Language of document : ECLI:EU:C:2010:593

Kawża C-222/09

Kronospan Mielec sp. z o.o.

vs

Dyrektor Izby Skarbowej w Rzeszowie

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa

min-Naczelny Sąd Administracyjny)

“Sitt Direttiva tal-VAT — Artikolu 9 (2)(ċ) u (e) — Xogħlijiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp magħmula minn inġiniera — Determinazzjoni tal-post tal-provvista ta’ servizzi”

Sommarju tas-sentenza

Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Provvisti ta’ servizzi — Determinazzjoni tal-post ta’ tassazzjoni

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 9(2)(e))

Provvisti ta’ servizzi, li jikkonsistu fit-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp fil-qasam ambjentali u teknoloġiku, magħmula minn inġiniera stabbiliti fi Stat Membru fuq ordni u għall-benefiċċju ta’ destinatarju stabbilit fi Stat Membru ieħor, għandhom jiġu kkwalifikati bħala “servizzi ta’ enġiniera” fis-sens tal-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, li jiddetermina l-post ta’ tassazzjoni għas-servizzi ta’ konsulenti, inġiniera, uffiċċji ta’ konsulenza, avukati, kontabilisti u servizzi simili oħra.

Fil-fatt, dawn il-provvisti għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni peress li x-xogħlijiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp jikkostitwixxu provvisti mwettqa prinċipalment u normalment bħala parti mill-professjoni ta’ inġinier bħal dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni. Dan japplika għall-provvisti li huma kkaratterizzati mill-fatt li ma jirrigwardawx biss li jiġu applikati għarfien u metodi eżistenti għal problemi konkreti, iżda wkoll li jinkiseb għarfien ġdid u li jiġu żviluppati metodi ġodda sabiex jiġu solvuti dawn l-istess problemi jew problemi ġodda. Barra minn hekk, tali attivitajiet huma distinti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva, peress li l-provvisti in kwistjoni ma humiex ipprovduti lil diversi destinatarji, iżda huma mwettqa għall-benefiċċju ta’ destinatarju wieħed. Il-fatt li l-benefiċjarju uniku tal-provvisti ta’ servizzi jitwassal ibigħ, lil terzi jew lil kumpanniji li jappartjenu għall-istess grupp bħal dak li jifforma parti minnu hu, ir-riżultati tax-xogħlijiet li huwa jkun ordna huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

(ara l-punti 20, 21, 24-26, 30 u d-dispożittiv)