Language of document : ECLI:EU:T:2018:972

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

14 ta’ Diċembru 2018 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal – Għoti ta’ leave fl-interess tas-servizz – Ugwaljanza fit-trattament – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Responsabbiltà”

Fil-Kawża T‑750/16,

FV, ex uffiċjal tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn L. Levi u A. Tymen, sussegwentement minn L. Levi, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u R. Meyer, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn A. Troupiotis u J. A. Steele, bħala aġenti,

u minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Berscheid u D. Martin, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2015 li tqiegħed lir-rikorrenti fuq leave fl-interess tas-servizz abbażi tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u, sa fejn meħtieġ, tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Lulju 2016 li tiċħad l-ilment imressaq mir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament sofriet,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn M. Prek, President, E. Buttigieg (Relatur), F. Schalin, B. Berke u M. J. Costeira, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-10 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) ġew emendati, b’mod partikolari, permezz tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 287, p. 15).

2        Il-premessi 1, 3, 7 u 12 tar-Regolament Nru 1023/2013 jipprovdu:

“(1)      L-Unjoni Ewropea u l-aktar minn 50 istituzzjoni u aġenzija tagħha għandhom jibqgħu jkunu mgħammra b’amministrazzjoni pubblika Ewropea ta’ kwalità għolja, li tippermettilhom li jilħqu l-objettivi tagħhom, jimplimentaw il-politiki u l-attivitajiet tagħhom u jwettqu l-kompiti tagħhom sal-ogħla livell possibbli skont it-Trattati sabiex jilqgħu l-isfidi, kemm interni kif ukoll esterni, li jridu jiffaċċjaw fil-ġejjieni u jservu liċ-ċittadini tal-Unjoni.

[…]

(3)      Minħabba d-daqs tas-servizz pubbliku Ewropew, meta mqabbel mal-objettivi tal-Unjoni u l-popolazzjoni tagħha, it-tnaqqis fin-numru tal-membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet u tal-aġenziji tal-Unjoni ma għandux iwassal għal tfixkil fil-qadi tal-kompiti, tad-dmirijiet u tal-funzjonijiet tagħhom skont l-obbligi u s-setgħat fl-ambitu tat-Trattati. F’dan ir-rigward, hemm bżonn ta’ trasparenza fir-rigward tal-kostijiet tal-persunal li ġġarrab kull istituzzjoni u aġenzija fir-rigward tal-kategoriji kollha tal-persunal impjegat minnha.

[…]

(7)      Għan usa’ għandu jkun dak li l-ġestjoni tar-riżorsi umani fis-servizz pubbliku Ewropew issir bl-aħjar mod possibbli, u li fost il-karatteristiċi tas-servizz pubbliku Ewropew ikun hemm l-eċċellenza, il-kompetenza, l-indipendenza, il-lealtà, l-imparzjalità u l-istabbiltà tiegħu, kif ukoll diversità kulturali u lingwistika u kundizzjonijiet attraenti ta’ reklutaġġ.

[…]

(12)      Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta’ Frar 2013 dwar il-qafas finanzjarju pluriennali, il-Kunsill Ewropew indika li l-ħtieġa li jiġu kkonsolidati l-finanzi pubbliċi fit-terminu qasir, medju u twil tirrikjedi sforz partikolari minn kull amministrazzjoni pubblika u mill-persunal tagħha biex titjieb l-effiċjenza u l-effikaċja u taġġusta ruħha għall-kuntest ekonomiku li qiegħed jinbidel. Tali appell fil-fatt tenna l-objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni tal‑2011 għall-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, li għamlet sforz biex tiggarantixxi kosteffiċjenza u rrikonoxxiet li l-isfidi li attwalment qiegħda tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni Ewropea jeħtieġu sforz partikolari minn kull amministrazzjoni pubblika u minn kull membru tal-persunal tagħha bil-għan ta’ titjib tal-effiċjenza u ta’ aġġustament għall-kuntest ekonomiku u soċjali fl-Ewropa li qiegħed jinbidel […] (1)”.

3        L-Artikolu 1(24) tar-Regolament Nru 1023/2013 ippreveda ż-żieda, fil-Kapitolu 2 tat-Titolu III tar-Regolamenti tal-Persunal, ta’ Taqsima 7, intitolata “Leave fl-interessi tas-servizz”, li fiha dispożizzjoni waħda, l-Artikolu 42c. Skont din id-dispożizzjoni:

“Mhux iktar kmieni minn ħames snin ta’ qabel l-età pensjonabbli, uffiċjal li għandu tal-anqas għaxar snin servizz jista’ jingħata l-leave, permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità tal-ħatra, fl-interessi tas-servizz għal ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda fi ħdan l-istituzzjonijiet.

In-numru totali ta’ uffiċjali li jiġu assenjati l-leave fl-interessi tas-servizz kull sena ma għandux ikun aktar minn 5 % tal-uffiċjali fl-istituzzjonijiet kollha, li rtiraw matul is-sena ta’ qabel. In-numru totali kkalkulat b’dan il-mod għandu jkun allokat lil kull istituzzjoni skont in-numru rispettiv ta’ uffiċjali tagħha fil-31 ta’ Diċembru tas-sena preċedenti. Ir-riżultat ta’ tali allokazzjoni għandu jitqarreb ’l fuq sal-eqreb numru sħiħ li jkun imiss f’kull istituzzjoni.

It-tali leave ma għandux jikkostitwixxi miżura dixxiplinari.

It-tul ta’ żmien tal-leave għandu jikkorrispondi, bħala prinċipju, mal-perjodu sakemm l-uffiċjal jilħaq l-età pensjonabbli. Madankollu, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, l-awtorità tal-ħatra tista’ tiddeċiedi li ttemm il-leave u terġa’ ddaħħal l-uffiċjal.

Meta l-uffiċjal li ġie assenjat il-leave fl-interessi tas-servizz jilħaq l-età pensjonabbli, huwa għandu jirtira awtomatikament.

Il-leave fl-interessi tas-servizz għandu jkun regolat permezz tar-regoli li ġejjin:

a)      uffiċjal ieħor jista’ jinħatar għall-pożizzjoni okkupata mill-uffiċjal;

b)      uffiċjal bil-leave fl-interessi tas-servizz ma għandux ikun intitolat għat-tlugħ fi skala ogħla jew għall-promozzjoni fil-grad.

Uffiċjal assenjat bil-leave b’dan il-mod għandu jirċievi allowance maħduma skont l-Anness IV.

Fuq talba tal-uffiċjal, l-allowance għandha tkun suġġetta għall-kontribuzzjonijiet magħmulin għall-iskema tal-pensjoni, ikkalkulati fuq il-bażi ta’ dik l-allowance. F’tali każ, il-perjodu ta’ servizz bħala uffiċjal bil-leave fl-interessi tas-servizz għandu jiġi kkunsidrat għall-fini tal-kalkolu tas-snin ta’ servizz pensjonabbli fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 2 tal-Anness VIII.

L-allowance [ma] għandha tkun suġġetta għal [ebda] koeffiċjent tal-korrezzjoni.”

4        Ir-Regolament Nru 1023/2013 daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2013 u l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal ilu applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2014.

5        Ir-rikorrenti, FV, hija ex uffiċjal tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Hija daħlet fis-servizz tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (iktar ’il quddiem l-“SĠK”) fl-1 ta’ Mejju 1981 bħala uffiċjal bi prova u nħatret uffiċjal permanenti fl-1 ta’ Novembru 1981. Matul il-karriera tagħha, hija ġiet assenjata f’diversi dipartimenti fi ħdan il-Kunsill.

6        [kunfidenzjali] (2)

7        [kunfidenzjali]

8        Permezz tal-Avviż lill-Persunal Nru 71/15 tat-23 ta’ Ottubru 2015 (iktar ’il quddiem iċ-“CP 71/15”), is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill pprovda informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal mill-istituzzjoni. Skont dan l-avviż:

“[…] L-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għandhom kostantement jinnovaw u jimmodernizzaw ruħhom, li jimplika li l-uffiċjali pubbliċi għandhom jiksbu kompetenzi ġodda u jaġġornaw l-għarfien tagħhom sabiex jadattaw ruħhom għall-iżviluppi l-ġodda. Tali kompetenzi ġodda jistgħu jkunu marbuta, pereżempju, ma’ għodda ġodda informatiċi, sistemi ġodda implimentati għall-produzzjoni ta’ dokumenti tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill, proċeduri ġodda fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew ta’ verifika interna, metodi ta’ ħidma ġodda jew modi ġodda ta’ ġestjoni jew ta’ organizzazzjoni.

Il-leave fl-interess tas-servizz għandu l-għan li jippermetti li l-uffiċjali li jsibu diffikultajiet biex jakkwistaw kompetenzi ġodda u jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol jitqiegħdu fuq leave qabel ma jilħqu l-età tal-irtirar. […]

Għall-2015, ħames (5) possibbiltajiet huma disponibbli fi ħdan il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        [kunfidenzjali]

10      [kunfidenzjali]

11      [kunfidenzjali]

12      [kunfidenzjali]

13      [kunfidenzjali]

14      [kunfidenzjali]

15      [kunfidenzjali]

16      [kunfidenzjali]

17      [kunfidenzjali]

18      [kunfidenzjali]

19      [kunfidenzjali]

20      [kunfidenzjali]

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

22      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti ressqet talba sabiex jingħatalha l-anonimat skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2017, il-Qorti Ġenerali laqgħet din it-talba.

23      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrenti talbet, abbażi tal-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura, li ċerta informazzjoni li tinsab fir-rikors u l-annessi tiegħu jitħallew barra fid-dokumenti li għalihom għandu aċċess il-pubbliku.

24      Fl-1 ta’ Frar 2017, il-Kunsill ippreżenta risposta.

25      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fl-24 u fl-10 ta’ Frar 2017, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

26      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrenti talbet li ċerta informazzjoni li tinsab fir-rikors u l-annessi tiegħu tkun suġġetta għal trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-Parlament u tal-Kummissjoni jekk dawn l-istituzzjonijiet jiġu ammessi sabiex jintervjenu. Hija annettiet verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti ma’ din it-talba.

27      Fl-20 ta’ April 2017, ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika.

28      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrenti talbet li ċerta informazzjoni li tinsab fir-replika u l-annessi tagħha tiġi suġġetta għal trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-Parlament u tal-Kummissjoni jekk dawn l-istituzzjonijiet jiġu ammessi sabiex jintervjenu. Hija annettiet verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti ma’ din it-talba.

29      B’digriet tat-8 ta’ Ġunju 2017, FV vs Il-Kunsill (T‑750/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:420), il-Parlament u l-Kummissjoni ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Peress li, skont l-Artikolu 144(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti talbet it-trattament kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fin-noti msemmija iktar ’il fuq u l-annessi tagħhom, dan id-digriet llimita provviżorjament il-komunikazzjoni tal-atti proċedurali lill-Parlament u lill-Kummissjoni għall-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tagħhom, fl-istennija tal-eventwali osservazzjonijiet ta’ dawn l-istituzzjonijiet dwar it-talbiet għal trattament kunfidenzjali.

30      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni kkontestat it-talba għal trattament kunfidenzjali marbuta mar-rikors u l-annessi tiegħu. Il-Parlament ma oġġezzjonax għal din it-talba.

31      Fis-17 ta’ Lulju 2017, il-Kunsill ppreżenta l-kontroreplika.

32      Fid-19 u t-12 ta’ Lulju 2017, il-Parlament u l-Kummissjoni ppreżentaw rispettivament in-noti ta’ intervent tagħhom.

33      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrenti talbet li ċerta informazzjoni li tinsab fil-kontroreplika u l-annessi tagħha jkunu suġġetti għal trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-Parlament u tal-Kummissjoni u annettiet verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti ma’ din it-talba.

34      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Settembru 2017, il-Kunsill indika li ma kellux osservazzjonijiet x’jagħmel dwar in-noti ta’ intervent tal-Parlament u tal-Kummissjoni.

35      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq in-noti ta’ intervent tal-Parlament u tal-Kummissjoni.

36      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni kkontestat it-talba għal trattament kunfidenzjali marbuta mal-kontroreplika u l-annessi tagħha. Il-Parlament ma oġġezzjonax għal din it-talba.

37      Permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Jannar 2018, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’, parzjalment, it-talbiet għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti, stabbilixxa għaliha terminu għall-preżentazzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rikors, tar-replika u l-annessi tagħhom u indika li, wara n-notifika tal-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti lill-Kummissjoni, din ser ikollha terminu ta’ żmien sabiex tippreżenta eventwali osservazzjonijiet addizzjonali man-nota ta’ intervent tagħha.

38      Fis-7 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni ppreżentat osservazzjonijiet addizzjonali man-nota ta’ intervent tagħha.

39      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill indika li ma kellux osservazzjonijiet x’jagħmel dwar l-osservazzjonijiet addizzjonali tal-Kummissjoni.

40      Fil-5 ta’ April 2018, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet dwar l-osservazzjonijiet addizzjonali tal-Kummissjoni.

41      Fis-6 ta’ April 2018, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali informa lill-partijiet bl-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura.

42      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ April 2018, ir-rikorrenti għamlet talba mmotivata, skont l-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tinstema’ waqt il-fażi orali tal-proċedura.

43      Fuq proposta tat-Tieni Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fis-16 ta’ Mejju 2018, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

44      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-partijiet iwieġbu bil-miktub ċerti mistoqsijiet u jippreżentaw ċerti dokumenti. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ dawn l-istediniet fit-terminu stabbilit.

45      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-10 ta’ Lulju 2018.

46      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2015 u, sa fejn meħtieġ, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tad-19 ta’ Lulju 2016;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ħlas ta’ danni bħala kumpens għad-dannu materjali u morali subit;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha.

47      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

48      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

49      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Fid-dritt

A.      Fuq is-suġġett tar-rikors

50      Fil-kuntest tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tat‑8 ta’ Diċembru 2015 u, “sa fejn meħtieġ”, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tad-19 ta’ Lulju 2016. Hija ssostni li din it-talba hija ammissibbli mhux biss sa fejn hija diretta kontra d-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2015, iżda wkoll sa fejn hija diretta kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, sa fejn din fiha elementi ġodda meta mqabbla mad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2015.

51      Il-partijiet l-oħra fil-kawża ma kkontestawx l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament diretta kontra ż-żewġ deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

52      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ilment amministrattiv, kif previst fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u ċ-ċaħda tiegħu, espliċita jew impliċita, huma parti integrali minn proċedura kumplessa u jikkostitwixxu biss kundizzjoni minn qabel sabiex qorti tiġi adita. F’dawn iċ-ċirkustanzi, rikors, anki jekk ikun formalment ippreżentat kontra ċ-ċaħda tal-ilment, għandu l-effett li jressaq quddiem il-qorti l-att li jikkawża preġudizzju u li kontrih ikun tressaq l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punti 7 u 8), ħlief fil-każ li ċ-ċaħda tal-ilment jkollha portata differenti minn dik tal-att li kontrih tressaq l-ilment (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2006, Staboli vs Il-Kummissjoni, T‑281/04, EU:T:2006:334, punt 26)

53      Fil-fatt, kull deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment, kemm jekk tkun impliċita jew inkella espliċita, jekk hija pura u sempliċi, sempliċement tikkonferma l-att jew l-astensjoni, li dwarhom jilmenta l-lanjant, u ma tikkostitwixxix, meħuda waħedha, att li jista’ jiġi kkontestat, b’mod li t-talbiet imressqa kontra din id-deċiżjoni mingħajr kontenut awtonomu mid-deċiżjoni inizjali għandhom jiġu kkunsidrati bħala mressqa kontra l-att inizjali (ara s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2015, Z vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑88/13 P, EU:T:2015:393, punt 141 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ lment tista’, fid-dawl tal-kontenut tagħha, ma jkollhiex natura konfermattiva tal-att kkontestat mir-rikorrent. Dan ikun il-każ meta d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ikun fiha eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent fid-dawl ta’ punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda, jew meta timmodifika jew tissupplimenta d-deċiżjoni inizjali. F’dawn il-każijiet, iċ-ċaħda tal-ilment tikkostitwixxi att suġġett għall-istħarriġ tal-qorti, li tieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-att ikkontestat, jew saħansitra tikkunsidrah bħala att li jikkawża preġudizzju li jieħu post l-imsemmi att ikkontestat (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2017, Skareby vs SEAE, T‑585/16, EU:T:2017:613, punt 18).

55      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-ilment u r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali ġew ippreżentati fit-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

56      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ma tbiddel la s-sens u lanqas il-portata tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2015 li qiegħdet lir-rikorrenti fuq leave fl-interess tas-servizz skont l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tikkompleta l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2015 dwar l-evalwazzjoni tal-kapaċità tar-rikorrenti biex takkwista kompetenzi ġodda u tadatta ruħha għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol u, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, tieħu inkunsiderazzjoni elementi fattwali li ma kinux disponibbli fit-8 ta’ Diċembru 2015, data li fiha d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ leave fl-interess tas-servizz tar-rikorrenti ġiet adottata. Il-Qorti Ġenerali tirreferi, f’dan ir-rigward, għar-rapporti ta’ evalwazzjoni tar-rikorrenti għas-snin 2014 u 2015, li, skont l-ispjegazzjonijiet tal-Kunsill, ġew stabbiliti wara d-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2015, iżda qabel id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-uniku att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrenti f’dan il-każ huwa d-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2015 li qiegħditha fuq leave fl-interess tas-servizz skont l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) li l-legalità tagħha, madankollu, ser tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment.

B.      Fuq it-talba għal annullament

58      Insostenn tat-talba tagħha għal annullament, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi, fejn l-ewwel wieħed jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tieni wieħed ibbażat fuq ksur ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll taċ-CP 71/15 u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, it-tielet wieħed, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ, ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ premura u, il-ħames motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter.

1.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal

a)      Osservazzjonijiet preliminari

59      Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal huwa illegali sa fejn huwa jikser il-prinċipju tal-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq l-età, stabbiliti fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4. p. 79), u l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal.

60      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn huwa japplika b’mod espliċitu għall-uffiċjali u l-membri tal-persunal “[m]hux iktar kmieni minn ħames snin ta’ qabel l-età pensjonabbli [tagħhom]”, jintroduċi differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, kif hija ddefinita fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78. Skont ir-rikorrenti, din id-differenza fit-trattament ma hijiex oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata minn għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Barra minn hekk, anki jekk kellu jingħad li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal isegwi tali għan leġittimu, il-mezzi użati sabiex jintlaħaq la huma xierqa u lanqas neċessarji fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

61      Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti u jitolbu li dan il-motiv jiġi miċħud.

62      Preliminarjament, għandhom jiġu ddeterminati d-dispożizzjonijiet li fir-rigward tagħhom għandha tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li tiegħu huwa espressjoni partikolari l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21(1) tagħha (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 29).

64      Barra minn hekk, l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jispeċifika li d-dispożizzjonijiet tagħha huma intiżi, b’mod partikolari, għall-istituzzjonijiet, il-korpi, u l-aġenziji tal-Unjoni f’konformità fir-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

65      Minn dan isegwi li l-legalità tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, li ġie introdott fir-Regolamenti tal-Persunal permezz tar-Regolament Nru 1023/2013, għandha tiġi evalwata fir-rigward tar-regola superjuri kkostitwita mill-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li hemm riferiment għalih fl-argument tar-rikorrenti, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq l-età.

66      F’dak li jirrigwarda l-invokazzjoni mir-rikorrenti tad-Direttiva 2000/78, hemm lok, preliminarjament, li jiġu ppreżentati d-dispożizzjonijiet rilevanti tiegħu.

67      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Skop”, jipprevedi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

68      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni” fl-ewwel u fit-tieni paragrafi tiegħu jgħid:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġguni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)      meta dik id-disposizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika ikunu oġġettivament ġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji […]”

69      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”, jipprevedi fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“1.      Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandhux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment ġustifikat b’ għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet jkunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

a)      l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

b)      l-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

ċ)      l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.”

70      Imbagħad, għandu jitfakkar li mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE jirriżulta li d-direttivi jorbtu lill-Istati Membri destinatarji f’dak li jirrigwarda r-riżultat li jrid jintlaħaq. Minn dan isegwi li d-Direttiva 2000/78, kif barra minn hekk huwa ppreċiżat fl-Artikolu 21 tagħha, hija indirizzata lill-Istati Membri u mhux lill-istituzzjonijiet. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma jistgħux jitqiesu li jimponu, inkwantu tali, obbligi fuq l-istituzzjonijiet, fl-eżerċizzju tal-poteri leġiżlattivi jew deċiżjonali tagħhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, Rinke, C‑25/02, EU:C:2003:435, punt 24, u tal‑24 ta’ Mejju 2008, Belfass vs Il-Kunsill, T‑495/04, EU:T:2008:160, punt 43) u lanqas ma jistgħu, inkwantu tali, ikunu l-bażi ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il-Kummissjoni, T‑325/09 P, EU:T:2011:506, punt 52).

71      Madankollu, minkejja li d-Direttiva 2000/78 ma tistax, inkwantu tali, tkun is-sors ta’ obbligi għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-poteri leġiżlattivi jew deċiżjonali tagħhom sabiex jirregolaw ir-relazzjonijiet ta’ ħidma bejniethom u l-membri tal-persunal tagħhom, jibqa’ l-fatt li r-regoli jew il-prinċipji stabbiliti jew żviluppati f’din id-direttiva jistgħu jiġu invokati kontra dawn l-istituzzjonijiet meta ma jidhrux, huma stess, ħlief bħala l-espressjoni speċifika ta’ regoli fundamentali tat-Trattati u ta’ prinċipji ġenerali li huma imposti direttament fuq l-imsemmija istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2016, Todorova Androva vs Il-Kunsill et T‑366/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:729, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li d-Direttiva 2000/78 ikkonkretizzat, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez, C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Minn dan isegwi li, għalkemm id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 ma jistgħux, inkwantu tali, ikunu l-bażi tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, dawn jistgħu jkunu sors ta’ ispirazzjoni għad-determinazzjoni tal-obbligi tal-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tagħha. Huwa b’dan il-mod li l-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni f’dan il-każ id-Direttiva 2000/78.

74      F’dak li jirrigwarda l-invokazzjoni mir-rikorrenti tal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprevedi l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni, b’mod partikolari ta’ dik ibbażata fuq l-età, fl-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal. Din id-dispożizzjoni ddaħħlet fir-Regolament tal-Persunal permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 tat-22 ta’ Marzu 2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130).

75      Sa fejn l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal jinsab fl-istess att, ta’ natura regolatorja, bħall-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri fir-Regolamenti tal-Persunal, u għalhekk għandu l-istess importanza fil-ġerarkija tar-regoli, din id-dispożizzjoni ma tikkostitwixxix regola li fid-dawl tagħha l-legalità tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal tista’ tiġi evalwata. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ċċarat li r-riferiment għall-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal kien sar biss sa fejn din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq l-età.

76      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi konkluż li l-legalità tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni, fil-limiti esposti fil-punt 73 iktar ’il fuq, id-Direttiva 2000/78.

77      Kif diġà ġie indikat (ara l-punt 63 iktar ’il fuq), l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jsemmi l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li jikkostitwixxi espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fl-Artikolu 20 tagħha.

78      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxix differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età u, fit-tieni lok, jekk iva, jekk din id-differenza fit-trattament hijiex, madankollu, konformi mal-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sa fejn hija tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 35).

b)      Fuq l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età

80      Hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal japplika “[m]hux iktar kmieni minn ħames snin ta’ qabel l-età pensjonabbli” tal-uffiċjali kkonċernati. Il-Kunsill speċifika li din id-dispożizzjoni kienet applikabbli għal uffiċjali f’faxxa ta’ età bejn il-55 u s-66 sena. Mill-kuntest leġiżlattiv applikabbli u mill-ispjegazzjonijiet tal-Kunsill mogħtija fil-kuntest tar-risposta tagħha bil-miktub għal domanda tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li dik il-faxxa ta’ età hija ddeterminata abbażi tar-raġunament li ġej.

81      Fir-rigward tal-uffiċjali li daħlu fis-servizz qabel l-1 ta’ Jannar 2014, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-ħames subparagrafu, l-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprevedi:

“Għall-uffiċjali fis-servizz qabel l-1 ta’ Jannar 2014, l-età pensjonabbli li għandha tkun ikkunsidrata għar-referenzi kollha tal-età tal-pensjoni f’dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom ikunu stabbiliti skont id-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, għajr jekk ikun previst b’mod ieħor fir-Regolamenti tal-Persunal.”

82      L-età tal-irtirar tvarja bejn is-60 u l-65 sena skont l-età tal-uffiċjal fl-1 ta’ Mejju 2014, kif jirriżulta mill-kontenut tal-ewwel erba’ subparagrafi ta’ l-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

83      F’dak li jirrigwarda l-uffiċjali li daħlu fis-servizz wara l-1 ta’ Jannar 2014, l-età tal-irtirar hija ta’ 66 sena skont il-punt a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal.

84      Minn dan isegwi li, peress li l-għoti ta’ leave fl-interess tas-servizz jista’ jkun applikat għall-uffiċjali li jkollhom 10 snin ta’ anzjanità u huma, l-iktar kmieni, ħames snin mill-età tal-irtirar, dan potenzjalment jirrigwarda l-uffiċjali li għandhom bejn il-55 sena (għal dawk li kellhom 60 sena jew aktar fl-1 ta’ Mejju 2014 u li l-età tal-irtirar tagħhom kienet għaldaqstant stabbilita għal 60 sena) u s-66 sena (għal dawk li kienu ġew irreklutati wara l-1 ta’ Jannar 2014 u li l-età tal-irtirar tagħhom hija b’hekk stabbilita għal 66 sena).

85      Peress li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal japplika biss għall-uffiċjali f’faxxa ta’ età ta’ bejn il-55 snin u s-66 snin u ma japplikax għall-uffiċjali iżgħar li ma jaqgħux fil-faxxa ta’ età msemmija iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni toħloq differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età.

86      Ta’ min jinnota li l-Kunsill jesprimi dubji dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jistax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, sa fejn huwa ma jirreferix għal “età partikolari”, iżda għall-età tal-irtirar tal-uffiċjali kkonċernati li tista’ tvarja. Għaldaqstant, din hija miżura ta’ sostenn għall-irtirar intiża sabiex jittaffa l-“effett ta’ qtugħ” ta’ dan it-tluq u mhux għal diskriminazzjoni abbażi ta’ età partikolari meta mqabbla ma’ oħra. Biex jikkorrobora dan ir-raġunament, il-Kunsill jinnota wkoll li l-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal hija suġġetta għat-tieni kundizzjoni indipendenti mill-età, dik tal-eżistenza ta’ anzjanità ta’ mill-inqas għaxar snin.

87      Dan l-argument tal-Kunsill jirrigwarda l-ġustifikazzjoni tad-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li tinsab fl-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u ma jikkontestax l-eżistenza ta’ din id-differenza fit-trattament. Sa fejn din id-dispożizzjoni tirreferi biss għal uffiċjali li jaqgħu f’faxxa ta’ età partikolari, identifikata b’mod ċar, hija tintroduċi differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq l-età, minkejja l-fatt li l-faxxa ta’ età msemmija iktar ’il fuq tiġi ddeterminata skont l-età tal-irtirar tal-uffiċjali kkonċernati. Il-kwistjoni dwar jekk din id-differenza fit-trattament tikkostitwixxix diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali hija kwistjoni distinta minn dik dwar l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament.

88      Barra minn hekk, dejjem b’risposta għall-argument tal-Kunsill espost fil-punt 86 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-fatt li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi kundizzjonijiet oħra mhux marbuta mal-età, bħal dik dwar l-anzjanità tal-uffiċjali kkonċernati u dik dwar l-eżistenza ta’ “ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda”, ma jneħħix il-fatt li, meta dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, l-uffiċjali li jaqgħu fil-faxxa ta’ età inkwistjoni jiġu ttrattati b’mod differenti minn uffiċjali li ma jaqgħux f’din il-faxxa.

89      Skont il-ġurisprudenza, sabiex il-leġiżlatur tal-Unjoni jkun jista’ jiġi kkritikat li kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jeħtieġ li huwa jkun ittratta b’mod differenti sitwazzjonijiet paragunabbli, li jwassal għal żvantaġġ għal ċerti persuni meta mqabbla ma’ oħrajn (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li f’dan il-każ għandu jiġi vverifikat jekk id-differenza fit-trattament skont l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, twassalx għal żvantaġġ għall-uffiċjali li jaqgħu fil-faxxa ta’ età inkwistjoni meta mqabbla ma’ dawk li ma jaqgħux fiha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 33).

90      F’dan il-każ, l-uffiċjali li jaqgħu fil-faxxa ta’ età inkwistjoni u suġġetti, għalhekk, potenzjalment għall-miżura prevista fl-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jistgħu, kontra r-rieda tagħhom, jiġu imposti bidla fil-pożizzjoni amministrattiva tagħhom billi ma jibqgħux f’“attività” fis-sens tal-Artikolu 36 tar-Regolamenti tal-Persunal u jitqiegħdu bil-“leave fl-interess tas-servizz”. Barra minn hekk, dawn l-uffiċjali ma jibqgħux jibbenefikaw minn evoluzzjoni fil-karriera tagħhom sa fejn, bis-saħħa tal-punt b) tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, huma ma jibqgħux intitolati għall-avvanzament fi skala u għall-promozzjoni fil-grad.

91      L-uffiċjali li ma humiex suġġetti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal ma jsofrux żvantaġġi bħal dawn fir-rigward tal-karriera tagħhom.

92      Barra minn hekk, l-uffiċjali li jingħataw il-leave fl-interess tas-servizz bla dubju jbatu tnaqqis fid-dħul professjonali tagħhom li jirriżulta, b’mod partikolari, mill-fatt li huma ma jibqgħux jirċievu s-salarju bażiku billi dan jiġi ssostitwit b’allowance prevista fis-seba’ paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont din id-dispożizzjoni, din l-allowance hija kkalkolata skont l-Anness IV tar-Regolamenti tal-Persunal, li jfisser li uffiċjali li jitqiegħdu fuq leave fl-interess tas-servizz jirċievu matul l-ewwel tliet xhur tal-applikazzjoni tal-miżura allowance fix-xahar daqs is-salarju bażiku tagħhom, mir-raba’ sas-sitt xahar ta’ applikazzjoni tal-miżura allowance fix-xahar ta’ 85 % tas-salarju bażiku u mis-seba’ xahar sa tmiem il-leave, jiġifieri sakemm tintlaħaq l-età tal-irtirar, allowance ta’ kull xahar ta’ 70 % tas-salarju bażiku. Skont id-disa’ paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jiġi applikat l-ebda koeffiċjent ta’ korrezzjoni għal din l-allowance. Barra minn hekk, id-dannu finanzjarju msemmi iktar ’il fuq huwa potenzjalment aggravat mill-fatt li l-uffiċjali kkonċernati ma jibqgħux intitolati javvanzaw fis-skala u għall-promozzjoni fi grad, kif dan diġà ġie osservat.

93      L-uffiċjali li ma jaqgħux fil-faxxa ta’ età inkwistjoni u li, għaldaqstant, ma humiex suġġetti għall-applikazzjoni fil-konfront tagħhom tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jsofrux l-iżvantaġġi finanzjarji identifikati fil-punt 92 iktar ’il fuq.

94      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, hemm lok li jiġi konkluż li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età.

c)      Fuq l-osservanza tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

95      Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minn din tal-aħħar għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikunu meħtieġa u fejn ġenwinament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn.

96      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, hija prevista mil-“liġi” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, sa fejn din id-dispożizzjoni toriġina mir-Regolament Nru 1023/2013 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 37)

97      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-differenza fit-trattament msemmija hawn fuq tirrigwarda kwistjoni b’portata limitata fil-kuntest tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, dik ta’ għoti ta’ leave fl-interess tas-servizz ta’ ċerti uffiċjali li jissodisfaw numru ta’ kundizzjonijiet, fosthom dik relatata mal-età. Għaldaqstant, din id-differenza fit-trattament “għandha tirrispetta l-essenza” tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Sabiex tiġi kkorroborata din il-konklużjoni, għandu jiġi osservat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li n-numru annwali totali ta’ uffiċjali li jitqiegħdu fuq leave fl-interess tas-servizz ma għandux ikun iktar minn 5 % tan-numru totali tal-uffiċjali fl-istituzzjonijiet kollha li rtiraw matul is-sena ta’ qabel. B’hekk, jirriżulta li, fid-dawl ta’ dan il-limitu massimu u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, previsti fl-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, in-numru annwali ta’ uffiċjali li jistgħu jitqiegħdu fuq leave fl-interess tas-servizz huwa limitat ħafna, kif jirriżulta wkoll mir-risposti bil-miktub tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali. Bħala eżempju, il-Kunsill indika li, fi ħdanu, erba’ uffiċjali kienu tqiegħdu fuq leave fl-interess tas-servizz matul kull waħda mis-snin 2015, 2016 u 2017 minn total ta’ 2 757 uffiċjal fis-servizz fil-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 2017.

99      Il-Qorti Ġenerali sejra teżamina l-kwistjoni dwar jekk f’dan il-każ humiex issodisfatti iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra, previsti mill-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jippermettu li tiġi ġġustifikata d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. Dawn il-kundizzjonijiet huma l-eżistenza ta’ għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni li għaliha tirrispondi d-differenza fit-trattament u dik marbuta mal-proporzjonalità.

1)      Fuq il-kwistjoni dwar jekk id-differenza ta’ trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, tissodisfax għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni

100    Il-Kunsill, sostnut mill-Parlament u mill-Kummissjoni, isostni, essenzjalment, li d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, issegwi tliet għanijiet ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal. Fl-ewwel lok, din id-differenza fit-trattament issegwi l-għan li jsir l-aħjar użu mill-investiment tal-istituzzjonijiet għat-taħriġ professjonali tagħhom billi tippermettilhom jiffokaw dan l-investiment fuq l-uffiċjali li għad għandhom perijodu ta’ impjieg raġonevoli qabel l-irtirar. Fit-tieni lok, id-differenza fit-trattament imsemmija iktar ’il fuq issegwi l-għan ta’ sostenn għall-uffiċjali li jkunu qrib l-irtirar u li ma jirnexxilhomx jiksbu kompetenzi ġodda u jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol tal-istituzzjonijiet. Fit-tielet lok, din id-differenza fit-trattament issegwi, essenzjalment, l-għan ta’ żamma ta’ struttura ta’ età bbilanċjata bejn uffiċjali żgħażagħ u uffiċjali ikbar fl-età, li tiffavorixxi, min-naħa tagħha, ir-reklutaġġ u l-promozzjoni ta’ dawn l-uffiċjali żgħażagħ, l-iskambju ta’ esperjenzi u l-innovazzjoni kif ukoll id-diversità ġeografika.

101    Ir-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza tat-tliet għanijiet imsemmija iktar ’il fuq. Hija ssostni li l-uniku għan segwit permezz tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal huwa dak tat-tnaqqis tal-ispejjeż u tal-persunal tal-istituzzjonijiet “billi jeħles” mill-uffiċjali li jinsabu l-eqreb għall-irtirar u li jirċievu remunerazzjoni għolja. Issa, dan l-għan ma jikkostitwixxix għan leġittimu ta’ “politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, li jiġġustifika d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal.

102    Fl-ewwel lok, jeħtieġ li tiġi vverifikata l-eżistenza tal-għanijiet invokati mill-istituzzjonijiet. F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u, jekk ikun il-każ, tal-kuntest ġenerali tiegħu li jippermetti li jiġi identifikat l-għan wara d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età stabbilita minnu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C‑411/05, EU:C:2007:604, punti 56 u 57; tal-21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler, C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, punt 39, u tas-6 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑286/12, EU:C:2012:687, punt 58)

103    F’dak li jirrigwarda l-ewwel għan invokat, dak li jsir l-aħjar użu mill-investiment marbut mat-taħriġ professjonali, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal hija suġġetta għall-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ “ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda”. Ir-riferiment għall-“akkwist ta’ kompetenzi ġodda” juri r-relazzjoni bejn id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq u t-taħriġ professjonali.

104    Sussegwentement, mill-proċess u, b’mod partikolari, mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u tat-8 ta’ Frar 2013, jirriżulta li r-Regolament Nru 1023/2013 u, għaldaqstant, l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal ġew adottati f’kuntest ta’ rigorożità baġitarja tal-amministrazzjoni pubblika Ewropea, ta’ rieda tal-Istati Membri għat-titjib tal-effettività tagħha u tal-prestazzjoni tagħha u ta’ tnaqqis progressiv tal-persunal tal-istituzzjonijiet b’5 % għall-perijodu 2013/2017.

105    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fl-ewwel, it-tielet, is-seba’ u t-tnax-il premessa tar-Regolament Nru 1023/2013 jirreferu, l-ewwel nett, għall-ħtieġa li l-Unjoni tkompli tkun mgħammra b’amministrazzjoni pubblika ta’ kwalità għolja (l-ewwel premessa) li tkun kapaċi twettaq il-kompiti fdati lill-istituzzjonijiet f’kuntest ta’ tnaqqis tal-persunal (it-tielet premessa), it-tieni nett, il-ħtieġa li jsir l-aħjar użu mill-ġestjoni tar-riżorsi umani (is-seba’ premessa) u, it-tielet nett, filwaqt li jsir riferiment għall-konklużjonijiet iktar ’il fuq imsemmija tal-Kunsill Ewropew, il-ħtieġa ta’ titjib tal-effettività u l-effiċjenza, il-ħtieġa ta’ adattament għall-evoluzzjoni tal-kuntest ekonomiku u l-isforz li tiġi żgurata l-kosteffiċjenza (it-tnax-il premessa).

106    Il-premessi msemmija iktar ’il fuq tar-Regolament Nru 1023/2013 juru r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jsegwi l-għan ta’ ġestjoni effikaċi tal-infiq marbut mal-amministrazzjoni pubblika Ewropea f’termini ta’ kosteffiċjenza, li jippermetti, b’dan il-mod, li jinżamm il-livell ta’ kwalità għolja ta’ din l-amministrazzjoni u li jippermetti, fl-aħħar mill-aħħar, lill-Unjoni tikseb l-għanijiet tagħha, timplimenta l-politiki tagħha u twettaq il-kompiti tagħha f’kuntest ta’ rigorożità baġitarja u ta’ tnaqqis tal-persunal tal-istituzzjonijiet. Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni u tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 103 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-eżistenza tal-għan li jsir l-aħjar użu mill-investiment iddedikat għat-taħriġ professjonali tal-uffiċjali, segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni permezz ta’ differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, jirriżulta li hija stabbilita.

107    Mingħajr ma hemm bżonn li tiġi vverifikata l-eżistenza taż-żewġ għanijiet l-oħra invokati mill-istituzzjonijiet, fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-ewwel għan invokat li l-eżistenza tiegħu ġiet stabbilita jikkostitwixxix għan “ta’ interess ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

108    L-ewwel għan invokat huwa intiż, essenzjalment, għall-ġestjoni tajba tal-fondi pubbliċi f’termini ta’ kosteffiċjenza, f’kuntest ta’ rigorożità baġitarja u ta’ tnaqqis tal-persunal tal-istituzzjonijiet. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li, skont l-Artikolu 310(5) TFUE, il-baġit tal-Unjoni għandu jiġi implimentat skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba. Barra minn hekk, l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1), jipprovdi li l-approprjazzjonijiet għandhom ikunu użati f’konformità mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba, jiġifieri skont il-prinċipji ta’ ekonomija, ta’ effiċjenza u ta’ effikaċja. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 966/2012 jippreċiża li l-prinċipju ta’ effiċjenza jirreferi għall-aħjar relazzjoni bejn il-mezzi implimentati u r-riżultati miksuba. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiżgura, permezz tad-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, l-aħjar użu mill-infiq tal-istituzzjonijiet fir-rigward ta’ taħriġ professjonali, jikkostitwixxi għan “ta’ interess ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni”.

109    Barra minn hekk, sa fejn l-ewwel għan invokat jirrigwarda l-politika ta’ formazzjoni professjonali tal-istituzzjonijiet, huwa jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, li jsemmi, fost l-għanijiet leġittimi li jistgħu jiġġustifikaw differenzi fit-trattament bbażati fuq l-età stabbiliti minn miżuri nazzjonali, dak marbut mat-taħriġ professjonali. Minn dan isegwi li, abbażi wkoll tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq, li hija sors ta’ ispirazzjoni għad-determinazzjoni tal-obbligi tal-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan il-każ (ara l-punt 73 iktar ’il fuq), l-ewwel għan invokat jikkostitwixxi għan “ta’ interess ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punti 42 u 43).

110    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, hemm lok li jiġi konkluż li d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, tirrispondi għal, mill-inqas, għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

111    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti mressaq fil-punt 101 iktar ’il fuq. Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni, imqajma permezz ta’ dan l-argument, dwar jekk l-għan ta’ tnaqqis tal-ispejjeż u tal-persunal tal-istituzzjonijiet jistax jikkostitwixxi, bħala tali, għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma turix li huwa jikkostitwixxi l-uniku għan segwit mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ġiet stabbilita l-eżistenza ta’, mill-inqas, għan leġittimu ieħor segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni, f’dan il-każ l-għan li jsir l-aħjar użu mill-investiment iddedikat għat-taħriġ professjonali tal-uffiċjali.

112    Billi d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, tissodisfa mill-inqas għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, għandu jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 39).

2)      Fuq il-proporzjonalità

113    L-eżami tal-proporzjonalità tad-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, jimplika li jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament hijiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan segwit u jekk hija ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 44).

114    F’dan ir-rigward, b’analoġija mal-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni mogħti lil-leġiżlatur nazzjonali fir-rigward tad-definizzjoni tal-miżuri li jistgħu jilħqu għan partikolari fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg (sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C‑411/05, EU:C:2007:604, punt 68; tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England, C‑388/07, EU:C:2009:128, punt 51, u tad‑9 ta’ Settembru 2015, Unland, C‑20/13, EU:C:2015:561, punt 57), il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jingħata marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fid-definizzjoni tal-miżuri li jistgħu jilħqu għan ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal. Fid-dawl ta’ dan il-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni, l-istħarriġ tal-qorti jirrigwarda, f’dan il-każ, il-kwistjoni dwar jekk ma jidhirx li huwa irraġonevoli li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqis li d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, tista’ tkun xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu invokat (ara b’analoġija, is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007 Palacios de la Villa, C‑411/05, EU:C:2007:604, punt 72; tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen, C‑341/08, EU:C:2010:4, punt 70, u tad-9 ta’ Settembru 2015, Unland, C‑20/13, EU:C:2015:561, punt 65).

115    F’dak li jirrigwarda l-ewwel għan invokat, dwar l-aħjar użu mill-investimenti marbuta mat-taħriġ professjonali, għandu jitfakkar li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal ġie adottat f’kuntest ta’ rigorożità baġitarja u ta’ tnaqqis tal-persunal tal-istituzzjonijiet. Kif jirriżulta mill-proċess, dan huwa tnaqqis progressiv tal-persunal b’5 % għall-perijodu 2013/2017, applikabbli għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-Unjoni. Id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq ġiet adottata wkoll f’kuntest ta’ rieda li jittejbu l-effikaċja u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika Ewropea f’termini ta’ kosteffiċjenza, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mit-tnax-il premessa tar-Regolament Nru 1023/2013.

116    Il-Kunsill ippreċiża li, f’kuntest bħal dan, u sabiex jiġi żgurat tnaqqis effettiv fil-missjonijiet li jevolvu, l-istituzzjonijiet kellhom jimmodifikaw il-metodi ta’ ħidma tagħhom u jeħtieġu mill-uffiċjali li jadattaw ruħhom u jiksbu b’mod regolari kompetenzi ġodda. Ma’ dawn iċ-ċirkustanzi jiżdiedu wkoll l-possibbiltajiet offruti permezz tal-kompjuterizzazzjoni u d-dematerjalizzazzjoni tal-proċeduri, li jwasslu għal tnaqqis tal-ħtiġijiet f’termini ta’ impjiegi inqas ikkwalifikati. Dawn iċ-ċirkustanzi kollha jobbligaw lill-istituzzjonijiet sabiex jinvestu b’mod massiv fit-taħriġ kontinwu tal-uffiċjali tagħhom.

117    Il-Kunsill sostna li, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jippermetti lill-istituzzjonijiet jiffokaw l-investiment iddedikat għat-taħriġ professjonali għall-uffiċjali li jkollhom tul ta’ karriera raġonevoli qabel l-irtirar u joffru forma ta’ rtirar kmieni għall-uffiċjali fi tmiem il-karriera tagħhom.

118    Fil-fatt, ma jistax jiġi kkontestat li, fil-preżenza ta’ ħtiġijiet ta’ ksib ta’ kompetenzi ġodda mill-uffiċjali u, għalhekk, il-ħtieġa għall-istituzzjonijiet li jinvestu fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali f’kuntest ta’ rigorożità baġitarja u ta’ tnaqqis tal-persunal, l-għoti ta’ leave lill-uffiċjali li jkunu qed joqorbu l-età tal-irtirar, jillibera fondi marbuta ma’ taħriġ professjonali li jistgħu jiġu allokati għal taħriġ professjonali tal-uffiċjali iżgħar fl-età, li għandhom quddiemhom karriera itwal fi ħdan l-istituzzjonijiet. Minn dan isegwi li dan l-għoti ta’ leave jikkontribwixxi sabiex isir l-aħjar użu mill-investimenti marbuta mat-taħriġ professjonali, peress li dan iservi għat-titjib tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż marbuta ma’ dawn l-investimenti u l-benefiċċji miksubin mill-istituzzjonijiet. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, fid-dawl tal-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni (ara l-punt 114 iktar ’il fuq), id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, tikkostitwixxi mezz xieraq biex jintlaħaq l-ewwel għan segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

119    Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk id-differenza fit-trattament msemmija hawn fuq tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit, din għandha titqiegħed fil-kuntest leġiżlattiv li tinsab fih u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm id-dannu li hija tista’ tikkawża lill-uffiċjali kkonċernati kif ukoll il-benefiċċji li jinkisbu, b’mod partikolari, mill-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries, C‑190/16, EU:C:2017:513, punt 53).

120    Fir-rigward tal-benefiċċji miksuba mill-istituzzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-aħjar użu mill-investimenti marbuta mat-taħriġ professjonali, l-għan wara d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, jgħin biex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu, fl-aħħar mill-aħħar, ikomplu jwettqu l-kompiti tagħhom f’kuntest ta’ rigorożità baġitarja u ta’ tnaqqis tal-persunal.

121    Barra minn hekk, filwaqt li d-differenza fit-trattament msemmija iktar ’il fuq titqiegħed mill-ġdid fil-kuntest tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u tar-Regolamenti tal-Persunal b’mod ġenerali, għandu jiġi osservat li l-għoti ta’ leave fl-interess tas-servizz huwa, fl-aħħar mill-aħħar, strument għall-ġestjoni tal-persunal għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet, sa fejn huwa jikkostitwixxi sitwazzjoni amministrattiva addizzjonali li fiha l-uffiċjali jistgħu jitqiegħdu, flimkien ma’ pożizzjonijiet amministrattivi oħra li huma, skont l-Artikolu 35 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-impjieg attiv, il-kollokament, il-leave għal raġunijiet personali, l-istat mhux attiv, il-leave għal servizz militari u leave tal-ġenituri jew tal-familja.

122    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li ma hemmx dispożizzjonijiet fir-Regolamenti tal-Persunal li jikkostitwixxu “alternattiva” għall-miżura prevista fl-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. B’mod partikolari, sa fejn ir-rikorrenti tirreferi għall-Artikolu 51 tar-Regolamenti tal-Persunal dwar inkompetenza professjonali, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex jiġi kkonstatat u ssanzjonat it-twettiq mhux sodisfaċenti tal-kompiti minn uffiċjal u topera b’mod indipendenti minn kunsiderazzjonijiet marbuta mal-interess tas-servizz, filwaqt li l-miżura adottata taħt l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal topera fl-interess tas-servizz.

123    Bħala għodda addizzjonali ta’ ġestjoni tal-persunal, l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal huwa, ipso facto, ta’ benefiċċju għall-istituzzjonijiet.

124    Fir-rigward tad-dannu kkawżat lill-uffiċjali kkonċernati, għandhom jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 90 sa 92 iktar ’il fuq.

125    Fl-istess ħin, għandu jiġi osservat li, kif il-Kunsill ġustament isostni, dawn l-uffiċjali jitqiegħdu fuq leave fl-interess tas-servizz b’kundizzjonijiet finanzjarji raġonevoli. Fil-fatt, għandu jitfakkar, b’mod partikolari, li l-uffiċjali kkonċernati jirċievu allowance kull xahar sat-tmiem tal-leave li l-kalkolu tagħha, kif speċifikat fil-punt 92 iktar ’il fuq, ma huwiex meqjus mill-Qorti Ġenerali bħala irraġonevoli. Barra minn hekk, kif jirriżulta mit-tmien paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjali kkonċernati jistgħu jkomplu jikkontribwixxu fl-iskema ta’ pensjonijiet u jżidu, b’dan il-mod, l-ammont tal-pensjoni tagħhom. Il-kundizzjoni dwar l-għaxar snin ta’ anzjanità, prevista mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, tikkontribwixxi wkoll għan-natura proporzjonata tal-miżura prevista minn din id-dispożizzjoni, fis-sens li, kif jinnota ġustament il-Parlament, hija twassal sabiex l-applikazzjoni ta’ din il-miżura tkun irriżervata għal uffiċjali li l-livell ta’ salarju u ta’ drittijiet għall-pensjoni huwa tali li jnaqqas l-inkonvenjenti finanzjarji ta’ għoti ta’ leave. Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, l-ewwel nett, il-miżura prevista fl-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal hija suġġetta għal sett ta’ kundizzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, it-tieni nett, li l-adozzjoni tagħha ma hijiex obbligatorja għall-istituzzjonijiet, li għandhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ din l-adozzjoni u, it-tielet nett, li n-numru annwali totali ta’ uffiċjali li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ din il-miżura huwa limitat għal 5 % tan-numru totali tal-uffiċjali fl-istituzzjonijiet kollha li rtiraw matul is-sena ta’ qabel (ara l-punt 98 iktar ’il fuq)

126    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li jinsabu fil-punti 120 sa 125 iktar ’il fuq, ma jidhirx li huwa irraġonevoli li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqis neċessarju li jipprevedi l-għoti ta’ leave fl-interess tas-servizz biss għall-uffiċjali li jaqgħu fil-faxxa ta’ età inkwistjoni u mhux għall-uffiċjali li ma jaqgħux f’din il-faxxa, sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu li jsir l-aħjar użu mill-investimenti marbuta mat-taħriġ professjonali. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, hija proporzjonata mal-ewwel għan leġittimu invokat.

127    Sa fejn il-proporzjonalità tad-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età ġiet stabbilita meta mqabbla mal-ewwel għan leġittimu invokat, għandu jiġi konkluż li din id-differenza fit-trattament, stabbilita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, ma tiksirx l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali peress li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 52(1) ta’ din. Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ illegalità invokata kontra l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tiġi miċħuda.

2.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u taċ-CP 71/15 kif ukoll fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

128    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u ċ-CP 71/15 u li hija vvizzjata bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. F’dan il-kuntest, hija, b’mod partikolari, issostni li l-Kunsill ma ġġustifikax bl-interess tas-servizz li kellu l-ħsieb li jaqdi billi japplika għaliha l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, ma identifikax il-ħtiġijiet organizzattivi reali li jeħtieġu l-akkwist ta’ kompetenzi ġodda u ma identifikax il-kompetenzi ġodda li hija ma tistax tikseb. Għall-kuntrarju, huwa qagħad, b’mod partikolari, fuq ir-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħha allegatament negattivi u fuq il-kondotta tagħha fis-servizz, jiġifieri fuq elementi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-konklużjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata li tgħid li hija ma kellhiex il-kapaċità sabiex tadatta ruħha għall-evoluzzjoni fil-ħtiġijiet tax-xogħol.

129    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u jitlob li dan l-ilment jiġi miċħud.

a)      Fuq id-determinazzjoni tal-kuntest ġuridiku applikabbli f’dan il-każ

130    Hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi b’mod espliċitu li l-għoti ta’ leave tal-uffiċjali kkonċernati isir fl-interess tas-servizz. Barra minn hekk, huwa jipprevedi bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni tiegħu l-eżistenza ta’ “ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda fi ħdan l-istituzzjonijiet”.

131    Għandu jitfakkar ukoll li, permezz taċ-CP 71/15, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill pprovda informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal minn din l-istituzzjoni (ara l-punt 8 iktar ’il fuq) billi ppreċiża, b’mod partikolari, il-kontenut tal-“ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda” fir-rigward ta’ din l-istituzzjoni. Minn din il-komunikazzjoni u mill-kjarifiki mogħtija fil-kuntest tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment (ara, b’mod partikolari, il-punti 44 u 64 ta’ din id-deċiżjoni) jirriżulta li, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kunsill jieħu inkunsiderazzjoni ż-żewġ elementi li ġejjin: minn naħa, huwa jieħu inkunsiderazzjoni l-“ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda” fi ħdan l-istituzzjoni, fis-sens li jevalwa l-eżistenza ta’ dawn il-bżonnijiet li jeħtieġu l-akkwist ta’ kompetenzi ġodda min-naħa tal-uffiċjali kkonċernati u, min-naħa l-oħra, huwa jieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità ta’ dawn l-uffiċjali li jiksbu tali kompetenzi u li jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol.

132    Il-Kunsill ippreċiża, fil-punt 44 tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment u fid-difiża quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-evalwazzjoni tat-tieni element identifikat fil-punt 131 iktar ’il fuq kienet tinvolvi neċessarjament element pronjostiku fis-sens li hija evalwazzjoni, fuq il-bażi tal-informazzjoni li kellha l-Awtorità tal-Ħatra fil-mument li fih ħadet id-deċiżjoni tagħha, jekk kienx raġonevoli li wieħed jassumi li l-uffiċjali kkonċernati ser ikollhom diffikultajiet biex jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol u r-rekwiżiti tas-servizz fil-futur.

133    Mill-kuntest ġuridiku, ikkostitwit f’dan il-każ mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal kif huwa ppreċiżat permezz taċ-CP 71/15, li torbot lill-Kunsill, jirriżulta li l-evalwazzjoni taż-żewġ elementi identifikati fil-punt 131 iktar ’il fuq hija evalwazzjoni prospettiva, kif din l-istituzzjoni, barra minn hekk, ikkonfermat waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali.

134    Ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal magħmula mill-Kunsill. Minn naħa, hija ssostni li, permezz taċ-CP 71/15, dan żnatura din id-dispożizzjoni billi stabbilixxa li l-għoti ta’ leave fl-interess tas-servizz ser jiġi applikat għal “uffiċjali li għandhom diffikultajiet biex jakkwistaw kompetenzi ġodda u jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni tal-ambjent tax-xogħol”. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li, minħabba dan l-iżnaturament illegali, ir-raġunament tal-Kunsill, ippreżentat fil-punt 76 tar-risposta, li hija “evalwazzjoni tal-potenzjal ta’ uffiċjal biex jakkwista kompetenzi ġodda u biex jadatta ruħu għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol” għandu jiġi miċħud ukoll peress li huwa bbażat fuq preżunzjonijiet mhux awtorizzati mill-kliem tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal.

135    Dan l-argument tar-rikorrenti jeżiġi li tiġi kkontrollata l-kompatibbiltà tal-approċċ tal-Kunsill, kif deskritt fiċ-CP 71/15 u ċċarat fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment u fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, mar-regola superjuri li hija kkostitwita mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2015, Barnett vs CESE, F‑20/14, EU:F:2015:107, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

136    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jirreferi espliċitament għall-“interess tas-servizz”. Kif il-Kunsill ippreċiża fil-kuntest tar-risposta tiegħu għal domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-“ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda”, imsemmija wkoll minn dan l-artikolu, huma aspett speċifiku tal-interess tas-servizz.

137    Peress li l-“ħtiġijiet organizzattivi” huma marbuta mal-“akkwist ta’ kompetenzi ġodda” u huma biss aspett speċifiku tal-interess tas-servizz fil-kuntest tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi konkluż li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jipprekludix lill-Kunsill milli jieħu inkunsiderazzjoni, bħala “ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda”, il-kapaċità tal-uffiċjali kkonċernati “biex jakkwistaw kompetenzi ġodda u jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol”, skont iċ-CP 71/15.

138    Dan it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ element li jappartjeni lill-uffiċjali kkonċernati lanqas ma jmur kontra r-ratio legis tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, sa fejn ġie stabbilit li din id-dispożizzjoni ssegwi l-għan li jsir l-aħjar użu mill-investimenti tal-istituzzjonijiet marbuta mat-taħriġ professjonali f’termini ta’ kosteffiċjenza, jidher li huwa kompatibbli ma’ dan l-għan li l-Kunsill jieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ispejjeż tal-investimenti marbuta mat-taħriġ professjonali, il-kapaċità tal-uffiċjali kkonċernati li jakkwistaw kompetenzi ġodda u li jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol. Dan it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ element li jappartjeni lill-uffiċjali kkonċernati jidher ukoll iġġustifikat mill-fatt li l-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal twassal għal konsegwenzi sfavorevoli għalihom u tista’ tiġi imposta fuqhom kontra r-rieda tagħhom (ara l-punti 90 sa 92 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li dan it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ element li jappartjeni lill-uffiċjali kkonċernati jirrendi l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni inqas riġida fil-konfront tagħhom.

139    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-evalwazzjoni mill-Kunsill tal-kapaċità tal-uffiċjali kkonċernati li jakkwistaw kompetenzi ġodda u li jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol hija kompatibbli mal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal.

140    Barra minn hekk, sa fejn din l-evalwazzjoni hija intiża sabiex issegwi l-interess tas-servizz, hija għandha neċessarjament tiffoka fuq il-kapaċità futura tal-uffiċjali kkonċernati li jakkwistaw kompetenzi ġodda u li jadattaw ruħhom għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol u għandha tinkludi, għalhekk, element ta’ previżjoni, bħalma jsostni ġustament il-Kunsill. Fil-każ kuntrarju, din l-evalwazzjoni ma tkunx issegwi l-interess tas-servizz. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż ukoll li l-element ta’ previżjoni inkluż fl-evalwazzjoni tat-tieni element identifikat fil-punt 131 iktar ’il fuq huwa kompatibbli mal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal.

141    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-argument tar-rikorrenti mressaq fil-punt 134 iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud.

142    Mill-kuntest ġuridiku kkostitwit mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u miċ-CP 71/15 jirriżulta li l-Kunsill kien, f’dan il-każ, fl-obbligu li jevalwa żewġ elementi ta’ “ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda”, jiġifieri, fl-ewwel lok, il-ħtiġijiet organizzattivi futuri tal-istituzzjoni li jeħtieġu l-akkwist ta’ kompetenzi ġodda u, fit-tieni lok, il-kapaċità tar-rikorrenti biex tikseb il-kompetenzi ġodda identifikati minn qabel, bil-għan li tiġi evalwata, fl-aħħar mill-aħħar, il-kosteffiċjenza li jirrappreżenta l-investiment marbut mat-taħriġ professjonali tagħha, b’mod konformi mal-għan segwit mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal.

b)      Fuq l-evalwazzjoni, f’dan il-każ, tal-ħtiġijiet organizzattivi futuri

143    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-Kunsill ippreċiża fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, b’riferiment għall-punt 9(c) tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Awtorità tal-Ħatra kienet ħadet inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, mhux biss l-iżviluppi fid-dipartiment li fih ir-rikorrenti kienet ġiet ikkollokata, iżda wkoll il-ħtiġijiet organizzattivi tal-istituzzjoni, jiġifieri tas-SĠK, kollu kemm hu, u li dan l-approċċ ma kienx jikser l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas ma kien ivvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrenti kkontestat il-fatt li l-Kunsill kien effettivament għamel l-evalwazzjoni li allega li wettaq.

144    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kunsill għamilx, f’dan il-każ, evalwazzjoni prospettiva u reali tal-ħtiġijiet organizzattivi tad-dipartiment li fih ir-rikorrenti kienet ikkollokata kif ukoll tal-istituzzjoni kollha kemm hi, kif dan jallega li għamel.

145    Sa fejn l-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet organizzattivi tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz, għandu jiġi rrikonoxxut li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, li ma tistax tiġi kkontestata mill-Qorti Ġenerali ħlief fil-każ ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, ta’ ineżattezza materjali jew ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2000, Dejaiffe vs UASI, T‑223/99, EU:T:2000:292, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Mejju 2018, Barnett vs KESE, T‑23/17, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2018:271, punti 36 u 38).

146    Madankollu, l-istħarriġ ġudizzjarju magħmul f’dan il-każ, minkejja li għandu portata limitata, jirrikjedi li l-Kunsill, l-awtur tad-deċiżjoni kkontestata, ikun f’pożizzjoni li jistabbilixxi quddiem il-Qorti Ġenerali li din id-deċiżjoni kienet ġiet adottata b’eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li jippreżupponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C‑310/04, EU:C:2006:521, punt 122, u tal‑11 ta’ Lulju 2007, Wils vs Il-Parlament, F‑105/05, EU:F:2007:128, punt 75)

147    Minn dan isegwi li l-Kunsill għandu, mill-inqas, ikun jista’ jipproduċi u jesponi b’mod ċar u mhux ekwivoku, l-informazzjoni bażika li kellha tiġi kkunsidrata sabiex tittieħed id-deċiżjoni kkontestata u li fuqha kien jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C‑310/04, EU:C:2006:521, punt 123, u tal‑11 ta’ Lulju 2007, Wils vs Il-Parlament, F‑105/05, EU:F:2007:128, punt 76)

148    Sa fejn il-Kunsill għandu jevalwa l-kosteffiċjenza li jirrappreżenta l-investiment marbut mat-taħriġ professjonali tar-rikorrenti, l-informazzjoni bażika msemmija iktar ’il fuq tinkludi, b’mod loġiku, informazzjoni dwar in-natura u l-portata tar-riformi futuri.

149    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti, fin-nota tagħha tal-1 ta’ Diċembru 2015 (ara l-punt 13 iktar ’il fuq), sostniet, b’mod partikolari, li l-Awtorità tal-Ħatra ma kinitx uriet li kien hemm “ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda” li jiġġustifikaw it-tqegħid tagħha fuq leave kontra r-rieda tagħha u li hija ma kinitx identifikat il-kompetenzi l-ġodda li għandhom jiġu akkwistati.

150    Fit-tieni lok, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-uniċi punti rilevanti li jindirizzaw il-problema dwar l-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet organizzattivi futuri huma l-punti 9(a) u (c).

151    Fil-punt 9(a) tad-deċiżjoni kkontestata, l-Awtorità tal-Ħatra indikat li l-unità [kunfidenzjali] li fiha kienet ikkollokata r-rikorrenti wettqet l-adattament tal-metodi ta’ xogħol tagħha f’konformità mar-riformi magħmula wkoll f’dipartimenti oħrajn tad-direttorat [kunfidenzjali]. L-Awtorità tal-Ħatra identifikat b’mod ġenerali dawn ir-riformi li jikkonsistu, b’mod partikolari, fl-implimentazzjoni ta’ “proċeduri flessibbli ġodda” u “attivitajiet”, fid-“diġitalizzazzjoni tal-flussi tax-xogħol” u fl-“adozzjoni ta’ soluzzjonijiet tal-informatika interistituzzjonali”. L-Awtorità tal-Ħatra indikat li t-twettiq ta’ dawn ir-riformi kien jeħtieġ min-naħa tal-persunal għarfien u ħiliet xierqa u ċertu livell ta’ flessibbiltà.

152    Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-kontenut tal-punt 9(a) imsemmi iktar ’il fuq, ma jurix li evalwazzjoni effettiva u prospettiva tal-ħtiġijiet organizzattivi fil-livell kemm tal-unità [kunfidenzjali] kif ukoll tad-direttorat [kunfidenzjali] saret mill-Awtorità tal-Ħatra. Fil-fatt, l-informazzjoni pprovduta minn dan il-punt la turi li r-riformi msemmija jinsabu fil-futur, u lanqas it-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura u tal-portata ta’ dawn ir-riformi. Fi kliem ieħor, din l-informazzjoni ma turix li l-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni ħtiġijiet organizzattivi futuri kif kien obbligat li jagħmel dan skont l-approċċ prospettiv tiegħu u lanqas ma turi li l-Kunsill evalwa n-natura u l-portata ta’ dawn ir-riformi sabiex ikun jista’ jevalwa l-kosteffiċjenza tal-ħtiġijiet ta’ taħriġ tar-rikorrenti.

153    Fir-rigward tal-punt 9(c) tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill sempliċement jindika li d-dipartimenti tas-SĠK “jadattaw ruħhom kontinwament għan-natura u għaż-żieda fir-ritmu tal-laqgħat li [huwa] għandu jilqa’ u l-evoluzzjoni tad-dinamika tal-proċess leġiżlattiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, din l-informazzjoni ma turix li l-Kunsill wettaq evalwazzjoni prospettiva tal-ħtiġijiet organizzattivi tas-SĠK b’mod ġenerali kif afferma li għamel (ara l-punt 143 iktar ’il fuq). Anki jekk jitqies li l-Kunsill wettaq tali evalwazzjoni, ma ntweriex li din ħadet inkunsiderazzjoni n-natura u l-portata tar-riformi futuri. Fil-fatt, il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 9(c) tad-deċiżjoni kkontestata jidhru li jirrigwardaw l-eżami tal-potenzjal ta’ mobbiltà tar-rikorrenti, kif jirriżulta mill-ewwel u l-aħħar sentenza ta’ dan il-punt.

154    Id-dispożizzjonijiet li jifdal tal-punt 9 tad-deċiżjoni kkontestata, li jinkludi l-motivazzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tar-rikorrenti, ma jirrigwardawx l-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet organizzattivi futuri. Il-punt 9(b) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi informazzjoni dwar l-istorja tal-karriera tar-rikorrenti u jinkludi evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ adattament tagħha bbażata fuq informazzjoni dwar il-karriera professjonali tagħha sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Il-punt 9(d) u (e) tad-deċiżjoni kkontestata jippreżenta l-evalwazzjoni tal-potenzjal ta’ mobbiltà tar-rikorrenti u jikkonkludi, fil-paragrafu (e), li ma jeżistix. Issa, l-evalwazzjoni ta’ dan il-potenzjal ma tikkostitwixxix evalwazzjoni tal-ħtiġijiet organizzattivi futuri, sa fejn hija tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti setgħetx tiġi ttrasferita lejn dipartiment ieħor u ma tirrigwardax il-kwistjoni dwar jekk il-kosteffiċjenza tiġġustifikax it-taħriġ professjonali tar-rikorrenti fid-dawl tal-adattament tagħha għar-riformi li kellhom isiru. Fi kwalunkwe każ, min-nota tad-dipartiment tar-riżorsi umani tas-17 ta’ Novembru 2015 (ara l-punt 11 iktar ’il fuq) li abbażi tagħha kien ġie evalwat il-potenzjal ta’ mobbiltà tar-rikorrenti jirriżulta li dan il-potenzjal kien influwenzat ukoll mill-għażliet personali tar-rikorrenti li skont din in-nota, kienet irrifjutat ċertu numru ta’ pożizzjonijiet disponibbli. L-ebda evalwazzjoni tal-ħtiġijiet organizzattivi futuri ma kienet inkluża f’din in-nota.

155    Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li, fl-ilment tagħha kontra d-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti mill-ġdid kkontestat, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ riforma ta’ natura li tiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tagħha. Issa, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ma tindirizzax din l-allegazzjoni tar-rikorrenti u, b’mod iktar ġenerali, ma fiha l-ebda element li juri li l-Kunsill wettaq evalwazzjoni effettiva u prospettiva tal-ħtiġijiet organizzattivi. Din l-istituzzjoni llimitat l-analiżi tagħha għall-evalwazzjoni tal-kapaċità tar-rikorrenti biex takkwista kompetenzi ġodda u tadatta ruħha għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol u bbażat il-konklużjoni tagħha dwar in-nuqqas ta’ tali kapaċità fuq ir-raġunament, miġbur fil-qosor fil-punt 33 tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, li jgħid li “xi ħadd li jsib diffikultà biex iwettaq ix-xogħol ordinarju tiegħu ma huwiex f’pożizzjoni li jagħmel l-isforz meħtieġ sabix jadatta ruħu għal realtà li qed tevolvi”.

156    Fir-raba’ lok, quddiem il-Qorti Ġenerali, b’risposta għall-argument tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-ħtiġijiet organizzattivi reali li jeħtieġu l-akkwist ta’ kompetenzi ġodda (ara l-punt 128 iktar ’il fuq), il-Kunsill, fid-difiża, sempliċement jiddikjara, b’riferiment għall-punt 9(c) tad-deċiżjoni kkontestata, li “t-tibdil ta’ metodu ta’ ħidma fi ħdan l-SĠK u l-ħtiġijiet ikbar fil-qasam tal-kapaċità għal adattament tal-persunal li jirriżultaw minn dan, inkluż għall-uffiċjali tal-grupp ta’ funzjonijiet AST, ma humiex purament ipotetiċi, iżda jikkostitwixxu realtà li l-Awtorità tal-Ħatra għandha tieħu inkunsiderazzjoni”. Din is-sempliċi affermazzjoni tal-Kunsill bl-ebda mod ma turi li saret evalwazzjoni effettiva u prospettiva tal-ħtiġijiet organizzattivi u ma żżid ebda informazzjoni sostanzjali ma’ dik ipprovduta fil-punt 9(c) tad-deċiżjoni kkontestata, li hija insuffiċjenti għall-finijiet ta’ tali prova (ara l-punt 153 iktar ’il fuq). L-argument tal-Kunsill fil-kontroreplika ukoll sempliċement jippreżenta l-punt 9 tad-deċiżjoni kkontestata.

157    Barra minn hekk, ir-riferiment tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali fin-nota tal-kap tal-unità [kunfidenzjali], tas-26 ta’ Ottubru 2015 (ara l-punt 11 iktar ’il fuq), dwar ir-riorganizzazzjoni tad-dipartiment [kunfidenzjali] li saret fl-2014, wara l-wasla ta’ [kunfidenzjali] ġdid, ma jipprovdi l-ebda informazzjoni utli dwar il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ evalwazzjoni effettiva u prospettiva tal-ħtiġijiet organizzattivi ta’ dan id-dipartiment, tal-unità [kunfidenzjali] jew tas-SĠK b’mod ġenerali. Fil-fatt, kif jirriżulta barra minn hekk min-nota tas-26 ta’ Ottubru 2015 imsemmija iktar ’il fuq, u kif ġie kkonfermat mill-Kunsill fil-kontroreplika, ir-riferiment għal organizzazzjoni mill-ġdid li seħħet fil-passat serviet biss biex tiġi appoġġata l-konklużjoni dwar l-allegata inkapaċità tar-rikorrenti li takkwista kompetenzi ġodda u tadatta ruħha għall-evoluzzjoni fl-ambjent tax-xogħol.

158    Fil-ħames lok, fir-rigward tal-argument tal-Kunsill, fil-punt 42 tal-kontroreplika, li tista’ tinftiehem li tfisser li din l-istituzzjoni ħadet inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni, f’dan il-każ, il-ħtiġijiet organizzattivi futuri, it-tnaqqis tal-persunal li hija kienet suġġetta għalih, il-Kunsill ikkjarifika matul is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, li dan ma kienx il-każ. Barra minn hekk, tali teħid inkunsiderazzjoni ma jirriżulta la mill-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment.

159    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma stabbilixxiex li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata b’eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ ħtiġijiet organizzattivi futuri li jeħtieġu l-akkwist ta’ kompetenzi ġodda mir-rikorrenti, sa fejn huwa ma weriex li wettaq evalwazzjoni prospettiva u li ħa inkunsiderazzjoni, minn naħa, in-natura u l-portata tar-riformi li kellhom iseħħu u, min-naħa l-oħra, il-ħtiġijiet organizzattivi tal-istituzzjoni fl-intier tagħha kif jgħid li huwa għamel. Min-naħa l-oħra, mill-proċess jirriżulta li l-Kunsill kien, fir-realtà, ibbaża d-deċiżjoni kkontestata esklużivament fuq l-evalwazzjoni tal-kapaċità tar-rikorrenti sabiex takkwista kompetenzi ġodda. Issa, sa fejn din l-evalwazzjoni ma ntrabtitx ma’ evalwazzjoni reali u prospettiva tal-ħtiġijiet organizzattivi, il-Kunsill għamel użu żbaljat mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, li jeħtieġ it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-istituzzjoni kkonċernata, tal-elementi oġġettivi marbuta mal-“ħtiġijiet tal-organizzazzjoni” tagħha. Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali teħid inkunsiderazzjoni, l-għoti ta’ leave previst fid-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq jista’ jieħu natura dixxiplinari fir-rigward tal-uffiċjali kkonċernati minn din il-miżura.

160    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Kunsill mar lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li kellu f’dan il-każ u li, fuq din il-bażi, it-tieni motiv għandu jintlaqa’. Minn dan isegwi li hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha r-rikorrenti ngħatat leave fl-interess tas-servizz, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mqajma minnha.

C.      Fuq it-talba għal kumpens

161    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata kkawżatilha dannu materjali u dannu morali.

162    Id-dannu materjali jikkonsisti essenzjalment f’telf ta’ dħul u l-Kunsill għandu jiddetermina l-konsegwenzi kollha tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment.

163    B’mod partikolari, il-Kunsill għandu jħallas lir-rikorrenti d-differenza bejn, l-ewwel nett, ir-remunerazzjoni netta tagħha (salarju bażiku u allowances) u l-allowance mħallsa skont l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal (kif ġiet stabbilita fl-Anness IV tar-Regolamenti tal-Persunal) għall-perijodu minn Jannar sa Marzu 2016 u, it-tieni nett, bejn ir-remunerazzjoni netta tagħha (salarju bażiku u allowances) u l-pensjoni tagħha, mill-1 ta’ April 2016. Għal dawn il-kalkoli, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-preġudizzju għall-progressjoni fil-karriera tar-rikorrenti, li tinvolvi mhux biss skali ġodda, iżda wkoll opportunità ta’ promozzjoni qabel l-età tal-irtirar stabbilita ta’ 65 sena. Fl-aħħar nett, għandhom jiġu applikati l-interessi moratorji fuq dawn l-ammonti skont ir-rata tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) miżjuda b’2 punti. Ir-rikorrenti tevalwa d-dannu fl-ammont ta’ EUR 121 101.72, u dan l-ammont ma jiħux inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-interessi moratorji, il-kisba ta’ żewġ skali ġodda fl-1 ta’ April 2018 u l-1 ta’ April 2020 u l-progressjoni fil-karriera permezz ta’ promozzjoni.

164    Fir-rigward tad-dannu materjali, ir-rikorrenti tinvoka wkoll diffikultajiet finanzjarji kkawżati miż-żewġ deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. [kunfidenzjali] Ir-rikorrenti tevalwa d-dannu materjali li jirriżulta minn dawn l-elementi għal EUR 30 000, suġġett għal żieda.

165    [kunfidenzjali]

166    [kunfidenzjali]

167    [kunfidenzjali]

168    [kunfidenzjali]

169    Ir-rikorrenti titlob li d-dannu morali subit ma jistax jiġi kkumpensat b’sempliċi sentenza ta’ annullament u tevalwa l-kumpens għal dan id-dannu għal EUR 70 000 ex aequo et bono.

170    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni jitlob, prinċipalment, iċ-ċaħda tat-talba għad-danni u, sussidjarjament, isostni li l-ammonti mitluba mir-rikorrenti għad-danni allegati jidhru eżaġerati u għandhom jitnaqqsu għal proporzjon iktar ġusta.

171    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest ta’ talba għad-danni magħmula minn uffiċjal jew membru tal-persunal, l-involviment tar-responsabbiltà tal-istituzzjoni jippreżumi li jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha dwar l-illegalità tal-aġir li bih hija qiegħda tiġi kkritikata, il-fatt li d-dannu effettivament seħħ u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu invokat (ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs Nanopoulos T‑308/10 P, EU:T:2012:370, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

172    Ir-rikorrenti invokat f’dan il-każ l-eżistenza ta’ dannu materjali u ta’ dannu morali.

1.      Fuq id-dannu materjali

173    Id-dannu materjali invokat mir-rikorrenti għandu żewġ komponenti: it-telf ta’ dħul li jirriżulta mill-għoti ta’ leave fl-interess tas-servizz u l-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw min-nuqqas ta’ kapaċità tagħha li tħallas id-djun li inkorriet.

174    Fir-rigward tal-ewwel komponent, ir-rikorrenti ssostni li “l-konvenut għandu jislet il-konsegwenzi kollha tal-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati”. Hija tispeċifika sussegwentement dawn il-konsegwenzi.

175    Minn dan isegwi li l-kumpens għad-dannu materjali li r-rikorrenti titlob jikkoinċidi mal-obbligi imposti fuq il-Kunsill skont l-Artikolu 266 TFUE li jirriżultaw mill-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

176    F’dan ir-rigward, jitfakkar li, skont l-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni li tkun ħarġet att li ġie annullat minn qorti tal-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ annullament sabiex tikkumpensa l-konsegwenzi tal-illegalità li hija wettqet. Għalhekk, bħala prinċipju, l-amministrazzjoni għandha tqiegħed lill-uffiċjal ikkonċernat preċiżament fis-sitwazzjoni li kieku kien ikun fiha llum fl-assenza tal-illegalità kkonstatata. Għal dan il-għan, sabiex jiġu rrimedjati ratione temporis il-konsegwenzi li seta’ kellha l-imsemmija illegalità, u bil-kundizzjoni li l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jkunu debitament osservati, l-amministrazzjoni tista’ tadotta att ta’ natura retroattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, AA vs Il-Kummissjoni, F‑101/09, EU:F:2011:133, punt 41).

177    Għaldaqstant, sa fejn il-kumpens tal-ewwel komponent għad-dannu materjali li r-rikorrenti titlob jikkoinċidi mal-obbligi imposti fuq il-Kunsill li jirriżultaw mill-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li t-talba tar-rikorrenti hija prematura u għaldaqstant ma tistax tintlaqa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2017, Teeäär vs Il-BĊE, T‑555/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:817, punt 59).

178    F’dak li jirrigwarda t-tieni komponent, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx li d-dannu finanzjarju tagħha huwa reali u ċert. [kunfidenzjali] Issa, dawn l-elementi ma jistabbilixxux l-eżistenza ta’ dannu ċert, iżda dik ta’ dannu ipotetiku.

179    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dannu għandu, sabiex ikun jista’ jiġi kkumpensat, jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir ikkritikat (sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et vs Il-Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, EU:C:1979:223, punt 21; tal-25 ta’ Ġunju 1997, Perillo vs Il-Kummissjoni, T‑7/96, EU:T:1997:94, punt 41, u tas-27 ta’ Ġunju 2000, Meyer vs Il-Kummissjoni, T‑72/99, EU:T:2000:170, punt 49). Huwa l-applikant li għandu jagħti prova tar-rabta kawżali (sentenzi tas-18 ta’ Settembru 1995, Blackspur et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑168/94, EU:T:1995:170, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-14 ta’ Ottubru 2004, I vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑256/02, EU:T:2004:306, punt 49). Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta bejn it-tnaqqis tad-dħul tagħha li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata u l-inkapaċità tagħha li tħallas id-djun li hija inkorriet. Din l-inkapaċità tista’ tkun ir-riżultat ta’ diversi fatturi barra mill-isfera ta’ influwenza tal-Kunsill u, b’mod partikolari, tal-ġestjoni finanzjarja tar-rikorrenti li l-Kunsill ma jistax jinżamm responsabbli għaliha.

180    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, it-talba tar-rikorrenti intiża għall-kumpens ta’ dannu materjali għandha tiġi miċħuda.

2.      Fuq id-dannu morali

181    Il-qorti tal-Unjoni ppreċiżat li l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ fih innifsu jikkostitwixxi l-kumpens xieraq u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża, sakemm ir-rikorrent ma jurix li sofra dannu morali li huwa distint mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament u li ma jistax jiġi kkumpensat għal kollox b’dan l-annullament (ara s-sentenza tal-31 ta’ Marzu 2004, Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2004:94, punt 131, u l-ġurisprudenza msemmija).

182    F’dan il-każ, l-elementi ppreżentati fil-punti 166 u 167 iktar ’il fuq u li allegatament jikkawżaw dannu morali huma marbuta mal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li, f’dan il-każ, l-annullament ta’ din id-deċiżjoni jikkostitwixxi kumpens xieraq għall-allegat dannu morali li jirriżulta minn dawn l-elementi.

183    F’dak li jirrigwarda d-dannu morali ppreżentat fil-punt 165 iktar ’il fuq, dan ma juri l-ebda rabta mad-deċiżjoni kkontestata [kunfidenzjali].

184    F’dak li jirrigwarda d-dannu morali ppreżentat fil-punt 168 iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tistabbilixxix l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta bejn it-tnaqqis tad-dħul tagħha li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata u [kunfidenzjali].

185    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, it-talba tar-rikorrenti intiża għall-kumpens ta’ dannu morali għandha wkoll tiġi miċħuda. Għaldaqstant, it-talba tagħha għad-danni għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

IV.    Fuq l-ispejjeż

186    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

187    Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

188    Il-Parlament u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2015 li permezz tagħha FV tqiegħdet fuq leave fl-interess tas-servizz hija annullata.

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll l-ispejjeż sostnuti minn FV.

4)      Il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.


Prek

Buttigieg

Schalin

Berke

 

      Costeira

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Diċembru 2018.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1      L-istil ta’ (1), (3), (7), (12) ġie mmodifikat.


2      Data kunfidenzjali moħbija.