Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Settembru 2010 - Magnesitas de Rubián et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-430/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Magnesitas de Rubián, SA (Incio, Spanja), Magnesitas Navarras, SA (Zubiri, Spanja), Ellinikoi Lefkolithoi Anonimos Metalleftiki Viomichaniki Naftiliaki kai Emporiki Etaireia (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: H. Brokelmann u P. Martínez-Lage Sobredo, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

prinċipalment, tannulla l-paragrafu 3 tad-dokument ta' referenza dwar l-aħjar tekniċi disponibbli fl-industriji tas-siment, tal-ġir u tal-manjesja (ĠU C 166, p. 5), kif ukoll ir-riferimenti għall-industrija tal-manjesja li jinsabu f'paragrafi oħra tal-istess dokument;

sussidjarjament, u fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali ma tannullax kompletament il-paragrafu 3 tal-imsemmi att, tannulla f'kull każ il-paragrafu 3.5.5.4 tiegħu, inklużi, b'mod partikolari, il-valuri ta' emmissjoni stabbiliti fit-tabella 3.11, u

f'kull każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa ppreżentat kontra att adottat mill-Kummissjoni fil-kuntest tad-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta' Jannar 2008, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż 1, li jistabbilixxi sistema ta' kontroll tat-tniġġis u jipprevedi mekkaniżmu ta' awtorizzazzjoni fir-rigward ta' installazzjonijiet industrijali partikolari.

L-imsemmi att jipprovdi li l-aħjar teknika disponibbli (ATD) hija li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' SOx li jirriżultaw mill-gassijiet prodotti u jiffissa valuri ta' emissjoni ta' Sox li, minbarra li huma inqas minn dawk ta' kull settur ieħor, jistgħu jintlaħqu biss, skont ir-rikorrenti, billi jintużaw tekniċi li jikkawżaw ħsara ambjentali serja. Min-naħa l-oħra, dejjem skont ir-rikorrenti, dawn il-valuri kienu ġew iddeterminati abbażi ta' data prodotta minn impriża waħda u mingħajr it-teħid inkunsiderazzjoni tal-proċess stabbilit minnha.

Insostenn tar-rikors tagħhom ir-rikorrenti jinvokaw erba' motivi.

Nuqqas ta' kompetenza tal-Kummissjoni Ewropea

F'dan ir-rigward ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma kelliex kompetenza biex tinkludi l-produzzjoni tal-manjesja fl-att ikkontestata.

Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali.

Skont ir-rikorrenti, l-att ikkontestat huwa vvizzjat minn tliet ksur tal-forom proċedurali sostanzjali:

in-nuqqas li r-rikorrenti jiġu informati dwar il-ftuħ tal-proċedura ta' tfassil tal-att ikkontestat u l-parteċipazzjoni tardiva tagħhom għal dan tal-aħħar.

l-assenza, fl-att ikkontestat, ta' "split views" prodotti mir-rikorrenti, u

nuqqas ta' osservanza tat-terminu stabbilit għall-evalwazzjoni tal-abbozz finali tal-att ikkontestat.

Ksur tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/1/KE dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż, sa fejn l-att ikkontestat imur kontra l-għan iddikjarat fl-Artikolu 1 ta' din id-direttiva, li huwa l-protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu.

Ksur tal-prinċipju ġenerali ta' trattament ugwali

Ir-rikorrenti jqisu li l-att ikkontestat jikser il-prinċipju ta' trattament ugwali billi jitratta bl-istess mod impriżi li jinsabu f'sitwazzjonijiet differenti.

____________

1 - ĠU L 24, p. 8.