Language of document : ECLI:EU:T:2010:520

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

15 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali TOLPOSAN – Trade mark internazzjonali verbali preċedenti TONOPAN – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑331/09,

Novartis AG, stabbilita f’Basel (l-Isvizzera), irrappreżentata minn N. Hebeis, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn B. Schmidt, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet:

Sanochemia Pharmazeutika AG, stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tat-18 ta’ Ġunju 2009 (Każ R 1601/2007-1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Novartis AG u Sanochemia Pharmazeutika AG,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn I. Wiszniewska-Białecka (Relatur), President, F. Dehousse u H. Kanninen, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Awwissu 2009,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Diċembru 2009,

wara s-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-22 ta’ Novembru 2004, Sanochemia Pharmazeutika AG ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 2003, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali TOLPOSAN.

3        Il-prodotti li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 5 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Prodotti mediċinali li fihom it-tolperisone; preparazzjonijiet veterinarji li fihom it-tolperisone”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 26/2005, tas-27 ta’ Ġunju 2005.

5        Fis-6 ta’ Lulju 2005, ir-rikorrenti, Novartis AG, ressqet oppożizzjoni taħt l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009) kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark TOLPOSAN fir-rigward tal-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq ir-reġistrazzjoni internazzjonali Nru 227508 tat-trade mark verbali TONOPAN, li l-applikazzjoni għaliha saret fit-13 ta’ Jannar 1960 u li għandha effett b’mod partikolari fl-Awstrija u fi Spanja, fir-rigward ta’ prodotti li jaqgħu fil-klassi 5 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Prodotti farmaċewtiċi”.

7        Ir-raġuni invokata insostenn tal-oppożizzjoni kienet dik imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009].

8        Wara li fl-20 ta’ Marzu 2006 l-applikanta għat-trade mark Komunitarja għamlet talba f’dan is-sens, ir-rikorrenti ġiet mistiedna mill-UASI, fit-12 ta’ April 2006, sabiex tipprova, skont l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009], li t-trade mark preċedenti kienet is-suġġett, matul il-ħames snin li jippreċedu l-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ta’ użu ġenwin fl-Istati Membri fejn din it-trade mark hija protetta.

9        Fil-5 ta’ Lulju 2006 ir-rikorrenti pproduċiet, fit-terminu mogħti, diversi dokumenti sabiex tipprova li t-trade mark li fuqha kienet ibbażata l-oppożizzjoni kienet is-suġġett ta’ użu ġenwin fl-Awstrija u fi Spanja.

10      Fis-27 ta’ Settembru 2006, l-applikanta, filwaqt li kkunsidrat il-fatt li l-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti kienet tressqet fir-rigward ta’ analġeżiku użat fit-trattament kontra l-uġigħ ta’ ras, illimitat il-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għal dawk tal-klassi 5 li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Prodotti mediċinali li fihom it-tolperisone u li għandhom l-effett li jirrilassaw il-muskoli; preparazzjonijiet veterinarji li fihom it-tolperisone u li għandhom l-effett li jirrilassaw il-muskoli”.

11      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ottubru 2006, ir-rikorrenti indikat lill-UASI li l-prodott mediċinali kopert mit-trade mark preċedenti kellu jiġi kkunsidrat bħala analġeżiku ġenerali.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Awwissu 2007, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni. Hija kkunsidrat li t-trade marks kunfliġġenti ma kinux jixxiebhu u li għalhekk ma kienx hemm lok li tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Hija qieset ukoll li ma kienx meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dokumenti prodotti mir-rikorrenti sabiex tipprova l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti peress li dan ma kienx se jibdel il-konklużjoni tagħha.

13      Fid-9 ta’ Ottubru 2007 ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009).

14      Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ġunju 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, peress li l-prodotti inkwistjoni kienu jaqgħu fil-klassi 5, il-pubbliku rilevanti kien kompost minn professjonisti (tobba u spiżjara) u mill-pubbliku ġenerali, li jagħtu attenzjoni iktar għolja, u li t-territorju rilevanti kien kompost mill-Awstrija u minn Spanja. Il-Bord tal-Appell osserva li kien paċifiku li l-prova ta’ użu ġenwin mit-trade mark preċedenti kienet tressqet biss fir-rigward ta’ parti mill-prodotti li fir-rigward tagħhom hija kienet irreġistrata u li, għalhekk, skont l-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 207/2009, it-trade mark preċedenti ma kinitx ikkunsidrata li hija rreġistrata għall-finijiet tal-eżami tal-oppożizzjoni ħlief fir-rigward ta’ prodott farmaċewtiku partikolari, jiġifieri analġeżiku adegwat b’mod partikolari għat-trattament tal-uġigħ ta’ ras u tal-emigranja. Fir-rigward tal-paragun tal-prodotti, il-Bord tal-Appell qies li l-prodotti inkwistjoni kienu jixxiebhu b’mod limitat ħafna. Fir-rigward tal-paragun tas-sinjali, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li evalwazzjoni globali tas-sinjali kunfliġġenti mill-aspett viżiv u mill-aspett fonetiku wasslitu għall-konklużjoni li, peress li l-partijiet inizjali u finali kienu identiċi u peress li l-partijiet ċentrali tagħhom kienu differenti, is-sinjali kellhom xebh medju bejniethom. Mill-aspett kunċettwali, il-Bord tal-Appell osserva li s-sinjali kunfliġġenti ma kellhom ebda tifsira għall-konsumatur medju Spanjol jew Awstrijak. Għalhekk, fid-dawl tax-xebh limitat ħafna bejn il-prodotti inkwistjoni u tax-xebh medju bejn is-sinjali kunfliġġenti, kif ukoll fid-dawl tal-livell ta’ attenzjoni iktar għoli tal-pubbliku rilevanti, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

 It-talbiet tal-partijiet

15      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

16      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

17      Ir-rikorrenti tqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

18      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, jekk issir oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark ma għandhiex tintlaqa’ jekk, minħabba l-identiċità jew ix-xebh bejn din it-trade mark u t-trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti minn dawn iż-żewġ trade marks, ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(2)(a)(iii) tar-Regolament Nru 207/2009, trade mark preċedenti tfisser trade mark li kienet is-suġġett ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li għandha effett fi Stat Membru.

19      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-riskju li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew minn impriżi li għandhom konnessjoni ekonomika, jikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni. Skont l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ, b’mod partikolari tal-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra p. II-2821, punti 30 sa 33, u tas-16 ta’ Diċembru 2008, Focus Magazin Verlag vs UASI – Editorial Planeta (FOCUS Radio), T-357/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 24 u 25].

20      F’din il-kawża huwa paċifiku li t-trade mark preċedenti TONOPAN hija s-suġġett ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li għandha effett fl-Awstrija u fi Spanja, li jikkostitwixxu għalhekk it-territorju rilevanti għall-analiżi tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

21      Fir-rigward tal-pubbliku rilevanti, skont il-ġurisprudenza, meta l-prodotti inkwistjoni jkunu prodotti mediċinali, il-pubbliku rilevanti huwa kkostitwit, minn naħa, minn professjonisti fil-mediċina u, min-naħa l-oħra, minn pazjenti bħala l-konsumaturi finali tal-prodotti msemmija [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 2008, Aventis Pharma vs UASI – Nycomed (PRAZOL), T-95/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata]. F’din il-kawża huwa paċifiku li l-pubbliku rilevanti huwa kompost minn professjonisti, jiġifieri t-tobba u l-ispiżjara, u minn konsumaturi finali, jiġifieri l-pazjenti.

22      Ir-rikorrenti tikkontesta, għall-kuntrarju, l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti, tal-paragun tal-prodotti, tal-paragun tas-sinjali kif ukoll tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’dan il-każ.

 Fuq il-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti

23      Skont il-ġurisprudenza, fir-rigward tal-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-konsumatur medju tal-prodotti kkonċernati huwa meqjus li huwa normalment informat u raġonevolment attent u avżat. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Atlana Pharma (RESPICUR), T-256/04, Ġabra p. II-449, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata].

24      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, sa fejn il-prodotti inkwistjoni ma kinux prodotti ta’ konsum ordinarju, iżda prodotti li jikkonċernaw is-saħħa tal-konsumatur, il-konsumatur finali japplika livell ta’ attenzjoni iktar għoli.

25      Ir-rikorrenti ssostni li l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti huma prodotti mediċinali għal kontra l-uġigħ, li ma jiswewx ħafna flus, li jinbiegħu mingħajr preskrizzjoni medika, li l-konsumatur jikkunsidra bħala prodott ta’ konsum ordinarju u li fir-rigward tax-xiri tagħhom ma jkunx iktar attent milli jkun fir-rigward tax-xiri ta’ prodotti ta’ konsum oħra. Hija tikkontesta wkoll il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li l-pubbliku ġenerali normalment jitlob parir mingħand l-ispiżjara jew mingħand it-tobba meta jkun meħtieġ jagħżel prodotti mediċinali. Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-konsumaturi finali li jagħmlu x-xiri tagħhom għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mingħajr l-għajnuna ta’ professjonisti. Fil-fatt, il-prodotti mediċinali koperti mit-trade mark preċedenti jinbiegħu mingħajr preskrizzjoni medika u fuq l-internet, ħaġa din li telimina s-sorveljanza tal-professjonist.

26      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, minn naħa, il-professjonisti tal-mediċina japplikaw livell għoli ta’ attenzjoni meta jippreskrivu prodotti mediċinali. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta, min-naħa l-oħra, li, fir-rigward tal-konsumaturi finali, fil-każ li prodotti farmaċewtiċi jinbiegħu mingħajr preskrizzjoni medika, għandu jitqies li dawn il-prodotti jinteressaw lill-konsumaturi li huma meqjusa raġonevolment informati tajjeb, attenti u avżati, u dan sa fejn dawn il-prodotti jaffettwaw is-saħħa tagħhom, u li dawn il-konsumaturi huma inqas suxxettibbli li jħawdu verżjonijiet diversi tal-prodotti msemmija. Barra minn hekk, anki fil-każ li preskrizzjoni medika tkun obbligatorja, il-konsumaturi jistgħu japplikaw livell għoli ta’ attenzjoni meta jiġu preskritti l-prodotti inkwistjoni, u dan fid-dawl tal-fatt li dawn huma prodotti farmaċewtiċi [sentenzi tal-Qorti Ġenerali PRAZOL, iċċitata fil-punt 21 iktar ’il fuq, punt 29, u tat-8 ta’ Lulju 2009, Procter & Gamble vs UASI – Laboratorios Alcala Farma (oli), T-240/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 50]. Għalhekk, il-prodotti mediċinali, irrispettivament minn jekk jingħatawx fuq preskrizzjoni medika jew le, jistgħu jitqiesu bħala li jibbenefikaw minn livell ta’ attenzjoni ogħla min-naħa ta’ konsumaturi normalment informati u raġonevolment attenti u avżati [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Diċembru 2009, Trubion Pharmaceuticals vs UASI – Merck (TRUBION), T-412/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 28].

27      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, il-pubbliku rilevanti huwa f’kull każ suxxettibbli li japplika livell ta’ attenzjoni ogħla min-normal.

28      Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li l-konsumatur finali jista’ anki jordna prodott mediċinali minn fuq l-internet, mingħajr preskrizzjoni medika u mingħajr il-parir ta’ spiżjar jew ta’ tabib, ma huwiex ta’ natura li jnaqqas il-livell ta’ attenzjoni tiegħu meta jixtri tali prodott.

29      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra li l-pubbliku rilevanti kien kompost minn professjonisti fis-settur mediku u minn konsumaturi finali, Awstrijaki u Spanjoli, li japplikaw livell ta’ attenzjoni iktar għoli.

 Fuq il-paragun tal-prodotti

30      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti jew is‑servizzi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejniethom. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, l-użu intenzjonat tagħhom, il-mod tal-użu tagħhom kif ukoll in-natura kompetittiva jew komplementari tagħhom. Jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll fatturi oħra, bħalma huma l-kanali ta’ distribuzzjoni tal‑prodotti inkwistjoni [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2007, El Corte Inglés vs UASI – Bolaños Sabri (PiraÑAM diseño original Juan Bolaños), T‑443/05, Ġabra p. II‑2579, punt 37, u l‑ġurisprudenza ċċitata].

31      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li t-trade mark preċedenti kienet ġiet irreġistrata għal “prodotti farmaċewtiċi” li jaqgħu fil-klassi 5. Il-partijiet ma humiex jikkontestaw li r-rikorrenti ressqet prova tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti fir-rigward biss ta’ subkategorija ta’ dawn il-prodotti li tikkorrispondi għal “analġeżiku adegwat b’mod partikolari għat-trattament tal-uġigħ ta’ ras u tal-emigranja” u li, skont l-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009, it-trade mark preċedenti hija meqjusa li hija rreġistrata, għall-finijiet tal-eżami tal-oppożizzjoni, għal dawn il-prodotti biss.

32      Għalhekk, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tax-xebh tal-prodotti, il-Bord tal-Appell ġustament ħa inkunsiderazzjoni, minn naħa, l-“analġeżiċi li jikkalmaw l-uġigħ, b’mod partikolari għat-trattament tal-uġigħ ta’ ras u tal-emigranja”, li jaqgħu fil-klassi 5 u li huma koperti mit-trade mark preċedenti u, min-naħa l-oħra, il-“prodotti mediċinali li fihom it-tolperisone u li għandhom l-effett li jirrilassaw il-muskoli [u] l‑preparazzjonijiet veterinarji li fihom it-tolperisone u li għandhom l-effett li jirrilassaw il-muskoli”, li jaqgħu fil-klassi 5 u li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

33      Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, għalkemm il-prodotti inkwistjoni kienu jixxiebhu sa fejn kienu jaqgħu fil-klassi 5, huma kienu l-iktar l-iktar jixxiebhu ftit minħabba li l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti kienu jaqgħu fis-subkategorija ta’ analġeżiċi filwaqt li l-prodotti li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienu jaqgħu fis-subkategorija ta’ prodotti li jirrilassaw il-muskoli.

34      Ir-rikorrenti ssostni li l-livell ta’ xebh bejn il-prodotti inkwistjoni huwa għoli ħafna. Hija takkuża lill-Bord tal-Appell talli ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prodotti li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni huma prodotti li jirrilassaw il-muskoli u li għandhom ukoll l-effett li jtaffu l-uġigħ, u li għalhekk għandhom xebh qawwi mal-analġeżiċi koperti mit-trade mark preċedenti. Hija ssostni li dawn huma prodotti mediċinali li l-użu tagħhom jikkoinċidi peress li l-prodotti li jirrilassaw il-muskoli għandhom, l-istess bħall-analġeżiċi, l-effett li jtaffu l-uġigħ ikkawżat minn ġbid ta’ muskuli. Barra minn hekk, dawn il-prodotti jintużaw bħala prodotti mediċinali li jikkomplementaw lil xulxin, huma prodotti minn impriżi farmaċewtiċi u huma distribwiti fl-istess kanal ta’ kummerċjalizzazzjoni u huma indirizzati lill-istess konsumatur finali. Għalhekk, il-fatturi rilevanti kollha jikkoinċidu, bl-eċċezzjoni tal-użu intenzjonat tagħhom, jiġifieri l-indikazzjoni terapewtika tagħhom. Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-fatt li l-prodotti inkwistjoni jikkomplementaw lil xulxin, peress li analġeżiċi jistgħu jiġu preskritti fil-każ ta’ uġigħ ikkawżat minn ġbid ta’ muskoli, huwa wieħed mill-fatturi li jwasslu għall-konklużjoni li l-prodotti inkwistjoni jixxiebhu ħafna.

35      Għandu jiġi kkonstatat li l-prodotti mediċinali huma tal-istess natura (prodotti farmaċewtiċi), għandhom l-istess skop jew użu intenzjonat (trattament ta’ problemi tas-saħħa tal-bniedem), huma indirizzati lill-istess konsumaturi (professjonisti fis-settur mediku u pazjenti) u jużaw l-istess kanali ta’ distribuzzjoni (bħala regola ġenerali l-ispiżeriji). Din il-konstatazzjoni tirriżulta mill-fatt li l-prodotti inkwistjoni jaqgħu fl-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti, il-prodotti mediċinali. Issa, din hija kategorija vasta ħafna li tkopri prodotti li jistgħu jkunu differenti. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li prodotti mediċinali jaqgħu fl-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti jippermetti li jiġi kkonstatat biss livell dgħajjef ta’ xebh bejn il-prodotti mediċinali kollha.

36      Peress li l-fatturi kkunsidrati fil-punt 35 iktar ’il fuq ma jippermettux li ssir distinzjoni bejn id-diversi subkategoriji ta’ prodotti mediċinali, sabiex ix-xebh bejn prodotti mediċinali jiġi evalwat b’mod korrett huwa meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħra. Dawn il-fatturi huma b’mod partikolari n-natura kompetittiva u komplementari tal-prodotti mediċinali kif ukoll l-iskop u l-użu intenzjonat partikolari tagħhom (trattament ta’ problemi speċifiċi tas-saħħa). Meta jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-fatturi, l-indikazzjoni terapewtika ta’ prodott mediċinali għandha importanza deċiżiva.

37      Din il-karatteristika speċifika tal-prodotti mediċinali diġà ttieħdet inkunsiderazzjoni fil-ġurisprudenza fejn ġie deċiż li, sa fejn il-konsumatur ifittex qabel kollox prodott jew servizz li jista’ jissodisfa l-ħtiġijiet speċifiċi tiegħu, l-iskop tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni huwa essenzjali fl-orjentament tal-għażla tiegħu. Għaldaqstant, sa fejn jiġi applikat mill-konsumaturi qabel kull akkwist, il-kriterju tal-iskop jew tal-użu intenzjonat huwa kriterju ta’ importanza prinċipali fid-definizzjoni ta’ subkategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi. L-iskop jew l-użu intenzjonat ta’ prodott terapewtiku huma espressi permezz tal-indikazzjoni terapewtika tiegħu (sentenza RESPICUR, iċċitata fil-punt 23 iktar ’il fuq, punti 29 sa 30).

38      F’dan il-każ huwa paċifiku li l-prodotti inkwistjoni huma distinti minn xulxin abbażi tal-indikazzjoni terapewtika prinċipali tagħhom. Fil-fatt, il-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti huma analġeżiċi li huma intiżi li jikkalmaw l-uġigħ, b’mod partikolari l-uġigħ ta’ ras, filwaqt li l-prodotti li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni huma intiżi li jikkuraw il-ġbid tal-muskuli billi jirrilassawhom. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament qies li l-prodotti inkwistjoni jaqgħu f’subkategoriji differenti ta’ prodotti mediċinali. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-prodotti inkwistjoni ma jikkompetux ma’ xulxin (interkambjabbli).

39      Huwa minnu li, kif tosserva r-rikorrenti, il-prodotti li jirrilassaw il-muskoli u li huma koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jista’ jkollhom ukoll l-effett li jtaffu l-uġigħ. Madankollu, dan ma jbiddel xejn mill-konstatazzjoni li l-iskop ta’ dawn il-prodotti mediċinali, kif deskritt mill-indikazzjoni terapewtika tagħhom, huwa li jirrilassaw il-muskoli u li dan l-iskop huwa għalhekk distint minn dak tal-analġeżiċi koperti mit-trade mark preċedenti.

40      Bl-istess mod, għall-evalwazzjoni tax-xebh bejn prodotti mediċinali, ftit li xejn għandu importanza li l-istess pazjent jista’ jkun qiegħed isofri minn diversi sintomi differenti u jista’ jieħu diversi prodotti mediċinali fl-istess waqt. Din il-konstatazzjoni tapplika speċjalment f’dan il-każ peress li l-analġeżiċi jistgħu jittieħdu ma’ prodotti mediċinali oħra.

41      Għalhekk, il-fatt li l-prodotti inkwistjoni jistgħu jintużaw fl-istess ħin mill-istess konsumatur ma huwiex biżżejjed sabiex jiġu kkunsidrati bħala komplementari fis-sens tal-ġurisprudenza. Fil-fatt, il-prodotti jew is-servizzi komplementari huma dawk li bejniethom teżisti konnessjoni mill-qrib, fis-sens li wieħed ikun indispensabbli jew importanti għall-użu tal-ieħor, b’tali mod li l-konsumaturi jistgħu jaħsbu li l-istess impriża hija responsabbli għall-manifattura ta’ dawn il-prodotti jew għall-provvista ta’ dawn is-servizzi [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Jannar 2009, Commercy vs UASI – easyGroup IP Licensing (easyHotel), T-316/07, Ġabra p. II-43, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata].

42      Mill-kunsiderazzjoni preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tal-elementi ta’ xebh bejn il-prodotti inkwistjoni kkonstatati fil-punt 35 iktar ’il fuq u tad-differenza marbuta mal-indikazzjonijiet terapewtiċi tagħhom, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta kkonkluda li bejn il-prodotti inkwistjoni hemm l-iktar l-iktar xebh minimu.

 Fuq il-paragun tas-sinjali

43      Skont il-ġurisprudenza, żewġ trade marks ikunu jixxiebhu meta, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, bejn dawn it-trade marks ikun hemm minn tal-inqas ugwaljanza parzjali fir-rigward ta’ wieħed jew aktar mill-aspetti rilevanti, jiġifieri l-aspett viżiv, dak fonetiku u dak kunċettwali [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 30, u tal-10 ta’ Diċembru 2008, MIP Metro vs UASI – Metronia (METRONIA), T-290/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 41].

44      Barra minn hekk, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, fir-rigward tax-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks kunfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minn dawn it-trade marks, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li jkollu l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà msemmija. Issa, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark bħala unità u ma jagħmilx eżami tad-diversi dettalji tagħha [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C-334/05 P, Ġabra p. I-4529, punt 35, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Marzu 2009, Professional Tennis Registry vs UASI – Registro Profesional de Tenis (PTR PROFESSIONAL TENNIS REGISTRY), T-168/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 28].

45      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li ż-żewġ sinjali verbali inkwistjoni, TOLPOSAN u TONOPAN, kienu jixxiebhu b’mod medju fuq il-livell viżiv u dak fonetiku fid-dawl tal-identiċità bejn il-partijiet inizjali u finali tagħhom u tad-differenzi fil-partijiet ċentrali tagħhom, u li, fuq il-livell kunċettwali, ma kien possibbli ebda paragun bejn is-sinjali kunfliġġenti.

46      Għandu jiġi rrilevat qabel kollox li, fuq il-livell kunċettwali, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell fis-sens li t-trade marks kunfliġġenti ma għandhom ebda tifsira għall-konsumatur medju Awstrijak u għall-konsumatur medju Spanjol.

47      Ir-rikorrent tiffoka l-argumenti tagħha fuq il-paragun tas-sinjali kunfliġġenti magħmul mill-Bord tal-Appell fuq il-livell viżiv u dak fonetiku.

48      Hija ssostni li bejn it-trade marks kunfliġġenti hemm livell ta’ xebh għoli ħafna fuq il-livell viżiv u dak fonetiku sa fejn il-punti komuni bejn dawn it-trade marks jegħlbu nettament lid-differenzi. Fuq il-livell viżiv, hija ssostni li t-trade marks kunfliġġenti fihom sitt ittri identiċi li ħamsa minnhom jinsabu fl-istess ordni (“t”, “o”, “o”, “a” u “n”) u li l-ittra “p” tinsab wara l-vokali “o” fit-trade mark preċedenti u qabel il-vokali “o” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Fuq il-livell fonetiku, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli ma ħax inkunsiderazzjoni x-xebh li jinsab fil-partijiet ċentrali ta’ dawn it-trade marks, jiġifieri l-ħsejjes “op” u “po”, is-suċċessjoni identika tal-vokali (“o”, “o” u “a”) u l-identiċità tal-ittri “p” u “o”. Skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell qasam it-trade marks kunfliġġenti f’elementi identiċi u differenti u ma ħax inkunsiderazzjoni l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom.

49      L-ewwel nett, fir-rigward tax-xebh viżiv, għandu jiġi rrilevat li t-trade mark TOLPOSAN u t-trade mark TONOPAN huma komposti minn kelma waħda bi tliet sillabi u fihom kważi l-istess numru ta’ ittri, tmienja u sebgħa rispettivament, bil-vokali mqiegħda fl-istess ordni (“o”, “o” u “a”). It-trade marks kunfliġġenti jibdew bl-istess żewġ ittri “t” u “o” u jispiċċaw bl-istess żewġ ittri “a” u “n”. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat ukoll li dawn it-trade marks għandhom differenzi fuq il-livell viżiv li jirriżultaw, minn naħa, mill-preżenza tal-ittri “l” u “s” fil-parti ċentrali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li l-ittri “p” u “o” jinsabu f’ordni kuntrarja fil-partijiet ċentrali tat-trade marks kunfliġġenti.

50      Għalhekk, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta kkunsidra li l-partijiet inizjali, “to”, u l-partijiet finali, “an”, tas-sinjali kunfliġġenti kienu identiċi u li l-partijiet ċentrali tagħhom, “lpos” u “nop”, kienu differenti.

51      It-tieni nett, fir-rigward tax-xebh fonetiku, għandu jiġi rrilevat li t-trade marks kunfliġġenti jibdew bl-istess ħoss “to” u jispiċċaw bl-istess ħoss “an”. Il-partijiet ċentrali tagħhom “lpos” u “nop” jinkludu l-vokali “o”, iżda l-pronunzja tagħhom hija differenti. F’dan ir-rigward, minn naħa, l-ordni kuntrarja tal-ittri “o” u “p” fil-parti ċentrali tat-trade marks kunfliġġenti għandha l-effett li l-pronunzja tat-trade marks hija differenti. Min-naħa l-oħra, il-preżenza tal-ittra “l”, qabel l-ittra “p”, u tal-ittra “s” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ssaħħaħ din id-differenza fil-pronunzja.

52      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta kkunsidra li, fuq il-livell fonetiku, is-sinjali kunfliġġenti kellhom pronunzja differenti minħabba sekwenza ta’ ittri mhux identiċi u minħabba l-preżenza ta’ ittri differenti fil-partijiet ċentrali tagħhom.

53      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament li, fuq il-livell viżiv u dak fonetiku, is-sinjali kunfliġġenti kellhom livell medju ta’ xebh.

54      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kritika tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade marks kunfliġġenti, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li kienet evalwazzjoni globali tas-sinjali kunfliġġenti fuq il-livell viżiv u dak fonetiku li wasslitu għall-konklużjoni li dawn is-sinjali kellhom livell medju ta’ xebh. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell indika li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-partijiet inizjali identiċi tagħhom, jiġifieri “to”, kienu jiġbdu iktar l-attenzjoni tal-pubbliku rilevanti ma jistax jikkontesta din il-konklużjoni. Huwa żied li tali approċċ, fejn tingħata attenzjoni biss lill-parti inizjali tas-sinjal, ikun ifisser li tkun qiegħda tiġi injorata l-evalwazzjoni tal-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade marks kunfliġġenti.

55      Il-fatt li l-Bord tal-Appell ikkonkluda li jeżisti xebh globali medju bejn it-trade marks kunfliġġenti juri li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell fil-fatt wettaq evalwazzjoni ġenerali ta’ dawn it-trade marks billi kkunsidra kemm l-element identiċi tagħhom u kif ukoll l-elementi differenti tagħhom. Kif jenfasizza l-UASI, l-evalwazzjoni tal-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade marks kunfliġġenti ma tipprekludix paragun tad-diversi elementi u sillabli tagħhom kif dawn jiġu ppreżentati quddiem il-konsumatur.

56      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tal-livell medju ta’ xebh fuq il-livell viżiv u dak fonetiku bejn is-sinjali kunfliġġenti u fid-dawl tan-nuqqas ta’ tifsira tagħhom fuq il-livell kunċettwali, il-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament li, globalment, is-sinjali kunfliġġenti kellhom livell medju ta’ xebh.

 Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

57      Il-Bord tal-Appell ikkonkluda li, fid-dawl tax-xebh żgħir bejn il-prodotti u tax-xebh medju bejn is-sinjali, minn eżami globali setgħet tiġi eskluża kull probabbiltà ta’ konfużjoni fir-reġjuni fejn huma mitkellma l-Ġermaniż u l-Ispanjol. Huwa speċifika li din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-pubbliku rilevanti jkun iktar attent fir-rigward tal-prodotti kontenzjużi, li jikkonċernaw is-saħħa, u iktar viġilanti meta jkun f’pożizzjoni li jagħżilhom.

58      Fir-rigward tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, mill-kunsiderazzjoni preċedenti kollha jirriżulta li, fid-dawl tal-fatt li, minn naħa, il-prodotti inkwistjoni jixxiebhu ftit biss u t-trade marks kunfliġġenti għandhom livell medju ta’ xebh u li, min-naħa l-oħra, il-pubbliku rilevanti jagħti livell ta’ attenzjoni ogħla min-normal, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta kkonkluda li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

59      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata minkejja li, kif tenfasizza r-rikorrenti, mill-ġurisprudenza jirriżulta li huwa biss f’każijiet rari li l-konsumatur finali jkollu l-possibbiltà jwettaq paragun dirett tad-diversi trade marks iżda jkollu joqgħod fuq l-immaġni mhux perfetta tagħhom li huwa jiftakar [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 26, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Oberhauser vs UASI – Petit Liberto (Fifties), T-104/01, Ġabra p. II-4359, punt 28]. Fil-fatt, kif diġà ġie kkonstatat iktar ’il fuq, f’dan il-każ il-pubbliku rilevanti joqgħod iktar attent meta jixtri l-prodotti inkwistjoni.

60      Bl-istess mod, din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti li, peress li l-konsumatur finali jesprimi verbalment dak li jkun irid jixtri mingħand l-ispiżjar u li l-ispiżjara jordnaw il-prodotti mediċinali, bit-telefown, mingħand il-grossisti, ix-xebh tagħhom fuq il-livell fonetiku għandu iktar importanza.

61      Huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, l-aspett viżiv, dik fonetiku u dak kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti mhux dejjem għandhom l-istess importanza u għalhekk għandhom jiġu analizzati l-kundizzjonijiet oġġettivi li fihom it-trade marks jistgħu jiġu ppreżentati fuq is-suq [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Lulju 2003, Alejandro vs UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T-129/01, Ġabra p. II-2251, punt 57, u tas-6 ta’ Ottubru 2004, New Look vs UASI – Naulover (NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection), T-117/03 sa T-119/03 u T-171/03, Ġabra p. II-3471, punt 49]. L-importanza tal-elementi ta’ xebh u ta’ differenza bejn is-sinjali kunfliġġenti tista’ tiddependi, b’mod partikolari, mill-karatteristiċi intrinsiċi tagħhom jew mill-kundizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minnhom. Meta l-prodotti koperti mit-trade marks inkwistjoni jinbiegħu normalment fil-ħwienet self-service fejn il-konsumatur jagħżel il-prodott huwa stess u għalhekk ikollu joqgħod prinċipalment fuq l-immaġni tat-trade mark indikata fuq dan il-prodott, xebh viżiv bejn is-sinjali jkun, bħala regola ġenerali, ta’ importanza ikbar. Meta, għall-kuntrarju, il-prodott kopert prinċipalment jinbiegħ oralment, normalment tingħata iktar importanza lil xebh fonetiku bejn is-sinjali (sentenza NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

62      Madankollu, f’dan il-każ, il-livell ta’ xebh mill-aspett fonetiku bejn it-trade marks kunfliġġenti ma huwiex għoli ħafna u huwa tal-istess livell bħal-livell ta’ xebh mill-aspett viżiv. Għaldaqstant, il-fatt li x-xebh mill-aspett fonetiku għandu iktar importanza mix-xebh mill-aspett viżiv, minħabba li l-prodotti inkwistjoni normalment jinbiegħu oralment, ma jippermettix li jiġi konkluż li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

63      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-motiv uniku, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

64      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Novartis AG hija kkundannata għall-ispejjeż.

Wiszniewska-Białecka

Dehousse

Kanninen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Diċembru 2010.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.