Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta’ Jannar 2022 minn Google LLC u Alphabet, Inc. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) fl-10 ta’ Novembru 2021 fil-Kawża T-612/17, Google u Alphabet vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-48/22 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Google LLC, Alphabet, Inc. (rappreżentanti: T. Graf, Rechtsanwalt, R. Snelders, advocaat, C. Thomas, avocat, A. Bray, avocate, M. Pickford QC, u D. Gregory u H. Mostyn, Barristers)

Partijiet oħra fil-proċedura: Computer & Communications Industry Association, Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, L-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, Bureau européen des unions de consommateurs (BEUC), Infederation Ltd, Kelkoo, Verband Deutscher Zeitschriftenverleger eV, Visual Meta GmbH, BDZV - Bundesverband Digitalpublisher und Zeitungsverleger eV, li qabel kienet Bundesverband Deutscher Zeitungsverleger eV, Twenga

Talbiet

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-Deċiżjoni 1 jew, sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appellanti b’rabta ma’ din il-proċedura u l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellanti jinvokaw erba’ aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonfermat id-Deċiżjoni minkejja n-nuqqas, min-naħa tad-Deċiżjoni, li tissodisfa t-test ġuridiku dwar dmir li jingħata aċċess għal servizzi ta’ tqabbil tax-xiri.

Il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma kienet awtorizzata tagħmel dan, ma mxietx mad-Deċiżjoni billi qieset li l-kundizzjonijiet dwar id-dmir ta’ għoti kienu ssodisfatti.

Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonkludiet li l-kundizzjonijiet dwar id-dmir ta’ għoti ma kinux applikabbli.

It-tieni aggravju bbażat fuq li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonfermat id-Deċiżjoni minkejja n-nuqqas, min-naħa tad-Deċiżjoni, li tidentifika aġir li ma jimxix mal-kompetizzjoni abbażi tal-mertu.

Il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat qieset li ċ-ċirkustanzi rilevanti għall-effetti probabbli tal-aġir ta’ Google kienu kapaċi jiddeterminaw jekk Google ikkompetietx abbażi tal-mertu.

Il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma kienet awtorizzata tagħmel dan, wettqet redazzjoni tad-Deċiżjoni mill-ġdid billi ressqet raġunijiet addizzjonali għaliex l-aġir ta’ Google allegatament ma kienx jimxi mal-kompetizzjoni abbażi tal-mertu.

Ir-raġunijiet addizzjonali tal-Qorti Ġenerali dwar ir-raġuni għaliex Google ma kkompetietx abbażi tal-mertu huma ġuridikament invalidi.

It-tielet aggravju bbażat fuq li l-Qorti Ġenerali żbaljat fl-eżami tagħha tar-rabta kawżali bejn l-allegat abbuż u l-effetti probabbli.

Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li l-oneru li titwettaq analiżi kontro-fattwali kien fuq Google u mhux fuq il-Kummissjoni.

Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li [analiżi] kontrofattwali għal abbuż li jikkonsisti fl-għaqda ta’ żewġ prattiki legali teħtieġ it-tneħħija taż-żewġ prattiki.

L-approċċ tal-Qorti Ġenerali jivvizzja l-evalwazzjoni tagħha kemm tal-effetti u kif ukoll tal-ġustifikazzjoni oġġettiva.

Ir-raba’ aggravju bbażat fuq li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li l-Kummissjoni ma kellhiex teżamina jekk l-aġir kienx kapaċi jelimina kompetituri daqstantieħor effikaċi.

____________

1 Deċiżjoni C(2017) 4444 finali tas-27 ta’ Ġunju 2017 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (Il-Każ AT.39740 — Google Search (Xiri)).