Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-9 ta’ Novembru 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesverwaltungsgericht - il-Ġermanja) – LW vs Bundesrepublik Deutschland

(Kawża C-91/20) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u ta’ protezzjoni sussidjarja – Standards dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr Stat sabiex ikunu jistgħu jgawdu minn protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2011/95/UE – Artikoli 3 u 23 – Standards iktar favorevoli li jistgħu jinżammu jew jiġu adottati mill-Istati Membri sabiex jestendu l-benefiċċju tad-dritt għall-ażil jew tal‑protezzjoni sussidjarja għall-membri tal-familja tal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali – Għoti, b’mod idderivat, tal-istatus ta’ refuġjat ta’ ġenitur lill-wild minuri tiegħu – Żamma tal-unità tal-familja – L-aħjar interessi tat-tfal)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: LW

Konvenut: Bundesrepublik Deutschland

Dispożittiv

L-Artikolu 3 u l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall‑kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall‑kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru, bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli, jagħti, b’mod idderivat u għall-finijiet taż-żamma tal-unità tal-familja, l-istatus ta’ refuġjat lill-wild minuri ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li lilu ġie rrikonoxxut dan l-istatus b’applikazzjoni tas-sistema stabbilita minn din id-direttiva, inkluż fil-każ fejn dan il-wild twieled fit-territorju ta’ dan l‑Istat Membru u għandu, mill-ġenitur l-ieħor tiegħu, in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz ieħor li fih ma hemmx riskju li jiġi ppersegwitat, bil-kundizzjoni li dan il-wild ma jaqax taħt raġuni għall-esklużjoni msemmija fl-Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva u li dan ma jkollux, permezz tan-nazzjonalità tiegħu jew element ieħor li jikkaratterizza l-istatus ġuridiku personali tiegħu, dritt għal trattament aħjar fl-imsemmi Stat Membru minn dak li jirriżulta mill‑għoti tal-istatus ta’ refuġjat. Ma hijiex rilevanti f’dan ir-rigward il‑kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli u raġonevolment aċċettabbli, għall‑imsemmi wild u l-ġenituri tiegħu, li jistabbilixxu ruħhom f’dan il-pajjiż terz ieħor.

____________

1     ĠU C 209, 22.06.2020.