Language of document : ECLI:EU:T:2002:258

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla Estiża)

23 ta’ Ottubru 2002(*)

“Għajnuna mill-Istat – Deċizjoni ta’ ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2)KE – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Miżura fiskali – Natura selettiva – Aspettattivi leġittimi – Użu ħażin ta’ poter”

Fil-Kawżi magħquda T 269/99, T 271/99 u T 272/99

Territorio Histórico de Guipúzcoa ─ Diputación Foral de Guipúzcoa,

Territorio Histórico de Álava ─ Diputación Foral de Álava,

Territorio Histórico de Vizcaya ─ Diputación Foral de Vizcaya,

irrappreżentati minn A. Creus Carreras u B. Uriarte Valiente, avocats,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn F. Santaolalla Gadea, G. Rozet u G. Valero Jordana, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, innotifikati lill-awtoritajiet Spanjoli permezz ta’ ittri tas-17 ta’Awwissu 1999, li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE kontra l-Istat ta’ Spanja fir-rigward ta’ l-għajnuna fiskali fil-forma ta’ kreditu tat-taxxa ta’ 45 % fit-Territorios Históricos ta’ Álava, ta’ Vizcaya u ta’ Guizpúzcoa (ĠU 1999, C 351, p. 29 u ĠU 2000, C 71, p. 8),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn M. Jaeger, President, R. García-Valdecasas, K. Lenaerts, P. Lindh u J. Azizi, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ April 2002,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Dispożizzjonijiet Komunitarji

1        Ir-regoli tal-proċedura stabbiliti mit-Trattat fir-rigward ta’ l-għajnuna mill-Istat ivarjaw skond jekk l-għajnuna hijiex eżistenti jew ġdida. Filwaqt li dik ta’ l-ewwel taqa’ taħt l-Artikoli 88(1) u (2) KE, it-tieni hija rregolata, b’mod kronoloġiku, mill-Artikoli 88(3) u (2).

2        F’dak li jikkonċerna l-għajnuna eżistenti, l-Artikolu 88(1) KE jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa sabiex teżamina tali għajnuna kostantement ma’ l-Istati Membri Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Kummissjoni tipproponi lil dawn ta’ l-aħħar kull miżura xierqa meħtieġa għall-iżvilupp progressiv u għall-funzjonament tas-suq komuni L-Artikolu 88(2) KE sussegwentement jipprovdi li, jekk wara li l-Kummissjoni tkun bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-persuni kkonċernati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom hija tikkonstata li għajnuna m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87, jew li din l-għajnuna qed tiġi applikata b’mod abbużiv, hija għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jew iwaqqafha jew jimmodifikaha fiż-żmien li hija tistabbilixxi.

3        Skond l-Artikolu 88(3) KE, għajnuna ġdida għandha tiġi nnotifikata minn qabel lill-Kummissjoni u ma tistax tidħol fis-seħħ qabel mal-proċedura tkun wasslet għal deċiżjoni finali. Skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-istess Artikolu, il-Kummissjoni għandha tibda, mingħajr dewmien, il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE jekk hi tikkunsidra li progett m’huwiex kompattibli mas-suq komuni.

4        L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] tat-Trattat KE (ĠU L 83, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ’dwar il-proċedura rigward l-għajnuna mill-Istat’”), li daħal fis-seħħ fis-16 ta’ April 1999, jinkludi d- definizzjonijiet segwenti li huma rilevanti għal dawn il-kawżi:

“(a) "għajnuna" għandha tfisser kull miżura li taderixxi l-kriterja kollha mqiegħda fl-Artikolu [87](1) tat-Trattat;

(b) "għajnuna eżistenti" għandha tfisser:

(i) […] l-għajnuna kollha li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fi Stati Membri rispettivi, li jfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li daħħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat;

(ii) għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill;

[...]

(v) għajnuna li tinftiehem li hi għajnuna eżisteni minħabba li jista’ jitwaqqaf li meta daħlet fis-seħħ ma kkostitwietx għajnuna, u sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma nbidlet mill-Istat Memrbu. Billi ċerti miżuri jsiru għajnuna wara l-liberalizzazzjoni ta’ attività mill-liġi tal-Komunità, dawn il-miżuri m’għandhomx ikunu kkunsidrati li huma għajnuna eżistenti wara d-data ffissata għall-liberalizzazzjoni;

(ċ) "għajnuna ġdida" għandha tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti;

[...]

(f) "għajnuna kontra l-liġi" għandha tfisser għajnuna ġdida li tiddaħħal fis-seħħ f’kontravenzjoni ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat;

[...]”

5        Skond l-Artikolu 2(1) tar-Regolament “dwar il-proċedura rigward l-għajnuna mill-Istat”, “kull pjan għall-għoti ta’ għajnuna ġdida għandu jkun mgħarraf lill-Kummissjoni f’biżżejjed żmien mill-Istat Membru konċernat.” L-Artikolu 3 tar-Regolament jipprovdi li għajnuna ġdida “m’għandhiex tiddaħħal fis-seħħ qabel ma l-Kummissjoni ma tkun ħadet, jew tinftiehem li tkun ħadet, deċiżjoni li tawtorizza din l-għajnuna”. L-Artikolu 4(4) ta’ l-imsemmi Regolament jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2)KE (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ investigazzjoni formali”), jekk hija tikkonstata, wara eżami preliminari, li l-miżura notifikata tqajjem “dubbji dwar il-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata,”.

6        Skond l-Artikolu 6(1) tar-Regolament “dwar il-proċedura rigward l-għajnuna mill-Istat”, “deċiżjoni li tinbeda [tinfetaħ] l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor l-kwistjonijiet relevanti tal-fatti u liġi, għandha tinkludi stima preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karattru tal-miżura proposta u għandha tqiegħed id-dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni”.

7        Skond l-Artikolu 7(1) tar-Regolament “dwar il-proċedura rigward l-għajnuna mill-Istat”, “il-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tingħalaq permezz ta’ deċiżjoni msemmija fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.” Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li l-miżura nnotifikata ma tikkostitwixxix għajnuna (Artikolu 7(2)), li l-għajnuna nnotifikata hija kompatibbli mas-suq komuni (Artikolu 7(3)), li l-għajnuna nnotifikata tista’ tkun ikkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni jekk ċerti kundizzjonijiet ikunu osservati (Artikolu 7(4)), jew li l-għajnuna nnotifikata hija inkompattibli mas-suq komuni (Artikolu 7(5)).

8        Fil-każ tal-miżuri mhux innotifikati, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament “dwar il-proċedura rigward l-għajnuna mill-Istat” jipprovdi li “[f]ejn il-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha informazzjoni minn kwalunkwe sors li jirrigwarda allegata għajnuna kontra l-liġi, [hija] għandha teżamina dik l-informazzjoni mingħajr dewmien” L-Artikolu 13(1) ta’ l-istess regolament jipprovdi li dan l-eżami għandu jwassal, skond il-każ, għal deċiżjoni li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

9        Il-proċedura dwar l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti hija prevista fl-Artikoli 17 sa 19 tar-“Regolament “dwar il-proċedura rigward l-għajnuna mill-Istat”. Skond l-Artikolu 18, jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li skema ta’ għajnuna eżistenti m’hijiex jew m’għadhiex kompattibli mas-suq komuni, hija għandha tindirizza rakkomandazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat li tipproponi l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa. Skond l-Artikolu 19(2), jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jaċċettax il-miżuri proposti, il-Kummissjoni tista’ tipprocedi għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali skond l-Artikolu 4(4) iċċitat iktar ’il fuq.

 Il-kreditu tat-taxxa stabbilit mil-leġiżlazzjoni fiskali tat-Territorios Históricos ta’ Álava, ta’ Vizcaya u ta’ Guizpúzcoa

10      Il-kawżi preżenti jikkonċernaw allegata għajnuna fiskali mogħtija fil-forma ta’ kreditu tat-taxxa mil-leġiżlazzjoni fiskali tat-Territorios Históricos ta’ Álava, ta’ Vizcaya u ta’ Guizpúzcoa

Il-kreditu tat-taxxa stabbilit mil-leġiżlazzjoni fiskali tat-Territorio Histórico ta’ Álava

11      Is-Sitt Dispożizzjoni Supplementari tan-Norma Foral Nru 22/1994 ta’ l-20 Dicembru 1994, li timplementa l-budget tat-Territorio Histórico ta’ Álava għas-sena 1995, tipprovdi s-segwenti:

“Skond id-deċiżjoni tad-Diputación Foral de Álava, l-investimenti f’assi immobbli ġodda magħmula bejn l-1 ta’ Jannar 1995 u l-31 ta’ Dicembru 1995, ta’ iktar minn [Pesetas Spanjoli (ESP)] 2.5 biljun għandhom jibbenefikaw minn kreditu tat-taxxa ta’ 45 % ta’ l-ammont ta’ l-investiment stabbilit mid-Disputación Foral de Álava, applikabbli għall-ammont finali ta’ taxxa dovuta.

It-tnaqqis mhux applikat minħabba li t-taxxa ma tkunx biżżejjed jista’ jiġi applikat fid-disa’ snin li jsegwu s-sena li matulha ttieħdet id-deċiżjoni tad-Disputación Foral de Álava.

Din id-deċiżjoni tad-Disputación Foral de Álava għandha tiffissa t-termini u r-restrizzjonijiet applikabbli f’kull każ.

Il-vantaġġi rikonoxxuti bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni m’humiex kompatibbli ma’ vantaġġi fiskali oħra eżistenti minħabba dawn l-istess investimenti.

Id-Disputación Foral de Álava għandha tiddetermina wkoll t-tul tal-proċess ta’ investiment, li jista’ jinkludi investimenti magħmula waqt il-fażi preparatorja tal-proġett li fuqu huma bbażati l-investimenti.”

12      Il-validità ta’ din id-dispożizzjoni kienet ġiet estiża, għas-sena 1996, permezz tal-Ħames Dispożizzjoni Supplementari tan-Norma Foral Nru 33/1995 ta’ l-20 ta’ Dicembru 1995, kif emendata bil-punt 2.11 ta’ l-unika dispożizzjoni derogatorja tan-Norma Foral Nru 24/1996 tal-5 ta’ Lulju 1996. Il-miżura kienet ġiet estiża, għas-sena 1997, permezz tas-Seba’ Dispożizzjoni Supplementari tan-Norma Foral Nru 31/1996 tat-18 ta’ Dicembru 1996.

13      Il-kreditu tat-taxxa ta’ 45 % ta’ l-ammont ta’ l-investimenti inżamm, f’forma emendata, għas-snin 1998 u 1999, rispettivament, permezz tal-Ħdax-il Dispożizzjoni Supplementari tan-Norma Foral Nru 33/1997 tas-19 ta’ Dicembru 1998, u tas-Seba’ Dispożizzjoni Supplementari tan-Norma Foral Nru 36/1998 tas-17 ta’ Dicembru 1998.

Il-kreditu tat-taxxa stabbilit mil-leġiżlazzjoni fiskali tat-Territorios Históricos ta’ Vizcaya u ta’ Guipúzcoa.

14      Ir-Raba’ Dispożizzjoni Supplementari tan-Norma Foral Nru 7/1996 ta’ Vizcaya tas-26 ta’ Dicembru 1996, estiża permezz tat-Tieni Dispożizzjoni tan-Norma Foral Nru 4/1998 tat-2 ta’April 1998 u l-Għaxar Dispożizzjoni Supplementari tan-Norma Foral Nru 7/1997 ta’ Guipúzcoa, tat-22 ta’ Dicembru 1997 jipprovdu li:

“L-investimenti f’assi immobbli ġodda, magħmulin wara l-ta’ Jannar 1997, li huma ta’ iktar minn [ESP] 2.5 biljun, għandhom jibbenefikaw, permezz ta’ deċiżjoni tad-Disputación Foral de [Vizcaya/Guizpúzcoa], minn kreditu tat-taxxa ta’ 45 % ta’ l-ammont ta’ l-investiment stabbilit mid-Disputación Foral de [Vizcaya/Guizpúzcoa], applikabbli għall-ammont dovut taħt it-taxxa personali.

It-tnaqqis mhux applikat minħabba li l-ammont ma jkunx biżżejjed jista’ jiġi applikat fil-ħames snin ta’ tassazzjoni li jsegwu dik is-sena li fir-rigward tagħha tkun ġiet adottata d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kreditu.

Dan id-dewmien ta’ applikazzjoni tat-tnaqqis jista’ jiġi ddiferit sa’ l-ewwel sena finanzjarja li fiha jkunu ġew irreġistrati riżultati pożittivi matul il-perijodu ta’ preskrizzjoni.

Id-deċizjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tistabbilixxi t-termini u r-restrizzjonijiet applikabbli f’kull każ.

[...]”

 Id-deċiżjonijiet ikkontestati

15      Wara ilment iddepożitat fl-1996, il-Kummissjoni eżaminat l-għoti tal-kreditu tat-taxxa ta’ 45 %, previst fil-leġiżlazzjoni fiskali tat-Territorio Histórico ta’ Álava, lill-impriża Daewoo Electronics Manufacturing España (Demesa). Permezz tad-Deċiżjoni 1999/718/KE ta’ l-24 ta’ Frar 1999 dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Spanja lil Demesa (ĠU 1999 L 292, p. 1), il-Kummissjoni kkonstatat li l-għotja tal-kreditu tat-taxxa lill-impriża kkonċernata kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni.

16      Sussegwentement il-Kummissjoni eżaminat, b’mod ġenerali, il-kreditu tat-taxxa stabbilit mil-leġiżlazzjoni fiskali tat-Territorio Histórico ta’ Álava mill-angolu ta’ l-Artikoli 87 KE u 88 KE. Miżuri fiskali simili applikabbli fit-Territorios Históricos ta’ Álava u ta’ Guipúzcoa kienu wkoll ġew eżaminati (iktar ’il quddiem, għat-tliet territorji storiċi tal-Pajjiż Bask, il-“miżuri fiskali kkontestati”).

17      Huwa għalhekk li l-Kummissjoni ħadet id-Deċiżjoni SG (99) D/6871 li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-kreditu tat-taxxa previst fil-leġiżlazzjoni fiskali tat-Territorios Históricos ta’ Vizcaya u ta’ Guipúzcoa, li kienet ġiet innotifikata lill-awtoritajiet Spanjoli permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Awwissu 1999. Din id-deċiżjoni, li hija d-deċiżjoni kkontestata fil-kawżi T-269/99, Territorio Histórico de Guizpúzcoa vs Il-Kummissjoni u T-272/99, Territorio Histórico de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, kienet ġiet riprodotta bl-Ispanjol fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ta’ l-4 ta’ Diċembru 1999 (ĠU C 351, p. 29), flimkien ma’ sommarju fil-lingwa rilevanti għal kull verżjoni lingwistika ta’ l-imsemmi Ġurnal, skond l-Artikolu 26(2) tar-Regolament “dwar il-proċedura rigward l-għajnuna mill-Istat”.

18      Il-Kummissjoni bdiet ukoll il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-kreditu tat-taxxa previst fil-leġiżlazzjoni fiskali tat-Territorio Histórico ta’ Álava. Id-Deċiżjoni, bir-referenza SG (99) D/6873, kienet ġiet innotifikata lill-awtoritajiet Spanjoli permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Awwissu 1999 u ppublikata bl-Ispanjol fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ta’ l-11 ta’ Marzu 2000 (Ġ.U C 71, p. 8) flimkien ma’ sommarju fil-lingwa rilevanti għal kull verżjoni lingwistika ta’ l-imsemmi Ġurnal. Din tikkostitwixxi d-deċiżjoni kkontestata fil-kawża T-271/99, Territorio Histórico de Álava vs Il-Kummissjoni.

19      Fiż-żewġ deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjonijiet ikkontestati”), il-Kummissjoni kklassifikat, b’mod provviżorju, il-miżura fiskali kkontestata bħala għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE, abbażi tal-kunsiderazzjoni segwenti:

“Il-kreditu tat-taxxa in kwistjoni kien jissodisfa b’mod kumulattiv l-erba’ kriterji stabbiliti mill-Artikolu 87 tat-Tratt KE. B’mod partikolari, il-kreditu tat-taxxa imsemmi iktar ’il fuq huwa speċifiku, minħabba li dan jiffavorixxi lil ċerti impriżi. Fil-fatt, l-impriżi biss li jagħmlu investimenti ta’ iktar minn [ESP] 2.5 biljun (EUR 15 025.303) jistgħu jibbenefikaw mill-kreditu tat-taxxa in kwistjoni. L-impriżi l-oħra kollha, anki dawk li jagħmlu investimenti li però jkunu ta’ anqas minn [ESP] 2.5 biljun, huma esklużi mill-benefiċċju ta’ l-għajnuna.” [Punt 3.1 tas-sommarju tad-Deċiżjoni SG (99) D/6871 u punt 2.1 tas-sommarju tad-Deċiżjoni SG (99) D/6873.]

20      Skond il-Kummissjoni, is-selettività tal-kreditu tat-taxxa toħroġ ukoll, mis-setgħa diskrezzjonali li l-awtorità tat-taxxa tat-Territorios Históricos ikkonċernati għandhom fl-għoti tal-vantaġġ fiskali in kwistjoni [ĠU 1999, C 351, p. 32 għal dak li jikkonċerna d-Deċiżjoni SG (99) D/6871 u ĠU 2000, C 71, p. 11 għal dak li jikkonċerna d-Deċiżjoni SG (99) D/6873].

21      Sussegwentement, wara li kkonstatat li l-awtoritajiet Spanjoli kienu kisru l-obbligu ta’ notifika minn qabel stabbilit fl-Artikolu 88(3) KE, il-Kummissjoni evalwat il-kompatibbiltà tal-miżura fiskali kkontestata mas-suq komuni. Hija kkonkludiet li jeżistu dubji f’dan ir-rigward u ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali [punti 3.2 u 3.3 tas-sommarju tad-Deċiżjoni SG (99) D/6871 u punti 2.2 u 2.3 tas-sommarju tad-Deċiżjoni SG (99) D/6873].

22      Wara li adottat id-Deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni eżaminat speċifikament l-għoti ta’ kreditu tat-taxxa ta’ 45 % previst mil-leġiżlazzjoni fiskali tat-Territorio Histórico ta’ Álava lil impriża partikolari. Dan l-eżami ġie konkluż bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/795/KE tat-22 ta’ Diċembru 1999 dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Spanja lil Ramondin SA u lil Ramondin Cápsulas SA (ĠU 2000, L 318, p. 36).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23      Permezz ta’ talbiet ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-3 ta’ Novembru 1999, ir-rikorrenti ppreżentaw dawn ir-rikorsi.

24      It-Territorio Histórico ta’ Guipúzcoa, ir-rikorrent fil-kawża T-269/99 jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SG (99) D/6871, in kwantu din tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87 KE, il-kreditu tat-taxxa previst fin-Norma Foral de Guipúzcoa Nru 7/1997 tat-22 ta’ Diċembru 1997;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

25      It-Territorio Histórico ta’ Álava, ir-rikorrent fil-kawża T-271/99 jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SG (99) D/6873, in kwantu din tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87 KE, il-kreditu tat-taxxa previst fin-Norma Foral de Álava Nru 22/1994 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1997, u l-emendi sussegwenti tagħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      It-Territorio Histórico ta’ Vizcaya, ir-rikorrent fil-kawża T-272/99 jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SG (99) D/6871, in kwantu din tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87 KE, il-kreditu tat-taxxa previst fin-Norma Foral de Vizcaya Nru 22/1994 tas-26 ta’ Diċembru 1996, u l-emendi sussegwenti tagħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27      B’atti separati, iddepożitati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-26 ta’ Jannar 2000, il-Kummissjoni qajmet, skond l-Artikolu 114 (1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fit-tliet kawżi. Permezz ta’ digrieti tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla Estiża) tas-6 ta’ Lulju 2000, dawn l-eċċezzjonijiet kienu ġew magħquda fil-mertu.

28      Fit-tliet kawżi, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiddikjara ir-rikors inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiddikjara r-rikors infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

29      B’digriet tal-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Jannar 2001, il-kawzi T-269/99, T-271/99 u T-272/99 ġew magħquda.

30      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla Estiża) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Permezz ta’ miżuri ta’ organizazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura saret domanda bil-miktub lir-rikorrenti, li rrispondew fit-terminu mogħti.

31      Is-sottomissjonijiet u r-risposti għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu waqt is-seduta ta’ l-10 ta’ April 2002.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

32      Il-Kummissjoni ssostni li d-Deċiżjonijiet ikkontestati huma atti preparatorji li ma jimmodifikawx il-pożizzjoni ġuridika tar-rikorrenti. Għalhekk, id-Deċiżjonijiet ikkontestati m’humiex atti li jistgħu jkunu kkontestati skond l-Artikolu 230 KE. Il-Kummissjoni żżid li, kieku d-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet tipproduċi effetti legali definittivi fir-rigward tal-klassifika ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat, allura l-possibiltà li jiġi ppreżentat rikors kontra tali klassifika fit-terminu legali kienet trendi inammissibli r-rikors kontra d-deċiżjoni finali dwar in-natura ta’ għajnuna tal-miżura, peress li tali deċiżjoni tkun tikkostitwixxi biss att li jikkonferma att definittiv preċedenti.

33      Il-Kummissjoni sussegwentement tosserva li fis-sentenza tagħha ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni (C-301/87, Ġabra p I-307), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni tista’ toħroġ inġunzjoni ta’ sospensjoni ta’ l-għajnuna fil-konfront ta’ l-Istat Membru qabel ma tkun lestiet l-analiżi dwar il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni. Deċiżjoni bħal din, adottata wara proċedura diversa minn dik ta’ l-Artikolu 88(2) KE, hija differenti mid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u, kuntrarjament għal din l-aħħar proċedura, tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors (ara sentenza Franza vs Il-Kummissjoni ċċitata iktar ’il fuq, punt 18). Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien neċessarju li teżiġi li l-inġunzjoni ta’ sospensjoni tkun is-suġġett ta’ proċedura u ta’ deċiżjoni distinti minn dawk li jikkonċernaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, jindika li din l-inġunzjoni ma tirriżultax mis-sempliċi klassifika bħala għajnuna mill-Istat tal-miżura eżaminata fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

34      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li, b’differenza mid-deċiżjonijiet li kienu s-suġġett tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Gunju 1992, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-312/90, Ġabra p I-4117) u L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-47/91, Ġabra p. I-4145) kif ukoll tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-400/99, Ġabra p. I-7303, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tirrenia”), waqt il-proċedura li kienet tippreċedi l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet ikkontestati, l-awtoritajiet ċentrali, reġjonali u provinċjali ta’ Spanja qatt ma sostnew li l-miżuri fiskali kkonċernati kienu miżuri eżistenti.

35      Ir-rikorrenti, filwaqt li jirreferu għas-sentenzi ċċitati fil-punt preċedenti, isostnu li deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali hija att kontestabbli in kwantu din tipproduċi effetti legali immedjati u definittivi. Huma jsostnu li l-Kummissjoni ma kellhiex id-dritt tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali peress li l-kreditu tat-taxxa stabbilit mill-miżuri fiskali kkontestati m’għandux in-natura ta’ għajnuna mill-Istat. Fil-kawżi T-271/99 u T-272/99 huma jżidu li, kieku l-miżuri fiskali kkontestati kienu jikkostitwixxu għajnuna skond l-Artikolu 87(1) KE, dawn kienu jkunu għajnuna eżistenti. Fil-fatt, il-kreditu tat-taxxa kien ġie stabbilit fl-1984 permezz tal-leġiżlazzjonijiet fiskali tat-Territorios Históricos ta’ Álava u ta’ Vizkaya.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

36      Jeħtieġ li jkun imfakkar li meta ttieħdu d-Deċiżjonijiet kontestati, il-miżuri fiskali kkontestati kienu diġà ġew implementati mir-rikorrenti. Dawn ta’ l-aħħar fil-fatt konsistentement jikkunsidraw li l-kreditu tat-taxxa stabbilit permezz ta’ dawn il-miżuri ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1)KE.

37      Deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha effetti legali awtonomi, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna s-sospensjoni tal-miżura kkunsidrata (sentenza Tirrenia, iċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, punti 62 u 69). Dan hu l-każ mhux biss fejn il-miżura li qiegħda fil-proċess ta’ implementazzjoni, hija kkunsidrata mill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru kkonċernat bħala għajnuna eżistenti, iżda wkoll fejn dawn l-awtoritajiet iqisu li l-miżura koperta mid-deċiżjoni ta’ ftuħ, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87(1) KE (sentenza Tirrenia, iċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, punti 59, 60 u 69).

38      Deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura, li qiegħda fil-proċess ta’ implementazzjoni u kklassifikata bħala għajnuna ġdida mill-Kummissjoni bil-fors timmodifika l-portata legali tal-miżura kkunsidrata, kif ukoll is-sitwazzjoni ġuridika ta’ l-impriżi li jibbenefikaw minnha, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kontinwazzjoni ta’ l-implementazzjoni tagħha. Sa l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, l-Istat Membru, l-impriżi u l-operaturi ekonomiċi l-oħra jistgħu jaħsbu li l-miżura qiegħda tiġi legalment implementata bħala miżura ġenerali li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87(1)KE jew bħala għajnuna eżistenti. Min-naħa l-oħra, wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni bħal din, ikun hemm ta’ l-inqas dubju sinjifikattiv dwar il-legalità tagħha, dubju li bla ħsara għall-possibbiltà li jintalbu miżuri provviżorji lill-imħallef għal miżuri provviżorji, għandu jwassal lill-Istat Membru sabiex jissospendi l-applikazzjoni tagħha, peress li l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali teskludi l-possibbiltà ta’ deċiżjoni immedjata li tikkonstata l-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq komuni li tippermetti li legalment titkompla l-eżekuzzjoni ta’ l-imsemmija miżura. Deċiżjoni bħal din tista’ wkoll tkun invokata quddiem qorti nazzjonali mitluba sabiex tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mill-ksur ta’ l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 88(3) KE. Fl-aħħar nett, din tista’ twassal lill-impriżi li jibbenefikaw mill-miżura jirrifjutaw, f’kull każ, ħlasijiet ġodda jew vantaġġi ġodda jew li jżommu s-somom neċessarji għal kumpensi finanzjarji eventwali ulterjuri. In-negozji jieħdu wkoll in kunsiderazzjoni, fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ tali benefiċjarji, tas-sitwazzjoni ġudizzjarja u finanzjarja ta’ dawn ta’ l-aħħar li saret prekarja (sentenza Tirrenia, iċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, punti 59 u 69; sentenza tal-Qorti ta’ Prim’Istanza tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, T-195/01 u T-207/01, Ġabra, p. II-2309, punt 85).

39      Huwa veru li, f’kuntest bħal dan, diversament milli fil-każ ta’ inġunzjoni għal sospensjoni indirizzata lill-Istat Membru, li hija ta’ natura vinkolanti immedjatament u li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha tippermetti lill-Kummissjoni tressaq il-każ direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. skond l-Artikolu 12 tar-Regolament “dwar il-proċedura rigward l-għajnuna mill-Istat”) sabiex din tiddikjara li tali nuqqas ta’ osservanza jikkostitwixxi ksur tat-Trattat , id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fir-rigward ta’ miżuri fil-fażi ta’ implementazzjoni u li huma kklassifikati mill-Kummissjoni bħala għajnuna ġdida, toħloq effetti legali li huwa l-Istat Membru kkonċernat, u jekk ikun il-każ l-operaturi ekonomiċi, li għandhom jisiltu huma stess il-konsegwenzi. Madankollu, din id-differenza ta’ natura proċedurali ma taffettwax il-portata ta’ dawn l-effetti legali (sentenza Tirrenia, iċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, punti 59 u 69).

40      Għaldaqstant, minn dak li jippreċedi, jirriżulta li d-Deċiżjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors skond l-Artikolu 230 KE.

41      Għandu jiġi wkoll ikkonstatat li r-rikorrenti huma direttament u individwalment ikkonċernati mid-Deċiżjonijiet ikkontestati skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE. Fil-fatt, id-Deċiżjonijiet ikkontestati jirreferu għal miżuri fiskali li r-rikorrenti huma l-awturi tagħhom u, barra minn hekk, jimpedixxu lir-rikorrenti milli jeżerċitaw, kif huma jridu, is-setgħat tagħhom stess, li huma jgawdu direttament taħt id-dritt nazzjonali Spanjol (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 1998, Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni, T-214/95, Ġabra p. II-717, punti 29 u 30 u tas-6 ta’ Marzu 2002, Disputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T-127/99, T-129/99 u T-148/99, Ġabra p. II-1275, punt 50).

42      Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li ir-rikorsi huma ammissibbli.

 Fuq il-mertu

43      Ir-rikorrenti jressqu ħames motivi in sostenn tar-rikorsi tagħhom. L-ewwel huwa bbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijet ta’ l-Artikolu 87(1) KE u t-tieni fuq ksur ta’ l-Artikolu 88(2) u (3). It-tielet motiv huwa bbażat fuq użu ħażin ta’ poter u r-raba’ fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi. Fl-aħħar nett, il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 253 KE.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE

44      Fl-ewwel motiv, ir-rikorrenti jikkontestaw li l-kreditu tat-taxxa stabbilit permezz tal-miżuri fiskali kkontestati għandu n-natura ta’ għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE.

45      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-Kummissjoni hija marbuta tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali jekk eżami preliminari ma jwassalhiex tegħleb id-diffikultajiet kollha mqajjma mill-kwistjoni dwar jekk il-miżura kkunsidrata tikkostitwixxix għajnuna skond l-Artikolu 87(1) KE, ta’ l-inqas meta, matul dan l-ewwel eżami, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi li anki jekk il-miżura kkonċernata tikkostitwixxi għajnuna, din hija, f’kull każ, kompatibbli mas-suq komuni (sentenza tal-Qorti tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95, Ġabra p. I-1719, punt 39; sentenza tal-Qorti ta’ Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, BP Chemical vs Il-Kummissjoni, T-11/95, Ġabra p. II-3235, punt 166).

46      Huwa għalhekk li l-Artikolu 6 tar-Regolament “dwar il-proċedura rigward l-għajnuna mill-Istat”), jipprovdi li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tinkludi “stima [evalwazzjoni] preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karattru [in-natura] tal-miżura proposta ”.

47      Minn dan jirriżulta li, f’deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-klassifika tal-miżura bħala għajnuna mill-Istat mhijiex ta’ natura definittiva. Il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali huwa preċiżament intiż sabiex jippermetti lill-Kummissjoni tikseb l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex hija tkun tista’ tieħu deċiżjoni definittiva dwar dan il-punt (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Mejju 2001, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C-204/97, Ġabra p. I-3175, punt 33; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et u British Midlands Airways vs Il-Kummissjoni, T-371/94 u T-394/94, Ġabra, p. II-2405, punt 59).

48      Sabiex tkun evitata konfużjoni bejn il-proċeduri amministrattiva u ġudizzjarja, u sabiex ikun osservat it-tqassim tas-setgħat bejn il-Kummissjoni u l-Qorti Komunitarja, l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali għandu neċessarjament ikun limitat (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 20). Il-Qorti Komunitarja għandha fil-fatt tevita li tiddeċiedi definittivament fuq kwistjonijiet li kienu biss is-suġġett ta’ evalwazzjoni provviżorja tal-Kummissjoni.

49      Għalhekk, meta, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, ir-rikorrenti jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-klassifikazzjoni tal-miżura kkontestata bħala għajnuna mill-Istat, l-istħarriġ mill-Qorti Komunitarja huwa limitat għall-verifika dwar jekk il-Kummissjoni għamlitx żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li hija ma setgħatx tgħeleb id-diffikultajiet kollha dwar dan il-punt waqt l-ewwel eżami tal-miżura kkonċernata (ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Diċembru 2001, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, T-195/01 R u T-207/01 R, Ġabra p. II-3915, punt 79).

50      L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li d-Deċiżjonijiet kkontestati jikkonċernaw miżuri ġenerali li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87(1) KE. Fil-fatt, il-kreditu tat-taxxa stabbilit permezz tal-miżuri fiskali kkontestati jibbenefika, bl-istess mod, lill-persuni li jħallsu t-taxxa kollha li jinvestu iktar minn ESP 2.5 biljun.

51      Qabel kollox ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ddeduċiet l-ispeċifiċità tal-miżuri fiskali kkontestati minn natura reġjonali tagħhom. Huma osservaw li t-Territorios Históricos ta’ Álava, ta’ Vizkaya u ta’ Guipúzcoa ilhom igawdu minn awtonomija fiskali rikonoxxuta u protetta mill-Kostituzzjoni Spanjola mis-seklu XIX. Din l-awtonomija qed titpoġġa impliċitament in kwistjoni mid-Deċiżjonijiet ikkontestati.

52      Sussegwentement, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma tistax tiddeduċi l-ispeċifiċità tal-miżuri fiskali kkontestati minn setgħa diskrezzjonali li d-Diputaciónes Forales allegatament għandhom fl-għoti tal-kreditu tat-taxxa. Fil-fatt, dawn ta’ l-aħħar jillimitaw ruħhom jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet previsti mill-miżuri fiskali kkontestati humiex sodisfatti, mingħajr m’għandhom ebda setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward. Huma m’għandhomx is-setgħa li jagħżlu lill-impriżi benefiċjarji jew li jvarjaw l-intensità ta’ l-“għajnuna” skond il-karatteristiċi partikolari ta’ l-impriżi.

53      Fl-aħħar nett, l-ispeċifiċità tal-kreditu tat-taxxa lanqas ma tista’ tiġi dedotta mir-rekwiżit ta’ investiment minimu ta’ ESP 2.5 biljun. Dan huwa kriterju kwantitattiv oġġettiv li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-vantaġġ fiskali in kwistjoni.

54      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-Artikolu 87(1) KE jeżiġi li sabiex miżura tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, din għandha tiffavorixxi lil “ċerti impriżi jew ċerti produtturi ”. L-ispeċifiċità jew is-selettività ta’ miżura tikkostitwixxi għalhekk waħda mill-karatteristiċi tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade, C-200/97, Ġabra, p. I–7907, punt 40; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza Disputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, punt 144 u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Settembru 2000, CETM vs Il-Kummissjoni, T-55/99, Ġabra p. II-3207, punt 39).

55      Issa, fid-Deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq żewġ elementi sabiex tikklassifika, b’mod provviżorju, il-kreditu tat-taxxa bħala miżura selettiva skond l-Artikolu 87(1) KE, jiġifieri l-ammont minimu ta’ investiment ta’ ESP 2.5 biljun neċessarju sabiex jingħata l-vantaġġ fiskali [punt 3.1 tas-sommarju tad-Deċiżjoni SG (99) D/6871 u punt 2.1 tas-sommarju tad-Deċiżjoni SG (99) D/6873] u s-setgħa diskrezzjonali li l-awtoritajiet tat-taxxa tat-Territorios Históricos ikkonċernati għandhom fl-għoti tal-vantaġġ fiskali (ĠU 1999 C 351, p. 32, għal dak li jikkonċerna id-Deċiżjoni SG (99) D/6871 u ĠU 2000 C 71, p. 11 għal dak li jikkonċerna d-Deċiżjoni SG (99) D/6873].

56      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jostnu r-rikorrenti, fid-Deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq il-konstatazzjoni li l-miżuri fiskali kkontestati japplikaw biss għal parti mit-territorju Spanjol, jiġifieri it-Territorios Históricos tal-Pajjiż Bask, sabiex tikkonkludi, provviżorjament, dwar in-natura selettiva tal-kreditu tat-taxxa. Ir-rikorrenti ma jistgħux għalhekk isostnu li d-Deċiżjonijiet ikkontestati huma ta’ natura li jpoġġu in kwistjoni is-setgħa leġiżlattiva tat-tliet Territorios Históricos tal-Pajjiż Bask li jadottaw miżuri fiskali.

57      Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li mill-miżuri fiskali kkontestati jirriżulta li dawn jillimitaw l-applikazzjoni tal-kreditu tat-taxxa għall-impriżi li jagħmlu investimenti f’assi immobbli ġodda ta’ iktar minn ESP 2.5 biljun. Għalhekk, il-miżuri fiskali kkontestati jillimitaw fil-fatt l-applikazzjoni tal-kreditu tat-taxxa għall-impriżi li għandhom riżorsi finanzjarji sostanzjali. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni setgħet raġonevolment tikkunsidra, b’mod provviżorju, li l-kreditu tat-taxxa stabbilit permezz tal-miżuri fiskali kkontestati kien irriżervat għal “ċerti impriżi” skond l-Artikolu 87(1) KE (ara sentenza Disputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, punt 157).

58      Madankollu, ir-rikorrenti jissottomettu li l-kreditu tat-taxxa stabbilit permezz tal-miżuri fiskali kkontestati għandu jkun ikkunsidrat bħala li huwa ġġustifikat minn natura jew mill-istruttura tas-sistema fiskali peress li dan jissodisfa kriterji oġettivi uniformament applikabbli u jservi sabiex jitwettaq l-għan segwit mid-dispożizzjonijiet fiskali li jistabbilixxuh.

59      F’dan ir-rigward huma jispjegaw li l-inċentiv għall-investiment, li l-kreditu tat-taxxa kien intiż li joħloq, huwa neċessarju f’żona li normalment tattira ftit operaturi ekonomiċi. Huma jżidu li meta Stat jinkoraġġixxi l-investiment u jirnexxielu jattira impriżi sabiex jistabbilixxu rwieħhom fit-territorju tiegħu, tali Stat jiżgura d-dħul ta’ taxxi futuri għaliex l-impriżi kkonċernati jkunu intaxxati f’dan l-Istat. L-għan imfittex mill-miżuri fiskali tat-territorji storiċi in kwistjoni huwa għalhekk, bħal fil-każ ta’ tali miżuri Statali, li jinġabar l-akbar ammont ta’ taxxi possibbli.

60      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li miżura ta’ l-Istat, li hija ġġustifikata minn natura jew mill-istruttura ġenerali tas-sistema li hija tagħmel parti minnha, ma tissodisfax il-kundizzjoni tas-selettività anki jekk tali miżura tnissel vantaġġ għal dawk li jibbenefikaw minnha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni magħrufa bħala “Maribel”, C-75/97, Ġabra, p. I-3671, punt 33, u tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C-143/99, Ġabra, p. I-8365, punt 42).

61      Sabiex jiġi evalwat jekk, f’dan il-każ, din il-ġustifikazzjoni hijiex applikabblli, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-limitazzjoni taċ-ċirku tal-benefiċjarji potenzjali tal-kreditu tat-taxxa hijiex iġġustifikata mil-loġika interna tas-sistema fiskali Baska (ara sentenza Disputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, punt 164).

62      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel nett tfakkar li l-fatt li l-miżuri fiskali kkontestati jissodisfaw kriterji u kundizzjonijiet oġġettivi mhuwiex tali li juri li l-limitazzjoni taċ-ċirku tal-benefiċjarji għall-impriżi li jagħmlu investimenti ta’ mill-inqas ESP 2.5 biljun hija ġġustifikata mil-loġika interna tas-sistema fiskali tat-tliet territorji storiċi kkonċernati (ara s-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, iċċitata fil-punt 60 iktar ’il fuq, punt 53).

63      Fir-rigward ta’ l-argument li l-kreditu tat-taxxa huwa intiż sabiex jinkoraġġixxi l-iżvilupp ekonomiku tal-Pajjiż Bask , il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-għan li miżura trid tilħaq ma jistax jippermettilha taħrab milli tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE (ara sentenza Disputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, punt 168 u r-referenzi ċċitati fiha).

64      Fl-aħħar nett, l-argument ibbażat fuq iż-żieda sussegwenti fid-dħul fiskali huwa diffiċilment konċiljabbli ma’ l-għoti ta’ tnaqqis fiskali. Anki jekk dan kien il-każ, għan bħal dan jista’ jiġi milħuq ukoll permezz ta’ miżuri fiskali ta’ natura ġenerali (ara sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2002, Disputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T-92/00 u T-103/00, Ġabra p. II-1385, punt 62).

65      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi fid-Deċiżjonijiet ikkontestati kkunsidrat, b’mod provviżorju, li l-kreditu tat-taxxa stabbilit permezz tal-miżuri fiskali kkontestati huwa miżura selettiva skond l-Artikolu 87(1) KE peress li dan jiffavorixxi biss lil dawk l-impriżi li jagħmlu investimenti ta’ iktar minn ESP 2.5 biljuni.

66      F’dawn il-kundizzjonijiet m’hemmx iktar lok li jiġi eżaminat ukoll jekk il-Kummissjoni setgħetx raġonevolment tikkonstata, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li hija kellha fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet ikkontestati, li l-awtoritajiet tat-taxxa Baski kellhom setgħa diskrezzjonali f’dak li jikkonċerna l-għoti tal-kreditu tat-taxxa u, li din l-allegata setgħa diskrezzjonali kienet wkoll ta’ natura li trendi selettivi l-miżuri fiskali kkontestati (ara iktar ’il fuq il-punt 20).

67      It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma rnexxiliex turi li l-kreditu tat-taxxa stabbilit permezz tal-miżuri fiskali kkontestati jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ intraKomunitarju. Huma jenfasizzaw li qabel ma miżura tista’ tkun ikkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat, jeħtieġ li din ikollha effett reali u sostanzjali fuq il-kompetizzjoni (sentenzi tal-25 ta’Ġunju 1970, Franza vs Il-Kummissjoni, 47/69, Ġabra p. 487, punt 16, ta’ l-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, 248/84, Ġabra p. 4013, punt 18, u tat-2 ta’ Frar 1988, Van der Kooy et vs Il-Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219, punt 58).

68      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li fil-każ ta’ allegata skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha tistudja l-karatteristiċi ta’ l-iskema kkonċernata sabiex tevalwa jekk din tagħtix vantaġġ sinjifikattiv lill-benefiċjarji meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom u jekk din hijiex ta’ natura li essenzjalment tibbenefika lill-impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn Stati Membri (ara sentenza Maribel, iċċitata fil-punt 60 iktar ’il fuq, punt 48, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-310/99, Ġabra p. I-2289, punt 89). F’każ bħal dan, fejn allegata skema ta’ għajnuna mill-Istat ma kinitx ġiet innotifikata, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, u iktar u iktar tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, m’għandhiex tinkludi evalwazzjoni attwalizzata ta’ l-effetti ta’ l-iskema fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn Stati Membri (ara sentenza Maribel, iċċitata fil-punt 60 iktar ’il fuq, punt 48).

69      Fid-Deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni setgħet raġonevolment ikkunsidrat, provviżorjament, li l-miżuri fiskali kkontestati, li jillimitaw fil-fatt l-għoti tal-kreditu tat-taxxa lill-impriżi li għandhom riżorsi finanzjarji sostanzjali, jiżguraw vantaġġ sinjifikattiv lill-benefiċjarji ta’ dan il-vantaġġ fiskali meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom u huma ta’ natura li jibbenefikaw essenzjalment lil impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn Stati Membri.

70      L-argumenti tar-rikorrenti, kif esposti fil-punt 67, għandhom għalhekk ukoll jiġu miċħuda.

71      Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, tikkunsidra li eżami preliminari ma kienx ippermettilha tegħleb id-diffikultajiet kollha li tqajjmu mill-kwistjoni dwar jekk il-vantaġġ fiskali in kwistjoni jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE.

72      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 88(2) u (3) KE

73      L-ewwel nett, ir-rikorrenti fil-kawżi T-271/99 u T-272/99 isostnu li l-kreditu tat-taxxa, li hu s-suġġett tad-Deċiżjonijiet ikkontestati, jikkostitwixxi għajnuna eżistenti.

74      Qabel kollox, f’dan ir-rigward, huma jirrilevaw li l-vantaġġ fiskali in kwistjoni kien diġà jeżisti fit-Territorios Históricos ta’ Álava u ta’ Vizkaya qabel l-adeżjoni ta’ Spanja mal-Komunità. Fil-fatt, dan kien ġie stabbilit fl-1984. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-kreditu tat-taxxa, anki jekk kellu jiġi klassifikat bħala għajnuna, kien jikkostitwixxi għajnuna eżistenti. Konsegwentement, id-deċiżjonijiet ikkontestati, li jiftħu proċedura prevista għal għajnuna ġdida, huma illegali.

75      Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, jeħtieġ li jkun ikkonstatat li l-vantaġġ fiskali kkonċernat kien ġie mogħti abbażi ta’ strumenti legali adottati meta Spanja kienet diġà Stat Membru, jiġifieri n-Norma Foral 22 Nru 22/1994, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1991, ta’ Álava u n-Norma Foral Nru 7/1996, tas-26 ta’ Diċembru 1996, ta’ Vizkaya (ara, f’dan ir-rigward, sentenza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T 127/99, T 129/99 u T-148/99, iċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, punti 171 sa 177). Barra minn dan, ir-rikorrenti ma jressqu ebda prova li teżisti identiċità u kontinwità bejn il-vantaġġ fiksali allegatament stabbilit fl-1984 u l-kreditu tat-taxxa kopert mid-Deċiżjonijiet ikkontestati.

76      Fis-seduta, ir-rikorrenti reġgħu affermaw li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat evolva maż-żmien, fenomenu rikonoxxut mill-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament “dwar il-proċedura rigward l-għajnuna mill-Istat”. Huma jsostnu li, meta kienu adottati l-miżuri fiskali kkontestati, il-Kummissjoni ma kinitx tikkunsidra vantaġġi fiskali, bħal dak li hu s-suġġett tad-Deċiżjonijiet kkontestati, bħala miżura selettiva. Il-bidla tal-kriterji ta’ selettività applikati mill-Kummissjoni maż-żmien kellha bħala effett li jekk il-kreditu tat-taxxa kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, dan kellu jkun ikkunsidrat bħala għajnuna eżistenti.

77      In sostenn ta’ l-argument tagħhom, ir-rikorrenti jirreferu għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/337/KEE ta’ l-10 ta’ Mejju 1993 dwar skema ta’ għajnuna fiskali għall-investiment fil-Pajjiż Bask (ĠU 1993 L 134, p. 25) u għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/369/KE tat-13 ta’ Marzu 1996 dwar għajnuna fiskali fil-forma ta’ deprezzament favur il-kumpanniji ta’ l-ajru Ġermaniżi (ĠU L 146, p. 42). Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ regoli dwar għajnuna mill-Istat għall-miżuri li jaqgħu taħt it-tassazzjoni diretta ta’ l-impriżi, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta’ Diċembru 1998 (ĠU C 384, p. 3) kienet ħarġet, għall-ewwel darba, il-bidla fil-kriterji ta’ selettività applikati mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-miżuri fiskali mill-angolu ta’ l-Artikolu 87(1) KE.

78      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar f’dan ir-rigward li, skond l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament “dwar il-proċedura rigward l-għajnuna mill-Istat”, “għajnuna li tinftiehem li hi għajnuna eżistenti minħabba li jista’ jitwaqqaf li meta daħlet fis-seħħ ma kkostitwietx għajnuna, u sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma nbidlet mill-Istat Memrbu.” tikkostitwixxi għajnuna eżistenti.

79      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-provi ppreżentati mir-rikorrenti ma jwasslux għall-konklużjoni li l-kriterji ta’ selettività applikati mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-miżuri fiskali fid-dawl ta’ l-Artikolu 87(1) KE kienu nbidlu wara l-adozzjoni tal-miżuri fiskali kkontestati. Fiż-żewġ deċiżjonijiet iċċitati fil-punt 77 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri fiskali eżaminati kienu ta’ natura selettiva u kklassifikathom bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni. Ebda element minn dawn id-deċiżjonijiet ma jwassal għall-konklużjoni li l-Kummissjoni kienet tikkunsidra l-miżuri fiskali kkontestati bħal miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87(1) KE kieku eżaminathom meta kienu ġew adottati. F’dak li jirrigwarda il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 1998, li hija bbażata sostanzjalment fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza, din tagħmel xi kjarifiki dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 KE u 88 KE għall-miżuri fiskali. Madankollu, f’din il-komunikazzjoni, il-Kummisjoni ma tiddikjarax bidla fil-prassi deċiżjonali tagħha fil-każ ta’ l-evalwazzjoni ta’ miżuri fiskali fid-dawl ta’ l-Artikolu 87 KE u 88 KE.

80      Anki kieku r-rikorrenti rnexxielhom jistabbilixxu bidla fil-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, l-argument ibbażat fuq in-natura eżistenti tal-miżuri fiskali kkontestati ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma jurux li l-bidla tal-kriterji ta’ selettività applikati mill-Kummissjoni tirriżulta minn “evoluzzjoni tas-suq komuni” skond l-Artikolu 1(b) tar-Regolament “dwar il-proċedura rigward l-għajnuna mill-Istat”. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li n-natura ta’ għajnuna eżistenti jew ta’ għajnuna ġdida ta’ miżura Statali ma tistax tiddependi fuq evalwazzjoni suġġettiva tal-Kummissjoni u għandha tiġi stabbilita independentement minn kull prattika amministrattiva preċedenti tal-Kummissjoni (sentenza Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 38 iktar ’il fuq, punt 121).

81      It-tieni nett, fit-tliet kawżi, matul is-seduta r-rikorrenti sostnew li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 88(2) KE peress li fid-Deċiżjonijiet ikkontestati hija ma qajmitx dubji dwar il-klassifikazzjoni tal-kreditu tat-taxxa bħala għajnuna mill-Istat. Huma jenfasizzaw li għaldaqstant, fid-Deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni ħadet deċiżjoni definittiva fuq dan il-punt. Għaldaqstant, id-drittijiet proċedurali li r-rikorrenti jisiltu mill-Artikolu 88(2) kienu ġew miksura.

82      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-Kummissjoni hija marbuta li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali kemm il-darba eżami preliminari ma jippermettilhiex tegħleb id-diffikultajiet kollha mqajjma mill-kwistjoni dwar jekk il-miżura eżaminata tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE, jew ta’ l-inqas meta, matul dan l-eżami preliminari, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi li anki jekk il-miżura kkonċernata tikkostitwixxi għajnuna, din xorta waħda hija kompatibbli mas-suq komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata fil-punt 45 iktar ’il fuq u BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 45 iktar ’il fuq, punt 166). Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tinkludi evalwazzjoni provviżorja kemm tal-klassifika tal-miżura bħala għajnuna mill-Istat kif ukoll tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni.

83      Huwa għalhekk li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament “dwar il-proċedura rigward l-għajnuna mill-Istat” jipprovdi li d-deċiżjoni li ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, minn naħa “għandha tinkludi stima [evalwazzjoni] preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karattru tal-miżura proposta” u, min-naħa l-oħra, “għandha tqiegħed id-dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni”.

84      Għaldaqstant, il-fatt li, fid-Deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni ma wrietx espliċitament dubji fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tat-taxxa bħala għajnuna mill-Istat, bl-ebda mod ma juri li din il-klassifikazzjoni ma kinitx provviżorja (ara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il-Kummissjoni, 323/82, Ġabra p. 3809, punt 21). Fil-fatt, f’deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni hija obbligata tesponi espliċitament dubji biss f’dak li jirrigwarda l-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq komuni.

85      In-natura neċessarjment provviżorja tal-klassifikazzjoni tal-miżura Statali bħala għajnuna mill-Istat f’deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali hija wkoll ikkonfermata mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament “dwar il-proċedura rigward l-għajnuna mill-Istat” li jipprovdi li fit-tmiem tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li l-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

86      Fl-aħħar nett, mill-osservazzjonijiet tar-rikorrenti magħmula wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u li kienu mibgħuta lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Novembru 1999, jirriżulta li r-rikorrenti stess ikkunsidraw li, fid-Deċiżjonijiet kkontestati, il-Kummissjoni kklassifikat provviżorjament il-kreditu tat-taxxa bħala għajnuna mill-Istat. Fl-osservazzjonijiet tagħhom huma fil-fatt jistiednu lill-Kummissjoni tagħlaq il-proċedura billi tiddeċiedi li l-vantaġġ fiskali in kwistjoni ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

87      It-tielet nett, ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni kklassifikat il-kreditu tat-taxxa stabbilit mill-miżuri fiskali in kwistjoni bħala għajnuna illegali minħabba li l-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 88(3) KE ma kienx ġie osservat. Peress li l-kreditu tat-taxxa ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE, l-awtoritajiet Spanjoli ma kellhom ebda obbligu ta’ notifika.

88      Madankollu, mill-analiżi li saret fil-punti 73 sa 80 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni setgħat ġustament tikkunsidra li jekk il-kreditu tat-taxxa kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, dan kellu jiġi kkunsidrat bħala għajnuna ġdida. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha d-dritt tikkunsidra, b’mod provviżorju, li l-awtoritajiet Spanjoli kienu kisru l-Artikolu 88(3) KE billi naqsu milli jinnotifikaw minn qabel dawn il-miżuri lill-Kummissjoni. Kull interpretazzjoni oħra ta’ l-Artikolu 88(3) KE tista’ twassal sabiex trendi bla effett l-obbligu ta’ notifika minn qabel ta’ għajnuna ġdida.

89      Minn dak li jippreċedi jirriżulta li t-tieni motiv għandu wkoll jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq-użu ħażin ta’ poter

90      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni għamlet użu ħażin mill-poter tagħha billi użat id-dritt ta’ azzjoni li hija għandha taħt l-Artikoli 87 KE u 88 KE sabiex fir-realtà tilħaq għanijiet ta’ armonizzazzjoni fiskali.

91      Ir-rikorrenti jsostnu li d-Deċiżjonijiet ikkontestati jifformaw parti minn proċess globali imwettaq mill-Kummissjoni intiż sabiex tiġi kkontestata s-sistema fiskali Baska kollha. Il-Kummissjoni qiegħda tipprova twettaq ċerta armonizzazzjoni fiskali permezz tal-politika ta’ għajnuna mill-Istat minflok ma tuża l-mezz adatt previst mit-Trattat għal dan il-għan, jiġifieri l-proċedura prevista fl-Artikoli 96 KE u 97 KE.

92      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li deċiżjoni tista’ tkun ivvizzjata b’użu ħażin ta’ poter biss jekk din tidher, abbażi ta’ provi oġġettivi, rilevanti u konsistenti, li ttieħdet bil-għan esklużiv, jew ta’ l-inqas deċiżiv, li tilħaq finijiet oħra għajr dawk li kienu ddikjarati (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 1990, Pitrone vs Il-Kummissjoni, T-46/89, Ġabra p. II-577, punt 71 u tas-6 ta’ Marzu 2000, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T-92/00 u T-103/00, iċċitata fil-punt 64 iktar ’il fuq , punt 84).

93      Il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali huwa intiż sabiex jippermetti lill-Kummissjoni tikseb l-opinjonijiet kollha neċessarji sabiex tkun tista’ tadotta deċiżjoni definittiva fuq il-klassifikazzjoni tal-miżura eżaminata u l-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (ara, f’dan is-sens, sentenzi Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 47 iktar ’il fuq, punt 33, u British Airways et u British Midlands Airways vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 47 iktar ’il fuq, punt 59).

94      Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ressqu ebda prova oġġettiva li tippermetti li jiġi konkluż li l-għan veru tal-Kummissjoni meta adottat id-Deċiżjonijiet ikkontestati ma kienx dak li tikseb tali opinjonijiet. L-argument kollu tagħhom huwa bbażat fuq spekulazzjonijiet suġġettivi dwar motivi eventwali wara d-Deċiżjonijiet ikkontestati.

95      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter għandu wkoll jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi

96      Ir-rikorrenti jfakkru li l-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 93/337 li fiha hija ddikjarat li ċerti vantaġġi fiskali fis-seħħ fil-Pajjiż Bask, b’mod partikolari l-kreditu tat-taxxa għall-investimenti mwettqa, kienu jikkostitwixxu għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni minħabba li dawn kienu jmorru kontra l-Artikolu 43 KE. Madankollu, il-Kummissjoni ma kienet qajjmet ebda oġġezzjoni dwar il-fatt li l-applikazzjoni tal-kreditu tat-taxxa hija suġġetta għat-twettiq ta’ investiment minimu.

97      Skond ir-rikorrenti, meta, fid-Deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni kkonstatat li l-kundizzjoni li investiment minimu ta’ ESP 2.5 biljun trendi selettiv il-kreditu tat-taxxa, hija kisret l-aspettattivi leġittimi tagħhom.

98      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-miżuri fiskali msemmija fid-Deċiżjoni 93/337 huma differenti minn dawk imsemmija fid-Deċiżjonijiet ikkontestati. Fil-fatt, id-Deċiżjoni 93/337 tikkonċerna l-għajnuna fiskali stabbilita minn Normas Forales Nru 28/1988 ta’ Álava, Nru 8/1988 ta’ Vizcaya u Nru 6/1988 ta’ Guipúzcoa.

99      Ċertament id-Deċiżjoni 93/337 tikkonċerna wkoll miżuri fiskali li jistabbilixxu kreditu tat-taxxa fil-Pajjiż Bask. Madankollu, il-fatt li l-Kummissjoni bbażat is-selettività tal-miżuri fiskali eżaminati f’din id-deċiżjoni fuq il-konstatazzjoni li l-kreditu tat-taxxa kien japplika biss għall-entitajiet li joperaw esklużivament fil-Pajjiż Bask, ma jfissirx li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonstata s-selettività ta’ dawn il-miżuri fuq il-bażi ta’ kriterju ieħor.

100    Minn dan jirriżulta li d-Deċiżjoni 93/337 li fiha – għandu jiġi enfasizzat – il-kreditu tat-taxxa stabbilit minn Normas Forales ta’ l-l988, kien ġie ddikjarat inkompatibbli mas-suq komuni, ma setgħetx nislet fir-rigward tar-rikorrenti aspettativi fondati li l-Kummissjoni ma kinitx ser tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-kreditu tat-taxxa stabbilit mill-miżuri fiskali kkontestati.

101    Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 253 KE

102    Ir-rikorrenti jsostnu li d-Deċiżjonijiet ikkontestati m’humiex immotivati biżżejjed. L-ewwel nett, il-motivazzjoni tad-Deċiżjonijiet ikkontestati hija inqas iddettaljata minn dik li hemm fid-Deċiżjonijiet 1999/718 dwar Demesa u 2000/795 dwar Ramondin. It-tieni nett, fid-Deċiżjonijiet ikkontestati l-Kummissjoni naqset milli teżamina sa fejn jista’ jkun possibbli li jiġi kkunsidrat li l-kreditu tat-taxxa huwa ġġustifikat minn natura jew mill-istruttura tas-sistema fiskali Baska. It-tielet nett, il-Kummissjoni naqset milli tagħmel eżami konkret ta’ l-effett li l-kreditu tat-taxxa jista’ jkollu fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn Stati Membri. Fl-aħħar u r-raba’ nett, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-kreditu tat-taxxa mas-suq komuni m’hijiex immotivata biżżejjed.

103    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adatta għan-natura ta’ l-att in kwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament ta’ l-istituzzjoni, awtriċi ta’ l-att, b’mod li dawk li huma kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-kontroll tagħha. M’hemmx bżonn li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi rilevanti kollha ta’ fatt u dritt peress li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax r-rekwiżiti kollha ta’ l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata fil-punt 45 iktar ’il fuq, punt 63).

104    Sabiex tkun evalwata l-portata ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 6 tar-Regolament “proċedura dwar għajnuna mill-Istat”, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tista’ tillimita ruħha li tiġbor fil-qosor l-elementi rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, li tinkludi “evalwazzjoni provviżorja” tal-miżura Statali in kwistjoni intiża sabiex tistabbilixxi jekk din il-miżura għandhiex in-natura ta’ għajnuna, u li tesponi r-raġunijiet li jwasslu għal dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni.

105    Għaldaqstant, deċiżjoni ta’ ftuħ għandha tpoġġi lill-partijiet ikkonċernati f’pożizzjoni li jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fejn ikollhom il-possibbiltà li jissottomettu l-argumenti tagħhom. Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li l-partijiet ikkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni tikkunsidra, b’mod provviżorju, li l-miżura in kwistjoni setgħet tikkostitwixxi għajnuna ġdida inkompattibli mas-suq komuni (sentenza Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 38 iktar ’il fuq, punt 138).

106    Fid-Deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni tiddikjara b’mod ċar il-motivi li abbażi tagħhom hija tikkonkludi provviżorjament li l-miżuri fiskali in kwistjoni jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat [punt 2 tad-Deċiżjoni SG (99) D/6871 u punt 3.1 tas-sommarju tagħha; Deċiżjoni SG (99) D/6873, ĠU 2000, C 71, p. 11, u punt 2.1 tas-sommarju tagħha]. Sussegwentement, hija tesponi r-raġunijiet li għalihom hija tikkunsidra li hemm dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżuri fiskali mas-suq komuni [punt 4 tad-Deċiżjoni SG (99) D/6871 u punt 3.3 tas-sommarju tagħha; Deċiżjoni SG (99) D/6873, ĠU 2000, C 1, p. 12, u punt 2.3 tas-sommarju tagħha].

107    Għaldaqstant, il-motivi tad-Deċiżjonijiet ikkontestati ppermettew lir-rikorrenti jkunu jafu r-raġunament li wassal lill-Kummissjoni tadotta d-Deċiżjonijiet ikkontestati u lill-Qorti Komunitarja teżerċita l-kontroll ta’ legalità tagħha.

108    Barra minn hekk, l-analiżi ta’ l-osservazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali turi li huma ma kinux fehmu ħażin l-argument żviluppat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjonijiet ikkontestati.

109    F’dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjonijiet kkontestati huma mmotivati biżżejjed.

110    Jeħtieġ għalhekk li anki dan l-aħħar motiv jiġi miċħud.

111    Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, ir-rikorsi huma miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

112    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din ta’ l-aħħar

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla Estiża),

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Ir-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

Jaeger

García-Valdecasas

Lenaerts

Lindh

 

      Azizi

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Ottubru 2002.

H. Jung

 

      K. Lenaerts

Reġistratur

 

      President


*Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.