59, 60)