Language of document : ECLI:EU:C:2019:276

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI GÉNÉRAL

SZPUNAR

ippreżentati fit-28 ta’ Marzu 2019 (1)

Kawża C172/18

AMS Neve Ltd,

Barnett Waddingham Trustees,

Mark Crabtree

vs

Heritage Audio SL,

Pedro Rodríguez Arribas

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili), ir-Renju Unit))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ġurisdizzjoni – Azzjoni ta’ ksur– Territorju li fih l-att ta’ ksur ikun twettaq jew fejn tkun saret it-theddida li jitwettaq – Reklamar u offerti għal bejgħ ippubblikati fuq sit internet”






I.      Introduzzjoni

1.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jistieden lill-Qorti tal‑Ġustizzja sabiex tiddeċiedi, essenzjalment, u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet, skont l-Artikolu 97(5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (2), l-awtur ta’ allegat ksur, li jikkonsisti fir-reklamar u l‑offerta għal bejgħ ta’ prodotti b’sinjal identiku għal trade mark tal‑Unjoni Ewropea permezz ta’ sit internet, jista’ jitressaq quddiem qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsabu kummerċjanti u konsumaturi li huma l-mira ta’ dan is-sit internet.

2.        Essenzjalment, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja soluzzjoni intermedja, li tissodisfa l‑isfidi ppreżentati mill-karatteristiċi tas-sistema ta’ trade marks tal‑Unjoni Ewropea, stabbilita bir-Regolament Nru 207/2009, u adattata għall-partikolarità tal-kummerċ onlajn. B’mod iktar preċiż, l-analiżi tiegħi twassalni sabiex nikkunsidra li huwa l-fatt li konsumaturi u kummerċjanti ta’ Stat Membru huma speċifikatament il-mira ta’ sit internet li jippermetti li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati tat‑trade marks tal-Unjoni Ewropea bis-saħħa tal-Artikolu 97(5) ta’ dan ir‑regolament.

II.    Il-kuntest ġuridiku

3.        Fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tinvoka, minn naħa waħda, dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009, kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 (3), u, min-naħa l-oħra, dawk tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 (4), li ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 44/2001 (5).

4.        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw l-azzjonijiet ta’ ksur tagħhom fil-15 ta’ Ottubru 2015. Għalkemm id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012 kienu applikabbli b’effett mill‑10 ta’ Jannar 2015, dawk tar-Regolament Nru 2015/2424, bħala regola, kienu applikabbli biss b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2017. Għalhekk, f’dawn il-konklużjonijiet, ser nirreferi għad-dispożizzjonijiet tar‑Regolamenti Nri 207/2009 u 1215/2012. Barra minn hekk, mill‑Artikolu 80 ta’ dan l-aħħar regolament jirriżulta li r-riferimenti kollha tar-Regolament Nru 207/2009 għar-Regolament Nru 44/2001 huma mifhuma bħala li saru għar-Regolament Nru 1215/2012.

5.        L-Artikolu 94(1) u (2)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi:

“1.      Sakemm dan ir-regolament ma jispeċifikax mod ieħor, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament [Nru 1215/2012] għandhom japplikaw għall-proċedimenti li jirrigwardaw it-trade marks [tal-Unjoni Ewropea] u l-applikazzjonijiet għal trade marks [tal-Unjoni Ewropea] kif ukoll għal proċedimenti li jirrigwardaw l-kawżi simultaneji u suċċessivi fuq il-bażi ta’ trade marks [tal-Unjoni Ewropea] u trade marks nazzjonali.

2.      F’każ ta’ proċedimenti li jirrigwardaw il-kawżi u t-talbiet imsemmija fl-Artikolu 96:

(a)      l-Artikolu [4, l-Artikolu 6, il-punti 1 sa 3 u 5 tal-Artikolu 7 u l‑Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1215/2012] ma japplikawx;”

6.        Skont l-Artikolu 95(1) ta’ dan ir-regolament:

“L-Istati Membri għandhom jinnominaw fit-territorji tagħhom numru kemm jista’ jkun limitat ta’ qrati u tribunali nazzjonali tal-ewwel u tat‑tieni istanza, minn issa msejjħa ‘Il-qrati tat-trade marks [tal-Unjoni Ewropea]’, li għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet mogħtija lilhom minn dan ir-Regolament.”

7.        L-Artikolu 96 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Il-qrati tat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] għandhom ġurisdizzjoni esklussiva fuq:

(a)      kull kawża ta’ vjolazzjoni u – jekk dawn huma permissibbli taħt il‑liġi nazzjonali – kawżi dwar theddida ta’ vjolazzjoni ta’ trade marks [tal-Unjoni Ewropea];

[…]”

8.        L-Artikolu 97(1) u (5) tal-istess regolament jipprevedi:

“1.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament kif ukoll għal kull dispożizzjoni tar-Regolament [Nru 1215/2012] applikabbli bis‑saħħa tal-Artikolu 94, il-proċedimenti li jirrigwardaw l-azzjonijiet u t-talbiet msemmija fl-Artikolu 96 għandhom jinfetħu fil-qrati tal-Istat Membru fejn il-konvenut għandu d-domiċilju tiegħu jew, jekk huwa m’għandu domiċilju f’ebda Stat Membru, fejn huwa għandu stabbiliment.

[…]

5.      Il-proċedimenti li jirrigwardaw l-azzjonijiet u t-talbiet msemmija fl‑Artikolu 96, bl-eċċezzjoni tal-kawżi għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ vjolazzjoni ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea], jistgħu jinfetħu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn l-att ta’ vjolazzjoni ikun twettaq jew fejn tkun saret it-theddida […].”

9.        Skont l-Artikolu 98 tar-Regolament Nru 207/2009:

“1.      Qorti ta’ trade marks [tal-Unjoni Ewropea] li għandha ġurisdizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 97(1) sa (4) għandha ġurisdizzjoni fir-rigward ta’:

(a)      atti ta’ vjolazzjoni mwettqa jew mhedda fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri;

[…]

2.      Qorti ta’ trade marks [tal-Unjoni Ewropea] li għandha ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 97(5) għandha ġurisdizzjoni biss fir-rigward ta’ atti mwettqa jew mhedda fit-territorju tal-Istat Membru fejn tinsab dik il‑Qorti.”

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali

10.      AMS Neve Ltd hija kumpannija stabbilita fir-Renju Unit li timmanifattura u tikkummerċjalizza apparat awdjofoniku. Mark Crabtree huwa amministratur ta’ AMS Neve. M. Crabtree huwa, flimkien ma’ Barnett Waddingham Trustees (iktar ’il quddiem “BW Trustees”), kumpannija stabbilita wkoll fir-Renju Unit, il-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni u ta’ żewġ trade mark nazzjonali oħra rreġistrati fir-Renju Unit. AMS Neve hija l-konċessjonarja ta’ liċenzji esklużivi għal dawn it-tliet trade marks.

11.      Heritage Audio SL hija kumpannija stabbilita fi Spanja li tikkummerċjalizza apparat awdjofoniku. Pedro Rodríguez Arribas, iddomiċiljat fi Spanja, huwa l-uniku amministratur ta’ Heritage Audio.

12.      Fil-15 ta’ Ottubru 2015, AMS Neve, BW Trustees u M. Crabtree (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”) ressqu lil Heritage Audio u Rodríguez Arribas (iktar ’il quddiem il-“konvenuti fil-kawża prinċipali”) quddiem l-Intellectual Property and Enterprise Court (il-Qorti tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Impriżi, ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem l‑“IPEC”), billi ppreżentaw azzjonijiet ta’ ksur tat-trade mark tal‑Unjoni Ewropea u taż-żewġ trade marks nazzjonali rreġistrati fir-Renju Unit.

13.      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali akkużaw lill-konvenuti fil-kawża prinċipali li offrew għal bejgħ lil konsumaturi fir-Renju Unit imitazzjonijiet ta’ prodotti ta’ AMS Neve b’sinjali, jew b’riferiment għal sinjali, li huma identiċi jew simili għat‑trade mark tal-Unjoni Ewropea u għat-trade marks nazzjonali inkwistjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali invokaw il-kontenut tas-sit internet ta’ Heritage Audio u kontijiet ta’ Facebook u Twitter tagħha, fattura maħruġa minn Heritage Audio lil individwu residenti fir-Renju Unit, skambju ta’ posta elettronika bejn Heritage Audio u ħanut fir-Renju Unit għal eventwali kunsinni ta’ apparat awdjofoniku, kif ukoll il-kontenut ta’ konverżazzjoni bejn avukat tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u rappreżentant ta’ SX Pro, li huwa d‑distributur fir-Renju Unit tal-prodotti tal-konvenuti fil-kawża prinċipali.

14.      Fir-rigward tas-sit internet ta’ Heritage Audio, ir-rikorrenti fil‑kawża prinċipali ppreżentaw stampi tal-iskrin li juru offerti ta’ bejgħ ta’ apparat awdjofoniku b’sinjali identiċi jew simili għat-trade mark tal‑Unjoni inkwistjoni. Huma ġibdu wkoll l-attenzjoni għall-fatt li l‑kontenut ta’ dan is-sit kien redatt bil-lingwa Ingliża u li sezzjoni ta’ dan is-sit intitolata “where to buy” (“fejn tixtri”) telenka d-distributuri fil‑pajjiżi differenti inkluż SX Pro fir-Renju Unit. Barra minn hekk, skont il-kundizzjonijiet ta’ bejgħ ippubblikati fuq l-imsemmi sit, Heritage Audio taċċetta ordnijiet minn kull Stat Membru tal-Unjoni.

15.      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali kkontestaw id-dikjarazzjoni li huma rreklamaw, offrew għal bejgħ, biegħu jew ipprovdew xi prodott fir-Renju Unit u sostnew li l-partijiet tas-sit internet invokati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu “spiċċaw”.

16.      Konsegwentement, l-IPEC irrikonoxxiet ruħha bħala li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi kawżi relatati ma’ trade marks nazzjonali rreġistrati fir-Renju Unit. Din il-qorti kkonstatat li, minkejja li l‑konvenuti fil-kawża prinċipali kienu stabbiliti fi Spanja, dawn setgħu jitressqu, bis-saħħa tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż ikun twettaq minħabba l-att ta’ ksur tagħhom u, fir-rigward ta’ drittijiet nazzjonali ta’ proprjetà intellettwali inkwistjoni, li l-post fejn seħħ l-avveniment dannuż kien dak fejn dawk id-drittijiet kienu jeżistu.

17.      L-IPEC ikkonstatat li, min-naħa l-oħra, hija ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi l-azzjoni ta’ ksur tat-trade mark tal‑Unjoni Ewropea. Filwaqt li tefgħet l-attenzjoni tagħha fuq is-sit internet ta’ Heritage Audio u fuq l-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 1215/2012, dispożizzjoni invokata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-IPEC ikkonstatat li huma biss il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l‑konvenuti fil-kawża prinċipali ħadu miżuri sabiex juru s-sinjali inkwistjoni fis-sit internet, jew ħadu deċiżjonijiet f’dan is-sens, li kellhom ġurisdizzjoni sabiex jeżaminaw l-azzjonijiet ta’ ksur tat-trade mark tal-Unjoni.

18.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell mid-deċiżjoni tal-IPEC quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili), ir-Renju Unit).

IV.    Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti talĠustizzja

19.      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili)) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“F’ċirkustanzi fejn impriża hija stabbilita u ddomiċiljata fi Stat Membru A u ħadet miżuri f’dak it-territorju sabiex tirreklama u toffri għal bejgħ prodotti taħt sinjal identiku għal trade mark tal-Unjoni permezz ta’ sit internet intiż għal kummerċjanti u għal konsumaturi ta’ Stat Membru B:

i)      qorti tat-trade marks tal-Unjoni fi Stat Membru B għandha ġurisdizzjoni li tiddeċiedi fuq azzjoni ta’ ksur tat-trade mark tal‑Unjoni minħabba dan ir-reklamar u din l-offerta għal bejgħ ta’ prodotti f’dak it-territorju?

ii)      fil-każ ta’ risposta negattiva, xi kriterji oħra għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni minn dik il-qorti tat-trade marks tal-Unjoni sabiex tiddetermina jekk għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq tali azzjoni?

iii)      sa fejn ir-risposta għal (ii) tirrikjedi li l-qorti tat-trade marks tal‑Unjoni tidentifika jekk l-impriża ħaditx miżuri attivi fl-Istat Membru B, liema kriterji għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk l-impriża ħaditx tali miżuri attivi?”

20.      Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ġermaniż u l‑Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil‑miktub. Il‑partijiet fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni ħadu sehem fis‑seduta li saret fis-17 ta’ Jannar 2019.

V.      Analiżi

21.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-fatt li konvenut, stabbilit u bis-sede tiegħu fi Stat Membru A, ħa miżuri fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru sabiex jirreklama u joffri għal bejgħ prodotti taħt sinjal identiku għal trade mark tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ sit internet intiż għal kummerċjanti u għal konsumaturi ta’ Stat Membru B huwiex biżżejjed sabiex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tal‑qrati tal-Istat Membru B fir-rigward ta’ azzjoni ta’ ksur abbażi tal-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Permezz tat-tieni u t‑tielet domanda tagħha, magħmula f’każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kriterji li jippermettu li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru B fis‑sitwazzjoni deskritta hawn fuq. Jiena ser nanalizza dawn it-tliet domandi flimkien. Mill-analiżi tiegħi ser jirriżulta li, mingħajr riżerva addizzjonali, il-kriterji msemmija mill-qorti tar-rinviju f’din id-domanda ma humiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni skont l‑Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

22.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha dubji prinċipalment dwar jekk ċerti kunsiderazzjonijiet magħmula fis-sentenzi Coty Germany (6) u Wintersteiger (7) kinux ġew trasposti, b’mod korrett, mill-IPEC għas-sitwazzjoni tal-każ ineżami fid‑deċiżjoni tagħha.

23.      Il-qorti tar-rinviju tammetti li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li l-post imsemmi fl-Artikolu 97(5) tar‑Regolament Nru 207/2009 huwa dak fejn l-awtur tal-ksur ikun aġixxa. B’hekk, il-qorti tar-rinviju la tikkontesta l-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Coty Germany (8) u lanqas il-fatt li dawn huma transponibbli għal ċirkustanzi bħal dawk fil-każ ineżami. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju ssostni li, kif jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenzi Pammer u Hotel Alpenhof (9) u L’Oréal et (10), f’ambjent ta’ internet, l-offerta għall-bejgħ ta’ prodotti taħt sinjali identiċi jew simili għal trade mark tal-Unjoni Ewropea, f’sit internet intiż għall-konsumaturi ta’ Stat Membru, jikkostitwixxi użu ta’ dan is-sinjal f’dan l-Istat Membru fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 207/2009 u aġir attiv fit-territorju tiegħu skont l-Artikolu 97(5) ta’ dan ir-regolament.

24.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet, f’sentenza reċenti (11), li l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 (12) mogħtija mill‑Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Nintendo (13) hija trasponibbli għall‑Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Issa, il‑qorti tar-rinviju għandha wkoll dubji dwar it-trasponibbiltà tal‑kunsiderazzjonijiet magħmula f’din is-sentenza għall-fatti fil-kawża prinċipali.

25.      Id-dibattitu bejn il-partijiet huwa kkonċentrat fuq l‑applikazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija f’dawn is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq għall-fatti tal-każ ineżami. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Ġermaniż huma tal-opinjoni li l-ewwel domanda għanda tingħata risposta pożittiva, filwaqt li l-konvenuti fil-kawża prinċipali u l‑Kummissjoni, li huma favur l-interpretazzjoni tal-Artikolu 97(5) tar‑Regolament Nru 207/2009 fid‑dawl tas-sentenzi Nintendo (14) u Wintersteiger (15), iqisu li l-fatt li kummerċjanti u konsumaturi ta’ Stat Membru jkunu l-mira tar-reklamar u l-offerta ta’ bejgħ permezz ta’ sit internet ma jiġġustifikax, fih innifsu, il-ġurisdizzjoni ta’ dan l-Istat Membru bis-saħħa tal-Artikolu 97(5) tar‑Regolament Nru 207/2009.

26.      Fid-dawl tad-dubji tal-qorti tar-rinviju u tal-argumenti tal-partijiet, ser nibda l-analiżi tiegħi b’xi kunsiderazzjonijiet ġenerali fuq l‑Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-interpretazzjoni testwali, sistematika u teleoloġika tiegħu. Sussegwentement, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali, ser inwieġeb għad-domanda dwar jekk għandhiex tiġi segwita s-sentenza Nintendo (16) fl-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Sussegwentement, ser nagħti risposta għad‑domanda analoga fir-rigward tas-sentenza Wintersteiger (17). Finalment, peress li dawn iż-żewġ domandi jeħtieġu risposti negattivi, nipproponi interpretazzjoni tal-fattur ta’ konnessjoni previst fl‑Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009 adattata għal dan ir-regolament.

A.      Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.      Fuq ir-rwol tal-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009 fis-sistema ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni ta’ dan ir-regolament

27.      Fil-qasam tat-trade marks tal-Unjoni, hemm diversi tipi ta’ kawżi, kif juri b’mod partikolari l-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 207/2009. Madankollu, din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda biss l-azzjonijiet ta’ ksur li permezz tagħhom il-proprjetarju ta’ trade mark jitlob il-kundanna ta’ terz għaliex, mingħajr il-kunsens tiegħu uża, fin‑negozju tiegħu, sinjal identiku jew simili għat-trade mark tiegħu għal prodotti identiċi jew simili għal dawk li għalihom din it-trade mark ġiet irreġistrata.

28.      Fir-rigward tal-azzjonijiet tal-ksur, mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jidderoga parzjalment mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, peress li dawn huma, għall-kuntrarju, kompletament applikabbli fir-rigward ta’ proċedimenti relatati ma’ trade marks nazzjonali.

29.      Billi għamel dan, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, fl‑Artikolu 97(1) sa (3) tar-Regolament Nru 207/2009, sensiela ta’ fatturi ta’ konnessjoni, l-ewwel wieħed id-domiċilju tal-konvenut fl-Unjoni u t‑tieni l-istabbiliment tal-konvenut fl-Unjoni. Fil-każ fejn il-konvenut la huwa ddomiċiljat u lanqas stabbilit fit-territorju tal-Unjoni, ir‑Regolament Nru 207/2009 jipprevedi l-ġurisdizzjoni tal-forum actoris, b’tali mod li t-tielet u r-raba’ fatturi ta’ konnessjoni ta’ din is-sensiela huma, rispettivament, id-domiċilju ta’ rikorrent fit-territorju tal-Unjoni u l-post tal-istabbiliment tiegħu fl-istess territorju. Finalment, skont ultima ratio, l-azzjonijiet ta’ ksur għandhom isiru quddiem il-qrati tas-sede tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea EUIPO (18).

30.      B’hekk, anki jekk la l-proprjetarju tat-trade mark u lanqas l-awtur tal-ksur allegat ma huma stabbilit fit-territorju tal-Unjoni, l-awtur ta’ dan il-ksur jista’ jitressaq quddiem il-qrati ta’ Stat Membru bis-saħħa tal‑Artikolu 97(1) sa (3) tar-Regolament Nru 207/2009, bil-kundizzjoni, ovvjament, li dan ir-regolament ikun applikabbli u li l-fatti kkritikati jikkostitwixxu ksur taħt l-imsemmi regolament.

31.      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009, azzjonijiet ta’ ksur jistgħu anki jsiru quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ikun twettaq il-ksur jew fejn tkun saret it-theddida li jitwettaq. B’hekk, permezz tal-fattur ta’ konnessjoni tal-post tal-att tal-ksur, din id-dispożizzjoni tipprevedi forum alternattiv fir-rigward ta’ azzjonijiet ta’ ksur. Madankollu, proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ ksur ta’ trade mark ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.

32.      Barra minn hekk, b’differenza mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl‑Artikolu 97(1) sa (4) tar-Regolament Nru 207/2009, dik prevista fl‑Artikolu 97(5) ta’ dan ir-regolament tistabbilixxi, kif jirriżulta mill‑Artikolu 98(2) tal-imsemmi regolament, il-ġurisdizzjoni biss sabiex tiddeċiedi dwar il-fatti kommessi jew li hemm theddida li jiġu kommessi fit-territorju tal-Istat Membru li fih tinsab il-qorti adita.

2.      Interpretazzjoni testwali tal-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009

33.      Kif juri d-dibattitu bejn il-partijiet, l-interpretazzjoni testwali tal‑Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009 tippermetti biss li jiġi kkonstatat li l-fattur ta’ konnessjoni previst f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-post tal-att tal-ksur, huwa relatat ma’ aġir attiv tal-awtur tal‑ksur. B’hekk, minn qari ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din tagħti l-ġurisdizzjoni lill-qrati tat-trade marks tal-Unjoni tal-Istat Membru fit‑territorju li fih konvenut wettaq l-att illegali allegat.

34.      Hija l-konklużjoni li għaliha waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis‑sentenza Coty Germany (19). Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja f’din is‑sentenza kkunsidrat li, permezz tal-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jidderoga mir-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, li fid-dawl tas-sentenza Bier (20) tagħti ġurisdizzjoni kemm lill-qrati tal-post tal-avveniment kawżali (“Handlungsort” skont id-duttrina Ġermaniża), kif ukoll lil dawk tal-post fejn sar id-dannu (“Erfolgsort” skont id-duttrina Ġermaniża). Bħala konsegwenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-fattur ta’ konnessjoni tal-post tal-att tal‑ksur previst previst fl-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jirreferix għat-territorju tal-Istat Membru fejn l-allegat ksur jipproduċi l-effetti tiegħu iżda dak fejn seħħ l-avveniment li minnu oriġina l-imsemmi ksur jew minn fejn kien hemm riskju li jseħħ (21).

35.      Iktar minn hekk, l-interpretazzjoni testwali tal-Artikolu 97(5) tar‑Regolament Nru 207/2009 ma tippermettix li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni dwar il-post tal-att tal-ksur meta dan l-att jitwettaq permezz ta’ sit internet. Għalhekk, id-domandi preliminari għandhom jiġu analizzati permezz ta’ metodi oħra ta’ interpretazzjoni (22).

3.      Interpretazzjonijiet sistematiċi u teleloġiċi

36.      Qabel xejn għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni tal‑Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009, inkwantu din id‑dispożizzjoni tirrigwarda t-territorju fejn l-att tal-ksur ikun twettaq jew fejn tkun saret it-thedidda li jitwettaq, tikkorrispondi ma’ dik tal‑Artikolu 98(2) ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda atti ta’ ksur imwettqa jew mhedda li jitwettqu fit-territorju ta’ kull Stat Membru. Dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien, jistabbilixxu, għall-benefiċċju tal‑qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-att ta’ ksur ikun twettaq jew fejn tkun saret it-theddida li jitwettaq, ġurisdizzjoni limitata għat‑territorju tal-Istat Membru li fih jaqgħu dawn il-qrati (23).

37.      Minħabba l-konnessjoni bejn l-Artikolu 97(5) u l-Artikolu 98(2) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa ċar li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod koerenti tallinqas sa fejn jirrigwardaw l-atti ta’ ksur imwettqa jew mhedda li jitwettqu.

38.      Ċertament, l-Artikolu 98(2) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jirrigwardax il-kwistjoni relatata man-nomina tal-qrati kompetenti sabiex jiddeċiedu dwar l-azzjonijiet ta’ ksur. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-portata territorjali tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea msemmija fl-Artikolu 97(5) ta’ dan ir‑regolament (24). Madankollu, l-Artikolu 98(2) u l-Artikolu 97(5) tar‑Regolament Nru 207/2009 jsemmu l-istess fatti mwettqa (jew mhedda li jitwettqu) fl‑istess post.

39.      Sussegwentement, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 98(1)(a) tar‑Regolament Nru 207/2009, li jirreferi għall-Artikolu 97(1) sa (4) ta’ dan ir-regolament, jirrigwarda wkoll l-atti ta’ ksur mwettqa jew mhedda li jitwettqu. Mill-qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li meta l-qorti adita tiddeċiedi fil-kwalità tagħha ta’ qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea fuq rikors ippreżentat skont l-Artikolu 97(1) sa (4) tar-Regolament Nru 207/2009, din il-qorti għandha, skont l‑Artikolu 98(1) ta’ dan ir-regolament, ġurisdizzjoni sabiex teżamina l‑eżistenza tal-atti ta’ ksur imwettqa jew mhedda li jitwettqu fit-territorju ta’ kull Stat Membru (25).

40.      Xejn ma jindika li r-riferiment għall-atti mwettqa jew mhedda li jitwettqu, li tinsab fl-Artikolu 98(2) tar-Regolament Nru 207/2009, għandha tinftiehem b’mod differenti minn dik tal-Artikolu 98(1)(a) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 97(5) tal-imsemmi regolament.

41.      L-unika differenza bejn l-użu ta’ dawn ir-riferimenti fid‑dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq tinsab fil-fatt li l-Artikolu 98(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 jirrigwarda l-atti mwettqa (jew mhedda li jitwettqu) fit-territorju ta’ kull Stat Membru, jiġifieri tal-Unjoni, filwaqt li l‑Artikolu 98(2) ta’ dan ir-regolament jirrigwarda dawk imwettqa (jew mhedda li jitwettqu) fit-territorju ta’ Stat Membru li tiegħu l-qorti hija adita abbażi tal-Artikolu 97(5) tal-imsemmi regolament. Issa, dan ma jirriżultax mid-differenzi relatati mal-identifikazzjoni tal-post tal-att tal-ksur iżda minn dawk relatati mal-portata tal-ġurisdizzjoni tal-qrati kkonċernati. Jibqgħu dejjem atti tal-istess natura li l-post fejn seħħew għandu jiġi evalwat bl-istess mod.

4.      Konklużjonijiet preliminari

42.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, l-ewwel nett, li l‑post fejn dawn l-atti jitwettqu għandu jiġi identifikat bl-istess mod, kemm jekk jirrigwarda l-Artikolu 98(2) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 97(5) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll l‑Artikolu 98(1)(a) tal-imsemmi regolament.

43.      It-tieni nett, l-Artikolu 97(1) sa (4) tar-Regolament Nru 207/2009 jagħti lill-qrati ġurisdizzjoni ġenerali li tkopri l-atti ta’ ksur imwettqa jew mhedda li jitwettqu fit-territorju tal-Unjoni. Għalhekk, meta ksur jitwettaq barra mill-Unjoni, il-qrati tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea ma jistgħux, fid-dawl tal-limitazzjonijiet tal-portata tal-ġurisdizzjoni ġenerali tagħhom, jiddeċiedu dwar dan il-ksur, peress li din il-limitazzjoni tirriżulta mill-Artikolu 98(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (26).

44.      It-tielet nett, l-eżistenza tal-limitazzjonijiet tal-portata tal‑ġurisdizzjoni ġenerali tal-qrati tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi kkunsidrata waqt l-interpretazzjoni tal-Artikolu 97(5) tar‑Regolament Nru 207/2009. Skont l-Artikolu 98(1)(a) ta’ dan ir‑regolament, il-portata tal-kompetenza ġenerali ta’ dawn il-qrati hija stabbilita permezz tal-lokalizzazzjoni tal-atti tal-ksur. Id-determinazzjoni tal‑qrati kompetenti skont l-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009 ssir permezz ta’ kriterju analogu, jiġifieri l-fattur ta’ konnessjoni tal-post tal-att tal-ksur. L-identifikazzjoni tal-postijiet fejn seħħew il-fatti msemmija fl-Artikolu 98(1)(a) u fl-Artikolu 97(5) tar‑Regolament Nru 207/2009 ssir bl-istess mod. Konsegwentement, l‑interpretazzjoni mogħtija lill-fattur ta’ konnessjoni tal-post tal-att tal‑ksur skont l‑Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009 tista’ taffettwa l-portata tal-ġurisdizzjoni ġenerali tal-qrati tat-trade marks tal‑Unjoni Ewropea.

B.      Sentenzi Nintendo u Wintersteiger

45.      F’dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-post tal-att tal-ksur fis‑sens tal-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009 f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ, il-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni jipproponu li jsegwu l-konklużjoni li għaliha waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Nintendo (27) f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 8(2) tar‑Regolament Nru 864/2007.

46.      Barra minn hekk, dawn il-partijiet jikkunsidraw li, waqt l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009, il‑konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Wintersteiger (28) f’dak li jirrigwarda l-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 u l‑ġurisdizzjoni skont il-post tal-avveniment kawżali (“Handlungsort”) għandhom jiġu segwiti wkoll.

47.      Fl-opinjoni tiegħi, dawn il-proposti huma diskuttibli, tal-inqas minn tliet perspettivi: l-ewwel nett, mill-perspettiva tal-implikazzjonijiet tagħhom fuq il-portata tal-ġurisdizzjoni ġenerali tal-qrati tat‑trade marks tal-Unjoni Ewropea; it-tieni nett, fir-rigward tan-natura alternattiva tal‑fattur ta’ konnessjoni previst fl-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009 u, it-tielet nett, fir-rigward tal-fatt li dan il-fattur ta’ konnessjoni, speċifiku għal dan ir-regolament, huwa awtonomu meta mqabbel ma’ dawk tar-Regolamenti Nri 864/2007 u 1215/2012.

1.      Implikazzjonijiet fuq il-portata tal-ġurisdizzjoni ġenerali

48.      Infakkar li, fis-sentenza Nintendo (29), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 864/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “pajjiż fejn ikun seħħ il-ksur” jirreferi għall-pajjiż tal-post fejn twettaq il-fatt li jikkawża d-dannu. Il-Qorti tal‑Ġustizzja mbagħad ikkunsidrat li, għal dak li jirrigwarda att li għalih operatur juża l-kummerċ elettroniku billi jipproponi għall-bejgħ, fuq is‑sit internet tiegħu, indirizzat lil konsumaturi li jinsabu f’diversi Stati Membri, prodotti bi ksur tad-drittijiet mogħtija minn disinni Komunitarji, il-post fejn seħħ il-fatt li jiġġenera d-dannu, skont l‑Artikolu 8(2) tar‑Regolament Nru 864/2007, huwa dak fejn ġie attivat il‑proċess ta’ tqegħid tal-offerta għall-bejgħ minn dan l-operatur fuq is‑sit internet tiegħu (30).

49.      Barra minn hekk, fis-sentenza Wintersteiger (31), il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li kawża relatata ma’ ksur ta’ trade mark nazzjonali, irreġistrata fi Stat Membru minħabba l-użu, minn min jirreklama, ta’ kelma prinċipali identika għall-imsemmija trade mark fuq is-sit internet ta’ mutur ta’ tfittxija li jopera taħt top-level domain nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor tista’ titressaq, skont il-punt 2 tal‑Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, kemm quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fih it-trade mark hija rreġistrata (ġurisdizzjoni skont il-post fejn seħħ id-dannu, “Erfolgsort”), kif ukoll quddiem dawk tal-Istat Membru fejn ġiet deċiża l-attivazzjoni tal-proċess tal-pubblikazzjoni tar‑reklam, sakemm ikun post ċert u identifikabbli (ġurisdizzjoni skont il-post tal‑avveniment kawżali, “Handlungsort”).

50.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, irrispettivament miċ‑ċirkustanzi speċifiċi tal-każ ineżami, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 97(5) tar‑Regolament Nru 207/2009 użata f’din il-kawża għandha, mingħajr dubju, effett kunsiderevoli fuq il-prassi tal-qrati tat-trade marks tal‑Unjoni Ewropea fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament f’sitwazzjonijiet oħra. Peress li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni ta’ dan ir‑regolament japplikaw ukoll fil-każ fejn la l-proprjetarju u lanqas l‑awtur tal-ksur allegat ma huma stabbiliti fit-territorju tal-Istati Membri, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll, fl-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, sitwazzjonijiet li fihom ksur tat-trade marks tal-Unjoni jseħħu f’pajjiżi terzi.

51.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-konklużjoni użata fiż‑żewġ sentenzi ċċitati hawn fuq tapplika wkoll fil-kuntest tal‑Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009, dan ifisser li, fis‑sitwazzjoni ipotetika fejn it-terz li mingħandu joriġina l-użu, f’offerta għal bejgħ jew reklamar fuq internet indirizzat lejn konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni, ta’ sinjal identiku jew simili għal trade mark irreġistrata fl‑Unjoni, huwa stabbilit fi Stat terz fejn is-server tas-sit internet li juża jinsab f’tali Stat, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009, l-att tal-ksur ikun imwettaq barra mit-territorju tal-Unjoni.

52.      Fil-fatt, mhux biss il-qrati msemmija fl-Artikolu 97(5) tar‑Regolament Nru 207/2009 ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar azzjoni ta’ ksur, iżda dawk imsemmija fl‑Artikolu 97(1) sa (4) ta’ dan ir-regolament lanqas jistgħu jiddeċiedu dwar din l-azzjoni. Infakkar li l-ġurisdizzjoni ġenerali tal-qrati tat‑trade marks tal-Unjoni Ewropea, imsemmija fl-Artikolu 97(1) sa (4) tar-Regolament Nru 207/2009, tkopri l-atti ta’ ksur imwettqa jew mhedda li jitwettqu fit-territorju tal-Istati Membri. B’hekk, fis‑sitwazzjoni deskritta fil-punt preċedenti, anki l-qrati tal-Istat Membru li fih l‑EUIPO għandu s-sede tiegħu ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar tali azzjoni ta’ ksur.

53.      Issa, mis-sentenza L’Oréal et (32) jista’ jiġi dedott li, f’tali sitwazzjoni, japplika r-Regolament Nru 207/2009 u l-proprjetarju tat‑trade mark tal-Unjoni jista’ jopponi l-offerta ta’ bejgħ jew ir-reklamar fuq l-internet indirizzat lejn konsumaturi li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni. Ikun paradossali li r-Regolament Nru 207/2009 jagħti tali dritt li wieħed jopponi lill-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni, iżda li, jekk ikun il-każ, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni ta’ dan ir-regolament ma jkunux applikabbli. Dan ir-riżultat ikun barra minn hekk iktar inkoerenti peress li, b’differenza mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, dawk tar-Regolament Nru 207/209 huma kkonċepiti sabiex japplikaw ukoll fil-każijiet fejn la r-rikorrent u lanqas il-konvenut ma huma ddomiċiljati fit-territorju tal-Unjoni. Fil-fatt, mis-sentenza Hummel Holding (33) jirriżulta b’mod ċar li l-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 207/2009 jiżgura l-eżistenza ta’ forum fi ħdan l-Unjoni għattilwimiet kollha fil-qasam ta’ ksur ta’ trade mark.

54.      Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, interpretazzjoni tal-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009 fl-ispirtu tas-sentenzi Nintendo (34) u Wintersteiger (35) jippreġudikaw l-effett utili tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni kollha previsti fl-Artikolu 97 ta’ dan ir-regolament.

2.      Forum alternattiv tal-post tal-att tal-ksur

55.      Jiena nifhem l-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u tal‑Gvern Ġermaniż li jikkunsidraw li, bħala regola ġenerali, il-post tal‑att inizjali li minnu joriġina ksur fis-sens tas-sentenzi Nintendo (36) u Wintersteiger (37) jikkoinċidi mal-post tad-domiċilju ta’ awtur ta’ dan il‑ksur. Konsegwentement, l-interpretazzjoni li l-post tal-att tal-ksur fis‑sens tal-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jkun esklużivament mifhum bħala l-post tal-att inizjali li minnu joriġina l-ksur ma tistax, fil-maġġoranza tal-każijiet, toffri forum alternattiv għar‑rikorrent.

56.      Fis-sentenza Bier (38), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà spjegat li, sabiex tippreżerva l-effett utili tar-regola ta’ ġurisdizzjoni alternattiva fil-qasam ta’ delitti u kważi-delitti tas-sistema ta’ Brussell (39), din ir-regola għandha tiġi interpretata b’mod li tħalli għażla effettiva lir-rikorrent.

57.      Ċertament, jista’ jiġi argumentat li, b’differeza mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni ta’ din is-sistema, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried, permezz ta’ dawk tar-Regolament Nru 207/2009, jillimita n-numru ta’ fora disponibbli għal proprjetarji li jressqu kawża fil-qasam ta’ ksur tat-trade mark (40). L-approċċ retiċenti tal-leġiżlatur tal-Unjoni dwar il‑multiplikazzjoni tal-fora jidher, b’mod partikolari, mill-kliem tal‑Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 207/2009 li, fil-qasam ta’ ksur ta’ trade marks, jeskludi l-applikabbiltà, b’mod partikolari, tal-punti 1 sa 3 u 5 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, peress li dawn id‑dispożizzjonijiet għandhom l-għan li joffru forum alternattiv lir‑rikorrent. Dan l-approċċ tal-leġiżlatur tal-Unjoni huwa rifless ukoll fl‑Artikolu 97(1) sa (4) tar-Regolament Nru 207/2009. Madankollu, l‑Artikolu 97(5) ta’ dan ir-regolament jipprevedi espliċitament forum alternattiv għal rikorrent u, għal din ir-raġuni, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala riflessjoni tal-imsemmi approċċ.

58.      Barra minn hekk, jekk tiġi segwita l-interpretazzjoni tal-Artikolu 97(5) tar‑Regolament Nru 2007/2009 mressqa mill-konvenuti fil-kawża prinċipali u mill-Kummissjoni l-importanza prattika ta’ din id-dispożizzjoni (41) tiġi limitata ħafna. Jidhirli li waħda mill-applikazzjonijiet rari utili ta’ din id-dispożizzjoni huwa l-każ fejn il-konvenut li għandu d‑domiċiliju tiegħu fit-territorju tal-Unjoni jitressaq quddiem il-qrati tal‑Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa għandu l-istabbiliment tiegħu. Ir-Regolament Nru 207/2009 ma fihx regola ta’ ġurisdizzjoni analoga għal dik prevista fl-Artikolu 7(5) tar-Regolament Nru 1215/2012 (42) u, skont is-sensiela ta’ fatturi ta’ konnessjoni stipulati fl‑Artikolu 97(1) sa (3) tar-Regolament Nru 207/2009, meta konvenut ikollu d-domiċilju tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru, huwa għandu jitressaq quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru.

3.      Natura sui generis tal-fattur ta’ konnessjoni tal-post tal-att ta’ ksur

59.      Finalment, nikkunsidra li l-fattur ta’ konnessjoni tal-post tal-att ta’ ksur stipulat fl-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu natura awtonoma meta mqabbel mal-fatturi ta’ konnessjoni previsti fl‑Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 864/2007 u fil-punt 2 tal‑Artikolu 7 tar‑Regolament Nru 1215/2012.

60.      F’dak li jirrigwarda t-transponibbiltà tal-interpretazzjoni tal‑Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 864/2007 tas-sentenza Nintendo (43), għandu jitfakkar il-fatt li l-funzjonijiet, minn naħa waħda, tar-regoli ta’ kunflitt ta’ liġi u, min-naħa l-oħra, tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni huma differenti.

61.      Barra minn hekk, huwa veru li r-regola ta’ kunflitt stabbilita fl‑Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 864/2007 hija, kif jista’ jiġi dedott mis-sentenza Vapenik (44) u b’riproduzzjoni tat-termini ta’ din is-sentenza, kumplimentari għar-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Madankollu, mis-sentenza Kainz (45) jirriżulta li l-interpretazzjoni koerenti tal-kunċetti li jinsabu f’atti ta’ dritt internazzjonali privat tal-Unjoni ma għandhiex twassal sabiex tagħti lid‑dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti interpretazzjoni li ma taqbilx mas‑sistema u mal-għanijiet tagħhom (46). Issa, b’hekk, mill‑kunsiderazzjonijiet preċedenti tiegħi jirriżulta li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 97(5) tar‑Regolament Nru 207/2009 fid-dawl tas-sentenza Nintendo (47) tippreġudika l-effett utili ta’ din id-dispożizzjoni.

62.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma validi wkoll f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-konklużjoni misluta fis-sentenza Wintersteiger (48), inkwantu tirrigwarda d-determinazzjoni tal-post tal-avveniment kawżali għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, hijiex trasponibbli għall-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

63.      Fuq kollox, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, bir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jidderoga mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 (49), b’mod partikolari għaliex ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti minn dawn ir-regolamenti jsegwu għanijiet li ma humiex identiċi (50).

64.      Finalment, mis-sentenza Leno Merken (51) jista’ jiġi dedott li, waqt l-applikazzjoni b’analoġija għat-trade marks tal-Unjoni tal‑ġurisprudenza relatata ma’ trade marks nazzjonali, għandhom jiġu kkunsidrati differenzi li jirriżultaw mill-kliem tad-dispożizzjonijiet relatati ma’ dawn iż-żewġ tipi ta’ trade marks.

65.      F’dan ir-rigward, nosserva li, waqt ir-redazzjoni tal-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-predeċessur tiegħu, l-Artikolu 93(5) tar-Regolament Nru 40/94, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma rreferix għall‑kunċett ta’ “post tal-avveniment kawżali” li, mis-sentenza Bier (52), għandu sinjifikat ferm stabbilit fid-dritt internazzjonali Ewropew. Għal din ir‑raġuni, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009 ma għandhiex tkun limitata fis-sens li jiġi kkunsidrat li din id‑dispożizzjoni tagħti l-ġurisdizzjoni lill-qrati li, skont il-punt 2 tal‑Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, għandhom ġurisdizzjoni abbażi tal-post tal-avveniment kawżali.

4.      Konklużjonijiet intermedjarji

66.      Sabiex nirrikapitula din il-parti tal-analiżi tiegħi, fid-dawl tal‑kunsiderazzjonijiet relatati mal-portata tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tat‑trade marks tal-Unjoni Ewropea, jiena tal-opinjoni li għandha titwarrab l-interpretazzjoni tal-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009 li tipprevedi li, f’dak li jirrigwarda att li bih konvenut juża l-kummerċ elettroniku sabiex jipproponi għall-bejgħ, fuq is-sit internet tiegħu, intiż għal konsumaturi li jinsabu fi Stat Membru, prodotti bi ksur tad-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni, il-post fejn seħħ l-att ta’ ksur, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa esklużivament dak fejn ġie attivat il‑proċess ta’ tqegħid tal-offerta għall-bejgħ minn dan l-operatur fuq is‑sit internet tiegħu. Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-informazzjoni bbażata fuq in-natura alternattiva u awtonoma tal‑fattur ta’ konnessjoni previst fl-Artikolu 97(5) tar‑Regolament Nru 207/2009.

67.      Għalhekk, issa għandhom jiġu stabbiliti l-kriterji li jistgħu konkretament jiġu mitluba sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

C.      Soluzzjoni speċifikatament adattata għar-Regolament Nru 2007/2009

1.      Fuq ir-riskju ta’ multiplikazzjoni ta’ fora

68.      Wara li twarrbet l-interpretazzjoni tal-Artikolu 97(5) tar‑Regolament Nru 207/2009 li, f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ, il‑post tal-att ta’ ksur jinsab esklużivament fil-post fejn ġie attivat il‑proċess ta’ tqegħid onlajn tal-offerta għall-bejgħ, għandu jiġi kkunsidrat li l‑aċċessibbiltà ta’ sit internet mit-territorju ta’ Stat Membru hija suffiċjenti biex tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru?

69.      Il-ġurisprudenza relatata mad-determinazzjoni tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u industrijali, inkluż trade marks nazzjonali, tista’ a priori tkun favur risposta fl-affermattiv. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda l-ġurisdizzjoni abbażi tal-post fejn seħħ id-dannu, l‑Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 ma jirrikjedix li s-sit internet inkwistjoni fil-kuntest ta’ tali ksur ikun “indirizzat lejn” l-Istat Membru tal-qorti adita (53).

70.      Madankollu, l-internet huwa, min-natura tiegħu, globali u preżenti kullimkien (54). Jekk il-fatt li l-aċċessibbiltà ta’ sit internet mit‑territorju ta’ Stat Membru jitqies bħala biżżejjed sabiex tingħata ġurisdizzjoni lill‑qrati ta’ dan l-Istat Membru, dan iwassal għal multiplikazzjoni kunsiderevoli ta’ fora li għandhom ġurisdizzjoni fil-qasam tal-ksur tat‑trade marks tal-Unjoni Ewropea (55).

71.      Kif josserva l-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża Coty Germany (56), wieħed mill-għanijiet tar-Regolament Nru 207/2009 huwa l-ġlieda kontra l-forum shopping, prattika li l‑proprjetarji ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea jistgħu jużaw meta regoli ta’ ġurisdizzjoni ma jipprekludux dan.

72.      Fid-dawl ta’ dan l-għan, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li ċertu atturi tas-suq jużaw trademark bullying. Din il-prassi tikkonsisti fl-użu ta’ trade mark li jmur lil hinn minn dak li, skont interpretazzjoni raġonevoli, jirriżulta mill-portata tal-protezzjoni tat-trade mark, sabiex timmolesta jew tintimida atturi ekonomiċi oħra. Il-multiplikazzjoni tal-fora li għandhom ġurisdizzjoni tista’ tiffaċilita tali prassi u taggrava l-effetti dannużi tiegħu fir-rigward ta’ konvenuti potenzjali. Dan japplika iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009 ma huwiex l-attur prinċipali sequitur forum rei u li huwa, bħala regola, għal konvenut, iktar diffiċli li jiddefendi ruħu quddiem il-qrati ta’ pajjiż li ma huwiex tiegħu.

73.      Finalment, huwa veru, kif josservaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Ġermaniż, li r-rifjut tal-interpretazzjoni tal‑Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009 li l-aċċessibbiltà ta’ sit internet mit-territorju ta’ Stat Membru hija suffiċjenti sabiex tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru twassal għal sitwazzjoni li azzjonijiet ta’ ksur relatati ma’ trade marks nazzjonali u ma’ trade marks tal-Unjoni Ewropea ma jistgħux jitressqu bl-istess mod quddiem il-qrati tal‑Istat Membru li tiegħu l-konsumaturi għandhom aċċess għal dan is-sit internet.

74.      Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet stipulati fil-punti 63 sa 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet jimmilitaw kontra t-trasponabbiltà tal‑ġurisprudenza fil-qasam ta’ ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u industrijali għall-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

75.      Barra minn hekk, kuntrarjament għall-implikazzjonijiet tagħha fuq ir-Regolament Nru 207/2009, l-adozzjoni tal-kriterju ta’ aċċessibbiltà taħt ir-Regolament Nru 1215/2012 ma tiġġenerax riskju ta’ multiplikazzjon ta’ fora. Fir-rigward b’mod iktar preċiż tal-azzjonijiet ta’ ksur dwar trade marks nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fis-sentenza Wintersteiger (57), li l-għanijiet tar-Regolament Nru 1215/2012 jargumentaw favur attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni, abbażi ta’ fejn seħħ id-dannu, lill-qrati tal-Istat Membru li fih id-dritt inkwistjoni huwa protett. B’hekk in-numru ta’ fora disponibbli skont ir-Regolament Nru 1215/2012 huwa limitat bin-natura nazzjonali ta’ trade mark ikkonċernata (58). Issa, it-trade marks tal-Unjoni Ewropea għandhom protezzjoni uniformi u jipproduċu effetti fit-territorju tal-Unjoni kollu.

76.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li l-post li minnu sit internet huwa aċċessibbli ma jikkostitwixxix kriterju suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

77.      B’hekk, minħabba riżultati mhux sodisfaċenti tal‑interpretazzjonijiet kollha misluta mill-ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u industrijali, relatata ma’ strumenti oħra legali tad-dritt internazzjonali privat tal-Unjoni, nipproponi li għandha tiġi żviluppata interpretazzjoni tal-fattur ta’ konnessjoni tal-post tal-att ta’ ksur fis-sens tal-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009 speċifika għal dan ir-regolament.

2.      Fuq il-linja ta’ interpretazzjoni li għandha tiġi adottata

78.      Waqt l-interpretazzjoni tal-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009 fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li r-riżultat milħuq fil-kuntest ta’ din l-interpretazzjoni għandu jippermetti li jiġi żgurat l-effett utili ta’ din id-dispożizzjoni, ikunu x’ikunu ċ-ċirkustanzi speċifiċi tat-tilwima kkonċernata.

79.      Barra minn hekk, minħabba s-sovrapożizzjoni tal‑Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal‑Artikolu 98(2) ta’ dan ir-regolament, u l-Artikolu 98(1)(a) tal‑imsemmi regolament, u peress li dawn id-dispożizzjonijiet huma relatati mal-post tal-att tal-ksur, l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil din l-ewwel dispożizzjoni għandha tiżgura wkoll l-effett utili ta’ regoli oħra ta’ ġurisdizzjoni stipulati fl-Artikolu 97 tal-istess regolament.

80.      Sabiex l-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 207/2009 jkun jista’ jżomm l-effett utili tiegħu u jiżgura l-eżistenza ta’ fora fi ħdan l-Unjoni għall-kawżi kollha fil-qasam tal-ksur, l-interpretazzjoni tal-fattur ta’ konnessjoni tal-post tal-att tal-ksur għandu jiżgura l-ġurisdizzjoni tal‑qrati tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea fil-qasam ta’ azzjonijiet ta’ ksur meta, fir-rigward tad-dritt sostantiv, ir-Regolament Nru 207/2009 jagħti lill-proprjetarju d-dritt li jopponi aġir li jikkawża dannu lit‑trade mark tiegħu tal-Unjoni Ewropea.

81.      Għalhekk, il-portata territorjali tal-ġurisdizzjoni ġenerali tal-qrati tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea, li hija stabbilita bis-saħħa tal‑lokalizzazzjoni tal-atti ta’ ksur, ma għandhiex tkun iktar ristretta mill‑portata territorjali tal-protezzjoni ta’ dawn it-trade marks u tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 207/2009.

82.      F’dan ir-rigward, nirrileva li s-sentenza L’Oréal et (59) kienet tirrigwarda d-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ regolamenti dwar it‑trade marks tal-Unjoni Ewropea (60).

83.      B’hekk, filwaqt li nispira ruħi mill-ġdid minn din is-sentenza, jiena tal-opinjoni li għandu jiġi kkunsidrat li, meta l-fatti li dwarhom ġie kkritikat il-konvenut jikkonsistu f’reklamar u offerta ta’ bejgħ permezz ta’ sit internet, il-qrati tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea ta’ Stat Membru għandhom ġurisdizzjoni abbażi tal-post tal-att tal-ksur, bil‑kundizzjoni li dan ir-reklamar u din l-offerta jkunu indirizzati lil konsumaturi li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru (61).

84.      Għandu jiġi osservat li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 97 tar‑Regolament Nru 207/2009 ssegwi l-ġurisprudenza stabbilita li l‑għoti tal-ġurisdizzjoni għandu jsir skont l-għan tal-prevedibbiltà u dak tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

85.      F’dak li jirrigwarda, minn naħa waħda, il-prevedibbiltà tal-għoti tal-ġurisdizzjoni, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li attur għandu jkun f’pożizzjoni li jiddetermina a priori l-qrati li quddiemhom huwa jista’ jsostni d-drittijiet sostantivi tiegħu. Abbażi tal-kontenut ta’ sit internet, il‑proprjetarju ta’ trade mark jista’ jidentifika l-pubbliku mmirat minn dan is-sit. Bl-istess mod, konvenut potenzjali jista’ jipprevedi l-fora li quddiemhom jista’ eventwalment jitressaq minħabba l-fatt li jeżerċita kontroll fuq il-marketing tiegħu u fuq il-bejgħ li jsir permezz tas-sit internet tiegħu.

86.      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-għan ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, mill-ġurisprudenza fil-qasam ta’ ksur ta’ drittijiet tal‑proprjetà intelletwali u industrijali jirriżulta li l-qorti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu s-sit internet huwa aċċessibbli hija oġġettivament fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa jekk ġiex ikkawżat dannu għat-trade mark nazzjonali protetta f’dan l-Istat Membru (62). Fl-opinjoni tiegħi, tali qorti ma titlifx din il-kwalità fir-rigward tal-ksur ta’ trade marks tal‑Unjoni Ewropea.

3.      Fuq il-kriterji tal-mira u l-applikazzjoni tagħhom għall-kawża prinċipali

87.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, meta l-fatti li dwarhom huwa kkritikat il-konvenut jikkonsistu f’reklamar u offerta ta’ bejgħ permezz ta’ sit internet, il-kriterju li jippermetti li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea skont l‑Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa l-pubbliku li għalih huwa intiż dan ir-reklamar u dan il-bejgħ, jiġifieri dak ta’ Stat Membru kkonċernat.

88.      Fil-qafas tal-verifika tal-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 97(5) tar‑Regolament Nru 207/2009 f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, il-fatt li reklamar u offerta għal bejgħ huma organizzati b’tali mod li jkun possibbli li jiġi identifikat il-pubbliku ta’ Stat Membru (jew il-pubbliku ta’ diversi Stati Membri, bil-kundizzjoni li ma jkunx il-pubbliku tal-Unjoni b’mod ġenerali) speċifikatament immirat minn dan ir-reklamar u minn din l-offerta huwa deċiżiv sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru jew ta’ dawn l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-fatt li sit internet jindirizza konsumaturi u kummerċjanti ta’ Stat Membru għandu jirriżulta, qabel xejn, mill-kontenut ta’ dan is-sit internet. Għall-kuntrarju, tali fatti li seħħew mhux onlajn jistgħu jippermettu li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru kkonċernat għal raġunijiet oħra differenti mill-mira tal-pubbliku ta’ dan l-Istat Membru mis-sit internet. Dan jista’ jkun il-każ ta’ miżuri meħuda f’dan l-Istat Membru sabiex fih jiġi stabbilit distributur.

89.      Fil-kuntest ta’ din il-verifika tal-ġurisdizzjoni abbażi tal-post ta’ ksur, diversi elementi huma partikolarment importanti: il-fatt li offerta u reklamar jirreferu espliċitament għall-pubbliku ta’ Stat Membru, li huma disponibbli fuq sit internet f’top level domain nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, li l-prezzijiet jiġu indikati f’munita nazzjonali, jew inkella li fuq tali sit internet jiġu ppubblikati numri li għandhom il-prefiss nazzjonali tal-Istat ikkonċernat. Din il-lista ta’ elementi la hija eżawrjenti u lanqas esklużiva.

90.      Barra minn hekk, il-fatt li offerta għall-bejgħ tkun akkumpanjata minn spjegazzjonijiet dwar iż-żoni ġeografiċi li lejhom il-bejjiegħ huwa lest li jibgħat prodotti jista’ jkollu rwol importanti wkoll fil-kuntest tal‑verifika tal-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009, bil-kundizzjoni li ma tkunx indikazzjoni ġenerali li tkopri l-Unjoni kollha. Tali indikazzjoni ġenerali ma tippermettix li jiġi identifikat il-pubbliku wieħed jew diversi li huma speċifikatament immirati. Barra minn hekk, jekk tingħata importanza għal tali indikazzjoni ġenerali jfisser li l-awtur tal-ksur allegat jista’ jitressaq quddiem il-qrati tal-Istati Membri kollha. Dan jista’ jinċentiva lil kummerċjanti jillimitaw iż-żoni ta’ bejgħ fi ħdan l-Unjoni sabiex jillimitaw ir-riskju li jitressqu quddiem il-qrati tal-Istati Membri li fihom il-volum ta’ bejgħ ma huwiex sinjifikattiv, fejn dan ir-riżultat ikun kuntrarju għall-għanijiet tas-suq intern.

91.      Għall-kuntrarju, fid-dawl tad-differenza li teżisti bejn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni ġenerali previsti fir-Regolament Nru 207/2009 u dik prevista fl-Artikolu 97(5) ta’ dan ir-regolament, spjegata fid-dettall fil‑punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-fatt li bejjiegħ ikun lest jibgħat prodotti għall-Istati Membri kollha jista’ jippermetti li tiġi stabbilita l‑ġurisdizzjoni tal-qrati tat-trade marks tal-Unjoni skont l-Artikolu 97(1) sa (4) tar-Regolament Nru 207/2009. Sabiex nispjega l-proposta tiegħi, bħala eżempju ieħor, nista’ nirreferi għal dikjarazzjonijiet relatati mad‑drittijiet tad-dwana tal-Unjoni. Għalkemm tali dikjarazzjonijiet jindikaw li offerta hija intiża għall-pubbliku tal-Unjoni, madankollu ma jippermettux li jiġi identifikat pubbliku speċifikatament immirat minn din l-offerta.

92.      Għall-istess raġuni, niddubita wkoll li l-fatt li sit internet ikun redatt b’lingwa mifruxa ferm fit-territorju ta’ Stat Membru jista’, fih innifsu u fil-każijiet kollha, ikollu importanza partikolari. Għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li, minn naħa waħda, ċerti lingwi huma frekwentement użati f’diversi Stati Membri u, min-naħa l-oħra, ċerti lingwa mitkellma fl‑Ewropa huma mifruxa ħafna wkoll fi Stati terzi. Barra minn hekk, sit internet jista’ jkun intiż għall-pubbliku ta’ Stat Membru, anki jekk il‑kontenut tiegħu ma jkunx redatt f’lingwa mifruxa fit-territorju ta’ dan l-Istat. Dan huwa l-każ b’mod partikolari ta’ sit internet immirat għal komunità ta’ barranin li jirrisjedu fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru.

93.      Barra minn hekk, il-verifika tal-ġurisdizzjoni ma għandhiex titħallat ma’ eżami tal-mertu ta’ kawża inkwistjoni (63). Il-verifika tal‑ġurisdizzjoni skont ir-Regolament Nru 207/2009 la għandha tissostitwixxi l-eżami relatat mal-kwistjoni dwar jekk ksur effettivament jikkawżax dannu lil trade mark tal-Unjoni Ewropea, u lanqas jippreġudika r‑riżultati tagħha.

94.      F’dan il-kuntest, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li jista’ jiġi dedott minn ċerti komponenti ta’ reklamar u ta’ offerti għall-bejgħ fuq is-sit tal-internet tagħhom li dan ir-reklamar u dawn l-offerti ma kinux għadhom fis-seħħ matul il-perijodu kopert bil-kawża prinċipali.

95.      Issa, l-evalwazzjoni dwar jekk l-aġir li jista’ jikkostitwixxi att illegali kienx spiċċa taqa’ fl-eżami tal-mertu ta’ azzjoni ta’ ksur. Sabiex nagħti eżempju ieħor tal-istess tip, il-fatt li avveniment kawżali jkun ilu li seħħ jista’, skont il-liġi applikabbli, jimplika l-preskrizzjoni eventwali ta’ kawża relatata ma’ dan l-avveniment u, għal din ir-raġuni, taqa’ wkoll taħt l-eżami tal-mertu ta’ dan il-proċediment. Konsegwentement, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ippreżentati fil‑punt 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet, la l-fatt li r-reklamar u l-offerti tal‑bejgħ magħmula fuq sit internet kienu spiċċaw, u lanqas il-fatt li l‑avveniment kawżali kien ilu li seħħ ma għandhom jiġu kkunsidrati waqt il-verifika tal-ġurisdizzjoni abbażi tal-post tal-att tal-ksur skont l‑Artikolu 97(5) tar‑Regolament Nru 207/2009.

96.      Wara l-analiżi esposta f’dawn il-konklużjonijiet, nikkunsidra li l-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta impriża, stabbilita u li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru A, tkun ħadet miżuri fuq dan it-territorju sabiex tagħmel reklamar u toffri għall‑bejgħ prodotti taħt sinjal identiku għal trade mark tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ sit internet immirat lejn kummerċjanti u konsumaturi ta’ Stat Membru B, qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea tal-Istat Membru B għandha l-ġurisdizzjoni tiddeċiedi fuq azzjoni ta’ ksur tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea minħabba dan ir-reklamar u din l-offerta ta’ bejgħ tal-prodotti f’dan it-territorju, bil-kundizzjoni li dawn ikunu speċifikatament immirati lejn il-pubbliku ta’ Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri.

97.      Fir-rigward tal-kawża prinċipali, bl-eċċezzjoni ta’ lista ta’ distributuri ta’ pajjiżi differenti inkluż ir-Renju Unit, peress li dawn huma atturi ekonomiċi indipendenti mill-konvenuti fil-kawża prinċipali, akkumpanjata bl-indikazzjoni tal-indirizzi postali tagħhom u l-indirizzi tas-siti internet, l-ebda prova ma tindika li s-sit internet tal-konvenuti fil‑kawża prinċipali ma hija speċifikatament intiża għall-pubbliku tar‑Renju Unit. Barra minn hekk, tali indikazzjonijiet relatati ma’ distributur ma humiex biżżejjed fihom innifishom, fl-opinjoni tiegħi, sabiex jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni tal-qrati tar-Renju Unit skont l-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, il-kawża prinċipali ma tirrigwardax att ta’ ksur imwettaq minn tali distributur, iżda ksur imwettaq mill-konvenuti fil-kawża prinċipali permezz ta’ sit internet.

98.      Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar dan il-punt waqt il-verifika tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji kollha esposti fil-punti 88 sa 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

VI.    Konklużjoni

99.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal‑Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili), ir-Renju Unit) bil-mod segwenti:

L-Artikolu 97(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta impriża, stabbilita u li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru A, tkun ħadet miżuri f’dan it-territorju sabiex tagħmel reklamar u toffri għall-bejgħ prodotti taħt sinjal identiku għal trade mark tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ sit internet li għandhom bħala mira kemm kummerċjanti kif ukoll konsumaturi ta’ Stat Membru B, qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea tal-Istat Membru B għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq azzjoni ta’ ksur tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea minħabba dan ir-reklamar u din l-offerta ta’ bejgħ ta’ prodotti fuq dan it-territorju.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar dan il-punt waqt il‑verifika tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru kkonċernat skont l‑Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1).


3      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (ĠU 2015, L 341, p. 21, rettifiki fil-ĠU 2016, L 267, p. 1, fil-ĠU 2016, L 110, p. 4 u fil-ĠU 2016, L 71, p. 322).


4      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il‑ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).


5      Regolament tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).


6      Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014 (C‑360/12, EU:C:2014:1318).


7      Sentenza tad-19 ta’ April 2012 (C‑523/10, EU:C:2012:220).


8      Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014 (C‑360/12, EU:C:2014:1318).


9      Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010 (C‑585/08 u C‑144/09, EU:C:2010:740).


10      Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011 (C‑324/09, EU:C:2011:474).


11      Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017 imsejħa “Parfummarken” (BGH IZR 164/16).


12      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU 2007, L 199, p. 40).


13      Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2017 (C‑24/16 u C‑25/16, EU:C:2017:724).


14      Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2017 (C‑24/16 u C‑25/16, EU:C:2017:724).


15      Sentenza tad-19 ta’ April 2012 (C‑523/10, EU:C:2012:220).


16      Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2017 (C‑24/16 u C‑25/16, EU:C:2017:724).


17      Sentenza tad-19 ta’ April 2012 (C‑523/10, EU:C:2012:220).


18      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 97(4) tar-Regolament Nru 207/2009, il-partijiet jistgħu jidderogaw minn dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni permezz ta’ ftehim konkluż bejniethom jew meta l-konvenut jidher quddiem qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea.


19      Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014 (C‑360/12, EU:C:2014:1318, punti 34 u 37).


20      Sentenza tat-30 ta’ Novembru 1976 (21/76, EU:C:1976:166).


21      Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Coty Germany (C‑360/12, EU:C:2014:1318, punt 34).


22      Dan juri, kif diġà osservajt f’kuntest differenti ħafna, jiġifieri fil-qasam tat-taxxi, fil‑konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Geelen (C‑568/17, EU:C:2019:109, punti 17 u 28), li, fir-rigward tal-ambjent tal-internet, l-interpretazzjoni testwali ta’ dispożizzjoni relatata mal-post fejn seħħ avveniment partikolari ma tistax, f’ċerti każijiet, tiżgura riżultat sodisfaċenti.


23      Sentenza tat-18 ta’ Mejju 2017, Hummel Holding (C‑617/15, EU:C:2017:390, punt 33).


24      Fuq il-kunċett tal-portata territorjali tal-ġurisdizzjoni fil-qasam tat-trade marks, ara Larsen, T.B., “The extent of jurisdiction under the forum delicti rule in European trademark litigation”, Journal of Private International Law, 2018, Vol. 14(3), p. 555. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, f’dan il-kuntest, li d-domandi relatati man‑nomina ta’ qrati kompetenti, minn naħa waħda, u d-determinazzjoni tal-portata tal‑ġurisdizzjoni tagħhom, min-naħa l-oħra, għandhom ikunu distinti mill-kwistjoni dwar l-effetti territorjali ta’ sentenzi mogħtija mill-imsemmija qrati. Din id‑distinzjoni tirriżulta wkoll mill-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑sentenza tat-18 ta’ Mejju 2017, Hummel Holding (C‑617/15, EU:C:2017:390). Minn naħa waħda, fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tispjega li l‑qorti kompetenti bis-saħħa tal-Artikolu 97(5) tar-Regolament Nru 207/2009 għandha, kif jirriżulta mill-Artikolu 98 ta’ dan ir-regolament, ġurisdizzjoni limitata fit-territorju tal-Istat Membru li tinsab fih. Min-naħa l-oħra, fil-punt 36 tal‑imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li s-sentenzi tal-qrati kompetenti abbażi tal-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 207/2009 jipproduċu effetti u jestendu għall-Unjoni kollha.


25      Sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, combit Software (C‑223/15, EU:C:2016:719, punt 24). Ara, ukoll, is-sentenza tat-12 ta’ April 2011, DHL Express France (C‑235/09, EU:C:2011:238, punt 37). Ara, ukoll, Stone, P., EU Private International Law, Edward Elgar, Cheltenham, Northampton, 2014, p. 163.


26      Ara s-sentenza tat-12 ta’ April 2011, DHL Express France (C‑235/09, EU:C:2011:238, punt 38), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li qorti adita abbażi tar-regoli tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja, li jikkorrispondu għal dawk tal‑Artikolu 97(1) sa (4) tar-Regolament Nru 207/2009, għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar atti ta’ ksur imwettqa jew mhedda fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew iktar, jew ta’ kollha kemm huma u li, għalhekk, il-ġurisdizzjoni tagħha tista’ testendi għat-territorju kollu tal-Unjoni. Minn din il-kunsiderazzjoni niddeduċi li tali qorti ma għandhiex, a contrario, ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-fatti mwettqa barra mill-Unjoni. Ara, f’dan is-sens, Fawcett, J.J., Torremans, P., Intellectual Property and Private International Law, Oxford University Press, Oxford, 2011, p. 415, punt 8.31, u Ubertazzi, B., Exclusive Jurisdiction in Intellectual Property, Mohr Siebeck, Tübingen, 2012, p. 74.


27      Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2017 (C‑24/16 u C‑25/16, EU:C:2017:724).


28      Sentenza tad-19 ta’ April 2012 (C‑523/10, EU:C:2012:220).


29      Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2017 (C‑24/16 u C‑25/16, EU:C:2017:724, punt 98).


30      Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Nintendo (C‑24/16 u C‑25/16, EU:C:2017:724, punt 108).


31      Sentenza tad-19 ta’ April 2012 (C‑523/10, EU:C:2012:220).


32      Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011 (C‑324/09, EU:C:2011:474).


33      Sentenza tat-18 ta’ Mejju 2017 (C‑617/15, EU:C:2017:390, punt 33).


34      Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2017 (C‑24/16 u C‑25/16, EU:C:2017:724).


35      Sentenza tad-19 ta’ April 2012 (C‑523/10, EU:C:2012:220).


36      Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2017 (C‑24/16 u C‑25/16, EU:C:2017:724).


37      Sentenza tad-19 ta’ April 2012 (C‑523/10, EU:C:2012:220).


38      Sentenza tat-30 ta’ Novembru 1976 (21/76, EU:C:1976:166, punt 20).


39      Jiġifieri r-Regolamenti Nri 1215/2012 u 44/2001 u l-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32).


40      Ara, f’dan is-sens, Nuyts, A., “Suing At the Place of Infringement: The Application of Article 5(3) of Regulation 44/2001 to IP Matter and Internet Disputes”, f’Nuyts, A. (ed.), International Litigation in Intellectual Property and Information Technology, Kluwer Law International, 2008, Alphen aan den Rijn, p. 116.


41      Ara Rosati, E., “International jurisdiction in online EU trade mark infringement cases: where is the place of infringement located?”, European Intellectual Property Law, 2016, 38(8), p. 482.


42      Skont il-punt 5 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, “Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor […] fir-rigward ta’ tilwima li tirriżulta mill-attività ta’ fergħa, aġenzija jew stabbiliment ieħor, fil-qrati tal-post fejn il-fergħa, l-aġenzija jew stabbiliment ieħor ikunu jinsabu”. Huwa veru li, bħal din id‑dispożizzjoni, l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 207/2009 juża l‑“istabbiliment” bħala fattur ta’ konnessjoni. Issa, mis-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2017, Hummel Holding (C‑617/15, EU:C:2017:390, punti 26, 27 u 40) jirriżulta li hemm differenzi sostanzjali bejn din id-dispożizzjoni tar‑Regolament Nru 207/2000 u dik tar-Regolament Nru 1215/2012. Ara wkoll Fawcett, J.J., Torremans, P., Intellectual Property and Private International Law, Oxford University Press, Oxford, 2011, p. 417, punt 8.43.


43      Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2017 (C‑24/16 u C‑25/16, EU:C:2017:724).


44      Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013 (C‑508/12, EU:C:2013:790).


45      Sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014 (C‑45/13, EU:C:2014:7, punt 20).


46      Fuq din il-kwistjoni, ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pillar Securitisation (C‑694/17, EU:C:2019:44, punti 39 sa 46).


47      Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2017 (C‑24/16 u C‑25/16, EU:C:2017:724).


48      Sentenza tad-19 ta’ April 2012 (C‑523/10, EU:C:2012:220).


49      Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Coty Germany (C‑360/12, EU:C:2014:1318, punt 36).


50      Sentenza tat-18 ta’ Mejju 2017, Hummel Holding (C‑617/15, EU:C:2017:390, punti 27 u 28).


51      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012 (C‑149/11, EU:C:2012:816, punt 33).


52      Sentenza tat-30 ta’ Novembru 1976 (21/76, EU:C:1976:166, punt 20).


53      Ara s-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, Pinckney (C‑170/12, EU:C:2013:635, punt 42), u tat-22 ta’ Jannar 2015, Hejduk (C‑441/13, EU:C:2015:28, punt 32). Fis‑sentenza tad-19 ta’ April 2012, Wintersteiger (C‑523/10, EU:C:2012:220), tali kunsiderazzjoni ma hijiex magħmula b’mod espliċitu. L-Avukat Ġenerali Cruz Villalón, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Wintersteiger (C‑523/10, EU:C:2012:90, punti 25 sa 31), ikkunsidra li l-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali għandha tiġi evalwata skont il-kriterju ta’ mezzi meħtieġa. Peress li l-Qorti tal‑Ġustizzja ma adottatx is-soluzzjoni rrakkomandata fl-imsemmija konklużjonijiet, minn dan niddeduċi li s-sentenza Wintersteiger issegwi l-loġika tas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq. Ara, ukoll, Kohl, U., “Jurisdiction in cyberspace”, f’Tsagourias, N., Buchan, R. (ed.), Research Handbook on International Law and Cyberspace, Edward Elgar, Cheltenham, Northampton, 2015, p. 46.


54      Għal perspettiva oħra fuq din il-kwistjoni fil-kuntest tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-dritt tal-Unjoni, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Google (Portata territorjali tat-tħassir) (C‑507/17, EU:C:2019:15, punti 47 sa 53).


55      Ara, f’dan is-sens fil-kuntest tar-Regolament Nru 1215/2012, Moura Vincente, D., “La propriété intellectuelle en droit international privé”, Recueil des cours de l’Académie de La Haye, vol. 335, 2008, p. 392.


56      C‑360/12, EU:C:2013:764, punt 42.


57      Sentenza tad-19 ta’ April 2012 (C‑523/10, EU:C:2012:220, punt 27).


58      Issa, id-duttrina tosserva li n-natura nazzjonali ta’ trade mark ma tillimitax in-numru ta’ fora disponibbli fir-rigward tal-miżuri provviżorji. Ara, b’mod partikolari, van Calster, G., European Private International Law, Hart Publishing, Oxford, Portland, 2016, p. 153.


59      Ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011 (C‑324/09, EU:C:2011:474).


60      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2010:757, punt 125), kif ukoll il-konklużjonijiet reċenti tiegħi fil-Kawża Google (Portata territorjali tat-tħassir) (C‑507/17, EU:C:2019:15, punti 51 sa 53). Ara wkoll, Jääskinen, N., Ward, A., “The External Reach of EU Private Law in the Light of L’Oréal versus eBay and Google and Google Spain”, f’Cremona, M., Micklitz, H.W., Private Law in the External Relations of the EU, Oxford University Press, Oxford, 2016, p. 128 u 144.


61      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 67).


62      Ara s-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, Pinckney (C‑170/12, EU:C:2013:635, punti 28, 34 u 47), u tat-22 ta’ Jannar 2015, Hejduk (C‑441/13, EU:C:2015:28, punti 20 u 38).


63      Ara s-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Pinckney (C‑170/12, EU:C:2013:635, punti 40 u 41). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ April 2012, Wintersteiger (C‑523/10, EU:C:2012:220, punt 26); tas-16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding (C‑12/15, EU:C:2016:449, punt 44); ara wkoll il‑konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Wintersteiger (C‑523/10, EU:C:2012:90, punt 31), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Universal Music International Holding (C‑12/15, EU:C:2016:161, punt 57).