Rikors ippreżentat fl-24 ta' Settembru 2010 - Nencini vs Il-Parlament
(Kawża T-431/10)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrent: Riccardo Nencini (Firenze, l-Italja) (rappreżentant: F. Bertini, avukat)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet tar-rikorrent
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
prinċipalment: tannulla, għal motivi indikati iktar 'il quddiem, id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Lulju 2010, indirizzata lil Riccardo Nencini; il-komunikazzjoni mid-Direttur Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Awwissu 2010, Nru 312331, indirizzata lil Riccardo Nencini; u, sa fejn ikun meħtieġ, kull att ieħor konness u/jew ikkontestat b'mod preliminari;
sussidjarjament: tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tibgħat lura l-każ quddiem is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew għal determinazzjoni mill-ġdid b'mod ekwu tal-ammont ikkontestat.
fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent, deputat tal-Parlament Ewropew matul il-leġiżlatura 1994 - 1999, jinvoka dawn il-motivi:
Ksur tas-sistema lingwistika tal-Komunità Ewropea u, konsegwentement, ksur tar-regoli tad-dritt għal smigħ xieraq u tal-prinċipju ta' protezzjoni effettiva, peress li ż-żewġ atti kkontestati kellhom jiġu redatti fil-lingwa Taljana, il-lingwa tal-Istat Membru li tiegħu r-rikorrent huwa ċittadin.
Inammissibbiltà tat-talba għal kreditu minħabba l-preskrizzjoni tad-dritt ta' nfurzar tal-kreditu pretiż.
Ksur tal-prinċipju ta' kontradittorju u ta' protezzjoni effettiva. F'dan ir-rigward, ir-rikorrent jargumenta li, fir-rigward tal-każ tiegħu, is-Segretarju Ġenerali adotta d-deċiżjoni finali fuq il-bażi ta' punti ta' fatt u ta' raġunijiet legali li huma parzjalment differenti minn dawk użati u kkomunikati lilu qabel.
Ksur tar-regoli tal-kumpens Parlamentari għad-deputati tal-Parlament Ewropew, fir-rigward tal-kumpens għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar, peress li ġie injorat il-fatt li meta r-rikorrent kien deputat Ewropew, huwa kien jgħix Ruma. Fil-fatt, Riccardo Nencini kien regolarment jeżerċita f'din il-belt - li, kif magħruf, hija il-belt kapitali tal-Italja u ċ-ċentru tal-politika nazzjonali - l-attività politika tiegħu bħala l-persuna responsabbli nazzjonali tal-partit politiku tiegħu.
Ksur tar-regoli tal-kumpens Parlamentari għad-deputati tal-Parlament Ewropew, fir-rigward tal-kumpens ta' assistenza u ta' segretarjat. Ir-rikorrent jippreċiża li huwa għadda lill-persuni li għamlulu xogħol ta' segretarjat kull kumpens previst għal dan il-għan u ma żamm ebda somma għalih f'dan ir-rigward.
Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jinvoka ksur tal-prinċipju ġenerali ta' proporzjonalità.
____________