Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta' Awwissu 2009 - Il-Polonja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-333/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: M. Dowgielewicz, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Tiddikjara l-annullament tal-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/444/KE, tal-10 ta' Ġunju 2009, li tiffissa l-ammonti li għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri skont il-modulazzjoni msemmija fl-Artikoli 7 u 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 għas-snin 2009-2012 (notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 4375) 2, sa fejn tiddetermina l-allokazzjoni lill-Istati Membri għas-sena 2012, tal-ammonti li jirriżultaw mill-modulazzjoni skont l-Artikolu 9(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009;

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti talbet l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/444/KE billi bbażat ir-rikors tagħha fuq is-segwenti sottomissjonijiet.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti allegat ksur tal-prinċipju tal-ġerarkija tan-normi legali permezz tal-adozzjoni ta' miżuri li huma kuntrarji għall-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 73/2009 . F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata qasmet il-kwoti previsti għall-perijodu kollu 2009-2012 esklużivament bejn 15-il pajjiż tal-Komunità, filwaqt li l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 73/2009 jipprevedi li mill-2012 dawn l-Istati mhumiex ser ikunu l-uniċi Stati Membri li ser ikunu milquta minn din il-modulazzjoni. B'riferenza għal dak li jippreċedi, fl-opinjoni tar-rikorrenti, l-Istati Membri ġodda għandhom ikunu suġġetti għal dak il-mekkaniżmu fir-rigward tas-sena 2012.

It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li kien hemm ksur tal-prinċipju li l-fondi għandhom jiġu allokati mill-modulazzjoni skont kriterji oġġettivi, liema prinċipju jirriżulta mill-Premessa 14 tal-preambolu tar-Regolament Nru 73/2009 u mill-Artikolu 9(2) ta' dan ir-regolament, u kif ukoll ksur tal-prinċipju ta' solidarjetà.

It-tielet nett, ir-rikorrenti tallega li l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni ġie miksur, sa fejn, skont ir-rikorrenti, il-kriterji applikati mill-Kummissjoni għall-allokazzjoni tal-fondi mill-modulazzjoni għall-2012 (bħad-data ta' adeżjoni ta' Stat Membru partikolari fl-Unjoni Ewropea u l-livell ta' kontribuzzjonijiet ta' Stat Membru partikolari għall-allokazzjoni ta' fondi mill-modulazzjoni), li wasslu għall-esklużjoni tar-Repubblika tal-Polonja u tal-Istati l-Membri ġodda mill-allokazzjonijiet taħt dawn il-fondi, mhumiex oġġettivi u ma jiżgurawx distribuzzjoni proporzjonali tal-piżijiet u tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-mekkaniżmu tal-modulazzjoni.

Ir-raba' nett, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 253 KE billi r-raġunijiet għall-esklużjoni tal-Istati Membri ġodda mid-distribuzzjoni għas-sena 2012 fir-rigward tal-fondi allokati mill-modulazzjoni, li kellhom jiġu mqassma skont kriterji oġġettivi bejn l-Istati Membri kollha li japplikaw il-mekkaniżmu tal-modulazzjoni, ma ġewx indikati mill-Kummissjoni fil-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, b'mod partikolari fil-preambolu tagħha, jew fil-kors tal-ħidmiet preparatorji fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata.

Il-ħames nett, ir-rikorrenti tallega li d-deċiżjoni tal-konvenuta kisret rekwiżit proċedurali sostanzjali minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni per se b'mod mhux konformi mad-dispożizzjonijiet tar-regolament proċedurali tal-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Pagamenti Diretti u kif ukoll tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komumità Ekonomika Ewropea . Ir-rikorrenti sostniet li l-Kummissjoni ma pprovditx lir-rappreżentanti tar-Repubblika tal-Polonja b'abbozz tad-deċiżjoni kkontestata bil-Pollakk, minkejja li ġiet mitluba tagħmel dan, li għamilha diffiċli għar-rikorrenti biex tevalwa dan l-abbozz tad-deċiżjoni u biex tagħmel il-konsultazzjonijiet neċessarji.

____________

1 - ĠU L 148, tal-11 ta' Ġunju 2009, p. 29.

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta' Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, tal-31 ta' Jannar 2009, p. 16).

3 - ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 01 Volum 01, p. 5-6.