Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Frar 2009 - A vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-12/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: A (Port-Vendres, Franza) (rappreżentanti: B. Cambier, A. Paternostre, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

Minn naħa, talba sabiex il-Kummissjoni tiġi ddikjarata responsabbli għal ċerti żbalji allegatament imwettqa fil-konfront tar-rikorrent fil-kuntest tal-proċedura applikata fuq il-bażi tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll l-annullament ta' diversi deċiżjonijiet li jċaħħdu lir-rikorrent mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 73(2)(b) tar-Regolamenti, milli jiġi pprovdut b'diversi dokumenti li jifformaw parti mill-fajl mediku tiegħu u milli jiġi rrimborsat għal ċerti spejjeż mediċi. Min-naħa l-oħra, talba għal kumpens għad-danni allegatament sostnuti.

Talbiet tar-rikorrent

Tiddikjara lill-Kummissjoni Ewropea responsabbli għal żbalji li hija wettqet fil-konfront tar-rikorrent fil-kuntest tal-proċedura applikata fuq il-bażi tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti u tar-regoli komuni "dwar l-assigurazzjoni tar-riskji ta' inċidenti u ta' mard ikkaġunat mix-xogħol" tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej [traduzzjoni mhux uffiċjali];

Tannulla d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea tat-8 ta' April u tat-13 ta' Novembru 2008 li jċaħħdu lir-rikorrent mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 73(2)(b) tar-Regolamenti, milli jiġi pprovdut b'diversi dokumenti li jifformaw parti mill-fajl mediku tiegħu u milli jiġi rrimborsat għal ċerti spejjeż mediċi;

Tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tħallas b'mod immedjat lir-rikorrent il-kumpens previst fl-Artikolu 73(2)(b) tar-Regolamenti, jiġiferi EUR 1 422 024, tipprovdilu d-dokumenti mitluba u tirrimborsah l-intier tal-ispejjeż mediċi diġà inkorsi u li ser jiġu inkorsi minħabba l-marda kkaġunata mix-xogħol li tagħha huwa vittma;

Tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tħallas lir-rikorrent l-imgħax ta' dewmien skont ir-rata regolatorja tal-Bank Ċentrali Ewropew miżjuda b'żewġ punti fuq l-ammont ta' kumpens li għandu jitħallas skont l-Artikolu 73(2)(b) tar-Regolamenti, dekorribbli mix-xahar ta' Diċembru 2004, data li fiha kellha tkun rikonoxxuta l-oriġini kkaġunata mix-xogħol tal-marda tar-rikorrent;

Tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tħallas lir-rikorrent, fuq il-bażi tad-dritt tiegħu għall-kumpens sħiħ għad-dannu sostnut u barra mis-somom imsemmija iktar 'il fuq, is-somma ta' EUR 1 949 689, li tikkorrispondi għad-differenza bejn l-ammont totali tad-dannu sostnut u dak tas-somma f'daqqa dovuta lir-rikorrent skont l-Artikolu 73(2)(b) tar-Regolamenti;

Tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tħallas lir-rikorrent is-somma ta' EUR 25 000 jew kwalunkwe somma oħra li l-Qorti tal-Prim'Istanza jidhrilha xierqa għad-dannu morali sostnut minħabba diversi żbalji u irregolaritajiet imwettqa mis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea fit-tmexxija tal-proċeduri mediċi li jikkonċernawh;

Tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

____________