Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Ottubru 2020 – Ir-Repubblika tal-Bulgarija vs Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-544/20)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Bulgarija (rappreżentanti: L. Zaharieva, T. Mitova, M. Georgieva, aġenti)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-Direttiva (UE) 2020/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li tistabbilixxi regoli speċifiċi rigward id-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE għall-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq u li temenda d-Direttiva 2006/22/KE fir-rigward ta’ rekwiżiti tal-infurzar u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 1 ;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi:

Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE u fl-Artikolu 1 tal-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE.

Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE u fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn l-Istati Membri quddiem it-Trattati, stabbilit fl-Artikolu 4(2) TUE u, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa meħtieġ, tal-Artikolu 95(1) TFUE.

Ksur tal-Artikolu 91(1) TFUE.

Ksur tal-Artikolu 91(2) TFUE u tal-Artikolu 90 TFUE ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 3(3) TUE u mal-Artikolu 94 TFUE.

Ksur tal-Artikolu 34 TFUE u tal-Artikolu 35 TFUE, li ma huwiex iġġustifikat mill-Artikolu 36 TFUE, u ksur tal-Artikolu 58(1) flimkien mal-Artikolu 91 TFUE jew, sussidjarjament, tal-Artikolu 56 TFUE.

____________

1     ĠU 2020, L 249, p. 49