Language of document : ECLI:EU:C:2007:775

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

11 ta’ Diċembru 2007 (*)

“Kompetizzjoni – Impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ suċċessjoni ta’ impriżi– Prinċipju ta’ responsabbiltà personali– Entitajiet suġġetti għall-istess awtorità pubblika – Dritt nazzjonali li jikkwalifika bħala sors ta’ interpretazzjoni d-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni – Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-kawża C‑280/06

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Ġunju 2006, fil-proċeduri

Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato

vs

Ente Tabacchi Italiani – ETI SpA,

Philip Morris Products SA,

Philip Morris Holland BV,

Philip Morris GmbH,

Philip Morris Products Inc.,

Philip Morris International Management SA,

u

Philip Morris Products SA,

Philip Morris Holland BV,

Philip Morris GmbH,

Philip Morris Products Inc.,

Philip Morris International Management SA,

vs

Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato,

Ente Tabacchi Italiani – ETI SpA,

u

Philip Morris Products SA,

Philip Morris Holland BV,

Philip Morris GmbH,

Philip Morris Products Inc.,

Philip Morris International Management SA,

vs

Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato,

Amministrazione autonoma dei monopoli di Stato,

Ente Tabacchi Italiani – ETI SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, G. Arestis u U. Lõhmus, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, M. Ilešič (Relatur), J. Klučka, E. Levits u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Mejju 2007,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Ente Tabacchi Italiani – ETI SpA, minn S. D’Alberti, A. Clarizia u L. D’Amario, avvocati,

–        għal Philip Morris Products SA, Philip Morris Holland BV, Philip Morris GmbH, Philip Morris Products Inc. u Philip Morris International Management SA, minn L. Di Via, C. Tesauro u P. Leone, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia u F. Arena, bħala aġenti, assistiti minn D. Del Gaizo, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Castillo de la Torre u V. Di Bucci, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat- 3 ta’ Lulju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 81 et seq KE kif ukoll tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, iktar ’il quddiem l-“Awtorità”), Ente Tabacchi Italiani – ETI SpA, Philip Morris Products SA, Philip Morris Holland BV, Philip Morris GmbH, Philip Morris Products Inc. u Philip Morris International Management SA (iktar ’il quddiem, dawn l-aħħar ħames kumpanniji flimkien, il-“kumpanniji tal-grupp Philip Morris”) kif ukoll l-Amministrazione autonoma dei monopoli di Stato (korp awtonomu li jamministra l-monopolji ta’ l-Istat, iktar ’il quddiem l-“AAMS”), dwar akkordju dwar il-prezz tal-bejgħ ta’ sigaretti.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Fid-dritt Taljan, il-Liġi Nru 287 dwar l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tas-suq (norme per la tutela della concorrenza e del mercato), ta’ l-10 ta’ Ottubru 1990 (GURI Nru 240, tat-13 ta’ Ottubru 1990, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 287/90”), tinkludi, b’mod partikolari, fit-Titolu I tagħha, id-dispożizzjonijiet segwenti:

“Artikolu 1

[…]

1.       Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, adottati b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 41 tal-Kostituzzjoni bl-iskop li jiġi protett u ggarantit id-dritt għall-inizjattiva ekonomika, japplikaw għal akkordji, abbużi ta’ pożizzjoni dominanti u konċentrazzjonijjiet ta’ impriżi li ma jaqgħux fi ħdan il-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 65 u/jew l-Artikolu 66 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Kommunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, ta’ l-Artikolu 85 u/jew Artikolu 86 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE), tar-Regolamenti tal-KEE, u ta’ atti tal-Komunità li għandhom l-istess effett fid-dritt

[…]

4.       Id-dispożizzjonijiet f’dan it-Titolu għandhom jiġu interpretati fuq il-bażi tal- prinċipji tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni.

Artikolu 2

[…]

1.       Il-ftehim u/jew il-prattiċi miftiehma bejn impriżi, kif ukoll id-deċiżjonijiet ta’ konsorzji, assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u ta’ korpi oħra simili, anke jekk adottati abbażi ta’ dispożizzjonijiet statutorji jew regolamentari huma kkunsidrati bħala akkordji.

2.       Dawn li ġejjin għandhom ikunu projbiti, jiġifieri l-akkordji bejn impriżi li għandhom bħala l-għan jew l-effett tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq nazzjonali jew f’parti sinjifikanti minn dak is-suq fuq bażi permanenti u b’mod partikolari dawk li jinvolvu:

a)       l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kundizzjonijiet oħra tan-negozju;;

b)       il-limitazzjoni jew kontroll tal-produzzjoni, il-fatturat, l-aċċess għas-suq, l-investiment, l-iżvilupp tekniku jew il-progress teknoloġiku;

c)      it-tqassim tas-swieq jew it-tqassim ta’ fonti ta’ provvista;

d)       l-applikazzjoni, fir-rapporti kummerċjali ma’ partijiet oħra, ta’ kundizzjonijiet oġġettivament differenti għal transazzjonijiet ekwivalenti, li b’hekk jiġu mqiegħda b’mod inġustifikat fi żvantaġġ kompetittiv;

e)       is-suġġettar tal-konklużjoni ta’ kuntratti għall-aċċettazzjoni mill-parti l-oħra, ta’ obbligi addizzjonali li, jew min-natura tagħhom jew skond l-użu kummerċjali, ma jkollhom l-ebda konnessjoni mas-suġġett ta’ dawn il-kuntratti;.

3.       L-akkordji pprojbiti huma nulli għall-għanijiet kollha”.

4        It-Titolu II ta’ din il-liġi jittratta ma’ l-Awtorità, stabbilita fl-Artikolu 10(1). L-Artikolu 15(1) ta’ din il-liġi, li jinstab taħt dan it-Titolu, jipprovdi:

“Jekk […] l-Awtorità tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur ta’ l-Artikoli 2 jew 3, din għandha tistabbilixxi terminu għall-impriżi u l-entitajiet ikkonċernati sabiex iwaqqfu dawn il-ksur. F’każ ta’ ksur serju, tenut kont tal-gravità u d-dewmien tiegħu, din tista’ timponi wkoll sanzjoni pekunjarja amministrattiva li tista’ tlaħħaq sa 10% tal-fatturat magħmul minn kull impriża jew entità matul l-aħħar sena ta’ kontabbiltà ta’ qabel id-data ta’ notifika ta’ l-intimazzjoni, u għandha tiffissa t-termini ta’ żmien li matulhom l-impriża għandha tħallas is-sanzjoni”

5        L-Artikolu 31, li jinstab taħt it-Titolu VI tal-Liġi Nru 287/90, jipprovdi:

“Is-sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi għall-ksur ta’ din il-liġi huma suġġetti, safejn huma applikabbli, għad-dispożizzjonijiet li jissemmew fil-Kapitolu I, taqsimiet I u II, tal-Liġi Nru 689 ta’ l-24 ta’ Novembru 1981”

6        Fit-8 ta’ Diċembru 1927 ġie ppromulgat id-Digriet-Leġiżlattiv Rjali Nru 2258 li jistabbilixxi l-AAMS (istitutivo dell’Amministrazione autonoma dei monopoli di Stato, GURI Nru 288, ta’ l-14 ta’ Diċembru 1927). Dan il-korp ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-Istat, li kien suġġett għall-Ministeru ta’ l-Ekonomika u tal-Finanzi, kien ġie fdat, sax-xahar taۥ Frar 1999, l-amministrazzjoni tal-monopolju tat-tabakk. Ulterjurment, l-AAMS kompliet teżerċita funzjonijiet pubbliċi fis-settur tat-tabakk. Hija twettaq barra minn hekk attività kummerċjali fis-settur tal-logħob, b’mod partikolari tal-lotteriji. L-AAMS hija awtonoma, kemm fuq il-livell amministrattiv kif ukoll mil-lat finanzjarju u tal-kontabbiltà, iżda m’għandhiex personalità ġuridika tagħha.

7        Mill-1 ta’ Marzu 1999, l-attivitajiet kollha ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ fis-settur tat-tabakk fdati sa dak iż-żmien lill-AAMS kienu ġew trasferiti lil entità pubblika oħra maħluqa mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 283 li jistabbilixxi l-Uffiċċju tat-Tabakki Taljani (istituzione dell’Ente Tabacchi Italiani), tad-9 ta’ Lulju 1998 (GURI Nru 190, tas-17 ta’ Awwissu 1998, p. 3, iktar ’il quddiem id-“Digriet-Leġiżlattiv Nru 283/98”). Din l-entità rċeviet l-assi u l-passiv ta’ l-AAMS relatati ma’ l-oqsma ta’ attività li kienu ġew fdati lilha. B’deċiżjoni tal-bord amministrattiv tagħha tat-23 ta’ Ġunju 2000, din ġiet trasformata f’kumpannija pubblika b’responabbiltà limitata, u saret Ente Tabacchi Italiani – ETI SpA (iktar ’il quddiem “ETI”). Il-kapital ta’ din il-kumpannija kien inizjalment miżmum kompletament mill-Ministru ta’ l-Ekonomija u tal-Finanzi. Wara sejħa għal offerti magħmula minn dan il-Minsitru fl-2003, ETI ġiet ipprivatizzata u waqat taħt il-kontroll esklużiv ta’ British American Tobacco plc (iktar ’il quddiem “BAT”), kumpannija possedenti stabbilita taħt id-dritt Ingliż tal-grupp BAT-British American Tobacco.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

8        Wara investigazzjoni li nbdiet matul ix-xahar ta’ Ġunju 2001, l-Awtorità, permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2003, ikkonstatat li l-kumpanniji tal-grupp Philip Morris kienu, ikkonkludew u implementaw flimkien ma’ l-AAMS, imbgħad ma’ l-Ente Tabacchi Italiani u, fl-aħħar nett ma’ ETI, akkordju li għandu bħala għan u effett distorzjoni tal-kompetizzjoni fuq il-prezz tal-bejgħ ta’ sigaretti fis-suq nazzjonali mill-1993 sa l-2001, bi ksur ta’ l-Artikolu 2(2)(a) u (b) tal-Liġi Nru 287/90. Hija imponiet sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi li l-ammont tagħhom ammonta għal total ta’ EUR 50 miljun f’dak li jikkonċerna l-kumpanniji tal-grupp Philip Morris u ta’ EUR 20 miljun f’dak li jikkonċerna lil ETI.

9        Fid-deċiżjoni tagħha, l-Awtorità attribwixxiet lil ETI l-komportament adottat mill-AAMS qabel l-1 ta’ Marzu 1999, minħabba li din ta’ l-aħħar, ladarba li l-Ente Tabacchi Italiani, li saret ETI, kienet operattiva, waqfet teżerċita l-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ fis-settur tat-tabakk. F’dawn il-kundizzjonijeit, anki jekk l-AAMS ma waqfitx teżisti, ETI kienet, b’applikazzjoni tal-kriterju tal-kontinwità ekonomika, is-suċċessur ta’ l-AAMS.

10      Din id-deċiżjoni kienet ġiet ikkontestata mill-impriżi kkonċernati kollha quddiem it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio). Din ċaħdet ir-rikors tal-kumpanniji tal-grupp Philip Morris u laqgħat parzjalment ir-rikors ta’ ETI, billi annullat l-imsemmija deċiżjoni safejn din attribwixxiet lil ETI r-responsabbiltà tal-fatti mwettqa mill-AAMS. L-imsemmija qorti bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq il-kriterju ta’ responsabbiltà professjonali.

11      Permezz ta’ l-ewwel deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2005, il-Consiglio di Stato (Kunsill ta’ l-Istat) li quddiemu tresqu l-appelli mid-deċiżjonijiet tat-Tribunale amministrativo regionale del Lazio, ċaħad ir-rikorsi ta’ ETI u tal-kumpanniji tal-grupp Philip Morris safejn dawn kienu jikkontestaw l-eżistenza tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. F’dak li jikkonċerna l-kwistjoni ta’ l-imputazzjoni tal-komportament ta’ l-AMMS lil ETI, il-Consiglio di Stato josserva, fid-deċiżjoni tar-rinviju, li t-trasferiment ta’ attivitajiet ta’ l-AAMS lill-Ente Tabacchi Italiani mmarka diskontinwita netta fir-rigward tal-mudell preċedenti ta’ organizzazzjoni u ta’ amministrazzjoni. Dan il-mudell, qabel ma l-attivitajiet kkonċernati ma kienu ttrasferiti lill-Ente Tabacchi Italiani, li saret ETI, kien ikkaraterizzat mill-għoti lill-AAMS, bħala amministrazzjoni awtonoma ta’ l-Istat, ta’ numru ta’ kompiti ekonomiċi u ta’ funzjonijiet amministrattivi ta’ natura pubblika tali li joħolqu dependenza fir-rigward tas-setgħa politika. Din il-konnessjoni ma tinstabx fl-entità l-ġdida, li l-attivitajiet tagħha huma esklużivament kummerċjali. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-AAMS, anki jekk din ma twettaqx iktar attivitatjiet kummerċjali fis-settur tat-tabakk, tkompli teżerċita attività ekonomika suġġetta għad-dritt tal-kompetizzjoni. Skond il-Consiglio di Stato, dawn il-partikolaritajiet jargumentaw kontra l-applikazzjoni tal-kriterju tal-kontinwità ekonomika.

12      Il-Consiglio di Stato xorta waħda ddeċieda li kien opportun jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kriterji li għandhom jiġu applikati fil-kuntest tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, li għalih jirreferi l-Artikolu 1(4) tal-Liġi 287/90. Għalhekk huwa ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)       X’inhu, skond l-Artikolu 81 [KE] et seq. u l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, il-kriterju li għandu jiġi applikat biex tiġi stabbilita l-impriża li għandha tiġi ssanzjonata għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni meta, fil-kuntest ta’ komportament globalment issanzjonata l-aħħar parti ta’ dan il-komportament ġiet imwettqa minn impriża li ssuċċediet fil-qasam ekonomiku kkonċernat lill-impriża oriġinali u meta [din ta’ l-aħħar], għalkemm ma waqfitx milli teżisti, ma toperax iktar, għall-inqas fis-settur ekonomiku kkonċernat mis-sanzjoni, bħala impriża kummerċjali?

2)       Fid-determinazzjoni tal-persuna li għandha tiġi ssanzjonata, hija l-awtorità nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tar-regoli antitrust, li għandha tevalwa b’mod diskrezzjonali jekk jeżistux ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-imputazzjoni, lis-suċċessur ekonomiku, tar-responsabbiltà għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettqa mill-persuna ġuridika li hija ssuċċediet, anki meta din ta’ l-aħħar ma waqfitx milli teżisti fid-data tad-deċiżjoni, biex b’hekk l-effettività tar-regoli tal-kompetizzjoni ma tkunx kompromessa mit-tibdil magħmul lill-forma ġuridika ta’ l-impriżi?”

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

13      Peress illi l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej espremiet xi dubji dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, qabel kollox għandha tiġi eżaminata din il-ġurisdizzjoni.

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

14      Il-Kummissjoni tesponi li l-kawżi prinċipali jitrattaw il-validità ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 2003, p. 1), applikat esklużivament id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu l-akkordji, u mhux l-Artikolu 81 KE.

15      Hija tqis li l-Artikolu 1 (4) tal-Liġi Nru 287/90, li skondu d-dispożizzjonjijiet tat-Titolu I ta’ din il-liġi huma interpretati fuq il-bażi tal-prinċipji tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, il-kawżi prinċipali, jittrattaw id-determinazzjoni ta’ liema huma “l-impriżi u l-entitajiet ikkonċernati” skond l-Artikolu 15 ta’ din il-Liġi kif ukoll is-sistema ta’ sanzjonijiet amministrattivi prevista fl-Artikolu 31 ta’ l-imsemmija liġi, Artikoli li jiffurmaw parti, rispettivament, mit-Titoli II u VI ta’ din. L-imsemmi Artikolu 1(4) jista’ jidħol in kunsiderazzjoni fil-każ ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ impriża, li huwa komuni għall-Artikoli 81 KE u 2 tal-Liġi Nru 287/90, iżda mhux biex jiġi ddeterminat liema huma l-impriżi li għandhom jiġu ssanzjonati.

16      Il-Kummissjoni żżid li, anki jekk ġie ammess li r-referenza, mil-Liġi Nru 287/90, għall-prinċipji tad-dritt Komunitarju tapplika fil-kawżi prinċipali, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja twassal xorta waħda għall-konklużjoni ta’ l-inammissibbiltà tad-domandi preliminari. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tiċċita s-sentenza tat-28 ta’ Marzu 1995, Kleinwort Benson (C‑346/93, Ġabra p. I‑615), u tenfasizza li l-imsemmija liġi ma tippreċiżax li l-qrati nazzjonali huma obbligati japplikaw, b’mod assolut u inkundizzjonali, l-interpretazzjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja

17      Dwar dan l-aħħar punt, il-Kummissjoni tirrimarka li t-Tribunale amministrativo regionale del Lazio bbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq id-dispożizzjonijiet Taljana dwar sanzjonijiet amministrattivi, li għalihom jirreferi l-Artikolu 31 tal-Liġi Nru 287/90. Bl-istess mod, il-Consiglio di Stato bbaża ruħu fuq argumenti li l-Awtorità ħadet mid-dritt Taljan dwar ir-responsabbiltà. Dan juri li, għall-imħallfin u l-ġuristi Taljani, id-dritt Komunitarju jikkostitwixxi biss element fost oħrajn għall-finijiet ta’ l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijet nazzjonali applikabbli.

18      ETI u l-kumpanniji tal-grupp Philip Morris iqisu, għall-kuntrarju, li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tisma’ r-rinviju preliminari. Mingħajr ma jieħu pożizzjoni fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Taljan jenfasizza li risposta ta’ din ta’ l-aħħar tkun utli għall-Consiglio di Stato, fid-dawl tar-referenza għad-dritt Komunitarju fl-Artikolu 4(1) tal-Liġi Nru 287/90.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

19      L-Artikolu 234 KE jikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu utli għalihom sabiex jevalwaw l-effetti ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali in kwistjoni fil-kawża li huma msejħa jiddeċiedu (sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2003, Salzmann, C‑300/01, Gabra. p. I‑4899, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll ta’ l-4 ta’ Diċembru 2003, EVN u Wienstrom, C‑448/01, Ġabra p. I‑14527, punt 77).

20      Meta t-talba għal deċiżjoni preliminari titratta l-interpretazzojni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustaizzja hija, bħala prinċipju, obbligata tiddeċiedi (sentenzi Salzmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29, u tat-18 ta’ Lulju 2007, Luċċhini, C-119/05, Ġabra p. I-6199, punt 43).

21      Quddiem domandi ta’ dan it-tip li fihom ir-regoli Komunitarji li l-interpretazzjoni tagħhom kienet mitluba kienu applikabbli biss bis-saħħa ta’ referenza magħmula mid-dritt nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tikkonforma ruħha, fir-rigward tas-soluzzjonijiet li hija tadotta fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet purament interni, ma’ dawk adottati fid-dritt Komunitarju, jeżisti interess Komunitarju ċert li, sabiex tiġi evitata l-possibbiltà ta’ differenzi f’interpretazzjonijiet futuri, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti ripetuti mid-dritt Komunitarju jingħataw interpretazzjoni uniformi, indipendentement miċ-ċirkustanzi li fihom jintalab li jiġu applikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi, C-297/88 u C-197/89, Ġabra p. I-3763, punt 37; tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur‑Bloem, C-28/95, Ġabra p. 4161, punt 32; tal-11 ta’ Jannar 2001, Kofisa Italia, C-1/99, Ġabra p. I-207, punt 32; tad-29 ta’ April 2004, British American Tobacco, C-222/01, Ġabra p. I-4683, punt 40, u tas-16 ta’ Marzu 2006, Poseidon Chartering, C-3/04, Ġabra p. I-2505, punt 16).

22      Fil-fatt, la mill-kliem ta’ l-Artikolu 234 KE u lanqas mis-suġġett tal-proċedura stabbilita minn dan l-artikolu ma jirriżulta li l-awturi tat-Trattat KE kellhom l-intenzjoni li jeskludu mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja r-rinviji għal deċiżjonijiet preliminari bbażati fuq dispożizzjoni Komunitarja fil-każ partikolari fejn id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru jirreferi għall-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni sabiex jiddetermina r-regoli applikabbli f’sitwazzjoni purament interna għal dan l-Istat (sentenzi Dzodzi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36; Leur-Bloem, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25, u ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C‑217/05, Ġabra p. I‑11987, punt 19).

23      F’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tat-Titolu I tal-Liġi Nru 287/90 jikkonformaw ruħhom, għas-soluzzjonijiet li hija tipprovdi għal sitwazzjonijiet purament interni, ma’ dawk meqjusa fid-dritt Komunitarju

24      Fil-fatt, l-Artikolu 1(4) ta’ din il-Liġi jipprovdi li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu I tagħha għandha ssir fuq il-bażi tal-prinċipji tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. L-Artikoli 2 u 3 ta’ l-imsemmija liġi, li jiffurmaw parti mill-istess Titolu, jirriproduċu mutatis mutandis il-kliem ta’ l-Artikolu 81 KE u 82 KE.

25      Barra minn hekk, la l-kliem ta’ l-Artikolu 1(4) tal-Liġi Nru 287/90, la d-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas id-dokumenti l-oħra ta’ l-inkartament ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jagħtu x’wieħed jifhem li r-referenza għad-dritt Komunitarju li din id-dispożizzjoni tagħmel hija suġġetta għal xi kundizzjoni.

26      Għaldaqstant, skond il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, jeżisti interess Komunitarju ċert f’li jiġi żgurat li r-regoli tad-dritt Komunitarju jistgħu, meta jkun hemm dubji fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tar-referenza magħmula mid-dritt nazzjonali, jingħataw interpretazzjoni uniformi permezz ta’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fuq talba għal deċiżjoni preliminari.

27      Fir-rigward ta’ l-argument tal-Kummissjoni li l-kawżi prinċipali jaqgħu esklużivament taħt it-Titoli II u VI tal-Liġi Nru 287.90, b’tali mod li l-Artikolu 1(4) ta’ din il-liġi, li jifforma parti mit-Titolu I tagħha, mhuwiex rilevanti, għandu jiġi kkonstatat li din l-evalwazzjoni mhijiex kondiviża mill-Consiglio di Stato, li speċicikament immotiva r-rinviju preliminari billi rrefera għall-imsemmi Artikolu 1(4). F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza tal-kuntest regolamentari li l-qorti nazzjonali tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Salzmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31; ta’ l-1 ta’ Diċembru 2005, Burtshcer, C-213/04, Ġabra p. I-10309, punt 35, kif ukoll tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I‑4233, punt 22)

28      Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-argumenti tal-Kummisssjoni li d-dritt Komunitarju huwa biss element fost oħrajn għall-finijiet ta’ l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu I tal-Liġi Nru 287/90 u li l-qrati Taljani mhumiex obbligati japplikaw, b’mod assolut u inkondizzjonali, l-interpretazzjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Awtorità u t-Tribunale amministrativo regionale del Lazio bbażaw id-deċiżjoni u s-sentenza tagħhom fuq ir-regoli u l-ġurisprudenza Komunitarji, u li l-Consiglio di Stato mmotiva r-rinviju preliminari tiegħu fuq il-kunsiderazzjoni li dan huwa neċessarju għall-finijiet li jiġi magħruf il-kriterju li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni skond il-prinċipji tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni li għalihom jirreferi l-Artikolu 1(4) tal-Liġi Nru 287/90.

29      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tisma’ t-talba għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq id-domandi preliminari

30      Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, liema huma, bis-saħħa ta’ l-Artikoli 81 KE et seq kif ukoll, skond il-każ, ta’ kull regola oħra rilevanti tad-dritt Komunitarju, il-kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex tiġi determinata l-impriża li għandha tiġi ssanzjonata għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-każ ta’ suċċessjoni ta’ impriżi, b’mod partikolari meta l-parti finali ta’ tali ksur saret mis-suċċessur ekonomiku ta’ l-entità li bdiet dan il-ksur u din l-aħħar entità, għalkemm m’għadhiex topera fis-settur ekonomiku kkonċernat mis-sanzjoni ma waqfitx teżisti.

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

31      Skond ETI, il-kriterju rilevanti huwa dak tar-responsabbiltà personali. Huwa possibbli li ssir deroga minn dan il-kriterju biss f’każijiet eċċezzjonali, sabiex tiġi mħarsa l-effettività tar-regoli tal-kompetizzjoni. F’tali każijiet, ir-responsabbiltà tal-ksur tista’ tkun attribwita lil persuna għajr dik li kkontrollat l-impriża fil-mument tal-ksur, anki meta din ta’ l-aħħar ma waqfitx teżisti.

32      Madankollu, tali ċirkustanzi eċċezzjonali ma jeżistux meta, bħal fil-każijiet prinċipali, huwa possibbli li r-responsabbiltà tal-ksur tiġi attribwita lill-persuna li operat l-impriża fil-mument li dan twettaq.

33      Il-kumpanniji tal-grupp Philip Morris iqisu li l-kriterju tar-responsabbiltà personali japplika fil-każijiet kollha fejn il-persuna li materjalment wettqet l-att tal-ksur għadha teżisti, teżerċita attivitajiet kummerċjali u hija f’miżura li tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni ta’ l-awtorità tal-kompetizzjoni li timponi s-sanzjoni

34      Dawn il-kumpanniji jesponu li, barra fil-każ ta’ l-għejbien ta’ l-entità ġuridika u ta’ l-impossibbiltà li jirriżulta minn dan li din tkun suġġetta għal sanzjonijiet, is-sistema ġuridika Komunitarja ma tippermettix deroga mill-kriterju tar-responsabbiltà personali. L-użu tal-kriterju tal-kontinwità ekonomika huwa ġġustifikat biss meta dan huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni

35      Skond il-Gvern Taljan, il-kriterju tal-kontinwità ekonomika jimplika r-responsabbiltà tal-persuna li kompliet u wasslet sa l-aħħar il-komportament kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni mibdi minn persuna oħra kull darba li l-impriża kkonċernata mill-ksur u ttrasferita minn persuna għal oħra hija identika mil-lati ekonomiku, strutturali u funzjonali. F’dan ir-rigward, huwa rrilevanti jekk il-persuna li ċediet din l-impriża għadhiex teżisti formalment u teżerċita attivitajiet jew le.

36      F’dan il-każ, jirriżulta mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 283/98 li hemm effettivament identiċità bejn l-impriża amministrata mill-AAMS u dik amministrata mill-Ente Tabacchi Italiani, li saret ETI. L-AAMS u ETI huma barra minn hekk maqgħuda minn rabtiet strutturali, li jikkonsistu fil-fatt li huma t-tnejn emanazzjonijiet tal-Ministeru ta’ l-Ekonomika u tal-Finanzi.

37      Skond il-Kummissjoni, meta l-ksur ġie mwettaq minn impriża amministrata minn korp ta’ Stat Membru li għandu setgħa deċiżjonali tiegħu u l-attività ekonomika kkonċernata kienet ċeduta lil entità ġuridika oħra, is-sanzjonijiet relatati ma’ dan il-komportament għandhom ikunu imposti fuq il-korp ta’ Stat jekk dan, wara ċ-ċessjoni, ikompli jeżerċità attività kummerċjali, anki f’setturi oħra għajr dawk ikkonċernat mill-imsemmi komportament. Min-naħa l-oħra, is-sanzjonijiet għandhom ikunu imposti fuq l-entità ġuridika li akkwista l-attività ekonomika in kwistjoni jekk, wara ċ-ċessjoni, l-imsemmi korp ta’ Stat jieqaf jeżerċita attivitajiet kummerċjali.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

38      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni jkopri l-attivitajiet ta’ impriżi (sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 59) u li l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 112; ta’ l-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et C-222/04, Ġabra p. I-289, punt 107, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2006, FENIN vs Il-Kummissjoni, C-205/03 P, Ġabra p. I-6295, punt 25).

39      Skond il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, meta tali entità tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha twieġeb għal dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 145, u tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni, C-279/98 P, Ġabra p. I-9693, punt 78)

40      F’dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar f’liema ċirkustanzi entità li mhijiex l-awtur tal-ksur tista’ xorta waħda tiġi ssanzjonata għalih, hemm lok li jiġi qabel kollox ikkonstatat li tali ipoteżi tqum f’sitwazzjoni fejn l-entità li wettqet il-ksur waqfet milli teżisti ġuridikament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 145) jew ekonomikament. F’dan l-aħħar rigward, hemm lok li jiġi kkunsidrat li sanzjoni imposta fuq impriża li tkompli teżisti ġuridikament, iżda ma teżerċitax iktar attivitajiet ekonomiċi, tirriskja li ma jkollhiex effett deterrenti

41      Wara, għandu jiġi rrilevat li, jekk ebda possibbiltà oħra ta’ impożizzjoni ta’ sanzjoni fuq entità oħra għajr fuq dik li wettqet il-ksur mhija prevista, impriżi jistgħu jaħarbu sanzjonijiet bis-sempliċi fatt li l-identità tagħhom kienet modifikata wara ristrutturazzjonijiet, ċessjonijiet jew tibdil ġuridiku jew organizzattiv ieħor. L-għan li jiġu soppressi l-komportamenti kuntrarji għar-regoli tal-kompetizzjoni u li jiġi evitat li dawn jerġgħu jseħħu permezz ta’ sanzjonijiet deterrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 173; tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il-Kummissjoni, C‑289/04 P, Ġabra p. I‑5859, punt 61, kif ukoll tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra p. I‑4405, punt 22) ikun għaldaqstant kompromess.

42      Għaldaqstant, hekk kif il-Qorti tal-Ġusitzzja diġà kkonstatat, meta entità li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tkun is-suġġett ta’ tibdil ġurdiku jew organizzattiv, dan it-tibdil m’għandux neċessarjament bħala effett li joħloq impriża ġdida ħielsa mir-responsabbiltà għall-komportamenti kuntrarji għar-regoli tal-kompetizzjoni ta’ l-entità preċedenti jekk, mil-lat ekonomika, hemm identiċità bejn iż-żewġ entitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 9, kif ukoll Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

43      Skond din il-ġurisprudenza, il-forom ġuridiċi rispettivi ta’ l-entità li wettqet ksur u tas-suċċessur tagħha huma irrilevanti. L-impożizzjoni tas-sanzjoni għall-ksur fuq dan is-suċċessur ma tistax, għaldaqstant, tiġi eskluża sempliċement minħabba l-fatt li, bħal fil-kawżi prinċipali, dan għandu status ġuridiku differenti u jopera b’mod differenti mill-entità li lilha huwa ssuċċeda.

44      Huwa wkoll irrilevanti l-fatt li trasferiment ta’ attivitajiet mhuwiex deċiż minn individwi, iżda mil-leġiżlatur fil-perspettiva ta’ privatizzazzjoni. Fil-fatt, il-miżuri ta’ ristrutturazzjoni jew ta’ organizzazzjoni mill-ġdid ta’ impriża adottati mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ma jistgħux legalment ikollhom bħala konsegwenza li tiġi kompromessa l-effettività tad-dritt Komunitarju tal-kompetezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-415/03, Ġabra p. I-2875, punti 33 u 34).

45      Fil-kawżi prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-inkartament ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-attivitajiet ekonomiċi ta’ l-AAMS fis-suq ikkonċernat mill-akkordju kienu tkomplew minn Ente Tabacchi Italiani, li saret ETI. F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk l-AAMS kompliet teżisti bħala operatur ekonomiku fi swieq oħrajn, ETI setgħet tkun ikkunsidrata, fil-kuntest tal-proċedura dwar l-akkordju dwar il-prezz tal-bejgħ ta’ sigaretti, li hija s-suċċessur ekonomiku ta’ l-AAMS.

46      F’dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk każ bħal dak tal-kawżi prinċipali jikkorrispondix għaċ-ċirkustanzi li fihom entità ekonomika tista’ tiġi ssanzjonata għall-ksur imwettaq minn entità oħra, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-fatt li l-AAMS m’għandhiex personalità ġuridika (ara l-punt 6 ta’ din is-sentenza) mhuwiex element li jista’ jiġġustifika l-impożizzjoni tas-sanzjoni għall-ksur li hija wettqet fuq is-suċċessur tagħha.

47      Għall-kuntrarju, l-impożizzjoni tas-sanzjoni għall-ksur imwettaq mill-AAMS fuq ETI tista’ tiġi ġġustifikata mill-fatt li din ta’ l-aħħar u l-AAMS huma suġġetti għall-istess awtorità pubblika.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, meta żewġ entitajiet jikkostitwixxu l-istess entità ekonomika, il-fatt li l-entità li wettqet il-ksur għadha teżisti ma jimpedixxix, fih innifsu, li tiġi ssanzjonata l-entità li lilha hija ttrasferiet l-attivitajiet ekonomiċi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 355 sa 358).

49      B’mod partikolari, tali applikazzjoni tas-sanzjoni hija ammissibbli meta dawn l-entitajiet kienu taħt il-kontroll ta’ l-istess persuna u, fid-dawl tar-rabtiet stretti li jaqgħduhom fuq il-livell ekonomiku u organizzattiv, applikaw fil-biċċa l-kbira l-istess direttivi kummerċjali.

50      Fil-kawżi prinċipali, huwa kostanti li, fiż-żmien tal-komportament ta’ ksur tagħhom, l-AAMS u ETI kienu miżmuma mill-istess entità pubblika, jiġifieri l-Ministeru ta’ l-Ekonomija u tal-Finanzi.

51      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, billi pparteċipaw fl-akkordju dwar il-prezz tal-bejgħ ta’ sigaretti, l-AAMS u ETI kinux suġġetti għal din l-entità pubblika. Fl-affermattiv, għandu jiġi konkluż li l-prinċipju tar-responsabbiltà personali ma jipprekludix li s-sanzjoni għall-ksur mibdi mill-AAMS u komplut minn ETI tkun imposta kollha kemm hi fuq din ta’ l-aħħar.

52      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li l-Artikoli 81 KE et seq għandhom jiġu interpretati fis-sens illi, fil-każ ta’ entitajiet suġġetti għall-istess awtorità pubblika, meta komportament li jikkostitwixxi l-istess ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni kien implementat minn entità u wara komplut sat-tmien tiegħu minn entità oħra li ssuċċediet lill-ewwel waħda, li ma waqfitx teżisti, din it-tieni entità tista’ tiġi ssanzjonata għall-ksur fl-intier tiegħu jekk huwa stabbilit li dawn iż-żewġ entitajiet kienu suġġetti għall-imsemmija awtorità.

 Fuq l-ispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, Awla Manja taqta’ u tiddeċiedi li:

L-Artikoli 81 KE et seq għandhom jiġu interpretati fis-sens illi, fil-każ ta’ entitajiet suġġetti għall-istess awtorità pubblika, meta komportament li jikkostitwixxi l-istess ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni kien implementat minn entità u wara komplut sat-tmien tiegħu minn entità oħra li ssuċċediet lill-ewwel waħda, li ma waqfitx teżisti, din it-tieni entità tista’ tiġi ssanzjonata għall-ksur fl-intier tiegħu jekk huwa stabbilit li dawn iż-żewġ entitajiet kienu suġġetti għall-imsemmija awtorità.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.