Language of document : ECLI:EU:T:2017:128

Kawża T-192/16

NF

vs

Il-Kunsill Ewropew

“Rikors għal annullament – Dikjarazzjoni UE‑Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016 – Stqarrija għall-istampa – Kunċett ta’ ‘ftehim internazzjonali’ – Identifikazzjoni tal-awtur tal-att – Portata tal-att – Sessjoni tal-Kunsill Ewropew – Laqgħa tal-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-Istati Membri tal-Unjoni li nżammet fil-bini tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – Kwalità tar-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni waqt laqgħa mar-rappreżentant ta’ Stat terz – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Inkompetenza”

Sommarju – Digriet tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) tat-28 ta’ Frar 2017

1.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Atti tal-Kunsill Ewropew – Inklużjoni – Limiti

(Artikolu 15 TUE; Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew organu tal-Unjoni li jipproduċu effetti ġuridiċi vinkolanti – Dikjarazzjoni, ippubblikata taħt forma ta’ stqarrija għall-istampa fuq is-sit internet tal-Kunsill, dwar ir-riżultati ta’ laqgħa bejn il-kapijiet ta’ Stat tal-Istati Membri u l-Prim Ministru Tork – Esklużjoni

(Artikolu 263 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21)

1.      It-Trattat ta’ Lisbona tella’ lill-Kunsill Ewropew fil-pożizzjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni. B’hekk, kuntrarjament għal dak li ġie preċedentement ikkonstatat mill-qorti tal-Unjoni, l-atti adottati minn din l-istituzzjoni, li, skont l-Artikolu 15 TUR, ma teżerċitax funzjoni leġiżlattiva u hija komposta mill-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern u mill-President tal-Kummissjoni, ma humiex iżjed esklużi mill-istħarriġ ta’ legalità previst taħt l-Artikolu 263 TFUE.

Għaldaqstant, l-atti adottati mir-rappreżentanti tal-Istati Membri, li jkunu ltaqgħu fiżikament fil-binja ta’ waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni iżda ma jkunux qed jaġixxu bħala Membri tal-Kunsill jew bħala Membri tal-Kunsill Ewropew, iżda fil-kapaċità tagħhom bħala kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-Istati Membri tal-Unjoni, ma humiex suġġetti għall-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li, b’mod ġenerali, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex kompetenti biex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ att adottat minn awtorità nazzjonali, u lanqas ta’ att adottat mir-rappreżentanti ta’ awtoritajiet nazzjonali ta’ numru ta’ Stati Membri li jkunu qed jaġixxu fil-kuntest ta’ kumitat previst minn regolament tal-Unjoni. Madankollu, ma huwiex suffiċjenti li att jiġi kkwalifikat, minn istituzzjoni mqiegħda inkwistjoni inkwantu parti konvenuta f’rikors, bħala “deċiżjoni tal-Istati Membri” tal-Unjoni sabiex tali att jevita l-istħarriġ tal-legalità stabbilit permezz tal-Artikolu 263 TFUE, f’dan il-każ, tal-atti tal-Kunsill Ewropew. Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi ulterjorment ivverifikat f’dan ir-rigward li l-att inkwistjoni, fid-dawl tal-kontenut tiegħu u tan-numru ta’ ċirkustanzi li fihom ġie adottat, fil-verità ma jikkostitwixxix deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew.

(ara l-punti 43-45)

2.      Id-dikjarazzjoni ppubblikata fit-18 ta’ Marzu 2016 fis-sit internet tal-Kunsill, fil-forma ta’ stqarrija għall-istampa, intiża sabiex tillustra r-riżultati ta’ laqgħa bejn il-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-Istati Membri tal-Unjoni u l-Prim Ministru Tork bil-għan li jissaħħu r-relazzjonijiet nejn it-Turkija u l-UE u biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-migrazzjoni, ma tistax titqies li hija att suġġett għal rikors taħt l-Artikolu 263 TFUE. Tali att ma jistax jitqies bħala att adottat mill-Kunsill Ewropew, u lanqas wara kollox minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, jew li jiżvela l-eżistenza ta’ tali att u li jkun jikkorrispondi għal ftehim li ġie konkluż fit-18 ta’ Marzu 2016 bejn il-Kunsill Ewropew u r-Repubblika tat-Turkija.

Fil-fatt, sa fejn, għall-ħtiġijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-att ikkontestat ġie mmaterjalizzat permezz tal-produzzjoni ta’ stqarrija għall-istampa, għandu jiġi evalwat il-kuntest li fih intervjeniet id-Dikjarazzjoni UE‑Turkija, hekk kif ikkomunikata minn din l-istqarrija għall-istampa, kif ukoll il-kontenut ta’ din id-dikjarazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk hija tistax tistabbilixxi jew tiżvela l-eżistenza ta’ att imputabbli lill-Kunsill Ewropew u li b’hekk huwa suġġett għall-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE. F’dan ir-rigward, id-dokumenti relatati mal-laqgħa UE‑Turkija trażmessi uffiċjalment lill-Istati Membri tal-Unjoni u lir-Repubblika tat-Turkija jistabbilixxu li, minkejja l-kliem sfortunatament ambigwu tad-Dikjarazzjoni UE Turkija hekk kif ikkomunikata permezz tal-imsemmija stqarrija għall-istampa, hija fil-kapaċità tagħhom ta’ kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-imsemmija Stati Membri li r-rappreżentanti ta’ dawn l-Istati Membri ltaqgħu mal-Prim Ministru Tork fil-bini użat mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill. F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li l-President tal-Kunsill Ewropew u dak tal-Kummissjoni, mhux formalment mistiedna, kienu wkoll preżenti waqt din il-laqgħa ma għandhiex tippermetti li jiġi kkunsidrat li, minħabba l-preżenza ta’ dawn il-Membri kollha tal-Kunsill Ewropew, l-imsemmija laqgħa seħħet bejn il-Kunsill Ewropew u l-Prim Ministru Tork.

Barra minn hekk, anki li kieku kellu jitqies li ftehim internazzjonali seta’ ġie informalment konkluż waqt il-laqgħa kontenzjuża, dan il-ftehim sar mill-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern tal-Istati Membri tal-Unjoni u l-Prim Ministru Tork. Issa, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti biex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Istati Membri.

(ara l-punti 48, 66, 67, 71-73)