Language of document : ECLI:EU:T:2020:51

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

12 ta’ Frar 2020 (*)

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Pensjoni – Deċiżjoni li tistabbilixxi d-drittijiet għall-pensjoni – Rendikonti tal-pensjoni – Rikors għal annullament – Terminu għat-tressiq ta’ lment – Tardività – Att purament konfermattiv – Inammissibbiltà parzjali – Irkupru tal-pagament mhux dovut – Klassifikazzjoni fil-grad u fl-iskala – Fattur ta’ multiplikazzjoni – Irtirar ta’ att ivvizzjat b’illegalità – Aspettattivi leġittimi – Terminu raġonevoli”

Fil-Kawża T‑605/18,

ZF, irrappreżentat minn J.-N. Louis, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Mongin u L. Radu Bouyon, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament tan-nota tat-30 ta’ Novembru 2017 li permezz tagħha l-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO) tal-Kummissjoni mmodifika, b’effett mill-1 ta’ April 2015, id-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar tar-rikorrent, kif ukoll tan-nota tal-31 ta’ Jannar 2018 li fiha huwa informa lir-rikorrent bl-ammont tal-bilanċ tas-somom dovuti minnu lill-Unjoni Ewropea,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni (Relatur), President, L. Madise u R. da Silva Passos, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-7 ta’ Novembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 5(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom applikabbli qabel l-emenda permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 tat-22 ta’ Marzu 2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130, rettifiki fil-ĠU 2007, L 248, p. 26, fil-ĠU 2012, L 130, p. 24, fil-ĠU 2012, L 342, p. 48 u fil-ĠU 2016, L 289, p. 21) (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal preċedenti”), kien jipprevedi erba’ kategoriji ta’ impjiegi indikati f’ordni ġerarkiku nieżel bl-ittri “A”, “B”, “Ċ” u “D”. Il-kategorija A kienet tinkludi tmien gradi, bejn il-grad A 8, li kien il-grad l-iktar baxx, u l-grad A 1, li kien l-ogħla grad.

2        L-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom li tirriżulta mir-Regolament Nru 723/2004 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprevedi kif ġej:

“1.      Il-posizzjonijiet koperti minn dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom ikunu kklassifikati, skond in-natura u l-importanza tad-dmirijiet li għalihom jirrelataw, fi grupp tal-funzjoni ta’ amministraturi (minn issa ’quddiem ‘AD’) […]

2.      Il-grupp tal-funzjoni AD għandu jkun fih tnax-il grad, li jikkorrospondu mad-dmirijiet amministrattivi [maniġerjali], ta’ konsulenza, lingwistiċi u xjentifiċi. […]»

3        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 44 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi:

“Uffiċjal li kien fi skala waħda fil-grad tiegħu għal sentejn għandu awtomatikament jitla’ għall-iskala li jmiss f’dak il-grad […]”

4        L-Artikolu 66 tar-Regolamenti tal-Persunal jinkludi tabella li tistabbilixxi s-salarju bażiku ta’ kull xahar għal kull grad u għal kull skala fil-grupp ta’ funzjonijiet AD. Din it-tabella tinkludi, għal kull grad, ħames skali, bl-unika eċċezzjoni tal-grad 16, li għandu biss tlieta. It-tabella li tinsab fl-Artikolu 66 tar-Regolamenti tal-Persunal preċedenti kienet tinkludi, fir-rigward tal-kategorija A, żewġ skali fil-grad A 8, sitt skali f’kull wieħed mill-gradi A 7, A 2 u A 1 u tmien skali f’kull wieħed mill-gradi A 6, A 5, A 4 u A 3.

5        L-Artikolu 107a tar-Regolamenti tal-Persunal huwa fformulat kif ġej:

“Id-disposizzjonijiet provviżorji huma ppreżentati fl-Anness XIII.”

6        L-Artikolu 1(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi:

“1.      Għall-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2004 sat-30 t’April 2006 l-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament tal-Persunal huma mibdula b’dan li ġej:

‘1.      Il-postijiet koperti mir-Regolamenti tal-Persunal għandhom ikunu kklassifikati, skond in-natura u l-importanza tad-dmirijiet li għalihom jirrelataw, f’erba’ kategoriji, A, B, Ċ u D, f’ordni nieżla tal-kariga.

2.      Il-kategorija A jkun fiha tnax-il grad, il-kategorija B ikun fiha disa’ gradi, il-kategorija Ċ ikun fiha seba’ gradi, u l-kategorija D ikun fiha ħames gradi.’”

7        Skont l-Artikolu 2(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fl-1 ta’ Mejju 2004, suġġett għall-Artikolu 8 tal-istess anness, il-gradi preċedenti A 1, A 2, A 3, A 4, A 5, A 6, A 7 u A 8 tal-uffiċjali f’waħda mill-pożizzjonijiet msemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom jingħataw isem ġdid, rispettivament, A*16, A*15, A*14, A*12, A*11, A*10, A*8 u A*7. Dawn huma gradi intermedji. Fil-fatt, l-Artikolu 8(1) tal-istess anness jipprevedi, b’mod partikolari, li, b’effett mill-1 ta’ Mejju 2006, il-gradi msemmija hawn fuq għandhom jingħataw isem ġdid, rispettivament, AD 16, AD 15, AD 14, AD 12, AD 11, AD 10, AD 8 u AD 7.

8        L-Artikolu 2(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi:

“Suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 ta’ dan l-Anness, is-salarji bażiċi ta’ kull xahar huma stabbiliti għal kull grad u skala kif provdut fit-tabella li ġejja (f’euro)[…]”

9        L-Artikolu 2(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jinkludi, imbagħad, erba’ tabelli, waħda għal kull waħda mill-kategoriji preċedenti A, B, Ċ u D. B’mod iktar partikolari, fit-tabella rigward il-kategorija preċedenti A, jidher, b’karattri grassi, salarju bażiku ta’ kull xahar għal kull waħda mid-diversi skali tal-gradi intermedji A*16 sa A*5, li jikkorrispondi għas-salarju bażiku ta’ kull xahar previst għall-istess grad u skala fit-tabella li tinsab fl-Artikolu 66 tar-Regolamenti tal-Persunal.

10      Għall-gradi intermedji kollha, bl-eċċezzjoni tal-gradi A*13, A*9, A*6 u A*5, it-tabella inkwistjoni tinkludi wkoll l-indikazzjonijiet addizzjonali li ġejjin:

–        għal kull grad intermedju ġdid, il-grad korrispondenti fil-kategorija preċedenti A;

–        dejjem b’karattri grassi, salarju bażiku ta’ kull xahar ukoll għall-iskali 6 sa 8, sakemm il-grad korrispondenti fil-kategorija preċedenti A kien jinkludi tali skali; dawn l-ammonti ma għandhomx ekwivalenti fit-tabella li tinsab fl-Artikolu 66 tar-Regolamenti tal-Persunal;

–        taħt kull salarju bażiku ta’ kull xahar b’karattri grassi, hemm indikata ċifra bil-korsiv; huwa speċifikat, fl-ewwel nota ta’ qiegħ il-paġna, li dawn iċ-ċifri “jirreferu għas-salarji ta’ qabel kif ippreżentati fl-Artikolu 66 tar-[Regolamenti tal-Persunal preċedenti]” u li huma “inklużi […] għal raġunijiet ta’ spjegazzjoni biss u m’għandhomx xi implikazzjoni legali”; iċ-ċifri bil-korsiv jindikaw, fil-każijiet kollha, ammont inqas minn dak indikat b’karattri grassi iktar ’il fuq;

–        taħt iċ-ċifri bil-korsiv, it-tielet linja tindika ċifra li hija, fil-każijiet kollha, inqas mill-unità; fit-tieni nota ta’ qiegħ il-paġna, huwa speċifikat: “Il-figura fit-tielet linja li tikkorrospondi għal kull skala hija l-koeffiċjent li jirrappreżenta l-proporzjoni bejn is-salarju bażiku qabel u wara l-1 ta’ Mejju 2004”; fil-każijiet kollha, iċ-ċifra indikata fit-tielet linja tikkorrispondi għar-riżultat tad-diviżjoni tal-ammont indikat bil-korsiv eżatt ’il fuq (it-tieni linja) bl-ammont indikat b’karattri grassi fl-ewwel linja.

11      Iċ-ċifra indikata fit-tielet linja għall-grad A*12, skala 6, hija ta’ 0.9426565.

12      L-Artikolu 7 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi dan li ġej:

“Is-salarji bażiċi fix-xahar ta’ l-uffiċjali reklutati qabel l-1 ta’ Mejju 2004 għandhom ikunu stabbiliti skond ir-regoli li ġejjin:

1.      Billi l-gradi jingħataw ismijiet ġodda skond l-Artikolu 2(1) ta’ dan l-Anness ma jwasslux għal xi tibdil fis-salarju bażiku fix-xahar imħallas lil kull uffiċjal.

2.      Għal kull uffiċjal, fattur tal-moltiplikazzjoni għandu jinħadem fl-1 ta’ Mejju 2004. Dan il-fattur tal-moltiplikazzjoni għandu jkun daqs il-proporzjon bejn is-salarju bażiku fix-xahar imħallas lil uffiċjal qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u l-ammont applikabbli definit fl-Artikolu 2(2) ta’ dan l-Anness 2.

Is-salarju bażiku fix-xahar imħallas lill-uffiċjal fl-1 ta’ Mejju 2004 għandu jkun daqs il-prodott ta’ l-ammont applikabbli u l-fattur tal-moltiplikazzjoni.

Il-fattur tal-moltiplikazzjoni għandu jkun applikat sabiex jistabbilixxi s-salarju bażiku fix-xaħar ta’ l-uffiċjal wara promozzjoni fl-iskala jew aġġornament tar-remunerazzjonijiet.

[…]

5.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, għal kull uffiċjal, l-ewwel promozzjoni wara l-1 ta’ Mejju 2004, skond il-kategorija okkupata qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u l-iskala okkupata fil-mument meta l-promozzjoni tidħol fis-seħħ, għandha tirriħulta f’żieda fis-salarju bażiku […]

6.      Fattur ġdid tal-moltiplikazzjoni għandu jkun stabbilit ma’ din l-ewwel promozzjoni. Il-fattur tal-moltiplikazzjoni għandu jkun daqs il-proporzjon bejn is-salarji bażiċi l-ġodda li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-paragrafu 5 u l-ammont applikabbli fl-Artikolu 2(2) ta’ dan l-Anness. Suġġett għall-paragrafu 7, dan il-fattur tal-moltiplikazzjoni għandu jkun applikat għas-salarju wara l-promozzjoni fl-iskala u l-adattament tar-remunerazzjonijiet.

[…]”

13      L-Artikolu 8(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi dan li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 ta’ dan l-Anness, is-salarji bażiċi ta’ kull xahar huma stabbiliti għal kull grad u skala fuq il-bażi tat-tabella fl-Artikolu 66 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għall-uffiċjali li kienu reklutati qabel l-1 ta’ Mejju 2004 u sa l-ewwel promozzjoni tagħhom tidħol fi-seħħ wara dik id-data, it-tabella tkun kif ġejja: [din it-tabella kienet tipprevedi, mill-1 ta’ April 2015, għall-grad AD 12, skala 8, salarju bażiku fix-xahar ta’ EUR 13 322.22]”

14      L-Artikolu 10(1), l-Artikolu 20(2) u l-Artikolu 20(4) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra (iktar ’il quddiem il-“Kundizzjonijiet tal-Impjieg”) jipprevedu rispettivament li l-Artikolu 5(1) u (2), l-Artikolu 66 u l-Artikolu 44 tar-Regolamenti tal-Persunal huma applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal temporanju.

15      L-Artikolu 1 tal-anness tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg intitolat “Disposizzjonijiet transitorji applikabbli għall-persunal kopert mill-[Kundizzjonijiet tal-Impjieg]” jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal huma applikabbli b’analoġija għall-membri l-oħra fis-servizz fit-30 ta’ April 2004.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

16      B’kuntratt iffirmat fil-11 ta’ Novembru 1999 b’effett fil-15 ta’ Novembru 1999, ir-rikorrent ġie rreklutat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea inkwantu membru tal-persunal temporanju. B’effett mill-1 ta’ Jannar 2000, ir-rikorrent ġie kklassifikat fil-kategorija A, grad 4, skala 4.

17      Mar-riforma li tirriżulta mir-Regolament Nru 723/2004 (iktar ’il quddiem ir-“riforma tal-2004”), is-sistema tal-karrieri ġiet immodifikata. Ir-Regolamenti tal-Persunal kif ħarġu minn din ir-riforma stabbilixxew sistema ta’ karriera li fiha l-kategoriji ta’ impjiegi A, B, Ċ u D ġew miġbura f’żewġ gruppi ta’ funzjonijiet AD u AST. Għal din is-sistema ġdida kienet tikkorrispondi tabella ġdida ta’ salarji. It-tabella ta’ salarji applikata qabel ir-riforma tal-2004 kienet tipprevedi sa tmien skali għal ċerti gradi f’waħda mill-erba’ kategoriji ta’ impjiegi filwaqt li t-tabella introdotta fl-2004 ġiet mibdula b’iktar gradi (sittax), u kull waħda għandha numru iktar ristrett ta’ skali (sa ħamsa). Ġiet prevista tranżizzjoni progressiva bejn iż-żewġ sistemi. Is-salarji tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal fis-servizz baqgħu l-istess, iżda ġew ikkalkolati b’riferiment għat-tabella ġdida ta’ salarji. Ġie applikat fattur ta’ multiplikazzjoni sabiex ikun jista’ jkun hemm din iż-żamma. Dan huwa magħmul minn ċifra inkluża bejn 0 u 1, li tirrappreżenta r-relazzjoni bejn is-salarju mħallas lill-uffiċjal jew lill-membru tal-persunal u s-salarju li huwa ser jirċievi b’applikazzjoni tat-tabella ta’ salarji stabbilita permezz tar-riforma tal-2004.

18      Fl-1 ta’ Mejju 2004, meta daħlet fis-seħħ it-tabella ġdida tas-salarji, il-klassifikazzjoni tar-rikorrent, jiġifieri l-grad A 4, skala 6, ġiet mibdula fi grad A*12, skala 6, b’fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 0.9426565, b’mod konformi mat-tabella marbuta mal-kategorija preċedenti A li tinsab fl-Artikolu 2(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal (ara l-punti 8 sa 11 iktar ’il fuq).

19      Fl-1 ta’ Mejju 2006, il-grad tar-rikorrent ingħata isem ġdid AD 12 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq).

20      Fl-1 ta’ Novembru 2007, ir-rikorrent ġie kklassifikat fil-grad AD 12, skala 8, wara li bbenefika mit-tieni avvanz fl-iskala sa mid-dħul fis-seħħ tar-riforma tal-2004.

21      Wara t-trasferiment lejn is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ta’ ċerti servizzi u ta’ ċerti funzjonijiet li kienu jaqgħu sa dakinhar taħt is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, ir-rikorrent nnifsu ġie ttrasferit lejn is-SEAE mix-xahar ta’ Ottubru 2011. Huwa żamm il-grad u l-iskala tiegħu, jiġifieri l-grad AD 12, skala 8, kif ukoll l-anzjanità fil-grad tiegħu fl-1 ta’ Novembru 2007.

22      Ir-rikorrent, li sa dak iż-żmien kien jiġi applikat għalih fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ valur ta’ 0.9426565, ġie applikat għalih, mir-rendikont ta’ remunerazzjoni tiegħu għax-xahar ta’ Frar 2013, fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ valur ta’ 1. Ġiet applikata wkoll f’dan ir-rigward korrezzjoni retroattiva għall-perijodu inkluż bejn ix-xahar ta’ Ottubru 2011 u x-xahar ta’ Jannar 2013. Minħabba din il-korrezzjoni retroattiva, tħallsu EUR 7 948.81 addizzjonali lir-rikorrent fix-xahar ta’ Frar 2013.

23      Fit-2 ta’ Lulju 2013, ir-rikorrent ġie maħtur kap tal-Kulleġġ Ewropew ta’ Sigurtà u ta’ Difiża (KESD) filwaqt li nżamm fil-grad AD 12, skala 8. Huwa okkupa din il-pożizzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2014 u mbagħad ħadem mill-ġdid fis-SEAE mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu 2015.

24      Ir-rikorrent irtira fl-1 ta’ April 2015.

25      Permezz ta’ nota tas-6 ta’ Marzu 2015, l-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO) tal-Kummissjoni Ewropea stabbilixxa d-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar tar-rikorrent (iktar ’il quddiem in-“nota tas-6 ta’ Marzu 2015”). Il-PMO ħa inkunsiderazzjoni l-perijodu maħdum, jiġifieri mill-15 ta’ Novembru 1999 sal-31 ta’ Marzu 2015. Ir-rikorrent ġie kklassifikat fil-ħames skala tal-grad AD 12. Madankollu, ġie applikat fattur korrettiv ta’ valur ta’ 1.1314352 sabiex, minkejja din il-bidla fl-iskala, is-salarju meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-pensjoni jkun identiku għas-salarju li r-rikorrent kien jirċievi fid-data tal-irtirar tiegħu (iktar ’il quddiem is-“salarju bażiku”). Is-salarju bażiku tar-rikorrent kien jikkorrispondi għal dak tal-grad AD 12, skala 8, kif jirriżulta mit-tabella li tinsab fl-Artikolu 8(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri ammont ta’ EUR 13 322.22 (ara l-punt 13 iktar ’il fuq), u dan l-ammont ma tnaqqasx għaliex ġie applikat fir-rigward tar-rikorrent fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 1 mix-xahar ta’ Frar 2013 (ara l-punt 22 iktar ’il fuq).

26      Il-pensjoni mħallsa sussegwentement lir-rikorrent kienet konformi ma’ dik indikata fin-nota tas-6 ta’ Marzu 2015.

27      Mal-pagament tal-pensjoni ta’ Novembru 2015, il-PMO wera fuq ir-rendikont tal-pensjoni tar-rikorrent li kien jeżisti pagament eċċessiv li jirriżulta mis-salarji li kienu tħallsu lilu matul il-perijodu bejn ix-xahar ta’ Ottubru 2011 u x-xahar ta’ Marzu 2015, u dan il-pagament eċċessiv kien jikkorrispondi għal somma dovuta lill-Unjoni Ewropea mir-rikorrent li tammonta għal EUR 22 896.98.

28      Mix-xahar ta’ Frar 2016, ġie applikat tnaqqis fix-xahar ta’ EUR 715.33.

29      Barra minn hekk, permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2013, ir-rikorrent ġie estiż il-benefiċċju mill-allowance għall-ulied dipendenti għat-tifla tiegħu għall-perijodu bejn l-1 ta’ Marzu 2012 u t-28 ta’ Frar 2014. Madankollu, ir-rikorrent kompla jirċievi l-allowance għall-ulied dipendenti sax-xahar ta’ Marzu 2015.

30      Mal-pagament tal-pensjoni ta’ Ġunju 2017, il-PMO wera fuq ir-rendikont tal-pensjoni tar-rikorrent li kien jeżisti pagament eċċessiv imħallas matul il-perijodu bejn ix-xahar ta’ Marzu 2014 u x-xahar ta’ Marzu 2015 li kien jikkorrispondi għal somma dovuta lill-Unjoni mir-rikorrent, minħabba l-allowance għall-ulied dipendenti, ta’ ammont totali ta’ EUR 10 196.51.

31      Ittra bid-data tas-16 ta’ Ġunju 2017 intbagħtet ukoll lir-rikorrent mill-PMO. F’din l-ittra, il-PMO semma l-ammont ta’ EUR 10 196.51 u ppreżenta skeda li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ tnaqqis fix-xahar ta’ EUR 728.32 bejn ix-xahar ta’ Awwissu 2017 u x-xahar ta’ Lulju 2018.

32      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrent talab lill-PMO li jintemm it-tnaqqis li kien applikat fuq il-pensjoni tiegħu (iktar ’il quddiem l-“ittra tad-19 ta’ Ottubru 2017”).

33      Permezz ta’ nota tat-23 ta’ Novembru 2017, b’risposta għall-ittra tad-19 ta’ Ottubru 2017, il-PMO indika, b’mod partikolari, li ġie applikat fir-rigward tar-rikorrent, mingħajr ma dan kien iġġustifikat, fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 1 mir-rendikont ta’ remunerazzjoni tiegħu tax-xahar ta’ Frar 2013, inkluż, b’mod retroattiv, għall-perijodu bejn ix-xahar ta’ Ottubru 2011 u x-xahar ta’ Jannar 2013 (iktar ’il quddiem in-“nota tat-23 ta’ Novembru 2017”). Madankollu, il-fattur ta’ multiplikazzjoni rreġistrat fil-fajl personali tiegħu baqa’ ta’ 0.9426565. Dan il-pagament eċċessiv jispjega, skont il-PMO, l-eżistenza tas-somma dovuta lill-Unjoni mir-rikorrent li tammonta għal EUR 22 896.98 u li tidher fuq ir-rendikont ta’ pensjoni tiegħu ta’ Novembru 2015 (ara l-punt 27 iktar ’il fuq).

34      Fin-nota tat-23 ta’ Novembru 2017, il-PMO indika wkoll li r-rikorrent kien kompla jirċievi l-allowance għall-ulied dipendenti wara t-tmiem, fi Frar 2014, tal-perijodu ta’ estensjoni li kien ingħatalu f’dan ir-rigward. Dan il-pagament eċċessiv jispjega l-eżistenza tas-somma dovuta lill-Unjoni mir-rikorrent li tammonta għal EUR 10 196.51 (ara l-punt 30 iktar ’il fuq).

35      F’din in-nota kien jidher ukoll sunt tat-tnaqqis applikat fuq il-pensjoni tar-rikorrent li jikkorrispondi għal kull wieħed miż-żewġ somom dovuti msemmija rispettivament fil-punti 27 u 30 iktar ’il fuq.

36      Fl-aħħar nett, dejjem fin-nota tat-23 ta’ Novembru 2017, il-PMO osserva li, fid-dawl tal-iżball marbut mal-fattur ta’ multiplikazzjoni (ara l-punt 33 iktar ’il fuq), in-nota tas-6 ta’ Marzu 2015 kienet ibbażata fuq salarju bażiku żbaljat. Il-PMO indika mbagħad li kienet ser tintbagħat nota ġdida lir-rikorrent f’dan ir-rigward permezz ta’ ittra separata.

37      Permezz ta’ nota tat-30 ta’ Novembru 2017, il-PMO mmodifika, b’effett mill-1 ta’ April 2015, id-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar tar-rikorent (iktar ’il quddiem in-“nota tat-30 ta’ Novembru 2017”). Is-salarju bażiku tiegħu ġie mmodifikat, u dan wassal għall-applikazzjoni ta’ fattur korrettiv ta’ 1.066555 minflok ta’ 1.1314352 (ara l-punt 25 iktar ’il fuq).

38      Mal-pagament tal-pensjoni ta’ Jannar 2018, il-PMO wera fuq ir-rendikont tal-pensjoni tar-rikorrent li kien jeżisti pagament eċċessiv li jirriżulta mis-somom li kienu tħallsu lilu għall-pensjoni tiegħu matul il-perijodu bejn April 2015 u Diċembru 2017. Dan il-pagament eċċessiv kien jikkorrispondi għal somma dovuta lill-Unjoni mir-rikorrent ta’ ammont totali ta’ EUR 7 389.51.

39      B’ittra tal-4 ta’ Jannar 2018 mibgħuta lill-PMO, ir-rikorrent talab jipproduċi provi li, fil-fehma tiegħu, kienu jippermettu li jiġu solvuti d-diffikultajiet marbuta mal-kalkolu tas-salarji passati tiegħu u tal-pensjoni tiegħu. F’din l-ittra huwa kkonkluda billi indika li l-fattur ta’ multiplikazzjoni li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tas-salarji tiegħu u tal-pensjoni tiegħu għandu jkun 1 u mhux 0.9426565.

40      Wara skambju ta’ ittri u ta’ posta elettronika, il-PMO, permezz ta’ nota tal-31 ta’ Jannar 2018, informa lir-rikorrent li l-bilanċ tas-somom dovuti minnu lill-Unjoni kien issa ta’ EUR 22 409.61 (iktar ’il quddiem in-“nota tal-31 ta’ Jannar 2018”). Fi skeda li tqassam bejn tliet somom dovuti distinti t-tnaqqis fix-xahar li japplika bejn ix-xahar ta’ Frar 2016 u x-xahar ta’ Jannar 2020, il-PMO fakkar l-ammont totali ta’ kull wieħed minn dawn is-somom dovuti – jiġifieri EUR 22 896.98 għall-ewwel somma dovuta, EUR 10 196.51 għat-tieni somma dovuta u EUR 7 389.51 għat-tielet somma dovuta – u ta dettalji tal-istat tar-rimborsi li qegħdin isiru għal kull wieħed minn dawn is-somom dovuti.

41      Abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrent ressaq, fit-28 ta’ Frar 2018 ilment kontra, b’mod partikolari, in-nota tat-30 ta’ Novembru 2017 u dik tal-31 ta’ Jannar 2018.

42      Il-Kummissjoni ċaħdet l-ilment permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2018, billi qieset li huwa kien dirett kontra atti konfermattivi ta’ deċiżjonijiet preċedenti li ma kinux ġew ikkontestati fit-terminu stabbilit u li huwa kien, minħabba f’hekk, inammissibbli.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

43      B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

44      Fis-26 ta’ Settembru 2019, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Il-partijiet irrispondew għal dawn il-mistoqsijiet fit-terminu stabbilit.

45      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-7 ta’ Novembru 2019.

46      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla “id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Novembru 2017 li tistabbilixxi d-drittijiet tiegħu għall-pensjoni b’effett retroattiv mis-6 ta’ Marzu 2015”;

–        tannulla “id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Jannar 2018 li tagħmel pagament mhux dovut ta’ EUR 22 409.61”;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

47      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Fuq is-suġġett tal-kawża

48      Kif jirriżulta mill-fatti li wasslu għat-tilwima, il-PMO jqis li jeżistu tliet somom dovuti lill-Unjoni mir-rikorrent: l-ewwel waħda, li f’Novembru 2015 kienet ta’ EUR 22 896.98, tirriżulta mill-applikazzjoni, b’mod żbaljat, għas-salarju mħallas lir-rikorrent matul il-perijodu bejn ix-xahar ta’ Ottubru 2011 u x-xahar ta’ Marzu 2015 ta’ fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 1 minflok ta’ 0.9426565 (iktar ’il quddiem l-“ewwel somma dovuta”); it-tieni, li f’Ġunju 2017 kien ta’ EUR 10 196.51, tirriżulta mill-fatt li r-rikorrent irċieva b’mod mhux iġġustifikat l-allowance għall-ulied dipendenti matul il-perijodu bejn ix-xahar ta’ Marzu 2014 u x-xahar ta’ Marzu 2015 (iktar ’il quddiem it-“tieni somma dovuta”); it-tielet, li f’Diċembru 2017 kienet ta’ EUR 7 389.51, tirriżulta mill-applikazzjoni, b’mod żbaljat, għall-kalkolu tas-salarju bażiku tar-rikorrent u għaldaqstant tal-pensjoni tiegħu, ta’ fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 1, u din l-applikazzjoni wasslet lill-PMO sabiex juża fattur korrettiv ta’ 1.1314352 minflok ta’ 1.066555 matul il-perijodu bejn ix-xahar ta’ April 2015 u x-xahar ta’ Diċembru 2017 (iktar ’il quddiem it-“tielet somma dovuta”).

49      Ir-rikorrent jikkontesta żewġ atti, jiġifieri, minn naħa, in-nota tat-30 ta’ Novembru 2017 u, min-naħa l-oħra, in-nota tal-31 ta’ Jannar 2018.

50      In-nota tat-30 ta’ Novembru 2017, billi tapplika għar-rikorrent b’mod retroattiv fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 0.9426565 minflok ta’ 1, timmodifika s-salarju meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-pensjoni u hija dik li tat lok għat-tielet somma dovuta (ara l-punti 33, 36 u 37 iktar ’il fuq).

51      In-nota tal-31 ta’ Jannar 2018 tinforma lir-rikorrent bl-ammont, f’din id-data, tal-bilanċ globali tat-tliet somom dovuti minnu lill-Unjoni. Hija akkumpanjata bi skeda li tfakkar l-ammont totali ta’ kull wieħed minn dawn it-tliet somom dovuti.

52      Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li l-ewwel u t-tieni somma dovuta taw lok, qabel ix-xahar ta’ Jannar 2018, għal tnaqqis fuq il-pensjoni tar-rikorrent, b’tali mod li l-ammont nett tal-bilanċ globali tat-tliet somom dovuti, jiġifieri EUR 22 409.61 fid-data tal-31 ta’ Jannar 2018, kien inqas, f’din id-data, mis-somma ta’ dawn is-somom dovuti.

53      Fir-rigward tat-tieni somma dovuta, ir-rikorrent iddikjara waqt is-seduta li kien qiegħed jirrinunzja għat-talbiet tiegħu marbuta ma’ dan is-somma dovuta, u ttieħdet nota ta’ dan fil-proċess verbali tas-seduta.

54      Barra minn hekk, l-iskeda li takkumpanja n-nota tal-31 ta’ Jannar 2018 tagħti d-dettalji tar-rimborsi li qegħdin isiru għal kull wieħed minn dawn it-tliet somom dovuti (ara l-punt 40 iktar ’il fuq).

55      Issa, f’dan ir-rigward, ir-rikorrent jindika, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li huwa qiegħed jitlob l-annullament tad-“deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Jannar 2018 li tagħmel pagament mhux dovut ta’ ta’ EUR 22 409.61”. Din il-kjarifika tippermetti li jiġi konkluż li t-talba għal annullament tar-rikorrent tirreferi biss għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ tali somma dovuta – u mhux għall-modalitajiet tar-rimbors tiegħu li jinsabu fl-iskeda msemmija fil-punt 51 iktar ’il fuq. Tali konklużjoni hija sostnuta mill-fatt li r-rikorrent fl-ebda mument ma inkluda fil-kontestazzjoni tiegħu, kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu jew waqt is-seduta, l-imsemmija modalitajiet tar-rimbors.

56      Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li r-rikorrent sempliċement jitlob l-annullament tan-nota tal-31 ta’ Jannar 2018 sa fejn hija ssemmi l-eżistenza ta’ somom dovuti minnu lill-Unjoni.

57      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li s-suġġett tat-tilwima huwa limitat għall-kontestazzjoni, min-naħa, tan-nota tat-30 ta’ Novembru 2017, li tirrigwarda t-tielet somma dovuta, marbuta mal-pensjoni mħallsa lir-rikorrent bejn ix-xahar ta’ April 2015 u x-xahar ta’ Diċembru 2017, u, min-naħa l-oħra, tan-nota tal-31 ta’ Jannar 2018, sa fejn hija ssemmi l-eżistenza ta’ din is-somma dovuta u sa fejn hija ssemmi ukoll l-eżistenza tal-ewwel somma dovuta, marbuta mas-salarji mħallsa lir-rikorrent għall-perijodu bejn ix-xahar ta’ Ottubru 2011 u x-xahar ta’ Marzu 2015.

 Fuq l-ammissibbiltà

58      Il-Kummissjoni, li fir-risposta bbażat ruħha fuq il-fatt li n-nota tat-30 ta’ Novembru 2017 u dik tal-31 ta’ Jannar 2018 kienu biss ir-repetizzjoni tad-deċiżjoni riflessa fir-rendikont tal-pensjoni ta’ Novembru 2015, iddikjarat, waqt is-seduta, li hija kienet qiegħda tirrinunzja għall-eċċezzjonijiet tagħha ta’ inammissibbiltà, u ttieħdet nota ta’ dan fil-proċess verbali tas-seduta.

59      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, it-terminu għat-tressiq ta’ lment u t-terminu għall-preżentata ta’ rikors, imsemmija fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, huma ta’ ordni pubbliku u ma jistgħux jitħallew għad-dispożizzjoni tal-partijiet u tal-qorti li hija responsabbli sabiex tivverifika, anki ex officio, jekk dawn jiġux osservati (sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2000, Politi vs ETF, C‑154/99 P, EU:C:2000:354, punt 15, u tad-29 ta’ Novembru 2018, WL vs ERCEA, T‑493/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:852, punt 64).

60      Skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kull persuna koperta mill-imsemmija Regolamenti tal-Persunal tista’ tressaq ilment quddiem l-Awtorità tal-Ħatra kontra att li jippreġudikaha, u dan għandu jitressaq fi żmien tliet xhur.

61      Rendikonti tar-remunerazzjoni jew tal-pensjoni jistgħu jkunu s-suġġett ta’ lmenti u eventwalment ta’ rikorsi meta deċiżjoni li jkollha suġġett purament pekunjarju tista’ tiġi riflessa, minħabba n-natura tagħha, minn tali rendikont tar-remunerazzjoni. F’dan il-każ, il-komunikazzjoni tar-rendikont mensili tar-remunerazzjoni jew tal-pensjoni għandha l-effett li tibda d-dekorrenza tat-termini għat-tressiq ta’ lment u għall-preżentata ta’ rikors kontra deċiżjoni amministrattiva meta l-imsemmi rendikont ikun juri, b’mod ċar u għall-ewwel darba, l-eżistenza u l-portata ta’ din id-deċiżjoni (ara s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2017, Martinez De Prins et vs SEAE, T‑575/16, EU:T:2017:911, punti 31 u 32 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2007, Van Neyghem vs Comité des régions, T‑288/04, EU:T:2007:1, punti 39 u 40).

62      F’dan il-każ, kif intqal fil-punt 27 iktar ’il fuq, mal-pagament tal-pensjoni ta’ Novembru 2015, il-PMO informa lir-rikorrent bl-eżistenza tal-ewwel somma dovuta, li tirriżulta, kif jirriżulta mir-rendikont tal-pensjoni, minn pagament eċċessiv imħallas kull xahar matul il-perijodu bejn ix-xahar ta’ Ottubru 2011 u x-xahar ta’ Marzu 2015 u kien jikkorrispondi għal ammont totali ta’ EUR 22 896.98.

63      Issa, id-deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza tal-ewwel somma dovuta għandha suġġett purament pekunjarju. Għaldaqstant hija tista’, minħabba n-natura tagħha, tiġi riflessa permezz tar-rendikont tal-pensjoni ta’ Novembru 2015. Minkejja li huwa ta’ dispjaċir li l-PMO ma akkumpanjax dan ir-rendikont bi kjarifika rigward ir-raġunijiet għal din id-deċiżjoni, jibqa’ l-fatt li, peress li l-imsemmi rendikont juri, b’mod ċar u għall-ewwel darba, l-eżistenza u l-portata ta’ din id-deċiżjoni, il-komunikazzjoni tiegħu għandha l-effett li tibda d-dekorrenza tat-termini għat-tressiq ta’ lment u għall-preżentata ta’ rikors fir-rigward tagħha.

64      Fir-rigward tad-data li fiha saret il-komunikazzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza tal-ewwel somma dovuta, mill-annessi tal-proċess jirriżulta, u dan huwa kkonfermat permezz tal-ittra tar-rikorrent tad-19 ta’ Ottubru 2017 (ara l-punt 33 iktar ’il fuq), li dan bagħat lill-PMO fid-19 ta’ Frar 2017 messaġġ li fih indika li ħa nota tar-rendikont tal-pensjoni tiegħu ta’ Novembru 2015 u tat-tnaqqis applikat sussegwentement fuq il-pensjoni tiegħu. Huwa speċifika anki fl-ittra tad-19 ta’ Ottubru 2017 li huwa kien “irċieva” dan ir-rendikont f’Novembru 2015.

65      Għaldaqstant, indipendentement miċ-ċirkustanzi invokati addizzjonalment mir-rikorrent sabiex juri li ma setax jieħu immedjatament nota tar-rendikont tal-pensjoni tiegħu ta’ Novembru 2015, dan jista’ jitqies li ġie kkomunikat lir-rikorrent, f’kull każ, mhux iktar tard mid-19 ta’ Frar 2017.

66      Issa, ir-rikorrent ma jsemmi, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-ebda lment li huwa ressaq kontra r-rendikont tal-pensjoni ta’ Novembru 2015 fit-terminu ta’ tliet xhur li beda jiddekorri mid-19 ta’ Frar 2017.

67      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-rikorrent ma kkontestax fit-termini stabbiliti d-deċiżjoni li tikkonstata għall-ewwel darba l-eżistenza tal-ewwel somma dovuta, li kienet riflessa fir-rendikont tal-pensjoni tiegħu ta’ Novembru 2015.

68      L-argumenti tar-rikorrent ibbażati fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 25 u 26 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jgħidu li jeżisti obbligu li jiġu kkomunikati lill-membru tal-persunal id-deċiżjonijiet individwali li jikkonċernawh, ma jistgħux iqiegħdu f’dubju l-konklużjoni msemmija fil-punt 67 iktar ’il fuq, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx bħala għan li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni għall-uffiċjali u għall-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni tat-termini tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2002, Onidivs Il-Kummissjoni, T‑197/00, EU:T:2002:135, punt 156, u tal-5 ta’ Ottubru 2009, de Brito Sequeira Carvalho u Il-Kummissjoni vs Il-Kummissjoni u de Brito Sequeira Carvalho, T‑40/07 P u T 62/07 P, EU:T:2009:382, punt 92), bil-kontra tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-Titolu VII tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Appelli [Rimedji]”, li abbażi tagħhom ingħataw is-sentenzi msemmija fil-punt 61 iktar ’il fuq.

69      Qabel ma jiġi konkluż li t-talbiet tar-rikorrent huma inammissibbli, sa fejn jirrigwardaw l-eżistenza tal-ewwel somma dovuta, għandu madankollu jiġi żgurat li n-nota tal-31 ta’ Jannar 2018 ma kinitx tali li tibda mill-ġdid it-termini tal-proċedura f’dan ir-rigward. Għaldaqstant għandu jiġi stabbilit jekk in-nota tal-31 ta’ Jannar 2018, sa fejn hija ssemmi l-eżistenza tal-ewwel somma dovuta, tikkostitwixxix sempliċi deċiżjoni konfermattiva tad-deċiżjoni riflessa fir-rendikont tal-pensjoni ta’ Novembru 2015.

70      Skont il-ġurisprudenza, in-natura konfermattiva jew le ta’ att ma tistax tiġi evalwata biss billi jitqabbel il-kontenut tiegħu ma’ dak tad-deċiżjoni preċedenti li huwa jikkonferma, iżda għandha tiġi evalwata wkoll fid-dawl tan-natura tat-talba li għaliha dan l-att jikkostitwixxi tweġiba (ara s-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2016, Fedtke vs CESE, T‑157/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:666, punt 17 u u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      B’mod partikolari, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li jekk l-att jikkostitwixxi t-tweġiba għal talba li fiha jiġu invokati fatti ġodda u sostanzjali u li permezz tagħha l-amministrazzjoni tintalab twettaq eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni preċedenti, dan l-att ma jistax jitqies bħala ta’ natura purament konfermattiva, sa fejn huwa jiddeċiedi dwar dawn il-fatti u jinkludi, għalhekk, element ġdid meta mqabbel mad-deċiżjoni preċedenti. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ fatti ġodda u sostanzjali tista’ tiġġustifika t-tressiq ta’ talba għal eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni preċedenti li tkun saret finali. Għall-kuntrarju, meta t-talba għal eżami mill-ġdid ma tkunx ibbażata fuq fatti ġodda u sostanzjali, ir-rikors kontra d-deċiżjoni li tirrifjuta li jsir l-eżami mill-ġdid mitlub għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.(ara s-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2016, Fedtke vs CESE, T‑157/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:666, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar liema huma l-kriterji sabiex fatti jitqiesu bħala ġodda, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex ikun ta’ tali natura, huwa neċessarju li la r-rikorrent u lanqas l-amministrazzjoni ma kienu jafu jew ma kienu f’pożizzjoni li jkunu jafu bil-fatt ikkonċernat fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni preċedenti (ara s-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2016, Fedtke vs CESE, T‑157/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:666, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      F’dan ir-rigward, huwa minnu li, fis-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Spanja vs Il-Kummissjoni (T‑481/11, EU:T:2014:945, punt 38), huwa speċifikat li element għandu jiġi kklassifikat bħala ġdid kemm meta dan ma kienx jeżisti fil-mument tal-adozzjoni tal-att preċedenti kif ukoll meta jkun element diġà eżistenti meta l-att preċedenti kien ġie adottat, iżda li, għal xi raġuni tkun xi tkun, inkluż nuqqas ta’ diliġenza min-naħa tal-awtur ta’ dan l-att imsemmi l-aħħar, ma tteħidx inkunsiderazzjoni fil-mument tal-adozzjoni tiegħu.

74      Madankollu, minkejja l-formulazzjoni wiesgħa ħafna tagħha, din il-kjarifika ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lil uffiċjal, li ġiet miċħuda lilu, kompletament jew parzjalment, l-ewwel talba permezz ta’ deċiżjoni li saret finali, li jinvoka bħala fatti ġodda, insostenn tat-tieni talba li għandha l-istess għan bħall-ewwel waħda, elementi li diġà kienu fid-dispożizzjoni tiegħu u li huwa naqas milli jippreżenta insostenn tal-ewwel talba tiegħu (sentenza tas-17 ta’ Novembru 2016, Fedtke vs CESE, T‑157/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:666, punt 22).

75      Fil-każ kuntrarju, mhux biss tiġi ppreġudikata l-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 70 sa 72 iktar ’il fuq, iżda wkoll dik li tipprovdi li l-possibbiltà li titressaq talba fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal ma tistax tippermetti lill-uffiċjal jinjora t-termini previsti mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal għat-tressiq tat-talba u għall-preżentata tar-rikors, billi indirettament jikkontesta, permezz ta’ tali talba ulterjuri, deċiżjoni preċedenti li ma kinitx ġiet ikkontestata fit-termini stabbiliti (ara s-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2016, Fedtke vs CESE, T‑157/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:666, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      F’dan il-każ, l-elementi li għalihom jirreferi r-rikorrent fl-ittra tiegħu tal-4 ta’ Jannar 2018, li huma intiżi, essenzjalment, sabiex juru li l-ħatra tiegħu bħala kap tal-KESD kienet tikkostitwixxi ħatra għal pożizzjoni ġdida b’livell ogħla ta’ responsabbiltajiet, huma elementi li kienu fid-dispożizzjoni tar-rikorrent meta huwa okkupa din il-pożizzjoni bejn ix-xahar ta’ Lulju 2013 u x-xahar ta’ Diċembru 2014 u li kienu fid-dispożizzjoni tiegħu, għaldaqstant, fil-mument li fih sar jaf bir-rendikont tal-pensjoni ta’ Novembru 2015. Madankollu, huwa ma ppreżentahomx lill-PMO fit-terminu li ġie stabbilit għat-tressiq ta’ talba. Dawn l-elementi ma humiex għaldaqstant tali li jippermettulu jibda mill-ġdid l-imsemmi terminu.

77      Konsegwentement, in-nota tal-31 ta’ Jannar 2018, sa fejn hija ssemmi l-eżistenza tal-ewwel somma dovuta, għandha titqies bħala sempliċi deċiżjoni konfermattiva tad-deċiżjoni riflessa fir-rendikont tal-pensjoni ta’ Novembru 2015.

78      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li t-talbiet diretti kontra n-nota tal-31 ta’ Jannar 2018, sa fejn din issemmi l-eżistenza tal-ewwel somma dovuta, ma humiex ammissibbli.

79      Peress li r-rikorrent iddikjara waqt is-seduta li qiegħed jirrinunzja għat-talbiet tiegħu marbuta mat-tieni somma dovuta (ara l-punt 53 iktar ’il fuq), għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-argument tiegħu biss sa fejn huwa jikkonċerna t-tielet somma dovuta, li l-konstatazzjoni tagħha, li tirriżulta min-nota tat-30 ta’ Novembru 2017, ġiet irrepetuta fin-nota tal-31 ta’ Jannar 2018.

 Fuq il-mertu

80      Insostenn tat-talbiet tiegħu għal annullament, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq żball ta’ liġi, it-tieni wieħed fuq ksur tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tielet wieħed fuq ksur tal-prinċipji applikabbli għall-irtirar ta’ atti legali, ir-raba’ wieħed fuq ksur tal-prinċipji applikabbli għall-irtirar ta’ atti illegali, il-ħames wieħed fuq motivazzjoni insuffiċjenti u s-sitt wieħed fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

 Fuq l-iżball ta’ liġi

81      Ir-rikorrent isostni li l-korrezzjoni retroattiva li ġiet applikata fuq il-pensjoni ma hijiex iġġustifikata u li d-deċiżjonijiet li huwa qiegħed jitlob l-annullament tagħhom huma vvizzjati bi żball ta’ liġi.

82      Ir-rikorrent jikkontesta l-fatt li d-deċiżjoni riflessa fir-rendikont tar-remunerazzjoni tiegħu ta’ Frar 2013 ġiet adottata b’mod mhux iġġustifikat.

83      Il-Kummissjoni tirribatti li l-bdil tal-funzjonijiet tar-rikorrent u d-dħul tiegħu fis-servizz tal-KESD ma tawx lok għal bdil fil-grad jew fl-iskala.

84      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar (ara l-punti 18 sa 20 iktar ’il fuq) li, fl-1 ta’ Mejju 2004, meta t-tabella ġdida ta’ salarji daħlet fis-seħħ, il-klassifikazzjoni tar-rikorrent, jiġifieri l-grad A 4, skala 6, ġiet mibdula fil-grad A*12, skala 6, bl-applikazzjoni, skont it-tabella rigward il-kategorija preċedenti A li tinsab fl-Artikolu 2(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, ta’ fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 0.9426565.

85      Fl-1 ta’ Mejju 2006, il-grad tar-rikorrent ingħata isem ġdid, jiġifieri AD 12.

86      Fl-1 ta’ Novembru 2007, ir-rikorrent ġie kklassifikat fil-grad AD 12, skala 8, wara li kien ibbenefika mit-tieni avvanz fl-iskala sa mid-dħul fis-seħħ tar-riforma tal-2004. Il-possibbiltà li uffiċjal jew membru tal-persunal fis-servizz qabel l-1 ta’ Mejju 2004 jiġi kklassifikat fi skala ogħla mill-ogħla skala prevista mill-Artikolu 66 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara l-punt 4 iktar ’il fuq) toħroġ mit-tabella rigward il-kategorija preċedenti A li tinsab fl-Artikolu 2(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal (ara l-punt 10 iktar ’il fuq).

87      Fl-assenza ta’ promozzjoni, ir-rikorrent inżamm fil-grad AD 12, skala 8, sakemm kien fis-servizz, abbażi tal-Artikolu 8(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal (ara l-punt 13 iktar ’il fuq).

88      Fil-mument tal-irtirar tiegħu, fix-xahar ta’ April 2015, ir-rikorrent kien ikklassifikat fil-ħames skala tal-grad AD 12. Madankollu, ġie applikat fattur korrettiv ta’ 1.1314352 għas-salarju li jikkorrispondi għall-ħames skala tal-grad AD 12 sabiex is-salarju meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-pensjoni tiegħu jkun identiku għas-salarju bażiku, jiġifieri dak li huwa kien jirċievi fid-data tal-irtirar tiegħu, jiġifieri EUR 13 322.22 (ara l-punt 25 iktar ’il fuq).

89      Għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrent ma kkontestax, fil-mument tal-irtirar tiegħu, il-bdil fl-iskala li huwa kien is-suġġett tiegħu.

90      L-ammont tas-salarju bażiku, imsemmi fil-punt 88 iktar ’il fuq, kien jirriżulta mill-applikazzjoni tal-fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 1 li kienet ġiet implimentata fix-xahar ta’ Frar 2013 (ara l-punt 22 iktar ’il fuq).

91      Mill-Artikolu 7(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-fattur ta’ multiplikazzjoni huwa kkalkolat fl-1 ta’ Mejju 2004 (ara l-punt 12 iktar ’il fuq).

92      Fid-dawl tal-klassifikazzjoni tar-rikorrent f’din id-data (ara l-punt 18 iktar ’il fuq), il-fattur ta’ multiplikazzjoni tiegħu, b’applikazzjoni tat-tabella rigward il-kategorija preċedenti A li tinsab fl-Artikolu 2(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kellu jkun ta’ 0.9426565 (ara l-punt 11 iktar ’il fuq).

93      Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedu l-applikazzjoni tal-fattur ta’ multiplikazzjoni kkalkolat fl-1 ta’ Mejju 2004 fil-mument tal-avvanz fl-iskala jew fil-mument tal-aġġustament tar-remunerazzjonijiet. Rigward il-paragrafu 6 ta’ dan l-istess artikolu, huwa jipprevedi l-istabbiliment ta’ fattur ġdid biss mal-ewwel promozzjoni wara l-1 ta’ Mejju 2004 (ara l-punt 12 iktar ’il fuq).

94      Issa, huwa stabbilit li r-rikorrent ma ġiex promoss bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-1 ta’ April 2015, li hija d-data tal-irtirar tiegħu.

95      Għaldaqstant, kellu jibqa’ jiġi applikat fir-rigward tiegħu fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 0.9426565 sal-irtirar tiegħu.

96      Madankollu, ir-rikorrent ġie suġġett għall-applikazzjoni, sa mir-rendikont tar-remunerazzjoni tiegħu ta’ Frar 2013, ta’ fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 1 (ara l-punt 90 iktar ’il fuq).

97      Issa, ma jirriżulta mill-ebda element tal-fajl li d-deċiżjoni rigward il-fattur ta’ multiplikazzjoni, riflessa fir-rendikont tar-remunerazzjoni tar-rikorrent ta’ Frar 2013, hija legali minkejja li għadu kemm ġie kkonstatat li r-rikorrent ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mit-testi sabiex fattur ta’ multiplikazzjoni ġdid jiġi applikat fir-rigward tiegħu.

98      Tali modifika, bil-kontra ta’ dak li jsostni r-rikorrent, ma hijiex għaldaqstant iġġustifikata fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti permezz tad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolamenti tal-Persunal.

99      Kif jirriżulta min-nota tas-6 ta’ Marzu 2015, din il-modifika mhux iġġustifikata wasslet għall-kalkolu tal-pensjoni tar-rikorrent abbażi ta’ ammont tas-salarju bażiku li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 1 (ara l-punt 90 iktar ’il fuq).

100    Il-korrezzjoni magħmula permezz tad-deċiżjoni riflessa fir-rendikont tal-pensjoni ta’ Novembru 2015 (ara l-punt 33 iktar ’il fuq) u mbagħad dik magħmula permezz tan-nota tat-30 ta’ Novembru 2017 kienu intiżi sabiex jagħmlu tajjeb għall-modifika mhux iġġustifikata msemmija fil-punt 98 iktar ’il fuq.

101    B’dan il-mod, fin-nota tat-30 ta’ Novembru 2017, il-PMO stabbilixxa l-ammont tas-salarju bażiku billi bbaża ruħu, din id-darba, mhux fuq is-salarju li r-rikorrent kien irċieva fid-data tal-irtirar tiegħu, li kien stabbilit abbażi ta’ fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 1, iżda fuq is-salarju li r-rikorrent kellu jirċievi, li huwa stabbilit abbażi ta’ fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 0.9426565. Tali fattur, għaldaqstant, ġie applikat għas-salarju li jikkorrispondi għall-grad AD 12, skala 8, kif jirriżulta mit-tabella li tinsab fl-Artikolu 8(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal (ara l-punt 87 iktar ’il fuq). Fid-data tal-irtirar tar-rikorrent, l-ammont imniżżel f’dan ir-rigward fl-imsemmija tabella kien ta’ EUR 13 322.22 (ara l-punt 13 iktar ’il fuq). Is-salarju bażiku miksub b’dan il-mod kien ta’ EUR 12 558.28, u dan wassal għal modifika tal-fattur korrettiv applikat sabiex is-salarju meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-pensjoni jkun identiku għas-salarju bażiku. Il-valur tal-fattur korrettiv għadda, b’dan il-mod, minn 1.1314352 għal 1.066555 (ara l-punt 37 iktar ’il fuq).

102    Issa, ir-rikorrent ma stabbilixxiex li l-applikazzjoni tat-testi mwettqa b’dan il-mod mill-PMO hija żbaljata.

103    B’mod partikolari, ir-rikorrent ma għandux raġun isostni li, minħabba t-trasferiment tiegħu lejn is-SEAE fix-xahar ta’ Ottubru 2011 (ara l-punt 21 iktar ’il fuq), id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma baqgħux applikabbli fir-rigward tiegħu, li kien jiġġustifika t-tħassir tal-fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 0.9426565 u l-applikazzjoni ta’ fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.

104    Fil-fatt, minkejja li d-dħul fis-servizz tar-rikorrent fis-SEAE ta lok għall-iffirmar ta’ kuntratt ġdid, huwa jirriżulta, kif joħroġ mill-ittra tat-8 ta’ Diċembru 2010 mibgħuta lir-rikorrent mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, minn trasferiment ta’ persunal li jakkumpanja t-trasferiment lejn is-SEAE ta’ ċerti servizzi u funzjonijiet li kienu jaqgħu sa dakinhar taħt is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Għaldaqstant, dan ma kienx rekultaġġ li jimmarka l-bidu ta’ karriera ġdida li għaliha ma kienx hemm lok li japplikaw id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

105    Mill-bqija, fil-mument tad-dħul fis-servizz tar-rikorrent fis-SEAE, il-karriera tiegħu ma ġietx interrotta. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni tar-rikorrent fit-tmien skala tal-grad AD 12, li hija applikabbli biss bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, inżammet. Barra minn hekk, inżammet anzjanità fl-iskala, preċedenti għad-dħul tiegħu fis-servizz mas-SEAE fl-1 ta’ Ottubru 2011 (ara l-punt 21 iktar ’il fuq).

106    B’dan il-mod, bil-kontra ta’ dak li jsostni r-rikorrent, id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal kienu għadhom applikabbli fir-rigward tiegħu wara d-dħul tiegħu fis-servizz mas-SEAE fl-1 ta’ Ottubru 2011.

107    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-rikorrent jiżbalja meta jsostni li l-korrezzjoni retroattiva li ġiet applikata fuq il-pensjoni tiegħu ta’ Novembru 2017 ma hijex iġġustifikata u li n-nota tat-30 ta’ Novembru 2017 hija, għal din ir-raġuni, ivvizzjata bi żball ta’ liġi.

108    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ksur tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal

109    Ir-rikorrent isostni li l-fattur ta’ multiplikazzjoni li ġie applikat fir-rigward tiegħu meta kien fis-servizz ma kienx jidher fil-kuntratt li huwa kien ikkonkluda mas-SEAE u li, minħabba f’hekk, huwa ma setax ikun informat b’eventwali irregolarità tad-deċiżjoni li tistabbilixxi d-drittijiet tiegħu fil-mument tad-dħul tiegħu mas-SEAE.

110    Ir-rikorrent jinvoka wkoll in-natura kumplessa tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

111    Ir-rikorrent jindika, fl-aħħar nett, li l-ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma kienet tippermettilu jivverifika l-eżattezza tal-fattur ta’ multiplikazzjoni li kien ġie applikat fir-rigward tiegħu, b’mod partikolari sa mix-xahar ta’ Frar 2013.

112    Il-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal kienu ssodisfatti f’dan il-każ.

113    Hija żżid li s-sempliċi tqabbil tas-sitwazzjoni amministrattiva tar-rikorrent kif kienet tirriżulta minn applikazzjoni tal-informatika li kienet jippermettilu jikkonsulta l-fajl personali tiegħu u tas-sitwazzjoni amministrattiva tiegħu kif kienet tirriżulta mir-rendikonti tar-remunerazzjoni tiegħu kien jippermetti lir-rikorrent josseva differenza fil-fattur ta’ multiplikazzjoni li ma hijiex spjegata.

114    F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli għall-membri tal-persunal temporanju bis-saħħa tal-Artikolu 45 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg, jirriżulta li, sabiex somma mħallsa mingħajr ġustifikazzjoni tkun tista’ tiġi rkuprata, huwa neċessarju li tinġab il-prova li l-benefiċjarju effettivament kien jaf bin-natura irregolari tal-pagament jew li l-irregolarità tal-ħlas kienet tant evidenti li l-benefiċjarju ma setax ma jkunx jaf biha. Jekk, f’din it-tieni ipoteżi, il-benefiċjarju jikkontesta l-fatt li kien jaf bl-irregolarità tal-ħlas, għandhom jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi li fihom sar il-ħlas, sabiex jiġi stabbilit jekk l-irregolarità tal-ħlas kellhiex tidher b’evidenza (sentenza tal-10 ta’ Frar 1994, White vs Il-Kummissjoni, T‑107/92, EU:T:1994:17, punt 32).

115    L-espressjoni “[tant] evidenti” li tiddeskrivi n-natura tal-irregolarità tal-ħlas fis-sens tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal ma tfissirx li l-benefiċjarju ta’ pagamenti mhux dovuti huwa meħlus minn kull sforz ta’ riflessjoni jew ta’ kontroll, iżda li l-ħlas lura huwa dovut meta jkun hemm żball li uffiċjal normalment diliġenti li huwa mistenni jkun jaf ir-regoli applikabbli għas-salarju tiegħu ma setax ma jindunax bih (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1979, Broe vs Il-Kummissjoni, 252/78, EU:C:1979:186, punt 13, u tal-10 ta’ Frar 1994, White vs Il-Kummissjoni, T‑107/92, EU:T:1994:17, punt 33).

116    L-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwistjoni ma hijiex dwar jekk l-iżball kienx evidenti jew le għall-amministrazzjoni, iżda jekk huwa kienx evidenti għall-persuna kkonċernata. Is-sitwazzjoni li tinsab fiha amministrazzjoni li hija responsabbli għall-ħlas ta’ eluf ta’ salarji u ta’ allowances ta’ kull tip ma tistax titqabbel ma’ dik ta’ uffiċjal li għandu interess personali sabiex jivverifika l-pagamenti li jingħatawlu kull xahar (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1979, Broe vs Il-Kummissjoni, 252/78, EU:C:1979:186, punt 11). Minkejja li huwa ta’ dispjaċir li xi kultant l-amministrazzjoni tieħu żmien twil sabiex tinduna bl-irregolarità ta’ ħlas, jibqa’ l-fatt li l-persuna kkonċernata, mhux talli ma hijiex meħlusa minn kull sforz ta’ riflessjoni jew ta’ kontroll, iżda għandha tiskopri żball li uffiċjal normalment diliġenti ma setax ma jindunax bih (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 1994, White vs Il-Kummissjoni, T‑107/92, EU:T:1994:17, punt 39, u tat-18 ta’ Ġunju 2019, Quadri di Cardano vs Il-Kummissjoni, T‑828/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:422, punt 63).

117    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza joħroġ li, fost l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-qorti tal-Unjoni sabiex tevalwa n-natura evidenti tal-iżball imwettaq mill-amministrazzjoni, minbarra l-livell ta’ responsabbiltà tal-uffiċjal marbut mal-grad tiegħu u mal-anzjanità tiegħu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-livell ta’ ċarezza tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-għoti tar-remunerazzjonijiet dovuti lill-persuna kkonċernata kif ukoll l-importanza tal-modifiki li seħħew fis-sitwazzjoni personali jew tal-familja tiegħu, meta l-ħlas tas-somma kontenzjuża huwa marbut mal-evalwazzjoni, mill-amministrazzjoni, ta’ tali sitwazzjoni (ara s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2019, Quadri di Cardano vs Il-Kummissjoni, T‑828/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:422, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex neċessarju li l-uffiċjal ikkonċernat ikun jista’, fl-eżerċizzju tad-dmir ta’ diliġenza tiegħu, jiddetermina bi preċiżjoni l-portata tal-iżball imwettaq mill-amministrazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li huwa jkollu dubji dwar il-fondatezza tal-ħlasijiet inkwistjoni sabiex ikun obbligat jikkuntattja lill-amministrazzjoni sabiex din twettaq il-verifiki neċessarji (ara s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2019, Quadri di Cardano vs Il-Kummissjoni, T‑828/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:422, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    F’dan il-każ, l-iżball imwettaq mill-PMO jirriżulta mill-applikazzjoni għar-rikorrent ta’ fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 1 minflok ta’ 0.9426565. Dan l-iżball, li twettaq inizjalment fi Frar 2013, kompla sussegwentement, inkluż fil-mument tal-irtirar u tal-istabbiliment tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni.

120    F’dan ir-rigward, kif intqal fil-punt 22 iktar ’il fuq, ir-rikorrent, li sa dak iż-żmien ġie applikat fir-rigward tiegħu fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 0.9426565, kien is-suġġett ta’ applikazzjoni, sa mir-rendikont tar-remunerazzjoni tiegħu ta’ Frar 2013, ta’ fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 1, li kkorrisponda għal żieda fis-salarju tiegħu ta’ EUR 737.75 fix-xahar. Barra minn hekk, korrezzjoni retroattiva tar-remunerazzjoni netta tiegħu ta’ ammont totali ta’ EUR 7 948.81 ġiet applikata għall-perijodu bejn ix-xahar ta’ Ottubru 2011 u x-xahar ta’ Jannar 2013 u tħallset lilu fix-xahar ta’ Frar 2013.

121    Tali modifiki, fid-dawl tal-importanza tagħhom, kellhom neċessarjament jiġbdu l-attenzjoni tar-rikorrent.

122    Minbarra dan, ir-rikorrent ma bbenefikax, fix-xahar ta’ Ottubru 2011, minn promozzjoni li kieku kienet tiġġustifika l-istabbiliment ta’ fattur ġdid ta’ multiplikazzjoni (ara l-punti 12 u 93 iktar ’il fuq). Huwa lanqas ma bbenefika minn avvanz fl-iskala li kieku seta’ jiġġustifika żieda fis-salarju tiegħu.

123    Barra minn hekk, it-trasferiment tar-rikorrent lejn is-SEAE fix-xahar ta’ Ottubru 2011 ma setax jiġġustifika kemm iż-żamma ta’ klassifikazzjoni fil-grad AD 12, skala 8, li r-rikorrent ibbenefika minnha skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll, fl-istess waqt, it-tħassir tal-fattur ta’ multiplikazzjoni li l-applikazzjoni tiegħu tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal (ara l-punti 103 u 105 iktar ’il fuq).

124    Fl-aħħar nett, minkejja li huwa minnu li r-rikorrent ġie maħtur kap tal-KESD fl-2013, f’din l-okkażjoni huwa nżamm fil-grad AD 12, skala 8 (ara l-punt 23 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, din il-ħatra, li seħħet fix-xahar ta’ Lulju 2013, ma setgħetx tiġġustifika l-ħlas, fix-xahar ta’ Frar 2013, ta’ ħlas addizzjonali fis-salarju għall-perijodu bejn ix-xahar ta’ Ottubru 2011 u x-xahar ta’ Jannar 2013.

125    Fid-dawl tal-assenza, fil-karriera tar-rikorrent, ta’ avvenimenti li jistgħu jiġġustifikaw il-modifiki msemmija fil-punt 120 iktar ’il fuq, dawn kellhom iktar u iktar jiġbdu l-attenzjoni tal-imsemmi rikorrent.

126    Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, fi Frar 2013, ir-rikorrent kien ilu fis-servizz għal iktar minn tlettax-il sena u kien ikklassifikat fil-grad AD 12, skala 8, li għalih is-salarju korrispondenti kien ekwivalenti għal dak tal-grad AD 14, l-ewwel skala. Minbarra dan, ir-rikorrent sostna fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li, sussegwentement, inkwantu kap tal-KESD, huwa kien “eżerċita s-setgħat tal-awtorità awtorizzata sabiex tirrappreżenta lill-KESD għall-finijiet ta’ kull att legali li għandu implikazzjonijiet finanzjarji u amministrattivi”. Tali livell ta’ responsabbiltà u n-natura tal-funzjonijiet eżerċitati mir-rikorrent isostnu t-teżi tal-Kummissjoni li tgħid li l-persuna kkonċernata ma setgħetx ma tkunx taf, sa Marzu 2015, bl-eżistenza tal-iżball imwettaq mill-PMO.

127    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tindika, mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt, li s-sempliċi tqabbil tas-sitwazzjoni amministrattiva tar-rikorrent, kif kienet tirriżulta mill-applikazzjoni tal-informatika li kienet tippermettilu jikkonsulta l-fajl personali tiegħu, u ta’ din is-sitwazzjoni amministrattiva, kif kienet tirriżulta mir-rendikonti tar-remunerazzjoni tiegħu, kien jippermetti l-iżvelar ta’ inkoerenza rigward il-fattur ta’ multiplikazzjoni li kien ġie applikat fir-rigward tiegħu (ara l-punt 113 iktar ’il fuq).

128    Minn dak li ntqal jirriżulta li r-rikorrent, ladarba huwa bbenefika, fix-xahar ta’ Frar 2013, minn żieda fis-salarju tiegħu ta’ EUR 737.75 u rċieva, f’dan l-istess xahar, korrezzjoni retroattiva tar-remunerazzjoni netta tiegħu ta’ ammont totali ta’ EUR 7 948.81, kellu mill-inqas ikollu dubji rigward il-kwistjoni dwar jekk huwa kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jibbenefika minn tali żieda mingħajr żvilupp fil-grad tiegħu li jista’ jiġġustifika l-fatt li l-fattur ta’ multiplikazzjoni li kien ġie applikat fir-rigward tiegħu għadda minn 0.9426565 għal 1. Fil-preżenza ta’ tali dubji dwar ir-regolarità tad-deċiżjoni riflessa fir-rendikont tar-remunerazzjoni ta’ Frar 2013, huwa kellu jressaq din il-problema quddiem is-servizzi kompetenti tal-PMO (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1979, Broe vs Il-Kummissjoni, 252/78, EU:C:1979:186, punt 13, u tal-10 ta’ Frar 1994, White vs Il-Kummissjoni, T‑107/92, EU:T:1994:17, punt 42).

129    Mill-annessi tal-proċess ma jirriżultax li r-rikorrent ħa tali passi, la fil-mument li fih ir-rendikont tar-remunerazzjoni ta’ Frar 2013 ġie kkomunikat lilu, u lanqas sussegwentement, b’mod partikolari meta rċieva l-komunikazzjoni tan-nota tas-6 ta’ Marzu 2015 li tistabbilixxi d-drittijiet tiegħu għall-pensjoni, minkejja li n-natura evidenti tal-iżball imwettaq mill-PMO kienet għadha teżisti f’dak il-mument.

130    Għaldaqstant, il-ksur tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal ma huwiex stabbilit.

131    Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed f’dubju mill-fatt li l-PMO wettaq att ta’ negliġenza jew żball meta adotta d-deċiżjoni riflessa fir-rendikont tar-remunerazzjoni ta’ Frar 2013 u mbagħad in-nota tas-6 ta’ Marzu 2015. Tali ċirkustanzi huma, fil-fatt, irrilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, li tippreżupponi preċiżament li l-amministrazzjoni tkun wettqet żball billi għamlet ħlas irregolari (sentenzi tal-24 ta’ Frar 1994, Stahlschmidt vs Il-Parlament, T‑38/93, EU:T:1994:23, punt 23; tat-30 ta’ Novembru 2006, J vs Il-Kummissjoni, T‑379/04, EU:T:2006:368, punt 100, u tas-16 ta’ Mejju 2007, F vs Il-Kummissjoni, T‑324/04, EU:T:2007:140, punt 139).

132    Bl-istess mod, il-konklużjoni msemmija fil-punt 130 iktar ’il fuq ma hijiex ikkontestata permezz tal-argumenti l-oħra tar-rikorrent.

133    L-ewwel nett, l-argument rigward l-impossibbiltà għar-rikorrent li jkun jaf b’eventwali irregolarità, ladarba li la l-kuntratt tiegħu u lanqas d-deċiżjoni li jiġi rreklutat ma kienu jirreferu għall-fattur ta’ multiplikazzjoni, għandu jiġi miċħud fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 120 sa 127 iktar ’il fuq.

134    Barra minn hekk, il-fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 1 kien jidher fuq ir-rendikont tar-remunerazzjoni ta’ Frar 2013. Ir-rikorrent seta’ għaldaqstant ikun jaf bl-eżistenza tiegħu u bil-valur tiegħu.

135    It-tieni nett, l-istabbiliment tal-fattur ta’ multiplikazzjoni li kellu jiġi applikat għar-rikorrent, jiġifieri 0.9426565, kien jirriżulta mill-applikazzjoni kombinata tad-dispożizzjonijiet esposti fil-punti 91 sa 93 iktar ’il fuq għas-sitwazzjoni tar-rikorrent. Għaldaqstant, ir-rikorrent jiżbalja meta jsostni li l-ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma kienet tippermettilu jivverifika l-eżattezza tal-fattur ta’ multiplikazzjoni li kien ġie applikat fir-rigward tiegħu.

136    Minbarra dan, għandu jitfakkar li kull uffiċjal jew membru tal-persunal huwa mistenni jkun jaf ir-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tad-19 ta’ Mejju 1999, Connolly vs Il-Kummissjoni, T‑34/96 u T‑163/96, EU:T:1999:102, punt 168). B’dan il-mod, ir-rikorrent ma jistax jallega li ma kienx jaf bl-eżistenza u bil-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet,u dan, iktar u iktar, fid-dawl tal-livell ta’ responsabbiltà tiegħu u tal-anzjanità tiegħu.

137    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ksur marbut mal-irtirar ta’ atti legali

138    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-irtirar b’mod retroattiv ta’ att amministrattiv legali li jkun ta drittijiet suġġettivi jew vantaġġi simili jmur kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Ruiz Molina vs EUIPO, T‑233/16 P, EU:T:2017:435, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

139    Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-grad tiegħu u l-iskala tiegħu fil-mument tat-trasferiment tiegħu lejn is-SEAE fl-1 ta’ Ottubru 2011 kienet legali u kienet tagħtih drittijiet individwali. Fil-fehma tiegħu, hija ma setgħetx, għaldaqstant, tiġi rtirata.

140    Il-Kummissjoni ssostni li l-PMO ma rtirax att legali.

141    Għandu jiġi osservat li n-noti tat-30 ta’ Novembru 2017 u tal-31 ta’ Jannar 2018 li r-rikorrent jitlob l-annullament tagħhom, bil-kontra ta’ dak li donnu qiegħed isostni l-imsemmi rikorrent, ma mmodifikawx il-grad tiegħu jew l-iskala tiegħu. Hija n-nota tas-6 ta’ Marzu 2015, li r-rikorrent ma jitlobx l-annullament tagħha u li, fuq dan il-punt, ma ġietx immodifikata permezz tan-nota tat-30 ta’ Novembru 2017, li mmodifikat l-iskala tar-rikorrent (ara l-punt 25 iktar ’il fuq).

142    Fi kwalunkwe każ, in-nota tas-6 ta’ Marzu 2015, sa fejn hija ma ġietx immodifikata fuq dan il-punt permezz tan-nota tat-30 ta’ Novembru 2017, saret finali, ladarba, minn naħa, ir-rikorrent innifsu indika li kienet ġiet ikkomunikata lilu f’Marzu 2015 u, min-naħa l-oħra, mill-annessi tal-proċess ma jirriżultax li hija kienet is-suġġett ta’ lment fit-termini previsti mir-Regolamenti tal-Persunal.

143    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ksur tal-prinċipji marbuta mal-irtirar ta’ atti illegali

144    Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji marbuta mal-irtirar ta’ atti illegali. Huwa jispeċifika li istituzzjoni tista’ tirtira att illegali li jagħti drittijiet suġġettivi biss sa fejn l-irtirar isir fi żmien raġonevoli. Huwa jinvoka wkoll, f’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ tliet xhur, li jikkorrispondi għal dak stabbilit għal uffiċjal jew għal membru tal-persunal temporanju sabiex jikkontesta att tal-amministrazzjoni.

145    Ir-rikorrent jinvoka wkoll ir-relazzjoni kuntrattwali li huwa kellu mal-istituzzjoni li kienet timpjegah u l-fatt li l-kundizzjonijiet tal-impjieg li jirriżultaw minn tali relazzjoni ma setgħux jiġu mmodifikati iktar minn tliet xhur wara d-dħul tiegħu fis-servizz u, a fortiori, wara li kien waqaf mill-funzjonijiet tiegħu. Huwa jżid li s-SEAE kien marbut li jiggarantilu d-drittijiet kollha tiegħu, b’mod partikolari d-drittijiet tiegħu għal remunerazzjoni. Huwa jindika wkoll, dejjem fir-rigward tal-modifiki tar-relazzjoni kuntratwali li huwa kellu mal-istituzzjoni li kienet timpjegah, li kien biss mit-23 ta’ Novembru 2017, u mingħajr ma ġiet innotifikata lilu deċiżjoni f’dan is-sens, li huwa ġie informat “li l-pożizzjoni tiegħu kienet ser tkun ta’ kap tas-settur u li, minħabba f’hekk, huwa ma kellux dritt għall-iskala maniġerjali”.

146    Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jindika li d-deċiżjoni li jiġi applikat fattur ġdid ta’ multiplikazzjoni għar-remunerazzjoni rċevuta matul il-perijodu ta’ attività tiegħu qatt ma ġiet innotifikata lilu.

147    Il-Kummissjoni, li fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha sostniet li hija ma kinitx irtirat att illegali, iżda kienet sempliċement ikkoreġiet żball, marret lura fuq din l-affermazzjoni waqt is-seduta.

148    F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, minkejja li għandu jiġi rrikonoxxut li kull istituzzjoni tal-Unjoni li tikkonstata li l-att li hija tkun għadha kemm adottat huwa vvizzjat b’illegalità għandha d-dritt li tirtirah fi żmien raġonevoli b’effett retroattiv, dan id-dritt jista’ jiġi ristrett bin-neċessità li jiġu osservati l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju tal-att li seta’ jibbaża ruħu fuq il-legalità tiegħu (sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 1991, Cargill vs Il-Kummissjoni, C‑248/89, EU:C:1991:264, punt 20, u tas-27 ta’ Ġunju 2017, Ruiz Molina vs EUIPO, T‑233/16 P, EU:T:2017:435, punt 27).

149    Minbarra dan, għandu jitfakkar li istituzzjoni tal-Unjoni għandha d-dritt li tirtira att illegali biss fi żmien raġonevoli (sentenzi tas-17 ta’ April 1997, de Compte vs Il-Parlament, C‑90/95 P, EU:C:1997:198, punt 35, u tas-27 ta’ Ġunju 2017, Ruiz Molina vs EUIPO, T‑233/16 P, EU:T:2017:435, punt 27).

150    L-irtirar ta’ att illegali li jkun ibbenefika lid-destinatarju tiegħu huwa għaldaqstant legalment suġġett għal żewġ kundizzjonijiet, l-ewwel waħda li huwa jirrispetta l-aspettattivi leġittimi tal-persuna kkonċernata, u t-tieni kundizzjoni li huwa jsir fi żmien raġonevoli.

151    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-rispett tal-aspettattivi leġittimi tal-persuna kkonċernata, hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt li jiġi invokat il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi jippreżupponi li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, li jkunu ngħataw garanziji preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli lill-persuna kkonċernata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni. It-tieni nett, dawn il-garanziji għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattiva leġittima fil-persuna li lilha dawn ikunu indirizzati. It-tielet nett, l-assigurazzjonijiet mogħtija għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara s-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2016, Montagut Viladot vs Il-Kummissjoni, T‑696/14 P, EU:T:2016:30, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

152    Għandu jiġi osservat li, minkejja li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jista’ jillimita d-dritt tal-amministrazzjoni li tirtira, b’effett retroattiv, att ivvizzjat b’illegalità fil-każ li d-destinatarju tal-att seta’ jibbaża ruħu fuq l-apparenza ta’ legalità ta’ dan, din il-kundizzjoni ma hijiex meqjusa ssodisfatta meta jkun hemm ċirkustanzi oġġettivi li kellhom iwasslu sabiex il-persuna kkonċernata tinduna bl-iżball inkwistjoni jew, fi kliem ieħor, fil-preżenza ta’ elementi ta’ natura tali li joħolqu dubji dwar il-legalità tal-att. B’dan il-mod, il-persuna kkonċernata ma tistax tibbaża ruħha fuq l-apparenza ta’ legalità tal-att irtirat b’mod partikolari meta l-imsemmi att ikun nieqes minn bażi legali jew ikun ġie adottat bi ksur evidenti tar-regoli ta’ dritt applikabbli (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2010, Bui Van vs Il-Kummissjoni, T‑491/08 P, EU:T:2010:191, punt 44).

153    Il-ġurisprudenza dwar l-irtirar, b’effett retroattiv, ta’ atti illegali li jagħtu drittijiet suġġettivi hija intiża speċifikatament sabiex tirrikonċilja żewġ prinċipji, jiġifieri dak tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u dak ta’ legalità. Skont din il-ġurisprudenza, meta l-illegalità tkun ta’ natura tali li uffiċjal diliġenti ma setax ma jindunax biha, l-aspettattiva ma tistax tiġi kkunsidrata bħala leġittima u, għaldaqstant, il-prinċipju ta’ legalità japplika b’mod sħiħ (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2010, Bui Van vs Il-Kummissjoni, T‑491/08 P, EU:T:2010:191, punt 45).

154    Għandu jiġi osservat li l-ġurisprudenza rigward l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi fil-qasam tal-irtirar, b’mod retroattiv, ta’ atti illegali li jagħtu drittijiet suġġettivi, b’mod partikolari dik imsemmija fil-punt 153 iktar ’il fuq, tirrepeti l-ġurisprudenza applikabbli fil-qasam tal-irkuprar ta’ pagament mhux dovut (ara l-punti 115 sa 118 iktar ’il fuq, b’mod partikolari l-punt 115). Tali konverġenza ma hijiex sorprendenti, peress li l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa huwa nnifsu manifestazzjoni tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (sentenza tat-13 ta’ Marzu 1990, Costacurta vs Il-Kummissjoni, T‑34/89 u T‑67/89, EU:T:1990:20, punt 43).

155    Għaldaqstant, jekk irregolarità tkun tali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, hija ma tistax tkun tali li tnissel aspettattiva leġittima fil-persuna li tibbenefika minnha.

156    Madankollu, kif intqal iktar ’il fuq (ara l-punt 129 iktar ’il fuq), kien mingħajr twettiq ta’ żball li l-PMO seta’ japplika f’dan il-każ id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal kif interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali (ara l-punti 115 sa 118 iktar ’il fuq).

157    Fil-fatt, meta bbenefika, fix-xahar ta’ Frar 2013, minn żieda fis-salarju tiegħu ta’ EUR 737.75 mix-xahar ta’ Ottubru 2011 u rċieva, f’dan l-istess xahar, korrezzjoni retroattiva tar-remunerazzjoni netta tiegħu ta’ ammont totali ta’ EUR 7 948.81, ir-rikorrent kellu, mill-inqas, ikollu dubji rigward il-kwistjoni dwar jekk huwa kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jibbenefika minn tali żieda mingħajr żvilupp fil-grad tiegħu li jista’ jiġġustifika li l-fattur ta’ multiplikazzjoni li ġie applikat fir-rigward tiegħu jgħaddi minn 0.9426565 għal 1 (ara l-punti 119 sa 128 iktar ’il fuq).

158    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi ma hijiex stabbilita.

159    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-osservanza ta’ perijodu ta’ żmien raġonevoli, għandu jitfakkar li n-natura raġonevoli ta’ perijodu għandha tiġi evalwata abbażi taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ (senteza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 187).

160    B’mod partikolari, meta l-irtirar ta’ att illegali jagħti lok għal irkupru ta’ pagament mhux dovut, għandu jiġi stabbilit jekk l-att li ġie rtirat għandux suġġett purament pekunjarju.

161    Fil-fatt, meta l-att inkwistjoni jkollu suġġett purament pekunjarju, l-irtirar tiegħu, li għandu l-istess effett bħall-irkuprar ta’ somom imħallsa indebitament abbażi ta’ dan l-att, jirriżulta mis-sempliċi applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal. F’tali ipoteżi, sabiex tinżamm il-portata utli tad-dispożizzjonijiet tal-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-irtirar tal-att inkwistjoni għandu jsir fit-terminu ta’ ħames snin previst minn dawn id-dispożizzjonijiet.

162    Għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ “deċiżjoni li għandha suġġett purament pekunjarju” diġà ntuża mill-qrati tal-Unjoni sabiex jiġi ddefinit il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tammetti li l-komunikazzjoni tar-rendikont tar-remunerazzjoni jew tal-pensjoni tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal ikkonċernat tibda d-dekorrenza tat-termini għat-tressiq ta’ lment u għall-preżentata ta’ rikors (ara l-punt 61 iktar ’il fuq).

163    F’dan ir-rigward, lista, mhux eżawrjenti, tad-deċiżjonijiet li għandhom suġġett purament pekunjarju – li l-eżistenza u l-portata tagħhom, minħabba preċiżament is-suġġett tagħhom, jistgħu joħorġu b’mod ċar minn rendikont tar-remunerazzjoni jew tal-pensjoni indirizzat individwalment lill-uffiċjal jew lill-membru tal-persunal ikkonċernat – tħejjiet mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2006, Grünheid vs Il-Kummissjoni (F‑101/05, EU:F:2006:58, punti 43 u 44). It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rrefera b’dan il-mod, b’mod partikolari, għall-miżuri rigward l-iffissar ta’ koeffiċjenti ta’ korrezzjoni, l-aġġustament annwali tar-remunerazzjonijiet, ir-rimbors fil-forma ta’ somma f’daqqa tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, ir-rifjut li jingħataw il-benefiċċji tal-espatrijazzjoni jew it-tnaqqis ta’ somom minħabba allowances tal-familja rċevuti minn sorsi oħra.

164    Għandha ssir distinzjoni bejn id-deċiżjonijiet li għandhom suġġett purament pekunjarju u dawk li, minkejja li għandhom effett pekunjarju, għandhom suġġett li jmur lil hinn mill-iffissar tad-drittijiet proprjament pekunjarji tal-persuna kkonċernata. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, ta’ deċiżjoni li tipproċedi għall-klassifikazzjoni definittiva ta’ uffiċjal li jkun għadu kemm ġie rreklutat jew ta’ deċiżjoni ta’ promozzjoni.

165    F’dan il-każ, permezz tan-nota tat-30 ta’ Novembru 2017, il-PMO rtira n-nota tas-6 ta’ Marzu 2015, sa fejn hija kienet tistabbilixxi l-ammont tas-salarju meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-pensjoni tar-rikorrent abbażi ta’ fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 1 (ara l-punt 50 iktar ’il fuq). Dan wasslu sabiex inaqqas, b’mod retroattiv, l-ammont tal-pensjoni tar-rikorrent u sabiex jitlob ir-rimbors tal-pagament eċċessiv li jirriżulta mill-ħlas, bejn ix-xahar ta’ April 2015 u x-xahar ta’ Diċembru 2017, ta’ ammont ogħla ta’ pensjoni.

166    Huwa għaldaqstant att li s-suġġett tiegħu huwa purament pekunjarju u li ġie rtirat permezz tan-nota tat-30 ta’ Novembru 2017.

167    Issa, dan l-irtirar sar fi żmien ta’ madwar sentejn u disa’ xhur, li huwa inqas mit-terminu ta’ ħames snin applikabbli f’dan il-każ (ara l-punt 161 iktar ’il fuq).

168    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-ksur tar-regoli marbuta mal-irtirar ta’ atti illegali ma huwiex stabbilit f’dan il-każ.

169    Il-konklużjoni msemmija fil-punt 168 iktar ’il fuq ma tistax titqiegħed f’dubju permezz tal-argumenti l-oħra tar-rikorrent.

170    L-ewwel nett, l-argumenti msemmija fil-punt 145 iktar ’il fuq jirrigwardaw modifika fl-iskala tar-rikorrent li tirriżulta min-nota tas-6 ta’ Marzu 2015 u mhux mid-deċiżjonijiet ikkontestati.

171    It-tieni nett, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara l-punt 144 iktar ’il fuq) ma jipprojbixxix lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni milli jirtiraw att amministrattiv illegali wara perijodu ta’ tliet xhur. Fil-fatt, kif intqal fil-punt 161 iktar ’il fuq, meta, bħal f’dan il-każ, l-att inkwistjoni jkollu suġġett purament pekunjarju, it-terminu applikabbli huwa dak ta’ ħames snin previst fl-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal.

172    It-tielet nett, l-argument imsemmi fil-punt 145 iktar ’il fuq ma jirrigwardax in-nota tat-30 ta’ Novembru 2017, u lanqas dik tal-31 ta’ Jannar 2018, li ma mmodifikaw la r-remunerazzjoni li r-rikorrent kien irċieva matul il-perijodu ta’ attività tiegħu, la l-grad tiegħu, la l-iskala tiegħu u lanqas l-anzjanità tiegħu fl-iskala, iżda sempliċement applikaw fir-rigward tiegħu fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 0.9426565 minflok ta’ 1, u b’dan il-mod immodifikaw is-salarju meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-pensjoni tiegħu.

173    Fi kwalunkwe każ, mill-annessi tal-proċess ma jirriżultax li r-rikorrent seta’ jibbenefika minn skala supplimentari li tieħu inkunsiderazzjoni l-funzjonijiet maniġerjali li huwa kien qiegħed jokkupa.

174    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motivazzjoni insuffiċjenti

175    Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjonijiet li huwa jikkontesta huma vvizzjati b’assenza ta’ motivazzjoni rilevanti.

176    Huwa jżid li l-Kummissjoni tirreferi, fir-rigward tal-fattur ta’ multiplikazzjoni, għal valuri numeriċi kontradittorji.

177    Il-Kummissjoni ssostni li n-nota tat-30 ta’ Novembru 2017 u dik tal-31 ta’ Jannar 2018 ġew immotivati suffiċjentement.

178    Għandu jitfakkar li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni stabbilit permezz tal-Artikolu 296 TFUE, li huwa ugwalment preżenti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa intiż sabiex jippermetti lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjonijiet li jikkawżaw preġudizzju u sabiex il-persuni kkonċernati jingħataw indikazzjoni suffiċjenti sabiex ikunu jafu jekk dawn id-deċiżjonijiet humiex fondati jew jekk, bil-kontra, humiex ivvizzjati b’difett li jippermetti l-kontestazzjoni tal-legalità tagħhom (sentenzi tas-26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament, 195/80, EU:C:1981:284, punt 22; tal-14 ta’ Ġunju 2018, Spagnolli et vs Il-Kummissjoni, T‑568/16 u T‑599/16, EU:T:2018:347, punt 68, u tal-14 ta’ Diċembru 2018, UC vs Il-Parlament, T‑572/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:975, punt 57).

179    Minbarra dan, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ att għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll fid-dawl tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-materja kkonċernata. Għalhekk, deċiżjoni hija mmotivata suffiċjentement meta tkun ingħatat f’kuntest magħruf mill-uffiċjal ikkonċernat li jippermettilu jifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tiegħu (ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2019, PT vs BEI, T‑573/16, EU:T:2019:481, punt 375 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

180    F’dan il-każ, permezz ta’ nota tat-23 ta’ Novembru 2017, il-PMO indika lir-rikorrent li, wara r-riforma tal-2004, in-numri ta’ skali kien limitat għal ħamsa u li, għal din ir-raġuni, huwa kien ġie kklassifikat, fil-mument tal-irtirar tiegħu, fil-grad AD 12, skala 5, minflok fil-grad AD 12, skala 8 (li kien fih meta kien għadu fis-servizz). Fattur korrettiv ta’ 1.1314352 ġie applikat, madankollu, fir-rigward tiegħu sabiex il-pensjoni tiegħu tkun tista’ tiġi kkalkolata abbażi ta’ salarju ekwivalenti għal dak li huwa kellu meta kien għadu fis-servizz, jiġifieri EUR 13 322.22.

181    Il-PMO fakkar ukoll f’din in-nota li l-fattur ta’ multiplikazzjoni, li abbażi tiegħu kien ġie kkalkolat is-salarju tar-rikorrent fix-xahar ta’ Marzu 2015, qabel l-irtirar tiegħu, kien ġie mmodifikat fix-xahar ta’ Frar 2013, u għadda għalhekk minn 0.9426565 għal 1. Madankollu, skont il-PMO, din il-modifika kienet mingħajr raġuni għaliex ma kinitx marbuta ma’ promozzjoni. Hija kienet għaldaqstant ikkawżat pagament eċċessiv ikkonstatat fix-xahar ta’ Novembru 2015.

182    Dejjem skont il-PMO, fin-nota tat-23 ta’ Novembru 2017, l-iżball marbut mal-fattur ta’ multiplikazzjoni kellu effett fuq l-evalwazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni tar-rikorrent, peress li n-nota tas-6 ta’ Marzu 2015 kienet ġiet ibbażata fuq fattur ta’ multiplikazzjoni żbaljat u għalhekk fuq salarju bażiku żbaljat. Il-PMO kkonkluda fuq dan il-punt billi informa lir-rikorrent li kienet ser tintbagħtlu nota ġdida, rigward il-pensjoni tiegħu, b’ittra separata.

183    Fin-nota tat-30 ta’ Novembru 2017, is-salarju bażiku ġie mmodifikat u ġie stabbilit għal EUR 12 558.28. Il-fattur korrettiv applikat minħabba l-bdil fl-iskala msemmi fil-punt 180 iktar ’il fuq, għalhekk, ġie mmodifikat ukoll u għadda minn 1.1314352 għal 1.066555. Fid-dokument huwa indikat li dan il-bdil jidħol fis-seħħ mill-1 ta’ April 2015.

184    Fir-rendikont tal-pensjoni ta’ Jannar 2018, li fih jidher il-valur korrettiv ġdid, jiġifieri 1.066555, isir riferiment għal somma dovuta lill-Unjoni ta’ EUR 7 389.51, li tikkorrispondi għas-somom dovuti kkonstatati bejn ix-xahar ta’ April 2015 u x-xahar ta’ Diċembru 2017, li jidhru, huma wkoll, f’dan l-istess rendikont.

185    Fl-aħħar nett, kif intqal fil-punt 40 iktar ’il fuq, fl-iskeda li takkumpanja n-nota tal-31 ta’ Jannar 2018, il-PMO ta dettalji tal-ammont totali ta’ kull waħda mit-tliet somom dovuti, u l-ammont għat-tielet somma huwa ta’ EUR7 389.51.

186    Huwa minnu li, fin-nota tat-23 ta’ Novembru 2017, il-preżentazzjoni ta’ rabta bejn, minn naħa, il-fattur ta’ multiplikazzjoni li jippermetti ż-żamma tas-salarji tal-membri tal-persunal li issa huma kkalkolati b’riferiment għat-tabella ġdida ta’ salarji introdotta wara r-riforma tal-2004 (ara l-punt 17 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, il-valur korrettiv applikat sabiex il-pensjoni tar-rikorrent tkun tista’ tiġi kkalkolata fuq salarju ekwivalenti għas-salarju bażiku, jiġifieri dak li huwa kellu (jew li huwa kellu jkollu) meta kien għadu fis-servizz (ara l-punt 25 iktar ’il fuq), kienet imdgħajfa bil-fatt li l-PMO xi kultant kien juża l-istess terminu, “multiplikationsfaktor”, sabiex jindika jew il-fattur ta’ multiplikazzjoni jew il-valur korrettiv.

187    Madankollu, ex membru tal-persunal b’tant esperjenza bħar-rikorrent u raġonvolment informat bħalu, li, minbarra dan, kien is-suġġett ta’ applikazzjoni ta’ fattur ta’ multiplikazzjoni sa mid-dħul fis-seħħ tar-riforma tal-2004, filwaqt li kien is-suġġett ta’ applikazzjoni ta’ valur korrettiv sa mill-irtirar tiegħu, fix-xahar ta’ April 2015, seta’ jagħmel id-distinzjoni bejn dawn iż-żewġ elementi.

188    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-rikorrent seta’ jkun jaf bir-raġunijiet tan-nota tat-30 ta’ Novembru 2017, kif ukoll b’dawk tan-nota tal-31 ta’ Jannar 2018, sa fejn hija kienet tikkonstata l-eżistenza tat-tielet somma dovuta.

189    Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni

190    Ir-rikorrent, wara li fakkar diversi dispożizzjonijiet regolatorji li jikkonċernaw il-KESD, indika li, sal-irtirar tiegħu, huwa assuma responsabbiltajiet amministrattivi importanti u eżerċita funzjonijiet ta’ maniġment tal-persunal. L-informazzjoni li s-SEAE pprovda lill-PMO hija għaldaqstant żbaljata.

191    Il-Kummissjoni tindika li l-PMO ħa inkunsiderazzjoni l-klassifikazzjoni tar-rikorrent hekk kif kienet ġiet stabbilita mill-awtoritajiet kompetenti matul il-karriera tiegħu.

192    Il-fatt, jekk jingħad li huwa stabbilit, li r-rikorrent eżerċita funzjonijiet ta’ livell għoli, b’mod partikolari ta’ maniġment tal-persunal, ma jistax jaffettwa l-legalità tan-nota tat-30 ta’ Novembru 2017 u l-legalità tan-nota tal-31 ta’ Jannar 2018, sa fejn hija ssemmi l-eżistenza tat-tielet somma dovuta, peress li l-korrezzjoni applikata għal-ammont tal-pensjoni tar-rikorrent sa mir-rendikont tal-pensjoni ta’ Jannar 2018 ma hijiex ibbażata fuq it-tip ta’ funzjonijiet eżerċitati minnu iżda fuq il-fatt li huwa ma kien ibbenefika, wara r-riforma tal-2004, minn ebda promozzjoni li tkun tista’ tiġġustifika li l-fattur ta’ multiplikazzjoni applikat fir-rigward tiegħu ġie mmodifikat b’mod retroattiv fix-xahar ta’ Frar 2013 u kompla jiġi applikat fir-rigward tiegħu sussegwentement (ara l-punti 181 sa 183 iktar ’il fuq).

193    Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni għandu jiġi miċħud.

194    Fir-rigward, barra minn hekk, tal-argument li jgħid li l-Kummissjoni “għadha f’nuqqas li tipprovdi d-deċiżjonijiet li b’eżekuzzjoni tagħhom ġew stabbiliti r-rendikonti tal-pensjoni [tar-rikorrent] sa mill-1 ta’ April 2015”, dan huwa irrilevanti għal-legalità tan-nota tat-30 ta’ Novembru 2017 u għal-legalità tan-nota tal-31 ta’ Jannar 2018 li ġew ikkomunikati lir-rikorrent. Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud.

195    Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

196    Skont l-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tikkundanna lil parti, anki jekk rebbieħa, sabiex tbati l-ispejjeż, parzjalment jew kollha kemm huma, jekk dan jidher li jkun iġġustifikat minħabba l-aġir tagħha, inkluż qabel ma tkun tressqet il-kawża.

197    F’dan il-każ, kif ġie osservat fil-punt 63 iktar ’il fuq, huwa ta’ dispjaċir li l-PMO ma akkumpanjax ir-rendikont tal-pensjoni ta’ Novembru 2015 bi spjegazzjonijiet rigward ir-raġunijiet għad-deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza tal-ewwel somma dovuta. Barra minn hekk, il-PMO, wara li identifika l-iżball marbut mal-fattur ta’ multiplikazzjoni applikat fir-rigward tar-rikorrent, ħa sentejn sabiex jiddeduċi l-konsegwenzi kollha ta’ dan l-iżball. Minbarra dan, huwa biss permezz tan-nota tal-31 ta’ Jannar 2018 li r-rikorrent seta’ jkollu fid-dispożizzjoni tiegħu skeda kompleta tar-rimborsi kollha passati u futuri marbuta ma’ kull waħda mis-somom dovuti. Fl-aħħar nett, fiċ-ċaħda tal-ilment, bid-data tas-27 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni sempliċement invokat, parzjalment b’mod żbaljat, l-inammissibbiltà ta’ dan l-ilment mingħajr ma rrispondiet fuq il-mertu tal-argumenti tar-rikorrent li kienu, madankollu, sostanzjali.

198    Fid-dawl tal-fatti kollha esposti fil-punt 197 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, nofs l-ispejjeż tar-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, nofs l-ispejjeż ta’ ZF.

Gervasoni

Madise

da Silva Passos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Frar 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.