Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-7 ta' Ottubru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari min-Naczelny Sąd Administracyjny - Ir-Repubblika tal-Polonja) - Kronospan Mielec sp. z o.o. vs Dyrektor Izby Skarbowej w Rzeszowie

(Kawża C-222/09) 1

"Sitt Direttiva tal-VAT - Artikolu 9(2)(ċ) u (e) - Xogħlijiet ta' riċerka u ta' żvilupp magħmula minn inġiniera - Determinazzjoni tal-post tal-provvista ta' servizzi"

Lingwa tal-kawża: il-Polakk

Qorti tar-rinviju

Naczelny Sąd Administracyjny

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Kronospan Mielec sp. z o.o.

Konvenut: Dyrektor Izby Skarbowej w Rzeszowie

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Naczelny Sąd Administracyjny - Interpretazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu9(2)(ċ) u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 9(2)(e) tas-Direttiva 77/388/KEE, Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif ukoll tal-Artikoli 52(a) u 56(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta' Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1) - Determinazzjoni tal-post ta' tassazzjoni - Servizzi ta' riċerka u ta' żvilupp, ipprovduti lil persuna taxxabbli stabbilita fil-Komunità Ewropea iżda barra l-Istat Membru li fih ingħataw materjalment is-servizzi - Klassifikazzjoni ta' dawn is-servizzi kemm bħala "attivitajiet xjentifiċi" kif ukoll bħala "servizzi ta' enġiniera"

Dispożittiv

Provvisti ta' servizzi, li jikkonsistu fit-twettiq ta' xogħlijiet ta' riċerka u ta' żvilupp fil-qasam ambjentali u teknoloġiku, magħmula minn inġiniera stabbiliti fi Stat Membru fuq ordni u għall-benefiċċju ta' destinatarju stabbilit fi Stat Membru ieħor, għandhom jiġu kkwalifikati bħala "servizzi ta' enġiniera" fis-sens tal-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima.

____________

1 - ĠU C 220, 12.09.2009.