Language of document : ECLI:EU:T:2014:958

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

10 ta’ Novembru 2014 (*)

“Għajnuna legali — Talba mressqa qabel il-preżentata ta’ rikors għal annullament — Miżuri restrittivi meħuda fil-konfront ta’ ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja”

Fil-Kawża T‑228/12 AJ,

DD, residenti f’Vitebsk (il-Bjelorussja),

persuna li ressqet it-talba,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn F. Naert u E. Finnegan, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba għal għajnuna legali, skont l-Artikoli 94 u 95 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, imressqa qabel il-preżentata ta’ rikors,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn H. Kanninen (Relatur), President, I. Pelikánová, E. Buttigieg, S. Gervasoni u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Mejju 2012, is-Sur DD ressaq talba għal għajnuna legali skont l-Artikoli 94 u 95 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali bil-ħsieb li jippreżenta, kontra l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, rikors intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/171/PESK, tat-23 ta’ Marzu 2012, li timplimenta d-Deċiżjoni 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja (ĠU L 87, p. 95), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 265/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, li jimplimenta l-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Bjelorussja (ĠU L 87, p. 37), sa fejn l-imsemmija deċiżjoni u l-imsemmi regolament jikkonċernawh.

2        Insostenn ta’ din it-talba, DD isostni b’mod partikolari, filwaqt li jipproduċi ċerti dokumenti ta’ sostenn, li huwa jirċievi dħul fix-xahar medju ta’ EUR 264 u li la għandu kapital u lanqas proprjetà immobbli.

3        Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar il-kawża li tkun qiegħda tiġi kkunsidrata, meħtieġa mill-Artikolu 94(3) tar-Regoli tal-Proċedura, DD isostni li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/171 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 265/2012, li tagħhom għandu l-intenzjoni jitlob l-annullament, ġew adottati, fir-rigward tiegħu, bi ksur, l-ewwel nett, tad-dritt tiegħu għal smigħ xieraq, it-tieni nett, tad-dritt tiegħu għal rimedju effettiv u, it-tielet nett, tal-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja.

4        Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Lulju 2012, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali stieden lill-Kunsill jippreżenta osservazzjonijiet dwar it-talba għal għajnuna legali mressqa minn DD.

5        Fl-osservazzjonijiet tiegħu, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Lulju 2012, il-Kunsill iddikjara li kien qiegħed jissuġġetta ruħu għad-diskrezzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-informazzjoni u d-dokumenti ta’ sostenn ipprovduti minn DD jippermettux li jiġi stabbilit li għandu bżonn l-għajnuna legali. Il-Kunsill josserva li DD ma pprovdiex stima tal-ispejjeż mistennija u li r-rikors li qiegħed jiġi kkunsidrat ma jqajjimx kwistjonijiet diffiċli ġodda. Fil-fehma tal-Kunsill, l-ammont tal-għajnuna legali f’dan il-każ ma għandux ikun ta’ iktar minn EUR 7 000.

6        Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ April 2013, A. Kolosovski informa lill-Qorti Ġenerali li kien irċieva mandat mingħand DD sabiex jirrappreżentah.

7        Fit-18 ta’ Lulju 2013, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali talab lil DD jipproduċi, qabel it-2 ta’ Settembru 2013, prova li kiseb deroga mingħand awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006, tat-18 ta’ Mejju 2006, dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Bjelorussja (ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 432), kif emendat, għaliex fl-assenza ta’ tali deroga ebda ammont ma seta’ jitħallas, bħala prinċipju, lill-avukat tiegħu.

8        Wara kompożizzjoni mill-ġdid tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali sar il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali.

9        Peress li DD ma weġibx għat-talba tat-18 ta’ Lulju 2013 fit-terminu mogħti, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, fis-7 ta’ Ottubru 2013, li jistabbilixxi terminu ġdid f’dan ir-rigward, li kellu jiskadi fil-21 ta’ Ottubru 2013.

10      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Ottubru 2013, DD talab lill-Qorti Ġenerali tipproroga dan it-terminu għal xahrejn. Il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta li jipproroga t-terminu sal-21 ta’ Novembru 2013. Madankollu, DD ma pproduċiex il-prova li kiseb id-deroga msemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq fit-terminu mogħti.

11      Fis-27 ta’ Marzu 2014, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jgħaddi d-deċiżjoni dwar it-talba għal għajnuna legali lil din l-awla.

12      Fil-11 ta’ Ġunju 2014, fuq it-talba tal-Ewwel Awla, il-laqgħa plenarja għaddiet il-kawża quddiem l-Ewwel Awla Estiża.

13      Fl-ewwel lok, mill-Artikolu 94(1) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li, sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja, l-għajnuna legali mogħtija fir-rigward tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali għandha tkopri, totalment jew parzjalment, l-ispejjeż marbuta mal-assistenza u mar-rappreżentanza legali quddiem il-Qorti Ġenerali. Dawn l-ispejjeż (iktar ’il quddiem l-“ispejjeż ta’ avukat”) jitħallsu mill-kaxxier tal-Qorti Ġenerali.

14      Skont l-Artikolu 94(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-għoti tal-għajnuna legali huwa suġġett għall-kundizzjoni doppja, minn naħa, li l-persuna li tressaq it-talba, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tagħha, ma tkunx tista’ tħallas l-ispejjeż kollha ta’ avukat jew parti minnhom u, min-naħa l-oħra, li l-kawża tagħha ma tidhirx li hija manifestament inammissibbli jew manifestament infondata.

15      Skont l-Artikolu 95(2) tar-Regoli tal-Proċedura, mat-talba għal għajnuna legali għandhom jiġu prodotti l-informazzjoni u d-dokumenti ta’ sostenn kollha li permezz tagħhom tkun tista’ tiġi evalwata s-sitwazzjoni ekonomika tal-persuna li qed tressaqha, bħal ma jista’ jkun ċertifikat maħruġ minn awtorità nazzjonali kompetenti li jattesta din is-sitwazzjoni ekonomika. Skont din l-istess dispożizzjoni, jekk it-talba għal għajnuna legali titressaq qabel il-preżentata tar-rikors, il-persuna li tressaqha għandha tinkludi espożizzjoni fil-qosor tas-suġġett tar-rikors li tkun qiegħda tikkunsidra li tippreżenta, tal-fatti inkwistjoni u tal-argumenti insostenn tar-rikors. Mat-talba għandhom jitressqu dokumenti ta’ sostenn f’dan ir-rigward.

16      Fil-każ ineżami, mill-elementi fil-proċess dwar is-sitwazzjoni ekonomika ta’ DD, kif esposti fil-punt 2 iktar ’il fuq, jirriżulta li t-talba għal għajnuna legali tissodisfa l-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 94(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

17      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 94(3) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jiġi osservat li r-rikors, li fir-rigward tiegħu qiegħda tintalab l-għajnuna legali, ma jidhirx li huwa manifestament inammissibbli jew manifestament infondat.

18      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li DD jissodisfa l-kundizzjonijiet li, skont ir-Regoli tal-Proċedura, jintitolawh sabiex jibbenefika minn għajnuna legali.

19      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 765/2006, fil-verżjoni applikabbli għal dan il-każ, jipprovdi li ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma jistgħu jitqiegħdu, direttament jew indirettament, għad-dispożizzjoni tal-persuni fiżiċi elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, li fosthom jinsab DD, u lanqas ma jistgħu jintużaw għall-benefiċċju tagħhom.

20      Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 765/2006 jipprovdi:

“B’deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikati fis-siti web elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew id-disponibbiltà ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, taħt tali kondizzjonijiet li jidhrilhom adatti, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma:

[…]

(b)      maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimbors ta’ spejjeż li huma konnessi mal-forniment ta’ servizzi legali;

[...]”

21      Għalhekk, ikkunsidrati flimkien, l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 765/2006 jipprojbixxu, bħala prinċipju, l-użu ta’ fondi għall-benefiċċju ta’ DD fl-assenza ta’ deroga mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru.

22      Madankollu, meta, bħal f’dan il-każ, l-użu ta’ fondi għall-benefiċċju ta’ persuna elenkata fl-Anness I tar-Regolament Nru 765/2006 ma jkunx jista’ jiġi sseparat minn proċedura għal għajnuna legali quddiem il-qrati tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ma jistgħux jiġu interpretati mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli speċifiċi li jirregolaw din il-proċedura, li f’dan il-każ huma previsti fir-Regoli tal-Proċedura.

23      Fil-fatt, peress li r-Regolament Nru 765/2006 u r-Regoli tal-Proċedura ma fihomx dispożizzjoni li tispeċifika s-supremazija ta’ strument fuq l-ieħor fir-rigward tal-għoti ta’ għajnuna legali, għandu jiġi żgurat li kull wieħed minn dawn iż-żewġ strumenti jiġi applikat b’mod li jkun kompatibbli mal-applikazzjoni tal-istrument l-ieħor u b’mod li tkun tista’ ssir applikazzjoni koerenti li tista’ tiggarantixxi, b’mod partikolari, li jintlaħaq l-għan segwit minn kull wieħed minn dawn iż-żewġ strumenti.

24      Fir-rigward tar-Regoli tal-Proċedura, l-għan tagħhom, fir-rigward tar-regoli dwar l-għoti ta’ għajnuna legali, huwa li jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja, kif jirriżulta mill-Artikolu 94(1) ta’ dawn ir-Regoli u mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi speċifikament li għajnuna legali għandha tingħata lil dawk li ma jkollhomx riżorsi suffiċjenti, sa fejn din tkun neċessarja sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja.

25      Fir-rigward tar-Regolament Nru 765/2006, mill-premessi 1 sa 4 tiegħu jirriżulta li l-għan tiegħu huwa li jiġu applikati miżuri restrittivi kontra ċerti persuni. Fost dawn il-miżuri tinsab, b’mod partikolari, il-projbizzjoni fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi jew ta’ riżorsi ekonomiċi, prevista fl-Artikolu 2(2) tal-imsemmi regolament.

26      Madankollu, dawn il-miżuri restrittivi għandhom jiġu applikati mingħajr ma l-persuni li l-fondi tagħhom ikunu ġew iffriżati jiġu mċaħħda minn aċċess effettiv għall-ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Peftiev, C‑314/13, EU:C:2014:1645, punt 26), b’mod partikolari meta l-kwistjoni tkun li tiġi kkontestata l-legalità tal-atti li jkunu imponew dawn l-istess miżuri restrittivi.

27      B’hekk, fis-sentenza Peftiev, iċċitata fil-punt 26 iktar ’il fuq (EU:C:2014:1645, punt 25), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-awtorità nazzjonali kompetenti ma għandhiex setgħa diskrezzjonali assoluta meta tiddeċiedi dwar talba għal deroga fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 765/2006, iżda għandha teżerċita l-kompetenzi tagħha inkonformità mad-drittijiet previsti fit-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li tipprovdi li kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rappreżentanza minn avukat hija indispensabbli sabiex jiġi ppreżentat rikors intiż sabiex jikkontesta l-legalità ta’ miżuri restrittivi.

28      Fir-rigward tal-kriterji li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-awtorità nazzjonali kompetenti meta tiddeċiedi dwar talba għal deroga fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 765/2006, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni tipprevedi limitazzjonijiet fir-rigward tal-użu tal-fondi sa fejn dawn għandhom ikunu maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ onorarji professjonali raġonevoli u għall-ħlas lura ta’ spejjeż marbuta mal-provvista ta’ servizzi legali. F’dan il-kuntest, l-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tikkontrolla l-użu tal-fondi rilaxxati billi tiffissa l-kundizzjonijiet li tqis li jkunu adegwati sabiex jiġi ggarantit, b’mod partikolari, li ma jkunx injorat l-għan tas-sanzjoni mogħtija u li ma jsirx użu ħażin mid-deroga mogħtija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Peftiev, iċċitata fil-punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2014:1645, punti 32 u 33).

29      Issa, filwaqt li fis-sentenza Peftiev, iċċitata fil-punt 26 iktar ’il fuq, (EU:C:2014:1645), il-kawża prinċipali quddiem il-qorti nazzjonali kienet tikkonċerna talba għar-rilaxx tal-fondi ta’ persuni koperti minn miżuri restrittivi, sabiex dawn il-persuni jkunu jistgħu jħallsu l-avukati tagħhom, fil-każ ineżami l-għoti tal-għajnuna legali jimplika li l-ispejjeż ta’ avukat ta’ DD jitħallsu mill-kaxxier tal-Qorti Ġenerali.

30      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti għandu jitqies li ċ-ċaħda ta’ din it-talba għal għajnuna legali għas-sempliċi raġuni li DD ma pproduċiex l-awtorizzazzjoni mingħand awtorità nazzjonali, prevista fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 765/2006, meta t-talba għal għajnuna legali tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mir-Regoli tal-Proċedura, imfakkra fil-punt 14 iktar ’il fuq, tikkostitwixxi ostakolu għad-dritt fundamentali li huwa d-dritt għal rimedju effettiv.

31      Barra minn hekk, fir-rigward tal-garanzija prevista sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament Nru 765/2006, għandu jiġi osservat li ebda mekkaniżmu tad-dritt tal-Unjoni ma jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jeżaminaw jekk l-għoti ta’ għajnuna legali mill-Qorti Ġenerali huwiex neċessarju sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja, kwistjoni li tista’ tiġi evalwata biss mill-Qorti Ġenerali, jew li jikkontrollaw l-użu, minn din tal-aħħar, tal-fondi indispensabbli għal dan il-għan, jew, fl-aħħar nett, li jiffissaw, fir-rigward tal-Qorti Ġenerali, kundizzjonijiet sabiex jiġi ggarantit li ma jkunx injorat l-għan tas-sanzjoni mogħtija.

32      B’hekk, sabiex f’dan il-każ tkun tista’ ssir applikazzjoni koerenti tar-Regoli tal-Proċedura u tar-Regolament Nru 765/2006, għandu jitqies li l-Qorti Ġenerali hija fl-istess ħin obbligata, minn naħa, li tagħti għajnuna legali lil kull persuna li tressaq talba elenkata fl-Anness I ta’ dan l-aħħar regolament li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 94 et seq tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex b’hekk ikun jista’ jintlaħaq l-għan ta’ dawn ir-Regoli, u, min-naħa l-oħra, li tiżgura li l-għajnuna legali mogħtija ser tintuża biss sabiex jiġu koperti l-ispejjeż ta’ avukat tal-persuna li tressaq it-talba u ma hijiex ser tippreġudika l-għan tal-miżura restrittiva stabbilita, kif iddefinit fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 765/2006.

33      F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li d-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura jippermettu, f’dan il-każ, lill-Qorti Ġenerali tiggarantixxi, mingħajr ma jkun neċessarju li DD ikun meħtieġ jippreżenta awtorizzazzjoni minn awtorità nazzjonali, li għajnuna legali ser tintuża biss sabiex jiġu koperti l-ispejjeż ta’ avukat ta’ DD.

34      Minn naħa, fl-Artikolu 94(1) tar-Regoli tal-Proċedura huma biss l-ispejjeż ta’ avukat li jissemmew bħala spejjeż li jistgħu jitħallsu mill-kaxxier tal-Qorti Ġenerali.

35      Min-naħa l-oħra, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 96(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali, fid-digriet li jagħti l-għajnuna legali, tista’, mingħajr ma tiffissa minn qabel l-ammont tagħha, tindika biss limitu massimu li bħala prinċipju ma jistax jinqabeż mill-ispejjeż u mill-onorarji tal-avukat. B’hekk, skont l-Artikolu 97(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għandha l-possibbiltà li tikkalkola a posteriori l-ammont strettament indispensabbli sabiex jiġu koperti l-ispejjeż ta’ avukat meta, skont id-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, il-benefiċjarju tal-għajnuna legali jkollu jbati l-ispejjeż tiegħu. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-diffikultà tax-xogħol imwettaq mill-avukat innominat u, fuq il-bażi tal-provi prodotti minnu, in-numru ta’ sigħat li kellu effettivament jiddedika għal dan ix-xogħol, kif ukoll id-diversi spejjeż li kellu jagħmel.

36      Barra minn hekk, skont il-prassi normali tagħha, il-Qorti Ġenerali tħallas l-ammont ikkalkolat b’dan il-mod direttament lill-avukat innominat, b’tali mod li l-persuna li tressaq it-talba ma jkollhiex il-possibbiltà li tagħmel użu ħażin mill-għajnuna legali billi tużaha għal skopijiet differenti minn dawk li għalihom tkun ingħatat (ara wkoll, f’dan ir-rigward, id-digriet tat-2 ta’ Settembru 2009, Ayadi vs Il-Kunsill, C‑403/06 P, EU:C:2009:496, punt 21). Fir-rigward tal-avukat, dan huwa obbligat mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 765/2006 li ma jittrasferixxix, parzjalment jew kompletament, lil DD ir-remunerazzjoni mogħtija lilu, bħalma huwa pprojbit ukoll, b’mod iktar ġenerali, milli jqiegħed direttament jew indirettament fondi jew riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni tiegħu.

37      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, f’dan il-każ għandha tingħata l-għajnuna legali mitluba, minkejja l-assenza ta’ deroga mogħtija skont l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 765/2006, filwaqt li jittieħdu d-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jiġi żgurat li ma jsirx użu ħażin mill-għajnuna legali.

38      Fl-aħħar nett, fid-dawl tas-suġġett u tan-natura tat-tilwima, tal-importanza legali tagħha kif ukoll tad-diffikultajiet prevedibbli tal-kawża u tal-portata prevedibbli tax-xogħol li l-proċedura kontenzjuża timplika għall-partijiet, għandu jiġi ppreċiżat minn issa, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 96(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li l-ispejjeż u l-onorarji tal-avukat innominat sabiex jiddefendi l-interessi ta’ DD matul il-proċedura li qiegħed jikkunsidra li jitressaq, ma jistgħux, bħala prinċipju, jaqbżu ammont ta’ EUR 6 000 għall-proċedura kollha.

39      Dawn l-ispejjeż u onorarji għandhom jitħallsu direttament lil A. Kolosovski u għandhom jiġu ffissati fuq il-bażi ta’ rendikont iddettaljat ippreżentat lill-Qorti Ġenerali.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-EWWEL AWLA ESTIŻA)

tordna:

1)      DD qiegħed jingħata l-benefiċċju tal-għajnuna legali.

2)      A. Kolosovski qiegħed jiġi nnominat bħala l-avukat li jirrappreżenta lil DD fil-Kawża T‑228/12.

3)      L-ispejjeż u l-onorarji ta’ A. Kolosovski għandhom jitħallsu lilu direttament u għandhom jiġu ffissati fuq il-bażi ta’ rendikont iddettaljat ippreżentat lill-Qorti Ġenerali meta tingħalaq il-kawża, iżda, bħala prinċipju, ma jistgħux jaqbżu l-ammont massimu ta’ EUR 6 000.

Il-Lussemburgu, 10 ta’ Novembru 2014.

E. Coulon

 

       H. Kanninen

Reġistratur

 

       Il-President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.