Language of document : ECLI:EU:T:2005:22

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

26 ta' Jannar 2005 (*)

"Regolament tal-Fédération Internationale de Football Association (FIFA) dwar l-attività ta' l-aġenti tal-plejers – Deċiżjoni ta' assoċjazzjoni ta' impriżi – Artikoli 49 KE, 81 KE u 82 KE – Ilment – Nuqqas ta' interess Komunitarju – Ċaħda"

Fil-kawża T-193/02,

Laurent Piau, residenti Nantes (Franza), irrappreżentat minn M. Fauconnet, avocat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn O. Beynet u A. Bouquet, bħala agenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

sostnuta minn

Fédération internationale de football association (FIFA), stabbilita fi Zurich (L-Iżvizzera), irrappreżentata minn F. Louis u A. Vallery, avocats,

intervenjenti

li għandha bħala suġġett l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' April 2002 li ċaħdet l-ilment ippreżentat mir-rikorrent dwar ir-Regolament tal- Fédération internationale de football association (FIFA) dwar l-attività ta' l-aġenti tal-plejers,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba' Awla),

komposta minn H. Legal, President, V. Tiili u M. Vilaras, Imħallfin,

Registratur: I. Natsinas, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta' April 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Il-Fédération internationale de football association (FIFA) hija assoċjazzjoni rregolata mid-dritt Żvizzeru li twaqqfet fil-21 ta' Mejju 1904. Skond l-istatuti tagħha, fil-verżjoni li daħlet fis-seħħ fis-7 ta' Ottubru 2001, hija għandha bħala membri l-assoċjazzjonijiet nazzjonali (Artikolu 1), li jiġbru flimkien il-klabbs tal-futbol ikklassifikati bħala dilettanti jew professjonali, u dawn ta' l-aħħar għandhom assoċjazzjonijiet speċifiċi, imsejħin "liġijiet professjonali". L-assoċjazzjonijiet nazzjonali jistgħu jiffurmaw ukoll konfederazzjonijiet (Artikolu 9). Il-plejers ta' l-assoċjazzjonijiet nazzjonali affiljati mal-FIFA huma dilettanti jew mhux dilettanti (Artikolu 61).

2        Dejjem skond l-istatuti, il-FIFA għandha bħala għan li tippromovi l-futbol, l-iżvilupp ta' relazzjonijiet ta' ħbiberija bejn l-assoċjazzjonijiet nazzjonali, il-konfederazzjonijiet, il-klabbs u l-plejers kif ukoll it-tfassil u l-kontroll ta' regolamenti u metodi dwar il-liġijiet tal-logħba u l-prattika tal-futbol (Artikolu 2).

3        L-istatuti, regolamenti u deċiżjonijiet tal-FIFA huma obbligatorji għall-membri tagħha (Artikolu 4). Il-FIFA għandha organi leġiżlattivi, eżekuttivi u amministrattivi, jiġifieri, rispettivament, il-Kungress, il-Kumitat Eżekuttiv u s-segretarjat ġenerali, kif ukoll kumitati permanenti u ad hoc (Artikolu 10). Il-Kumitat ta' Dixxiplina u l-Kumitat ta' l-Appell (Artikolu 43) huma l-hekk imsejħa l-organi ġudizzjarji tal-FIFA. It-Tribunal ta' Arbitraġġ għall-Futbol, fil-bidu maħsub bħala l-unika istanza obbligatorja għas-soluzzjoni ta' kwistjonijiet li jeċċedu ammont stabbilit mill-Kungress (Artikolu 63), ma twaqqafx. Skond ftehim bejn il-FIFA u l-Kunsill Internazzjonali ta' Arbitraġġ għall-Isport, il-kompetenzi tat-Tribunal ta' Arbitraġġ għall-Futbol huma eżerċitati mit-Tribunal ta' Arbitraġġ għall-Isport, organu maħluq mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali li għandu s-sede tiegħu f'Lausanne (l-Iżvizzera), u li jiddeċiedi abbażi tar-regoli tal-FIFA, tal-Kodiċi ta' Arbitraġġ dwar l-Isport u, b'mod addizzjonali, il-liġi Żvizzera. Jista' jsir rikors għal annullament quddiem it-Tribunal Federali Żvizzeru kontra d-deċiżjonijijet ta' dan it-Tribunal.

4        Ir-regolament ta' applikazzjoni ta' l-istatuti jipprovdi li l-aġenti tal-plejers irid ikollhom liċenzja ta' aġent maħruġa mill-FIFA (Artikolu 16) u jawtorizza lill-Kumitat Eżekuttiv jadotta regolamenti vinkolanti għall-aġenti (Artikolu 17).

5        Il-FIFA adottat, fl-20 ta' Mejju 1994, regolament dwar l-attività ta' l-aġenti tal-plejers, li ġie emendat fil-11 ta' Diċembru 1995 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1996 (iktar 'il quddiem ir-"regolament oriġinali").

6        Ir-regolament oriġinali ssuġġetta l-eżerċizzju ta' din il-professjoni għall-pussess ta' liċenzja maħruġa mill-assoċjazzjoni nazzjonali kompetenti u rriżerva l-attività in kwistjoni lil persuni fiżiċi (Artikoli 1 u 2). Il-proċedura ta' qabel il-ksib tal-liċenzja kienet tipprovdi għal intervista sabiex jiġi vverifikat l-għarfien, b'mod partikolari ġuridiku u sportiv, tal-kandidat (Artikoli 6, 7 u 8). Dan kellu josserva wkoll ċerti kundizzjonijiet ta' inkompatibbiltà u ta' etika, bħan-nuqqas ta' kundanna għal reati kriminali fil-fedina penali (Artikoli 2, 3 u 4). Kellu wkoll jippreżenta garanzija bankarja ta' 200,000 frank Żvizzeru (CHF) (Artikolu 9). Ir-relazzjonijiet bejn l-aġent u l-plejer kellhom bil-fors ikunu rregolati minn kuntratt ta' tul massimu ta' sentejn, li seta' jiġġedded (Artikolu 12).

7        Mekkaniżmu ta' penalitajiet kien previst f'każ li aġenti, plejers u klabbs jiksru r-regolament. L-aġenti setgħu jingħataw twiddiba, ċanfira jew twissija, multa, ta' ammont mhux speċifikat, u setgħet titneħħielhom il-liċenzja (Artikolu 14). Fir-rigwar tal-plejers u l-klabbs setgħet tiġi imposta multa, rispettivament, sa CHF 50,000 u sa CHF 100 000. Il-plejers setgħu wkoll ikunu suġġetti għal miżuri ta' sospensjoni dixxiplinari (għal mhux aktar minn tnax-il xahar). Miżuri ta' sospensjoni jew projbizzjoni ta' trasferimenti setgħu jittieħdu wkoll kontra l-klabbs (Artikoli 16 u 18). "Kumitat ta' l-Istatus tal-Plejer" twaqqaf bħala organu ta' sorveljanza u ta' deċiżjoni tal-FIFA (Artikolu 20).

8        Is-Sur Piau ippreżenta, fit-23 ta' Marzu 1998, ilment quddiem il-Kummissjoni, fejn hu kkontesta l-imsemmi regolament oriġinali. Huwa allega, fl-ewwel lok, li r-regolament imur kontra l-"Artikoli [49] et seq tat-Trattat [KE] dwar il-kompetizzjoni ħielsa tas-servizzi" minħabba, minn naħa, ir-restrizzjonijiet għall-aċċess għall-professjoni kkawżati minn proċeduri ta' eżaminazzjoni xejn ċari u mill-ħtieġa ta' garanzija u, min-naħa l-oħra, il-kontroll u l-penalitajiet provduti. Huwa qies, fit-tieni lok, li r-regolament seta' jwassal għal diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini ta' l-Istati Membri. Fit-tielet lok, huwa lmenta li r-Regolament ma jipprovdix għal rimedji legali kontra d-deċiżjonijiet u l-penalitajiet applikabbli.

9        Aktar qabel, kien tressaq quddiem il-Kummissjoni, fl-20 ta' Frar 1996, ilment ta' Multiplayers International Denmark li kkontesta l-kompatibbiltà ta' l-istess Regolament ma' l-Artikoli 81 KE u 82 KE. Barra dan, hija kienet ġiet innotifikata b'petizzjonijiet imressqa quddiem il-Parlament Ewropew minn ċittadini Ġermaniżi u Franċiżi, iddikjarati ammissibbli mill-Parlament Ewropew rispettivament fid-29 ta' Ottubru 1996 u d-9 ta' Marzu 1998, li wkoll jikkonċernaw l-istess regolamentazzjoni.

10      Il-Kummissjoni bdiet proċedimenti skond ir-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta' Frar 1962, l-Ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 13, 1962, p.204), u bagħtet lill-FIFA dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet fid-19 ta' Ottubru 1999. Id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet indikat li r-regolament [oriġinali] kien jikkostitwixxi deċiżjoni ta' assoċjazzjoni ta' impriżi skond l-Artikolu 81 KE u kkontestat il-kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu tar-restrizzjonijiet li hemm fl-imsemmi Regolament rigward in-natura obbligatorja tal-liċenzja, l-esklużjoni li tingħata lil persuni morali, il-projbizzjoni magħmula lill-klabbs u lill-plejers li jużaw aġenti mhux liċenzjati, il-ħtieġa ta' garanzija bankarja u l-penalitajiet.

11      Fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, ta' l-4 ta' Jannar 2000, il-FIFA kkontestat li r-Regolament imsemmi aktar 'il fuq seta' jiġi kkwalifikat bħala deċiżjoni ta' assoċjazzjoni ta' impriżi. Hija ġġustifikat ir-restrizzjonijiet li kien fih fl-interess li jogħlew l-istandards etiċi u l-livell tal-kwalifiki professjonali u sostniet li huwa seta' jiġi eżentat skond l-Artikolu 81(3) KE.

12      Saret seduta ta' smigħ fil-bini tal-Kummissjoni, fl-24 ta' Frar 2000, li fiha ħadu sehem r-rappreżentanti tas-Sur Piau u tal-FIFA kif ukoll dawk tas-sindakat internazzjonali tal-plejers professjonali, l-FIFPro, li fisser l-interess tal-plejers fir-regolamentazzjoni ta' l-aġenti.

13      Wara l-proċedimenti amministrattivi mibdija mill-Kummissjoni, il-FIFA adottat, fl-10 ta' Diċembru 2000, regolament ġdid dwar l-attività ta' l-aġenti tal-plejers, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2001 u li ġiet emendata mill-ġdid fit-3 ta' April 2002.

14      Ir-regolament il-ġdid tal-FIFA (aktar 'il quddiem ir-"Regolament emendat") iżomm l-obbligu, sabiex tiġi eżerċitata l-professjoni ta' aġent ta' plejers, li baqgħet riżervata għal persuni fiżiċi, li dawn ikollhom liċenzja mogħtija mill-assoċjazzjoni nazzjonali kompetenti għal żmien illimitat (Artikoli 1, 2 u 10). Il-kandidat, li għandu jissodisfa l-ħtieġa ta' "reputazzjoni impekkabbli" (Artikolu 2), għandu jagħmel eżami bil-miktub (Artikoli 4 u 5). Dan ikun magħmul minn sett ta' mistoqsijiet b'għażla multipla intiż sabiex jiġi vverifikat l-għarfien ġuridiku u sportiv tal-kandidat (Anness A). L-aġent għandu wkoll jagħmel assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili professjonali tiegħu jew, fin-nuqqas, jippreżenta garanzija bankarja ta' CHF 100,000 (Artikoli 6 u 7).

15      Ir-relazzjonijiet bejn l-aġent u l-plejer għandhom ikunu suġġett ta' kuntratt bil-miktub għal perijodu massimu ta' sentejn, li jista' jiġġedded. Il-kuntratt għandu jistipula l-ħlas ta' l-aġent, li huwa kkalkolat skond is-salarju bażiku gross tal-plejer u huwa ffissat, fin-nuqqas ta' ftehim bejn il-partijiet, għal 5 % ta' l-imsemmi salarju. Kopja tal-kuntratt għandha tintbagħat lill-assoċjazzjoni nazzjonali, u r-reġistri tal-kuntratti ta' din ta' l-aħħar għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-FIFA (Artikolu 12). L-aġenti tal-plejers liċenzjati huma marbuta, b'mod partikolari, iħarsu l-istatuti u regolamenti tal-FIFA u ma javviċinawx plejer li għandu kuntratt ma' klabb (Artikolu 14).

16      Twaqqaf sistema ta' penalitajiet kontra l-klabbs, il-plejers u l-aġenti. Dawn jistgħu jeħlu, f'każ ta' nuqqas ta' ħarsien tar-regoli msemmija qabel, twiddiba, ċanfira jew twissija, kif ukoll multi (Artikoli 15, 17 u 19). L-aġenti tal-plejers jista' jkollhom il-liċenzja sospiża jew meħuda lura (Artikolu 15). Il-plejers jistgħu jkunu sospiżi għal tul massimu ta' tnax-il xahar (Artikolu 17). Il-klabbs jistgħu wkoll ikunu kkastigati b'miżuri ta' sospensjoni jew projbizzjoni ta' trasferimenti, għal mill-inqas tliet xhur (Artikolu 19). Jistgħu jiġu imposti multi fuq aġenti tal-plejers, fuq plejers u fuq klabbs. Għall-aġenti tal-plejers, l-ammont tal-multa mhuwiex speċifikat, bħal fir-regolament oriġinali, iżda, fil-każ tal-plejers u l-klabbs, issa huma previsti ammonti minimi, rispettivament ta' CHF 10,000 u ta' CHF 20,000 (Artikoli 15, 17 u 19). Dawn il-penalitajiet kollha huma kumulattivi (Artikoli 15, 17 u 19). Il-kwistjonijiet huma ta' kompetenza ta' l-assoċjazzjoni nazzjonali kompetenti jew tal-"Kumitat ta' l-Istatus tal-Plejer" (Artikolu 22). Miżuri ta' tranżizzjoni jippermettu l-validazzjoni ta' liċenzji mogħtija skond ir-regoli antiki (Artikolu 23). Kodiċi ta' etika u kuntratt ta' rappreżentazzjoni standard huma wkoll annessi mar-regolamenti emendat (Annessi B u C rispettivament).

17      L-emendi li saru fit-3 ta' April 2002 jispeċifikaw illi ċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) iridu jibagħtu l-applikazzjoni tagħhom għal liċenzja lill-assoċjazzjoni nazzjonali tal-pajjiż tagħhomm jew tad-domiċilju tagħhom mingħajr kundizzjoni dwar iż-żmien li ilhom residenti u li jistgħu jkollhom il-polza ta' assigurazzjoni meħtieġa f'xi pajjiż ta' l-Unjoni Ewropea jew taż-ŻEE ikun liema jkun.

18      Fid-9 u 10 ta' Lulju 2001, il-Parlament Ewropew iddikjara magħluqa l-fajls miftuħa wara l-petizzjonijiet imsemmija fil-punt 9 aktar 'il fuq.

19      Il-Kummissjoni bagħtet lis-Sur Piau, fit-3 ta' Awwissu 2001, ittra skond l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2842/98, tat-22 ta' Diċembru 1998, dwar is-smigħ tal-partijiet f'ċerti proċedimenti taħt l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat KE (ĠU L 354, p. 18). Il-Kummissjoni indikat li l-intervent tagħha quddiem il-FIFA kien wassal għat-tneħħija ta' l-aspetti restrittivi prinċipali tar-Regolament dwar l-attività ta' l-aġenti tal-plejers u li ma kien għad hemm ebda interess Komunitarju sabiex jitkomplew il-proċedimenti.

20      Il-Kummissjoni bagħtet ittra simili lil Multiplayers International Denmark, fit-12 ta' Novembru 2001, li din ta' l-aħħar ma rrispondietx.

21      B'risposta għall-ittra tat-3 ta' Awwissu 2001 imsemmija fil-punt 19 aktar 'il fuq, is-Sur Piau indika lill-Kummissjoni, fit-28 ta' Settembru 2001, li huwa qed iżomm l-ilment tiegħu. Huwa sostna li r-Regolament emendat kien għadu jikser l-Artikolu 81(1) KE f'dak li jikkonċerna l-eżami u l-assigurazzjoni professjonali u li restrizzjonijiet ġodda kienu ddaħħlu taħt forma ta' regoli ta' etika, tal-kuntratt b'forma standard u regoli dwar kif jiġi stabbilit il-ħlas. Dawn ir-restrizzjonijiet ma jistgħux, skond min qed jilmenta, jiġu eżentati abbażi ta' l-Artikolu 81(3) KE. Barra dan, is-Sur Piau kien indika li l-Kummissjoni ma kinitx eżaminat ir-regolamentazzjoni in kwistjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 82 KE.

22      B'deċiżjoni tal-15 ta' April 2002 (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), il-Kummissjoni ċaħdet l-ilment tas-Sur Piau. Il-Kummissjoni hemm indikat illi ma kienx hemm interess Komunitarju biżżejjed sabiex jitkomplew il-proċedimenti peress li l-miżura jew id-dispożizzjonijiet l-aktar restrittivi in kwistjoni kienu tneħħew – fir-rigward tal-karattru obbligatorju tal-liċenzja, dan seta' jiġi ġġustifikat –, u peress li r-restrizzjonijiet li baqgħu setgħu jiġu eżentati skond l-Artikolu 81(3) KE u l-Artikolu 82 KE ma japplikax f'dan il-każ.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23      B'att ippreżentat fl-14 ta' Ġunju 2002, is-Sur Piau ressaq dan ir-rikors.

24      Fil-5 ta' Novembru 2002, il-FIFA talbet li tintervjeni sabiex issotni t-talbiet tal-Kummissjoni. B'digriet tal-President ta' l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Diċembru 2002, dan l-intervent ġie ammess.

25      B'deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-2 ta' Lulju 2003, l-Imħallef Relatur ġie assenjat, mill-1 ta' Ottubru 2003, lir-Raba' Awla, u għalhekk il-kawża reġgħet ġiet assenjata lil din l-Awla.

26      Permezz ta' miżura ta' organizzazzjoni tal-proċedura nnotifikata fil-11 ta' Marzu 2004, il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet mistoqsijiet lill-Kummissjoni u lill-FIFA dwar l-assigurazzjoni ċivili professjonali, il-ħlas ta' l-aġenti tal-plejers u r-rimedji legali previsti mir-regolament emendat, u lis-Sur Piau dwar il-passi li ħa sabiex jeżerċita l-attività ta' aġent tal-plejers.

27      Il-FIFA, il-Kummissjoni u s-Sur Piau rrispondew għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza b'ittri li waslu, rispettivament fl-1, it-2 u l-5 ta' April 2004.

28      It-trattazzjoni orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu waqt is-seduta tat-22 ta' April 2004.

29      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

30      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna li r-rikorrent ibati l-ispejjeż.

31      Il-FIFA titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiddikjara li r-rikors huwa inammissibbli u fi kwalunkwe każ mhux fondat;

–        tordna li r-rikorrent ibati l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

32      Il-FIFA tikkontesta l-ammissibblità tar-rikors. Hija ssostni illi r-rikorrent m'għandux interess ġuridiku, peress li, minn naħa, qatt ma ħa passi uffiċjali sabiex jeżerċita l-professjoni ta' aġent tal-plejers u, min-naħa l-oħra, il-liġi Franċiża, applikabbli għal dan il-każ, hija aktar severa mir-regolamentazzjoni tal-FIFA.

33      Il-Kummissjoni tindika li ma qajmitx eċċezzjoni ta' inammissibbiltà fir-rigward tar-rikors, peress illi hija qieset li s-Sur Piau kellu rabtiet mad-dinja tal-futbol u li kien xtaq li jeżerċita l-professjoni ta' aġent tal-plejers.

34      Is-Sur Piau sostna li r-rikors tiegħu, li sar kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ċaħdet l-ilment tiegħu, huwa ammissibbli. Huwa jsostni li ilu jixtieq jeżerċita l-professjoni ta' aġent tal-plejers mill-1997 u li hemm kontradizzjonijiet bejn ir-regolamentazzjoni tal-FIFA u l-leġiżlazzjoni Franċiża.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

35      Il-Kummissjoni ma qajmitx eċċezzjoni ta' inammissibbiltà. Issa, it-talbiet ta' rikors għal intervent għandhom ikunu limitati biss għas-sostenn tat-talbiet ta' waħda mill-partijiet fil-kawża (l-aħħar inċiż ta' l-Artikolu 40, ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti tal-Prim'Istanza skond l-Artikolu 53 ta' l-imsemmi Statut).

36      Il-FIFA mhijiex għalhekk intitolata tqajjem eċċezzjoni ta' inammissibbiltà li ma tqajjmitx mill-parti li fir-rigward tagħha hija ġiet ammessa tintervjeni sabiex issostni t-talbiet tagħha. Il-Qorti tal-Prim'Istanza mhijiex għalhekk marbuta teżamina r-raġunijiet invokati f'dan ir-rigward (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C-313/90, Ġabra p. I‑1125, punt 22).

37      Madankollu, skond l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, din ta' l-aħħar tista', dejjem, teżamina ex officio l-eċċezzjonijiet ta' inammissibbiltà ta' ordni pubbliku, inklużi dawk invokati mill-partijiet intervenjenti (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Ottubru 1997, EISA vs Il-Kummissjoni, C-239/94, Ġabra p. II-1839, punt 26).

38      Huwa paċifiku li s-Sur Piau huwa destinatarju ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni li għalqet definittivament proċedimenti miftuħa abbażi tar-regolament Nru 17 u li hu debitament ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni. Ir-rifjuta li dawn il-proċedimenti jitkomplew u ċ-ċaħda ta' lment huma ta' ħsara għal min ikun bdihom li, skond ġurisprudenza kostanti, għandu jkollu rimedju sabiex iħares l-interessi leġittimi tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Ottubru 1977, Metro vs Il-Kummissjoni, 26/76, Ġabra p. 1875, punt 13, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Mejju 1994, BEUC u NCC vs Il-Kummissjoni, T-37/92, Ġabra p. II-285, punt 36). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll illi impriża terza li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni tkun irrikonoxxiet li għandha interess leġittimu li tippreżenta osservazzjonijiet fil-kuntest ta' proċedura ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 17 hija intitolata tippreżenta rikors (sentenza Metro vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punti 6, 7 u 11 sa 13).

 Fuq il-mertu

1.     F'dak li jikkonċerna t-trattament ta' l-ilment


 L-argumenti tal-partijiet

39      Is-Sur Piau isostni, fl-ewwel lok, illi l-Kummissjoni ma wettqitx l-obbligi imposti fuqha fit-trattament ta' lment imressaq skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17. Fil-fatt, għalkemm il-FIFA ma kinitix innotifikatilha r-Regolament oriġinali, il-Kummissjoni astjeniet milli tieħu pożizzjoni fuq l-allegat ksur u kienet ippreżumiet li l-imsemmi Regolament kien possibbilment eżentat. Dan l-aġir imur kontra l-bona fide li għandu jirregola r-relazzjonijiet bejn iċ-ċittadini u l-Komunità kif ukoll il-prinċipju taċ-ċertezza legali.

40      It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni la investigat u lanqas immotivat id-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta' l-Artikolu 82 KE, għalkemm dan l-ilment kien jikkonċerna dan l-Artikolu wkoll, kif ukoll jirriżulta, b'mod partikolari, mill-ittri tal-31 ta' Jannar u t-30 ta' Marzu 2001 li ntbagħtu bejn ir-rikorrent u l-Kummissjoni. Issa, l-inkjesta ma rrigwardatx l-Artikolu 82 KE, li ma ssemmiex fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet. Il-Kummissjoni b'hekk kienet ittradiet l-aspettattivi leġittimi tas-Sur Piau meta ma eżaminatx l-ilment tiegħu f'dan ir-rigward.

41      Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, illi n-nuqqas ta' notifika ma jfissirx illi l-miżura mhux notifikata hija illegali skond id-dritt Komunitarju.

42      Fit-tieni lok, il-konvenuta ssostni li ma kinitx marbuta tagħmel inkjesta u lanqas timmotiva d-deċiżjoni tagħha fir-rigward ta' l-Artikolu 82 KE, li ma ssemmiex fl-ilment iżda ġie invokat b'mod tardiv (it-28 ta' Settembru 2001) mir-rikorrent, meta ma kien hemm ebda element li juri ksur ta' din id-dispożizzjoni.

43      Il-FIFA ssotni li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx meħtieġa li tkun immotivata fir-rigward ta' l-Artikolu 82 KE, li ma ssemmiex fl-ilment u ġie invokat b'mod tardiv mir-rikorrent. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni, li setgħet ċaħdet l-ilment għar-raġuni biss ta' nuqqas ta' interess Komunitarju, immotivat id-deċiżjoni kkontestata b'mod suffiċjenti fir-rigward ta' l-Artikolu 82 KE.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

44      Rigward, l-ewwel nett, it-trattament ta' l-ilment fil-kuntest tar-Regolament Nru 17, għandu jiġi mfakkar illi l-Kummissjoni għanda diskrezzjoni wiesgħa f'dan il-qasam (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Marzu 1999, Ufex et vs Il-Kummissjoni, C-119/97 P, Ġabra p. I‑1341, punti 88 u 89).

45      F'dan il-każ, is-Sur Piau ressaq, fit-23 ta' Marzu 1998, ilment dwar ir-Regolament tal-FIFA dwar l-attività ta' aġent tal-plejers, miktub fil-qasir u li rrefera għall-"Artikoli [49] et seq tat-Trattat [KE] dwar il-kompetizzjoni ħielsa tas-servizzi" mingħajr ma rrefera għar-Regolament Nru 17. Il-Kummissjoni li kienet diġà rċeviet ilment ieħor dwar l-istess Regolament (ara punt 9 iktar 'il fuq), qieset illi l-fatti msemmija kienu jqajmu ċertu kwistjoniet tad-dritt tal-kompetizzjoni u kkunsidrat l-ilment tas-Sur Piau bħala li tressaq skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17.

46      Il-Kummissjoni wara mexxiet il-proċedimenti amministrattivi f'każ ta' ksur previsti fil-qasam tal-kompetizzjoni, billi għamlet inkjesta, billi bagħtet, fid-19 ta' Ottubru 1999, dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet lill-FIFA u billi, fl-24 ta' Frar 2000, semgħet il-partijiet ikkonċernati. Huwa paċifiku li dawn il-proċedimenti wasslu, b'mod definittiv, lill-FIFA sabiex tadotta, fl-10 ta' Diċembru 2000, regolament emendat dwar l-attività ta' aġenti tal-plejers tal-futbol. Il-Kummissjoni, sodisfatta mill-emendi magħmula mill-FIFA għar-regolament in kwistjoni, għalhekk ikkunsidrat li ma kellhiex għalfejn tkompli l-proċedimenti, u dan ġie indikat lis-Sur Piau meta bagħtitlu, fit-3 ta' Awwissu 2001, ittra skond l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2842/98 u mbagħad billi ċaħditlu l-ilment tiegħu fil-15 ta' April 2002.

47      Jidher li l-Kummissjoni b'hekk applikat b'mod korrett, mil-lat proċedurali, il-poteri mogħtija lilha mir-Regolament Nru 17, li dak iż-żmien kien appplikabbli, sabiex tinvestiga lment fil-qasam tal-kompetizzjoni, fid-dawl tal-marġni ta' diskrezzjoni li hija għandha f'dan il-qasam. Il-Kummissjoni, għalhekk, ma naqsitx milli twettaq l-obbligi tagħha f'dan il-qasam. Il-fatt li r-regolament oriġinali ma ġiex innotifikat lill-Kummissjoni ma affettwax ir-regolarità tal-proċedimenti, peress li n-nuqqas ta' notifika kellu l-effett biss li jneħħi lill-Kummissjoni l-possibbiltà li tieħu deċiżjoni dwar, b'mod partikolari, eżenzjoni eventwali tar-Regolament skond l-Artikolu 81(3) KE, billi l-FIFA ma ppreżentatx talba f'dan is-sens quddiemha. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent ma ġab ebda prova li turi li, meta ttrattat l-ilment, il-Kummissjoni naqset li taġixxi in bona fide jew ma osservatx il-prinċipju ta' ċertezza legali.

48      Rigward, fit-tieni lok, l-investigazzjoni ta' l-ilment u l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta' l-Artikolu 82 KE, jirriżulta mill-proċess li l-ilment ippreżentat fit-23 ta' Marzu 1998 ma jsemmix l-Artikolu 82 KE. Madankollu, is-Sur Piau, fl-ittra tiegħu tat-28 ta' Settembru 2001, li indikat, b'risposta għad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2842/98, li huwa kien qed iżomm l-ilment tiegħu (ara l-punt 21 aktar 'il fuq), kien invoka din id-dispożizzjoni. Min għamel l-ilment kien spjega hemm illi, fil-fehma tiegħu, il-kawża ma kinitix investigata fir-rigward ta' l-Artikolu 82 KE għalkemm il-FIFA kienet f'sitwazzjoni ta' abbuż ta' pożizzjoni dominanti u l-Kummissjoni, f'ittra tat-30 ta' Marzu 2001, kienet indikat li l-ilment tagħha jirrigwarda prinċipalment l-Artikoli 81 KE u 82 KE.

49      Ir-rikorrent ma jistax jinvoka l-ħarsien ta' l-aspettattivi leġittimi dwar indikazzjonijiet li hemm fit-talbiet għal informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni lill-FIFA, fil-11 ta' Novembru 1998 u fid-19 ta' Lulju 1999, li kkontemplaw il-possibbiltà ta' ksur ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE. Dawn l-indikazzjonijiet ma jistgħux jitqiesu bħala assigurazzjonijiet preċiżi li setgħu joħolqu aspettattivi fondati (ara, pre eżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Novembru 2000, Dreyfus et vs Il-Kummissjoni, T-485/93, T-491/93, T-494/93 u T-61/98, Ġabra p. II-3659, punt 85). Barra dan, wara, il-Kummissjoni, fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, ma identifikatx ksur fir-rigward ta' l-Artikolu 82 KE, iżda biss fir-rigward ta' l-Artikolu 81 KE.

50      Il-Kummissjoni, ma tistax, min-naħa tagħha, issostni li r-referenza tardiva mir-rikorrent għall-Artikolu 82 KE waqt il-proċedimenti amministrattivi tiddispensaha milli tinvestiga u timmotiva d-deċiżjoni kkontestata f'dan ir-rigward. Fil-fatt, sakemm il-proċedimenti ma kinux ingħalqu, u ma kinitx ittieħdet deċiżjoni dwar l-ilment tas-Sur Piau, il-Kummissjoni dejjem setgħet tagħmel investigazzjonijiet ġodda jekk ilmenti ġodda, li kellha tivvaluta r-rilevanza tagħhom, tqajjmu.

51      Min-naħa l-oħra, safejn, wara li eżaminat il-punti ta' fatt u ta' dritt dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 82 KE, il-Kummissjoni kkonkludiet li investigazzjoni f'dan hija rigward kienet tkun superfluwa jew inġustifikata, ma kinitx obbligata tkompli l-investigazzjoni fuq dan il-punt (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Jannar 1995, Ladbroke vs Il-Kummissjoni, T-74/92, Ġabra p.II‑115, punt 60).

52      Dwar il-motivazzjoni tagħha fir-rigward ta' l-Artikolu 82 KE, id-deċiżjoni kkontestata tindika li l-kummenti tas-Sur Piau dwar din id-dispożizzjoni "huma vagi fir-rigward tas-suq li fih il-FIFA suppost kellha pożizzjoni dominanti u fir-rigward ta' l-abbuż allegat". Hija tispjega li l-FIFA m'hijiex attiva fis-suq ta' l-għoti ta' pariri [lill-plejers], li fih joperaw l-aġenti tal-futbol, u tikkonkludi li "[l-] Artikolu 82 KE ma japplikax f'dan il-każ kif spjegat minn min għamel l-ilment". Dawn l-indikazzjonijiet jissodisfaw, fiċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ, l-obbligu ta' motivazzjoni li bih hija marbuta l-Kummissjoni (sentenza Ladbroke vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 60).

53      Jirriżulta minn dak li ngħad qabel illi s-Sur Piau mhuwiex iġġustifikat li jsostni li l-Kummissjoni ma wettqitx l-obbligi imposti fuqha fir-rigward tat-trattament ta' l-ilment imressaq quddiemha. Ir-raġunijiet tar-rikorrent konnessi ma' dan għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

2.     F'dak li jikkonċerna l-interess Komunitarju

 L-argumenti tal-partijiet

54      Is-Sur Piau jsostni li l-ilment tiegħu kellu interess Komunitarja. Fil-fatt, is-suq huwa "ta' natura transkonfini", id-dispożizzjonijiet restrittivi l-aktar importanti tar-regolament oriġinali ma tneħħewx u r-regolament emendat ma jistax jiġi eżentat skond l-Artikolu 81(3) KE. L-effetti antikompetittivi jibqgħu, peress illi l-aġenti liċenzjati taħt is-sistema tar-regolament oriġinali żammew is-sehem mis-suq li kienu akkwistaw. Barra dan, l-Artikolu 62 huwa applikabbli. Fl-aħħar nett, is-Sur Piau ma jistax jikseb protezzjoni adegwata quddiem il-qrati nazzjonali.

55      Ir-rikorrent isostni, l-ewwel nett, illi l-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni żbaljata tar-regolament tal-FIFA dwar l-attività ta' l-aġenti tal-plejers. L-obbligu, li jekk ma jiġix osservat ikun hemm lok għal penalitajiet, li jitħarsu r-regolamenti tal-FIFA jikkostitwixxi xkiel għall-"kompetizzjoni ħielsa tas-servizzi" u għal-libertà ta' stabbiliment u jippriva lill-aġenti tal-futbol mhux liċenzjati milli jkollhom aċċess għas-suq. Id-dispożizzjoni tar-regolament emendat dwar il-ħlas ta' l-aġenti tal-plejers tammonta għall-iffissar ta' prezz impost li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. L-impożizzjoni ta' kuntratt standard tmur kontra l-libertà kuntrattwali, u l-obbligu impost fuq l-assoċjazzjoni nazzjonali li tibgħat kopja lill-FIFA ma jiggarantixxix il-ħarsien ta' l-informazzjoni personali. Il-kodiċi ta' etika anness ma' l-imsemmi Regolament jista' jagħti lok għall-arbitrarjetà. Ir-regolament emendat mhuwiex kompatibbli mal-leġiżlazzjoni Franċiża dwar il-professjoni; madankollu, il-federazzjoni Franċiża tal-futbol tat prevalenza lil dan ir-regolament u ħarġet liċenzji kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali. Ir-Regolament emendat jipprojbixxi wkoll li jinbdew proċedimenti quddiem il-Qrati ordinarji.

56      Fit-tieni lok, is-Sur Piau isostni li r-Regolament emendat ma jistax jibbenefika minn eżenzjoni abbażi ta' l-Artikolu 81(3) KE, peress li ebda waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija f'din id-dispożizzjoni ma hija sodisfatta. Ir-restrizzjonijiet la huma indispensabbli, la adattati, u lanqas proporzjonati. Min-naħa l-oħra, dan ir-Regolament ineħħi kull kompetizzjoni, peress li l-FIFA biss hija kompetenti li tagħti liċenzja. Ir-rikorrent isostni li, wara l-għan dikjarat ta' protezzjoni tal-plejers u li jogħlew l-istandards etiċi tal-professjoni tal-plejers tal-futbol, l-intenzjoni vera hija li l-FIFA tieħu kontroll assolut tal-professjoni ta' l-aġenti tal-plejers tal-futbol bi vjolazzjoni tal-libertà li jitwettqu attivitajiet ta' negozju u tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni. Is-Sur Piau jsostni wkoll li n-"nautra speċifika ta' l-isports", li tippermetti li ssir deroga mid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, ma tistax tiġi invokata f'dan il-każ, peress illi l-attività in kwistjoni mhijiex direttament marbuta ma' l-isport.

57      Fit-tielet lok, is-Sur Piau jsostni li l-FIFA hija f'pożizzjoni dominanti fis-"suq tal-futbol" u qed tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq relatat tas-servizzi mogħtija minn aġenti tal-plejers tal-futbol. Il-FIFA hija assoċjazzjoni ta' impriżi u r-Regolament emendat jikkostitwixxi deċiżjoni ta' assoċjazzjoni ta' impriżi. Peress li tirrappreżenta l-interess tax-xerrejja kollha, il-FIFA taġixxi bħala monopsony, xerrej uniku li jimponi l-kundizzjonijiet tiegħu lill-bejjiegħa. L-abbuż tal-pożizzjoni dominanti jirriżulta mid-dispożizzjonijiet obbligatorji tar-regolament. L-aġenti tal-plejers tal-futbol liċenzjati jżommu wkoll, flimkien, pożizzjoni dominanti kollettiva li minnha jabbużaw permezz tar-regolamentazzjoni tal-FIFA. Is-suq ta' l-għoti ta' servizzi ta' aġenti tal-plejers huwa rriżervat lill-membri ta' l-assoċjazzjoni ta' impriżi u l-aġenti mhux illiċenzjati huma pprojbiti milli jaċċedu għalih.

58      Fir-raba' lok, is-Sur Piau jsostni li r-regolament emendat, billi jissuġġetta l-aċċess għall-professjoni ta' aġent tal-plejers għall-pussess ta' liċenzja, ifixkel il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi u l-libertà li jitwettqu attivitajiet ta' negozju. Ir-rikorrent isostni li l-FIFA m'għandha ebda dritt tirregola attività ekonomika u li l-Kummissjoni b'hekk impliċitament iddelegat lilha poter li tirregola attività ta' għoti ta' servizzi bi vjolazzjoni tal-kompetenzi mogħtija lill-Istati Membri.

59      Il-Kummissjoni ssostni, b'mod prinċipali, illi ma kienx hemm interess Komunitarju li jiġġustifika li jitkomplew il-proċedimenti, li l-ilment ġie miċħud ġustament għal din ir-raġuni u li għalhekk, ir-rikors tas-Sur Piau ma kienx fondat. In-"natura traskonfini" tas-suq ma kienx neċessarjament ifisser li kien hemm interess Komunitarju. Ir-restrizzjonijiet l-iktar importanti kienu tneħħew fir-regolament emendat. L-effetti eventwalment persistenti tar-regolament oriġinali jistgħu jitqiesu bħala miżuri tranżitorji li jiggarantixxu d-drittijiet akkwiżiti ta' l-aġenti tal-plejers skond is-sistema l-antika. Il-fatt li lment jikkontesta abbuż allegat ta' pożizzjoni dominanti ma jippermettix, waħdu, li jiġi konkluż li hemm interess Komunitarju. Ir-rikorrent mhuwiex, għall-kuntrarju ta' dak li jafferma, miżmum milli jibda proċedimenti quddiem il-qrati ordinarji.

60      B'mod sussidjarju, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, illi l-argumenti tar-rikorrent, ibbażati fuq dispożizzjonijiet li ma jagħmlux parti mil-liġi tal-kompetizzjoni, huma inammissibbli jew mhumiex fondati, peress li la r-Regolament Nru 17, u lanqas bażi ġuridika oħra, ma jagħtu l-poter li ssir azzjoni kontra assoċjazzjoni ta' impriżi fuq bażi li ma tkunx dik tar-rispett tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni, barra dan, issostni li d-dritt Komunitarju jaċċetta r-rikonoxximent tad-drittijiet akkwiżiti u li t-tħassib tar-rikorrent dwar il-protezzjoni ta' l-informazzjoni personali mhuwiex fondat. Hija tispjega li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-professjoni ta' aġent tal-plejers tal-futboll ma ġietx armonizzata fuq il-livell Komunitarju, ir-regolament tal-FIFA, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta' aċċess b'mod uniformi fuq livell dinji, mhuwiex tali li jirrestrinġi l-moviment liberu ta' l-aġenti tal-plejers.

61      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssotni li hija m'għamlitx evalwazzjoni żbaljata tar-regolamentazzjoni in kwistjoni, li fil-fatt hija ntiża sabiex, tħares il-plejers u tiggarantixxi l-kwalifiki ta' l-aġenti. Is-sistema ta' liċenzji timponi, fin-nuqqas ta' organizzazzjoni interna tal-professjoni, restrizzjonijiet kwalitattivi ġġustifikati, indispensabbli u proporzjonati. Barra dan, ir-restrizzjonijiet prinċipali, li jikkonċernaw b'mod partikolari l-kundizzjonijiet ta' aċċess għall-professjoni u l-proċeduri ta' eżaminazzjoni, kienu tneħħew. Ir-regolament emendat huwa proporzjonat għall-għanijiet intiżi u jikkunsidra n-natura speċifika ta' l-isports. Id-dispożizzjoni dwar il-ħlas ta' l-aġent hija biss regola sussidjarja li tħalli marġni wiesgħa ta' libertà għall-partijiet. Il-kuntratt standard ma jfixkilx il-libertà tal-partijiet u l-limitazzjoni tat-tul tiegħu għal sentejn tiffavorixxi l-kompetizzjoni. Ma ġietx ippruvata l-eżistenza ta' l-allegata projbizzjoni milli jinbdew proċedimenti quddiem il-qrati ordinarji. Ir-regoli ta' etika, li jistgħu jiġu ġġustifikati mill-interess pubbliku, huma proprozjonati u kompatibbli mal-liġi Komunitarja tal-kompetizzjoni. Fl-aħħar nett, in-natura obbligatorja tar-regolament u l-penalitajiet li jipprovdi huma inerenti għall-eżistenza ta' regolamentazzjoni.

62      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li r-regolament emendat jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 81(3) KE sabiex igawdi minn eżenzjoni. Ir-restrizzjonijiet li għandu, li huma intiżi biex jgħollu l-istandards etiċi u professjonali, huma proprzjonati. Il-kompetizzjoni mhijiex eliminta. L-eżistenza stess ta' regolament jiffavorixxi operat aħjar tas-suq u għalhekk jikkostitwixxi progress ekonomiku.

63      Fir-raba' lok, il-Kummissjoni ssotni li l-Artikolu 82 KE, li jikkonċerna biss l-attivitajiet ekonomiċi, ma jistax jiġi applikat f'din il-kawża li tirrigwarda attività purament regolamentari. Il-FIFA la tista' tiġi ddefinita bħala "poter ekonomiku" u lanqas bħal monopsony u ma ntwera ebda abbuż f'xi suq konness mas-"suq tal-futbol". Il-FIFA ma tirrappreżentax l-interessi ekonomiċi tal-klabbs u tal-plejers. L-aġenti tal-plejers liċenzjati jikkostitwixxu professjoni li mhijiex numeruża jew strutturata, u għalhekk ma jabbużawx minn pożizzjoni dominanti kollettiva. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li l-FIFA hija assoċjazzjoni ta' impriżi u li r-regolament kontenzjuż huwa deċiżjoni ta' assoċjazzjoni ta' impriżi.

64      Il-FIFA ssotni, l-ewwel nett, illi l-Kummissjoni, ġustament, ċaħdet l-ilment tas-Sur Piau minħabba nuqqas ta' interess Komunitarju. Id-dispożizzjonijiet restrittivi miżmuma fir-regolament emendat għandhom għan kwalitattiv. Huma ma jinvolvux restrizzjonijiet ipprojbiti mill-Artikolu 81(1) KE u huma ġġustifikati skond l-Artikolu 81(3) KE. L-effetti antikompetittivi allegatament persistenti ma jirriżultawx mir-regolamentazzjoni in kwistjoni iżda mill-attività ta' l-aġenti. In-"natura transkonfini" tas-suq huwa mingħajr effett fuq l-interess Komunitarju li jista' jkollha kawża.  

65      Fit-tieni lok, il-FIFA ssostni li r-regolament emendat ma jistax jiġi definit bħala deċiżjoni ta' assoċjazzjoni ta' impriżi peress illi l-klabbs professjonali, li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala impriżi, jikkostitwixxu biss minoranza tal-membri ta' l-assoċjazzjonijiet nazzjonali, li jikkostitwixxu l-membri ta' l-organizzazzjoni internazzjonali. Ir-regolamenti adottatti mill-FIFA mhumiex għalhekk l-espressjoni tal-volontà tal-klabbs professjonali. Ir-regolament emendat m'għandux restrizzjonijiet konsiderevoli tal-kompetizzjoni. Il-proċeduri għall-ksib tal-liċenzja issa huma sodisfaċenti. L-assigurazzjoni professjonali, għal somma stabbilita oġġettivament, hija mod adattat ta' soluzzjoni ta' kwistjonijiet. Id-dispożizzjonijiet dwar il-ħlas ta' l-aġent ma jistgħux jiġu mqabbla ma' mekkaniżmu li jiffissa l-prezzijiet. Il-kuntratt standard jinkludi klawsoli klassiċi u b'ebda mod ma jippreġudika l-ħarsien tal-ħajja privata. Ir-regoli ta' etika, il-mekkaniżmu ta' penalitajiet u s-sistema ta' soluzzjoni tal-kwistjonijiet ma jiksrux l-Artikolu 81 KE.

66      Fit-tielet lok, il-FIFA ssostni li r-regolament emendat seta' jiġi eżentat skond l-Artikolu 81(3) KE. Din ir-regolamentazzjoni hija meħtieġa fin-nuqqas ta' organizzazzjoni tal-professjoni u ta' leġiżlazzjonijiet nazzjonali, u minħabba d-dimensjoni dinjija tal-futbol. Tiffavorixxi l-professjonalità ta' l-attività ta' l-aġenti tal-plejers u tgħolli l-istandards etiċi tagħha filwaqt li ż-żjieda fin-numri ta' aġenti juri li r-regoli in kwistjoni mhumiex restrittivi.

67      Fir-raba' lok, il-FIFA ssostni li l-Artikolu 82 KE mhuwiex applikabbli u li hija ma kkommettiet ebda abbuż ta' pożizzjoni dominanti. Hija tfakkar li mhijiex assoċjazzjoni ta' impriżi u ssostni li, fl-eżerċizzju tal-poter regolatorju tagħha, in kwistjoni f'din il-kawża, hija ma teżerċitax attivitajiet ekonomiċi. Hija tesponi li r-rikorrent qatt ma semma' s-"suq tal-futbol" matul il-proċedimenti amministrattivi u li l-fatt illi hija teżerċita poter regolatorju fuq atturi ekonomiċi ta' suq speċifiku ma jfissirx illi hija attiva f'dak is-suq, a fortiori, li hija żżomm pożizzjoni dominanti. Barra dan, is-suq ta' l-għoti tal-pariri in kwistjoni f'din il-kawża ma huwa relatat ma' l-ebda suq li fih hija attiva l-FIFA. Is-sitwazzjoni tagħha lanqas ma tistax tiġi definita bħala monopsony, peress li l-FIFA la tirrappreżenta l-klabbs u lanqas il-plejers fir-relazzjonijiet tagħhom ma' l-aġenti. L-aġenti liċenzjati lanqas ma jeżerċitaw pożizzjoni dominanti kollettiva li huma jabbużaw minnha permezz tar-regolamentazzjoni tal-FIFA.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

 Fuq in-natura tar-Regolament tal-FIFA dwar l-attività ta' aġenti tal-plejers

68      Il-Kummissjoni, mingħajr ma tikkwalifika fir-rigward tad-dritt Komunitarju la n-natura tar-regolament dwar l-attività ta' l-aġenti tal-plejers u lanqas il-FIFA bħala awtur ta' dan ir-Regolament, eżaminat, fid-deċiżjoni kkontestata, l-ilment tas-Sur Piau b'referenza għar-regoli Komunitarji ta' kompetizzjoni, b'mod partikolari l-Artikolu 81 KE. Issa, din id-dispożizzjoni u l-poteri mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tassigura l-ħarsien tagħha jikkonċernaw id-deċiżjonijiet, ftehim jew prattiċi ta' impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi, peress li d-dritt Komunitarju japplika biss sakemm l-atti jew aġir in kwistjoni u l-awturi tagħhom jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni. Fil-kuntest ta' din l-istanza, il-Kummissjoni indikat illi, fil-fehma tagħha, il-FIFA tikkostitwixxi assoċjazzjoni ta' impriżi, u r-regolament kontenzjuż jikkostitwixxi deċiżjoni ta' assoċjazzjoni ta' impriżi, ħaġa li tikkonferma l-analiżi li hija għamlet fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, analiżi li qabel magħha s-Sur Piau iżda kkontestata mill-FIFA.

69      Rigward, fl-ewwel lok, il-kunċett ta' assoċjazzjoni ta' impriżi, u mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà ta' l-argumentazzjoni ta' l-intervenjenti li tmur kontra dak li ssostni l-parti li favur tagħha hija intervjeniet, huwa paċifiku li l-FIFA għandha bħala membri assoċjazzjonijiet nazzjonali li jiġbru flimkien klabbs li għalihom il-prattika tal-futbol tikkostitwixxi attività ekonomika. Dawn il-klabbs tal-futbol huma, għalhekk, impriżi fit-tifsira ta' l-Artikolu 81 KE u l-assoċjazzjonijiet nazzjonali li jiġbruhom flimkien huma assoċjazzjonijiet ta' impriżi fit-tifsira ta' din l-istess dispożizzjoni.

70      Il-fatt li l-assoċjazzjonijiet nazzjonali jiġbru flimkien klabbs imsejħin dilettanti ma' dawk il-klabbs imsejħin professjonali ma jistax iqajjem dubji dwar din l-evalwazzjoni. F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat illi d-deskrizzjoni unilaterali, minn assoċjazzjoni jew federazzjoni sportiva, ta' persuni sportivi jew klabbs bħala "dilettanti" ma tfissirx, minnha nfisha, li għandu jiġi eskluż li dawn jeżerċitaw attivitiajiet ekonomiċi fit-tifsira ta' l-Artikolu 2 KE (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' April 2000, Deliège, C-51/96 u C-191/97, Ġabra p. I‑2549, punt 46).

71      Barra dan, l-assoċjazzjonijiet nazzjonali, illi, skond l-istatuti tal-FIFA, huma marbuta jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet organizzati minnha, għandhom jagħtuha perċentwali tad-dħul gross ta' kull logħba internazzjonali u huma rrikonoxxuti, mill-istess statuti, flimkien mal-FIFA, bħala proprjetarji tad-drittijiet esklużivi ta' xandir u trażmissjoni ta' l-avvenimenti sportivi kkonċernati, u b'hekk jeżerċitaw ukoll l-attività ekonomika (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Novembru 1994, Scottish Football vs Il-Kummissjoni, T-46/92, Ġabra p. II‑1039). Huma jikkostitwixxu għalhekk impriżi fit-tifsira ta' l-Artikolu 81 KE.

72      Peress li l-assoċjazzjonijiet nazzjonali jikkostitwixxu assoċjazzjonijiet ta' impriżi, u wkoll, minħabba l-attivitajiet ekonomiċi li jeżerċitaw, impriżi, il-FIFA, assoċjazzjoni li tiġbor flimkien l-assoċjazzjonijiet nazzjonali, ukoll tikkostitwixxi assoċjazzjoni ta' impriżi fis-sens ta' l-Artikolu 81 KE. Fil-fatt, din d-dispożizzjoni tapplika għall-assoċjazzjonijiet safejn l-attività tagħhom propja jew dik ta' l-impriżi affiljati magħhom tipproduċi l-effetti li ssemmi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Mejju 1975, Frubo vs Il-Kummissjoni, 71/74, Ġabra. p. 563, punt 30). Il-kuntest ġuridiku li fihom jittieħdu deċiżjonijiet ta' impriżi u d-definizzjoni ġuridika mogħtija lil dan il-kuntest mill-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali mhumiex tilevanti għall-applikabbiltà tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Jannar 1985, BNIC, 123/83, Ġabra p. 391, punt 17).

73      Rigward, fit-tieni lok, il-kunċett ta' deċiżjoni ta' assoċjazzjoni ta' impriżi, jirriżulta mill-proċess li l-attività ta' aġent tal-plejers għandha bħala għan, skond it-termini stess tar-Regolament emendat, li "tintroduċi b'mod regolari u bi ħlas plejer lil klabb sabiex jiġi konkluż kuntratt ta' xogħol jew żewġ klabbs lil xulxin sabiex jiġi konkluż kuntratt ta' trasferiment". Għalhekk, din hija attività ekonomika ta' għoti ta' servizzi li ma taqax taħt il-kamp tan-natura speċifika ta' l-isports kif inhi definita mill-ġurisprudenza (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Lulju 1976, Donà, 13/76, Ġabra p. 1333, punti 14 u 15; tal-15 ta' Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 127; Deliège, iċċitata aktar 'il fuq, punti 64 u 69, u tat-13 ta' April 2000, Lehtonen u Castors Braine, C-176/96, Ġabra p. I‑2681, punti 53 sa 60).

74      Minn naħa, ir-regolament dwar l-attività ta' l-aġenti tal-plejers ġie adottat mill-FIFA bl-awtorità tagħha stess u mhux skond poteri normattivi li ġew delegati lilha mill-awtoritajiet pubbliċi sabiex twettaq missjoni rikonoxxuta bħala waħda ta' interess ġenerali li tirrigwarda l-attività sportiva (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Frar 2002, Wouters et, C-309/99, Ġabra p. I‑1577, punti 68 u 69). Dan ir-regolament lanqas ma jaqa' taħt il-kamp tal-libertà ta' organizzazzjoni interna ta' l-assoċjazzjonijiet sportivi (sentenzi Bosman, iċċitata aktar 'il fuq, punt 81, u Deliège, iċċitat aktar 'il fuq, punt 47).

75      Min-naħa l-oħra, peress li huwa vinkolanti għall-assoċjazzjonijiet nazzjonali membri tal-FIFA, li huma marbuta jistabbilixxu regolamentazzjoni analoga li wara tkun approvata mill-FIFA, kif ukoll għall-klabbs, il-plejers, u l-aġenti tal-plejers, dan ir-regolament ifisser l-espressjoni tar-rieda tal-FIFA li tikkoordina l-aġir tal-membri tagħha fir-rigward ta' l-attività ta' l-aġenti tal-plejers. Jikkostitwixxi għalhekk deċiżjoni ta' assoċjazzjoni ta' impriżi fis-sens ta' l-Artikolu 81(1) KE (sentenzi tal-qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' Jannar 1987, Verband der Sachversicherer vs Il-Kummissjoni, 45/85, Ġabra p. 405, punti 29 sa 32, u Wouters et, iċċitata aktar 'il fuq, punt 71) li għandha tħares ir-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni peress li tali deċiżjoni għandha effetti fil-Komunità.

76      F'dak li jikkonċerna l-leġittimità, ikkontestata mir-rikorrent, tal-FIFA biex tagħmel tali regolamentazzjoni, li m'għandhiex għan sportiv iżda tirregola attività ekonomika li hija ta' importanza sekondarja għall-attività sportiva in kwistjoni u tolqot libertajiet fundamentali, jistgħu jitqajmu dubji dwar il-poter normattiv li tattribwixxi lilha nfisha organizzazzjoni privata bħall-FIFA, li għandha bħala għan prinċipali, skond l-istatut, il-promozzjoni tal-futbol (ara punt 2 aktar 'il fuq), fid-dawl tal-prinċipji komuni għall-Istati Membri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea.

77      Fil-fatt, il-prinċipju stess tar-regolamentazzjoni ta' attività ekonomika li la tikkonċerna n-natura speċifika ta' l-isports u lanqas il-libertà ta' organizzazzjoni interna ta' assoċjazzjonijiet sportivi, permezz ta' entità rregolata mid-dritt privat li ma ngħatat ebda delega minn awtorità pubbblika biex tagħmel dan, bħall-FIFA, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala kompatibbli mad-dritt Komunitarju, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħarsien tal-libertajiet ċivili u ekonomiċi.

78      Tali regolamentazzjoni, li tiddixxiplina attività ekonomika u tolqot libertaijiet funadamentali, hija, bħala regola, ta' kompetenza ta' l-awtoritajiet pubbliċi. Madankollu, fil-kuntest ta' din il-kawża, il-kompetenza normattiva eżerċitata, fin-nuqqas kważi ġenerali ta' regolamenti nazzjonali, mill-FIFA, tista' tiġi eżaminata biss safejn taffettwa r-regoli dwar il-kompetizzjoni, li fid-dawl tagħhom għandha tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li l-kunsiderazzjonijiet dwar il-bażi ġuridika li tippermetti lill-FIFA teżerċita attività regolamentari, għalkemm huma importanti, ma jistgħux jiġu mistħarrġa minn din il-Qorti.

79      Fil-fatt, dan ir-rikors jirrigwarda l-legalità ta' deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni wara li saru proċedimenti li nfetħu bħala riżultat ta' lment imressaq skond ir-Regolament Nru 17, li, sabiex tittrattah, il-Kummissjoni ma setgħetx tapplika poteri differenti minn dawk illi għandha f'dan il-kuntest. L-istħarriġ ġudizzjarju huwa neċessarjament limitat għar-regoli dwar il-kompetizzjoni u għall-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni ta' l-allegat ksur ta' dawn ir-regoli mir-regolamentazzjoni tal-FIFA. Għalhekk, dan l-istħarriġ jista' jestendi għall-ħarsien ta' dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat biss safejn il-vjolazzjoni eventwali tagħhom turi, fl-istess ħin, vjolazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, jista' jsir stħarriġ dwar il-vjolazzjoni eventwali ta' prinċipji fundamentali biss f'każ li din tkun tfisser ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni.

 Fuq l-evalwazzjoni ta' l-interess Komunitarju ta' l-ilment.

80      Id-deċiżjoni kkontestata tiċħad l-ilment tas-Sur Piau minħabba nuqqas ta' interess Komunitarju sabiex jitkomplew il-proċedimenti. Għandu jiġi mfakkar illi, minn naħa, l-evalwazzjoni ta' l-interess Komunitarju li jqajjem ilment magħmul fil-qasam tal-kompetizzjoni tiddependi miċ-ċirkustanzi ta' fatt u ta' dritt ta' kull każ, li jistgħu jkunu differenti ħafna minn kawża għall-oħra, u mhux minn kriterji stabbiliti minn qabel li jiġu applikati bil-fors (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Ufex et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 79 u 80). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni, li ngħatat, bl-Artikolu 85(1) KE, il-missjoni li tassigura l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE, hija msejħa sabiex tiddefinixxi u tħaddem il-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni u għandha għal dan il-għan setgħa diskrezzjonali fit-trattament ta' l-ilmenti. Din is-setgħa mhijiex limitata u l-Kummissjoni għandha tevalwa f'kull każ partikolari is-serjetà u t-tul tal-ksur tal-kompetizzjoni u l-persistenza ta' l-effetti tiegħu (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Ufex et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punti 88, 89, 93 u 95).

81      Barra dan, l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja fuq l-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, ta' setgħa diskrezzjonali li hija mogħtija lilha f'dan ir-rigward m'għandux iwassalha biex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ta' l-interess Komunitarju għal dik tal-Kummissjoni, iżda għandu jivverifika li d-deċiżjoni kontenzjuża mhijiex ibbażata fuq fatti materjalment żbaljati u li m'hemm ebda żball ta' dritt jew żball manifest ta' evlawazzjoni jew abbuż ta' poter (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Frar 2001, SEP vs Il-Kummissjoni, T-115/99, Ġabra p. II‑691, punt 34).

82      F'dan il-każ, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' interess Komunitarju hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta' tliet tipi, jiġifieri r-revoka tad-dispożizzjonijiet l-aktar restrittivi li hemm fir-regolament oriġinali, il-possibbiltà li d-dispożizzjonijiet tar-regolament emendat jiġu eżentati skond l-Artikolu 81(3) KE u n-nuqqas applikabbiltà ta' l-Artikolu 82 KE.

–        Rigward ir-revoka tad-dispożizzjonijiet l-aktar restrittivi li hemm fir-regolament oriġinali

83      Id-deċiżjoni kkontestata tispjega, l-ewwel nett, illi d-dispożizzjonijiet restrittivi l-aktar importanti li kien hemm fir-regolament adottat fl-20 ta' Mejju 1994 tneħħew fir-regolament adottat fl-20 ta' Diċembru 2000. Hija teżamina d-dispożizzjonijiet tar-regolament tal-FIFA f'ħames partijiet, li għandhom x'jaqsmu ma' l-eżami, l-assigurazzjoni, il-kodiċi ta' etika, l-iffissar tal-ħlas ta' l-aġent tal-plejers u l-kuntratt standard.

84      L-ewwel nett, rigward l-eżami, il-Kummissjoni tikkonstata fid-deċiżjoni kkontestata li l-kandidati jridu issa jagħmlu eżami bil-miktub li jikkonsisti f'sett ta' mistoqsijiet b'għażla multipla. Il-proċeduri u d-dati tiegħu, ippreċiżati fl-Anness tar-regolament emendat, huma l-istess madwar id-dinja. Hija tinnota li issa huwa previst sistema ta' appell f'żewġ stadji u li r-rekwiżit ta' residenza għal sentejn għaċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea issa tneħħa b'emenda għall-imsemmi Regolament tat-3 ta' April 2002. Id-deċiżjoni kkontestata tindika li r-rekwiżit ta' "reputazzjoni perfetta" meħtieġa għall-ksib tal-liċenzja, li għandha tiġi interpretata skond il-liġijiet nazzjonali, tinftiehem fi Franza, fejn joqgħod is-Sur Piau, bħala n-nuqqas ta' kundanna kriminali l-Kummissjoni ma qisitx l-ilmenti dwar arbitrarjetà magħmula mir-rikorrent bħala fondati.

85      It-tieni nett, il-Kummissjoni tirrileva fid-deċiżjoni kkontestata li assigurazzjoni ċivili professjonali, meħtieġa minn kulħadd u fejn il-bażi tagħha tirreferi għall-kriterju oġġettiv tal-fatturat ta' l-aġent tal-plejers, ħadet post ir-rekwiżit ta' depożitu ta' garanzija u li din tista' ssir fil-pajjiżi kollha ta' l-Unjoni Ewropea ma' kumpanniji differenti ta' assigurazzjoni. Fuq dan il-punt il-FIFA pproduċiet, b'risposta għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza msemmija fil-punt 26 aktar 'il fuq, eżempji ta' kuntratti ta' assigurazzjoni ċivili professjonali proposti lill-aġenti ta' plejers minn tnax-il kumpannija ta' assigurazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea jew iż-ŻEE. Id-deċiżjoni kkontestata tindika wkoll li l-garanzija mitluba, li għandha tkopri kull riskju possibbli li tirriżulta mill-attività ta' intermedjarju, ma jidhirx li hija disproporzjonata għar-riskji koperti, per eżempju, minn assigurazzjoni tal-professjonijiet liberi.

86      It-tielet nett, rigward il-kodiċi ta' etika, il-Kummissjoni tqis fid-deċiżjoni kkontestata li l-prinċipji elementari ta' mġiba professjonali tajba li hemm f'dan il-kodiċi, anness mar-regolamenti emendati, li jirreferu b'mod partikolari għar-regoli ta' kuxjenzjożità professjonali, ta' onestà, ta' lealtà, ta' oġġettività, ta' trasparenza, ta' sinċerità, ta' ġustizzja u ta' ekwità, ma jimponu ebda obbligu disproporzjonat fuq l-aġenti tal-plejers.

87      Ir-raba' nett, f'dak li jikkonċerna l-iffissar tal-ħlas ta' l-aġenti tal-plejers, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, eżaminat l-Artikolu 12 tar-regolament, li jipprovdi li s-salarju ta' aġent huwa kkalkulat skond is-salarju bażiku gross tal-plejer u jkun ta' 5 % ta' l-imsemmi salarju fin-nuqqas ta' ftehim tal-partijiet. Hija tqis illi din id-dispożizzjoni tirreferi għal kriterju oġġettiv u trasparenti (salarju bażiku gross tal-plejer) u tikkostitwixxi sempliċiment mekkaniżmu, sussidjarju, ta' soluzzjoni ta' nuqqas ta' qbil.

88      Il-ħames nett, id-deċiżjoni kkontestata tindika li l-ilment tas-Sur Piau li jikkonċerna l-vjolazzjoni tal-ħajja privata minħabba li kopja tal-kuntratt iffirmat bejn plejer u aġent tintbagħat lill-assoċjazzjoni nazzjonali kkonċernata għar-reġistrazzjoni mhuwiex problema li tista' taqa' taħt ir-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni.

89      Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata ma turix li l-prinċipji li joħorġu mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 80 u 81 aktar 'il fuq dwar il-firxa ta' l-obbligi tagħha ma ġewx applikati mill-Kummissjoni, li eżaminat bir-reqqa l-provi mressqa mir-rikorrent.

90      Il-Kummissjoni ma għamlitx, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-regolament emendat eżaminati fil-punti 84 sa 88 aktar 'il fuq, evalwazzjoni manifestament żbaljat meta qieset li l-eżami kellu garanziji sodisfaċenti ta' oġġettività u ta' trasparenza, illi l-obbligu ta' assigurazzjoni professjonali ma jikkostitwixxix rekwiżit sproporzjonat u, rigward id-dispożizzjonijiet tar-regolament dwar il-ħlas ta' l-aġent tal-plejers, meta eskludiet b'mod impliċitu l-kwalifika ta' ffissar ta' prezzijiet imposti mill-perspettiva tal-liġi dwar il-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Ottubru 1997, SCK et FNK vs Il-Kummissjoni, T-213/95 u T-18/96, Ġabra p. II‑1739, punti 158, 159 u 161 sa 164).

91      L-argumenti żviluppati mis-Sur Piau fil-kuntest ta' din il-kawża, relattivi għall-kontenut tar-regolament emendat, li jikkonċernaw l-obbligu impost mill-imsemmi regolament li jitħarsu r-regoli magħmula mill-FIFA, il-kontenut tal-kuntratt standard, is-sistema ta' penalitajiet u r-rimedji legali, ma jqajjmux dubji dwar din l-analiżi.

92      Fl-ewwel lok, l-obbligu impost fuq l-aġenti tal-plejers li jħarsu r-regolamentazzjoni tal- FIFA dwar, b'mod partikolari, it-trasferimenti ta' plejers ma jidhirx, fih innifsu, li huwa kuntrarju għar-regoli dwar il-kompetizzjoni, peress li r-regolamentazzjoni tal-FIFA li tikkonċerna t-trasferimenti tal-plejers, li mhijiex parti mis-suġġett ta' l-ilment tas-Sur Piau, ma tistax tiġi eżaminata fil-kuntest ta' din il-kawża għax m'għandhiex x'taqsam magħha. Mistoqsi fuq dan il-punt waqt is-seduta, ir-rikorrent ma ppreċiżax kif l-obbligu ta' ħarsien tar-regolamentazzjoni tal-FIFA jaffettwa l-kompetizzjoni, bħalma naqas milli jagħmel fl-atti li ppreżenta.

93      Fit-tieni lok, id-dispożizzjonijiet dwar il-kontenut tal-kuntratt bejn l-aġent u l-plejer li jgħidu li l-kuntratt, bil-miktub, għandu jippreċiża l-kriterju u l-proċeduri ta' ħlas ta' l-aġent u ma jistax ikun validu għal iktar minn sentejn, għalkemm jista' jiġġedded, ma jirrivelawx ħsara għall-kompetizzjoni. Il-limitu taż-żmien ta' validità tal-kuntratti għal sentejn, li ma jostakolax it-tiġdid tagħhom, jidher li huwa ta' natura li jiffavorixxi l-fluwidità tas-suq u għalhekk il-kompetizzjoni. Din l-istruttura relattivament limitata tar-relazzjonijiet kuntrattwali jidher min-naħa l-oħra li tikkontribwixxi għas-sigurtà tar-relazzjonijiet finanzjarji u ġuridiċi tal-partijiet mingħajr ma thedded b'daqshekk il-kompetizzjoni.

94      Fit-tielet lok, is-sistema ta' penalitajiet, miġbur fil-qosor fil-punt 16 aktar 'il fuq, safejn jista' jaffettwa r-regoli dwar il-kompetizzjoni, ma jidhirx li jista' jiġi kkritikat. Jirriżulta mir-regolament emendat li l-penalitajiet applikabbli għall-aġenti, għall-plejers u għall-klabbs huma t-twiddiba, iċ-ċanfira jew it-twissija, is-sospensjoni jew l-irtirar tal-liċenzja għall-aġenti, is-sospensjoni għal tnax-il xahar massimu għall-plejers u s-sospensjoni jew projbizzjoni għal mill-inqas tliet xhur għall-klabbs. Dawn ma jistgħux jitqiesu li huma manifestament eċċessivi għal sistema ta' penalitajiet professjonali. Barra minn hekk, l-ammont tal-multi previst għall-plejers u l-klabbs kien tnaqqas meta mqabbel ma' dak li kien hemm fir-regolament oriġinali. Is-Sur Piau ma ta ebda prova li turi li dan il-mekkaniżmu jiġi applikat b'mod arbitrarju u diskriminatorju, li b'hekk jippreġudika l-kompetizzjoni.

95      Fir-raba' lok, rigward ir-rimedji legali quddiem qrati ordinarji, u jekk jiġi meqjus li d-dispożizzjonijiet tar-regolament emendat jista' jkollhom f'dan ir-rigward effett fuq ir-regoli dwar il-kompetizzjoni, jirriżulta mir-risposti mogħtija mill-FIFA u mill-Kummissjoni għall-mistoqsijiet imsemmija qabel tal-Qorti tal-Prim'Istanza (ara l-punt 26 aktar 'il fuq) illi, indipendentement mis-sistema ta' rimedji kontra d-deċiżjonijiet ta' assoċjazzjonijiet nazzjonali jew tal-Kumitat ta' l-Istatut tal-Plejer, kompetenti għall-aġenti tal-plejers, quddiem it-Tribunal ta' Arbitraġġ ta' l-Isport, il-persuni kkonċernati dejjem jistgħu jmorru quddiem il-qrati ordinarji, b'mod partikolari sabiex isostnu d-drittijiet li jitnisslu mil-liġi nazzjonali jew mil-liġi Komunitarja, u fir-rigward tad-deċiżjonijiet tat-Tribunal ta' l-Arbitraġġ ta' l-Isport jista' jsir rikors għall-annullament tagħhom quddiem it-Tribunal Federali Żvizzeru. Issa, ir-rikorrent, li semma' waqt is-seduta li hemm diffikultajiet u dewmien fil-proċedimenti quddiem il-qrati nazzjonali, madankollu ma stabbilixxiex illi ġie pprivat minn kull rimedju legali quddiem il-qrati ordinarji, lanqas a fortiori illi l-kompetizzjoni kienet milquta minħabba f'hekk.  

96      Jirriżulta mill-eżami li sar qabel li l-motivi u l-argumenti tas-Sur Piau bbażati fuq il-liġi dwar il-kompetizzjoni ma jqajmux dubji dwar il-konklużjoni li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet l-aktar restrittivi tar-regolamentazzjoni in kwistjoni kienu ġew revokati. L-argumentazzjoni tar-rikorrent, f'dan ir-rigward għandha, għalhekk, tiġi miċħuda.

97      Għandhom wkoll jiġi miċħuda l-motivi u l-argumenti tar-rikorrent li m'għandhomx x'jaqsmu mal-liġi dwar il-kompetizzjoni peress li ma jindikawx ksur f'dan ir-rigward. Issa, is-Sur Piau ma weriex illi dawn l-argumenti u motivi, ibbażati fuq il-vjolazzjoni tal-libertà kuntrattwali, l-inkompattibbiltà tar-regolament tal-FIFA mal-leġiżlazzjoni Franċiża u l-ħsara lill-ħarsien ta' data personali, jirrivelaw ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni. L-argumenti u motivi tiegħu, li lanqas ma fihom provi korroborattivi, għandhom għalhekk jiġu miċħuda bħala irrilevanti f'kawża dwar il-kompetizzjoni.

98      Barra dan, l-argument tas-Sur Piau li jgħid li peress li l-aġenti liċenzjati taħt is-sistema tar-regolament oriġinali żammew il-liċenzji tagħhom, xi effetti antikompetittivi jippersistu ma jistax jiġi milqugħ. Minn naħa waħda, ir-rikorrent ma stabbilixxix illi dan il-fatt jinvolvi, fih innifsu, effetti antikompetittivi. Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta' ċertezza legali jipprekludi l-kontestazzjoni ta' sitwazzjonijiet ġuridiċi li fir-rigward tagħhom ma jintweriex li nkisbu b'mod irregolari (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Novembru 1994, Dornonville de la Cour vs Il-Kummissjoni, ĠabraSP p. I‑A‑257 u II‑813, punti 46 sa 49 u 58). Barra minn hekk, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-miżuri tranżitorji fir-rigward tar-rikonoxximent tad-diplomi, peress li din il-ġurisprudenza hija applikabbli għal din il-kawża, huwa possibbli li f'każijiet simili jinżammu d-drittijiet akkwiżiti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Awwissu 1994, Dreessen, C-447/93, Ġabra p. I‑4087, punt 10, u tas-16 ta' Ottubru 1997, Garofalo et, C-69/96 sa C-79/96, Ġabra p. I‑5603, punti 29 sa 33).

99      Jirriżulta minn dak kollu li ngħad qabel li l-Kummissjoni ma kkommettietx żball manifest fl-evalwazzjoni li hija għamlet tad-dispożizzjonijiet tar-regolamentazzjoni in kwistjoni u lanqas ta' l-allegata persistenza ta' l-effetti antikompetittivi tar-regolament oriġinali, li ta' bidu għall-ilment tas-Sur Piau. Ir-rikorrent mhuwiex iġġustifikat meta jsostni li d-dispożizzjonijiet l-aktar restrittivi tar-regolament oriġinali ma tneħħewx u li l-effetti antikompetitivi baqgħu minħabba li nżammu fir-regolament emendat.

–        Rigward il-possibbiltà li d-dispożizzjonijiet tar-regolament emendat jiġu eżentati skond l-Artikolu 81(3) KE

100    Il-Kummissjoni tikkunsidra fid-deċiżjoni kkontestata li n-natura obbligatorja tal-liċenzja tista' tiġi ġġustifkata u li r-regolament emendat jista' jgawdi minn eżenzjoni skond l-Artikolu 81(3) KE. Hija tispjega li s-sistema tal-liċenzja, li timponi restrizzjonijiet li huma aktar ta' kwalità milli ta' kwantità, hija intiża sabiex tħares il-plejers u l-klabbs u tikkunsidra, b'mod partikolari, ir-riskji li jgħaddu minnhom il-plejers, li għandhom karrieri qosra, f'każ ta' trasferimenti nnegozjati ħażin. Hija tqis illi, fin-nuqqas, bħalissa, ta' organizzazzjoni tal-professjoni ta' l-aġenti tal-plejers u ta' liġijiet nazzjonali ġeneralizzati, ir-restrizzjonijiet inerenti għas-sistema tal-liċenzja hija proporzjonata u indispensabbli.

101    Il-prinċipju stess tal-liċenzja, li hija imposta mill-FIFA u li hija kundizzjoni għall-eżerċizzju tal-professjoni ta' aġent ta' plejers, jikkostitwixxi ostakolu għall-aċċess għal din l-attività ekonomika u għalhekk jaffettwa, neċessarjament, il-kompetizzjoni. Il-liċenzja għalhekk tista' tkun aċċettata biss safejn il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 81(3) KE jkunu sodisfatti, b'mod li r-regolament emendat ikun jista' jgawdi minn eżenzjoni abbażi ta' din id-dispożizzjoni, jekk jiġi stabbilit li jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-progress ekonomiku, jirriserva lill-konsumaturi sehem ġust mill-benefiċċju li jirriżulta, ma jimponix restrizzjonijiet mhux indispensabbli għall-kisba ta' dawn l-għanijiet u ma jeliminax il-kompetizzjoni.

102    Diversi ċirkustanzi ta' dritt u ta' fatt ġew invokati sabiex jiġġustifikaw l-adozzjoni tar-regolament u l-prinċipju stess tal-liċenzja obbligatorja li hija l-qalba tal-mekkaniżmu in kwistjoni. Jidher l-ewwel nett illi, fi ħdan il-Komunità, Franza biss adottat regolamentazzjoni dwar il-professjoni ta' aġent sportiv. Barra dan, mhuwiex ikkontestat illi, flimkien, l-aġenti tal-plejers tal-futbol ma jikkostitwixxux, bħalissa, professjoni li għandha organizzazzjoni interna. Lanqas ma huwa kkontestat illi ċerti prattiki ta' aġenti tal-plejers setgħu, fil-passat, għamlu ħsara finanzjarja jew professjonali lill-plejers u lill-klabbs. Il-FIFA spjegat illi, meta għamlet ir-regolamenti in kwistjoni, hija kellha għan doppju li tgħolli l-istandards professjonali u etiċi ta' l-attività ta' aġent tal-plejers sabiex tħares dawn ta' l-aħħar, li għandhom karriera qasira.

103    Kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, il-kompetizzjoni mhijiex eliminata mis-sistema tal-liċenzja. Dan jidher li jwassal għal għażla ta' kwalità, li hija adattata sabiex tilħaq l-għan li jogħlew l-istandards professjonali ta' l-attività ta' aġent tal-plejers, aktar milli għal restrizzjoni kwantitattiva għall-aċċess għal din l-attività. Għall-kuntrarju, l-estensjoni kwantitattiva ta' opportunitajiet għal aċċess għal din il-professjoni hija kkorroborata mill-istatistika prodotta waqt is-seduta mill-FIFA. Din indikat, mingħajr ma ġiet kontradetta, illi, filwaqt li rreġistrat 214 aġent tal-plejers fl-1996, fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-regolament oriġinali, hija stmat li n-numru tagħhom kien ta' 1 500 fil-bidu tas-sena 2003 u li 300 kandidat kienu għaddew l-eżami fis-sessjonijiet organizzati f'Marzu u f'Settembru ta' din l-istess sena.

104    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi mfakkra fil-punti 102 u 103 iktar 'il fuq u l-kundizzjonijiet attwali ta' l-eżerċizzju ta' l-attività ta' aġent tal-plejers, ikkaratterizzati minn nuqqas kważi totali ta' regolamenti nazzjonali u minn nuqqas ta' organizzazzjoni kollettiva ta' l-aġenti tal-plejers, il-Kummissjoni ma kkommettietx żball manifest ta' evalwazzjoni meta qieset illi r-restrizzjonijiet, li joħorġu min-natura obbligatorja tal-liċenzja, jistgħu jgawdu minn eżenzjoni abbażi ta' l-Artikolu 81(3) KE, filwaqt li rriżervat, ġustament, id-dritt li teżamina mill-ġdid ir-regolament in kwistjoni. L-argumentazzjoni tas-Sur Piau f'dan ir-rigward għandha għalhekk tiġi miċħuda.

105    Bl-istess mod, l-argument tar-rikorrent li n-"natura speċifika ta' l-isports" ma tistax tiġi invokata sabiex tiġġustifika deroga għar-regoli dwar il-kompetizzjoni għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti. Id-deċiżjoni kkontestata mhijiex ibbażata fuq din l-eċċezzjoni u tikkunsidra l-eżerċizzju ta' l-attività ta' aġent tal-plejers bħala attività ekonomika, mingħajr ma tiddikjara li għandha tgawdi minn din in-natura speċifika ta' l-isports, peress li hija, fil-fatt, ma tiffurmax parti mid-dinja ta' l-isports.

106    L-argumenti tas-Sur Piau ibbażati fuq vjolazzjoni tal-libertà li jitwettqu attivitajiet ta' negozju u l-libertà li jingħataw servizzi li fir-rigward tagħhom ir-rikorrent ma weriex illi hemm ksur konkomitanti tar-regoli dwar il-kompetizzjoni li jfixkel il-possibbiltà li tingħata eżenzjoni għar-regolament emendat abbażi ta' l-Artikolu 81(3) KE, għandhom jiġu miċħuda wkoll.

–        Rigward l-inapplikabbiltà ta' l-Artikolu 82 KE

107    Id-deċiżjoni kkontestata tindika li l-Artikolu 82 KE ma japplikax f'dan il-każ, kif spjegat mir-rikorrent, peress li l-FIFA mhijiex attiva fis-suq ta' l-għoti ta' pariri lill-plejers.

108    L-Artikolu 82 KE jipprojbixxi l-abbuż ta' pożizzjoni dominanti fis-suq komuni jew f'parti sotanzjali ta' dan minn impriża waħda jew iktar.

109    Din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-aġir ta' operatur ekonomiku wieħed jew ta' diversi operaturi ekonomiċi, li jabbużaw pożizzjoni ta' qawwa ekonomika u b'hekk ifixklu ż-żamma ta' kompetizzjoni effettiva fis-suq in kwistjoni, billi l-operatur/i jkun/u jista'/jistgħu jaġixxi/u, b'mod konsiderevoli, indipendentement mill-kompetituri, il-klijenti u, fl-aħħar nett, il-konsumaturi tiegħu/tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, C-395/96 P u C-396/96 P, Ġabra p. I‑1365, punt 34).

110    Il-frażi "impriża waħda jew iktar" li hemm fl-Artikolu 82 KE timplika li pożizzjoni dominanti tista' tinżamm minn żewġ entitajiet ekonomiċi jew iktar, li jkunu ġuridikament indipendenti waħda mill-oħra, sakemm, mil-lat ekonomiku, huma jippreżentaw ruħhom jew jaġixxu flimkien f'suq speċifiku, bħala entità kollettiva (sentenza Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 36).

111    Il-konstatazzjoni ta' l-eżistenza ta' pożizzjoni dominati kollettiva tiddependi mill-fatt li jkunu sodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi: l-ewwel nett, kull membru ta' l-oligopolija dominanti għandu jkun jista' jkun jaf kif ikunu qed jaġixxu l-membri l-oħra, sabiex jiġi vverifikat jekk jadottawx jew le azzjoni komuni; it-tieni nett, huwa neċessarju li s-sitwazzjoni ta' koordinazzjoni taċita tkun tista' tinżamm fit-tul, jiġifieri li għandu jkun hemm tħeġġiġ sabiex il-membri ma jitbiegħdux mill-aġir komuni fis-suq; it-tielet nett, ir-reazzjoni prevedibbli tal-kompetituri attwali u potenzjali kif ukoll dik tal-konsumaturi m'għandhiex tagħmel ħsara lir-riżultati mistennija mill-azzjoni komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Ġunju 2002, Airtours vs Il-Kummissjoni, T-342/99, Ġabra p. II‑2585, punt 62, u tat-8 ta' Lulju 2003, Verband der freien Rohrwerke et vs Il-Kummissjoni, T-374/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 121).

112    F'dan il-każ, is-suq ikkonċernat mir-regolamentazzjoni in kwistjoni huwa s-suq ta' l-għoti tas-servizzi fejn ix-xerrejja huma l-plejers u l-klabbs, u l-bejjiegħa huma l-aġenti. Issa, f'dan is-suq, il-FIFA tista' tiġi kkunsidrata bħala li taġixxi għan-nom tal-klabbs tal-futbol peress illi, kif diġà ġie kkonstatat qabel (ara l-punti 69 sa 72 aktar 'il fuq), hija tikkostitwixxi emanazzjoni ta' dawn il-klabbs bħala assoċjazzjoni 'tat-tieni livell' ta' l-impriżi li huma l-klabbs.

113    Deċiżjoni bħar-regolament tal-FIFA dwar l-attività ta' l-aġenti tal-plejers tista', meta tiddaħħal fis-seħħ, ikollha bħala konsegwenza lil xi impriżi li joperaw fis-suq ikkonċernat, jiġifieri l-klabbs, ikunu daqstant marbuta fir-rigward ta' l-aġir tagħhom f'suq partikolari li jippreżentaw ruħhom fis-suq bħala entità kollettiva fir-rigward tal-kompetituri tagħhom, l-imsieħba kummerċjali tagħhom u l-konsumaturi (sentenza Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 44).

114    Issa, minħabba n-natura obbligatorja tar-regolament għall-assoċjazzjonijiet nazzjonali li huma membri tal-FIFA u l-klabbs li huma jiġbru flimkien, dawn jidhru marbuta fit-tul fl-aġir tagħhom bir-regoli li huma jaċċettaw u li l-atturi l-oħra (plejers u aġenti tal-plejers) ma jistgħux jiksru għax inkella jiġu imposti fuqhom penalitajiet li jistgħu jwasslu, għall-aġenti tal-plejers b'mod partikolari, għall-esklużjoni tagħhom mis-suq. Sitwazzjoni bħal din b'hekk tikkaratterizza, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 110 u 111 aktar 'il fuq, pożizzjoni dominanti kollettiva tal-klabbs fis-suq ta' l-għoti ta' servizzi ta' l-aġenti tal-plejers, peress li l-klabbs, permezz tar-regolamentazzjoni li għaliha jaderixxu, jimponu l-kundizzjonijiet li fihom is-servizzi in kwistjoni jiġu pprovduti.

115    Jidher li huwa artifiċjali li jiġi sostnut illi l-FIFA, li fir-rigward tagħha huwa rikonoxxut li għandha poter ta' tmexxija fuq l-attività sportiva tal-futbol u l-attivitajiet kummerċjali marbuta magħha, bħal, f'dan il-każ, l-attività ta' aġenti tal-plejers, ma żżommx pożizzjoni dominanti kollettiva fis-suq ta' l-għoti ta' servizzi ta' l-aġenti tal-plejers għar-raġuni li mhijiex attur fl-imsemmi suq.

116    Il-fatt li l-FIFA stess mhijiex operatur ekonomiku li jixtri s-servizzi ta' l-aġenti tal-plejers fis-suq ikkonċernat u li l-intervent tagħha huwa riżultat ta' attività normattiva, li hija assumiet il-poter li teżerċita fir-rigward ta' l-attività ekonomika ta' l-aġenti tal-plejers, huwa irrilevanti għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 82 KE peress li l-FIFA hija l-emanazzjoni ta' l-assoċjazzjonijiet nazzjonali u tal-klabbs, li huma xerrejja effettivi tas-servizzi ta' aġenti tal-plejers, u li hija konsegwentement taġixxi f'dan is-suq permezz tal-membri tagħha.

117    Rigward, min-naħa l-oħra, l-allegat abbuż ta' pożizzjoni dominanti, jirriżulta mill-analiżi li saret qabel dwar ir-regolament emendat u l-eżenzjoni li jista' jikkwalifika għaliha skond l-Artikolu 81(3) KE li dan l-abbuż ma ġiex stabbilit. Fil-fatt, ġie kkonstatat illi dan ir-regolament ma imponiex restrizzjonijiet kwantitattivi għall-aċċess għall-attività ta' aġent tal-plejers li jagħmlu ħsara lill-kompetizzjoni, iżda restrizzjonijiet ta' natura kwalitattiva li jistgħu, fiċ-ċirkustanzi attwali, ikunu ġġustifikati. Għalhekk, l-abbuż ta' pożizzjoni dominanti li jirriżulta, skond ir-rikorrent, mid-dispożizzjonijiet tar-regolament ma ġiex stabbilit u l-argumentazzjoni tiegħu fuq dan il-punt għandha tiġi miċħuda.

118    Fl-aħħar nett, l-argument tas-Sur Piau li l-aġenti tal-plejers liċenzjati jabbużaw mill-pożizzjoni dominanti kollettiva tagħhom skond l-Artikolu 82 KE għandu wkoll jiġi miċħud, fin-nuqqas ta' rabtiet strutturali bejn dawn l-aġenti, li l-eżistenza tagħhom ma ġietx stabbilita mis-Sur Piau. Iż-żamma ta' l-istess liċenzja, l-użu ta' l-istess kuntratt standard u l-fatt li l-ħlas ta' l-aġenti huwa stabbilit skond l-istess kriterji ma jippruvawx l-eżistenza ta' pożizzjoni dominanti ta' l-l-aġenti tal-plejers liċenzjati, u r-rikorrent ma weriex illi l-persuni kkonċernati jaġixxu bl-istess mod, lanqas li huma impliċitament jaqsmu bejniethom is-suq.

119    Għalhekk, għalkemm il-Kummissjoni kkunsidrat, bi żball, li l-FIFA ma kellhiex pożizzjoni dominanti fis-suq ta' l-għoti ta' servizzi ta' aġenti tal-plejers, il-konklużjonijiet l-oħra fid-deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li d-dispożizzjonijiet l-aktar restrittivi tar-regolamentazzjoni in kwistjoni kienu tneħħew u s-sistema ta' liċenzja jista' jiġi eżentat skond l-Artikolu 81(3) KE, wasslu, għalhekk, sabiex jiġi konkluż li l-Artikolu 82 KE ma nkisirx u sabiex l-argumetazzjoni tar-rikorrenti f'dan ir-rigward tiġi miċħuda. Għalhekk, minkejja l-iżball ta' dritt kommess mill-Kummissjoni meta qieset illi l-Artikolu 82 KE mhuwiex applikabbli, l-applikazzjoni tiegħu ma setgħetx, fi kwalunkwe każ, twassal għall-konklużjoni li sar abbuż ta' pożizzjoni dominanti fid-dawl tal-konklużjonijiet l-oħra illi, ġustament, waslet għalihom mill-eżami tar-regolament. Għalhekk, il-legalità taċ-ċaħda ta' l-ilment minħabba nuqqas ta' interess Komunitarju sabiex jitkomplew il-proċedimenti mhijiex affettwata.

120    Jirriżulta minn dak kollu li ngħad qabel illi l-Kummissjoni ma kkommettietx żball manifest ta' evalwazzjoni meta ddeċidiet li tiċħad l-ilment tas-Sur Piau minħabba nuqqas ta' interess Komunitarju sabiex jitkomplew il-proċedimenti. In-"natura transkonfini" tas-suq, li mhijiex ikkontestata, hija, f'dan ir-rigward, irrilevanti, peress li dan il-fatt waħdu ma jagħtix lill-ilment interess Komunitarju. Fil-fatt, peress li l-evalwazzjoni ta' l-interess Komunitarju li jkollu lment tiddependi miċ-ċirkustanzi ta' kull każ, m'għandu la jiġi limitat in-numru tal-kriterji ta' evalwazzjoni li għalih tista' tirreferi l-Kummissjoni u lanqas, għall-kuntrarju, jiġi impost fuqha li tuża esklużivament ċerti kriterji (sentenza Ufex et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punti 79 u 80).

121    Ir-rikors tas-Sur Piau għandu għalhekk jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

122    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli ta' Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

123    Peress li r-rikorrent tilef u saret talba mill-Kummissjoni f'dan is-sens, hemm lok li jiġi ordnat ibati l-ispejjeż tiegħu u dawk tal-Kummissjoni.

124    Skond it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tordna li parti intervenjenti apparti l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tbati l-ispejjeż tagħha.

125    Fiċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ, hemm lok li jiġi deċiż illi l-ispejjeż magħmula mill-FIFA għall-finijiet ta' l-intervent tagħha tbatihom hi stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u dawk tal-Kummissjoni.

3)      Il-Fédération internationale de football association għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Legal

Tiili

Vilaras

Moghtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta' Jannar 2005.

H. Jung

 

      H. Legal

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.