Language of document : ECLI:EU:C:2022:103

Kawża C483/20

XXXX

vs

Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju))

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat22 ta’ Frar 2022

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil – Proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 33(2)(a) – Inammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata fi Stat Membru minn ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun kiseb l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor, fil-waqt li l-wild minuri ta’ ta’ dan iċ-ċittadin, li jibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, jirrisjedi fl-ewwel Stat Membru – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 7 – Dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja – Artikolu 24 – Aħjar interess tal-wild – Assenza ta’ ksur tal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali minħabba l-inammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 23(2) – Obbligu għall-Istati Membri li jissorvelja għaż-żamma tal-unità tal-familja ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali”

1.        Drittijiet fundamentali – Projbizzjoni ta’ tortura jew ta’ pieni jew trattamenti inumani jew degradanti – Portata – Nuqqasijiet sistemiċi fi tmiem il-proċedura tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru, minħabba l-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-benefiċjarji tal-imsemmija protezzjoni – Projbizzjoni, għall-Istati Membri l-oħra, li jiċħdu applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli minħabba l-għoti minn qabel ta’ protezzjoni internazzjonali f’dak l-Istat Membru – Kundizzjonijiet – Evalwazzjoni tar-realtà tal-imsemmija nuqqasijiet – Kriterji – Neċessità ta’ sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 4; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32, Artikolu 33(2)(a))

(ara l-punti 29–32)

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil  – Proċeduri għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 91375 – Proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Applikazzjoni li tista’ tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli mill-Istati Membri – Raġuni – Għoti minn qabel ta’ protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru ieħor – Persuna li kisbet l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru u li tressaq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru li tikseb il-protezzjoni sussidjarja tal-wild minuri tagħha – Ċaħda ta’ din l-applikazzjoni bħala inammissibbli – Ammissibbiltà – Għoti tal-benefiċċji marbuta maż-żamma tal-unità tal-familja – Kundizzjonijiet

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 4, 7, 24, u Artikolu 52(1); Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/95, Artikolu 2(j), Artikolu 23(2) u Artikoli 24 sa 35, u 2013/32, Artikolu 33(2)(a))

(ara l-punti 24, 36, 39–41, 43, 44 u d-dispożittiv)

Sunt

Stat Membru jista’ jeżerċita l-possibbiltà tiegħu li jiddikjara applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali inammissibbli minħabba li l-applikant ikun diġà ngħata l-istatus ta’ refuġjat minn Stat Membru ieħor.

Madankollu, għandu jiġi żgurat li tinżamm l-unità tal-familja meta l-applikant ikun missier wild minuri mhux akkumpanjat li jkun kiseb il-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja fl-ewwel Stat Membru.

Wara li kiseb, fl‑2015, l-istatus ta’ refuġjat fl-Awstrija, ir-rikorrent mar il-Belġju fil-bidu tal‑2016 sabiex jingħaqad maż-żewġ uliedu bniet, li waħda minnhom kienet minuri, fejn dawn tal-aħħar kisbu l-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja f’Diċembru ta’ din l-istess sena. Fl‑2018, ir-rikorrent ippreżenta f’dan l-aħħar Stat Membru, mingħajr ma kellu d-dritt ta’ residenza, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

Din l-applikazzjoni ġiet iddikjarata inammissibbli skont il-leġiżlazzjoni Belġjana li tittrasponi d-Direttiva “proċeduri” (1), minħabba li kienet diġà ngħatat protezzjoni internazzjonali lir-rikorrent minn Stat Membru ieħor (2). Ir-rikorrent ikkontesta din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-qrati Belġjani, billi sostna li d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja u l-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-wild, stabbiliti rispettivament fl-Artikolu 7 u fl-Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), jipprekludu li l-Belġju jagħmel użu mill-possibbiltà tiegħu li jiddikjara l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali inammissibbli.

F’dan il-kuntest, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) iddeċieda li jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eventwali eżistenza ta’ eċċezzjonijiet għall-imsemmija possibbiltà.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, tiddeċiedi li d-Direttiva “proċeduri” (3), moqrija fid-dawl tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 24(2) tal-Karta, ma tipprekludix li Stat Membru jeżerċita din il-possibbiltà minħabba li l-applikant ikun diġà ngħata l-istatus ta’ refuġjat minn Stat Membru ieħor, meta dan l-applikant ikun missier wild minuri mhux akkumpanjat li jkun kiseb il-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja fl-ewwel Stat Membru, bla ħsara madankollu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva “klassifikazzjoni” (4) dwar iż-żamma tal-unità tal-familja.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-Istati Membri ma humiex obbligati jivverifikaw jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet rikjesti sabiex tintalab protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva “klassifikazzjoni” meta tali protezzjoni tkun diġà żgurata fi
Stat Membru ieħor. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma għandhom jastjenu milli jeżerċitaw il-possibbiltà prevista mid-Direttiva “proċeduri” (5) li jiddikjaraw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali inammissibbli biss jekk minħabba nuqqasijiet sistemiċi u kemm b’mod ġenerali li jaffettwaw ċerti gruppi ta’ persuni f’dan l-Istat Membru l-ieħor, il-kundizzjonijiet tal-ħajja prevedibbli li dan l-applikant jiltaqa’ magħhom bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali jesponuh għal riskju serju li jsofri trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta.

Fil-fatt, fid-dawl tal-importanza tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka għas-sistema Ewropea komuni tal-ażil, il-ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tagħti dritt sostantiv lill-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali li ma jkollux bħala konsegwenza ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jeżerċitaw l-imsemmija possibbiltà. Kuntrarjament għad-dritt għall-protezzjoni kontra kull trattament inuman u degradanti, id-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 24 tal-Karta ma humiex ta’ natura assoluta u jistgħu għalhekk ikunu s-suġġett ta’ restrizzjonijiet fil-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Karta (6).

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li d-Direttiva “klassifikazzjoni” (7) timponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw iż-żamma tal-unità tal-familja, billi jistabbilixxu ċertu numru ta’ benefiċċji għall-benefiċċju tal-membri tal-familja tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali. L-għoti ta’ dawn il-benefiċċji (8), b’mod partikolari l-għoti ta’ dritt ta’ residenza, jirrikjedi madankollu li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, li jirrigwardaw, l-ewwel, il-kwalità ta’ membru tal-familja fis-sens tal-imsemmija direttiva (9), it-tieni, il-fatt li ma jiġux issodisfatti, individwalment, il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tinkiseb il-protezzjoni internazzjonali u, it-tielet, il-kompatibbiltà mal-istatus ġuridiku personali tal-membru tal-familja kkonċernat.

Issa, qabel kollox, il-fatt li l-ġenitur u l-wild minuri tiegħu kellhom rotot migratorji distinti qabel ma ngħaqdu fl-Istat Membru fejn il-wild jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali ma jipprekludix li l-ġenitur jitqies li jkun membru tal-familja tal-imsemmi benefiċjarju, sakemm dan il-ġenitur kien preżenti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-wild tiegħu.

Sussegwentement, ċittadin ta’ pajjiż terz li l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali tkun inammissibbli u għalhekk tkun ġiet miċħuda fl-Istat Membru li fih il-wild minuri tiegħu jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali minħabba l-istatus ta’ refuġjat li huwa jkollu fi Stat Membru ieħor ma jissodisfax individwalment il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jikseb il-protezzjoni internazzjonali fl-ewwel Stat Membru.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għoti tal-benefiċċji previsti mid-Direttiva “klassifikazzjoni” mal-istatus legali taċ-ċittadin ikkonċernat, għandu jiġi vverifikat jekk huwa għandux diġà dritt, fl-Istat Membru li ta protezzjoni internazzjonali lill-membru tal-familja tiegħu, għal trattament aħjar minn dak li jirriżulta mill-imsemmija benefiċċji. Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, dan ma jidhirx li huwa l-każ inkwistjoni peress li l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru ma jagħtix lil dak li jibbenefika minn din il-protezzjoni internazzjonali trattament aħjar, fi Stat Membru ieħor, minn dak li jirriżulta minn tali benefiċċji f’dan l-Istat Membru l-ieħor.


1      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32/UE tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘proċeduri’”)


2      Skont l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva “proċeduri”, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli b’mod partikolari meta protezzjoni internazzjonali tkun ingħatat minn Stat Membru ieħor.


3      Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva “proċeduri”.


4      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/95/UE tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9) (iktar 'il quddiem id-“Direttiva ‘klassifikazzjoni’”.


5      Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva “proċeduri”.


6      Artikolu 52(1) tal-Karta.


7      Artikolu 23(2) tad-Direttiva “klassifikazzjoni”.


8      Dawn il-vantaġġi huma previsti fl-Artikoli 24 sa 35 tad-Direttiva “klassifikazzjoni”.


9      Artikolu 2(j) tad-Direttiva “klassifikazzjoni”.