Language of document : ECLI:EU:T:2004:293

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM' ISTANZA (It-Tieni Awla)

6 ta' Ottubru 2004(*)

"Trade mark Komunitarja – Proċediment ta' oppożizzjoni – Trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti li tinkludi l-kombinazzjoni ta' l-ittri 'NL' – Applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji figurattivi li jinkludu l-kliem 'NLSPORT', 'NLJEANS', 'NLACTIVE' u 'NLCollection' – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta' konfużjoni – Xebh ta' sinjali – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

New Look Ltd, stabbilita f'Weymouth, Dorset (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn R. Ballester u G. Marín, Avukati,

rikorrenti

vs

l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn O. Montalto u J. García Murillo u S. Laitinen, bħala aġenti,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI li kienet

Naulover, SA, stabbilita f'Barcelona (Spanja),

li għandha bħala suġġett erba' rikorsi magħmula kontra d-deċiżjonijiet ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tas-27 ta' Jannar 2003 (R 95/2002-1, R 577/2001-1, R 578/2001-1)  u tal-15 ta' April 2003 (R 19/03-1), dwar proċediment ta' oppożizzjoni bejn Naulover, SA,  u New Look Ltd,

 IL-QORTI TAL-PRIM' ISTANZAPRIM' ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn  J. Pirrung, President, A. W. H. Meij u N. J. Forwood, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim' Istanza fl-4 ta' April 2003 (Kawżi T-117/03 sa T-119/03) u fid-19 ta' Mejju 2003 (Kawża T-171/03),

wara r-risposti ta' l-UASI ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim' Istanza fil-25 ta' Settembru 2003 (Kawżi T-117/03 sa T-119/03) u fit-8 ta' Ottubru 2003 (Kawża T-171/03),

wara d-digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim' Istanza ta' l-1 ta' April 2004 li jgħaqqad il-kawżi għall-finijiet tas-seduta u tas-sentenza,

wara s-seduta tat-28 ta' April 2004, li r-rikorrenti ma pparteċipatx fiha,

taghti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li jwasslu għall-kawża

1       Fil-5 ta' Mejju 1998 (fil-Kawżi T-117/03 sa T-119/03) u fid-19 ta' Frar 1999 (fil-Kawża T-171/03), ir-rikorrenti talbet ir-reġistrazzjoni ta' erba' trade marks Komunitarji lil-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skond ir-Regolament (KE) Nru 40/94 tal-Kunsill, ta' l-20 ta' Ottubru 1993, fuq it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), hekk kif emendat.

2       It-trade marks li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huma s-sinjali figurattivi li ġejjin:

–       fil-Kawża T-117/03:

Image not found

–       fil-Kawża T-118/03:

Image not found

–       fil-Kawża T-119/03:

Image not found

–       fil-Kawża T-171/03:

Image not found

3       Il-prodotti li għalihom saru l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni u li jikkonċernaw il-preżenti Kawża jaqgħu taħt il-Klassi 25 tal-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, hekk kif irrivedut u emendat, u jikkorispondu għad-deskrizzjoni segwenti: "ħwejjeġ, kpiepel u żraben għal nisa u tfajliet" għat-trade marks NLSPORT, NLJEANS u NLACTIVE li għalihom saret applikazzjoni, u "artikli ta' ħwejjeġ, żraben u kpiepel" għat-trade mark NLCollection li għaliha saret applikazzjoni.

4       Fil-11 ta' Ġunju 1999 (kawżi T-117/03 sa T-119/03) u fit-3 ta' Jannar 2000 (kawża T-171/03), il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94, ressqet oppożizzjoni kontra kull waħda mill-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja.

5       L-oppożizzjoni, f'kull waħda mill-kawżi, kienet ibbażata fuq l-eżistenza tat-trade mark Komunitarja figurattiva Nru 13417 (iktar 'il quddiem it-"trade mark preċedenti), li kienet saret applikazzjoni għaliha fl-1 ta' April 1996 u rreġistrata fl-1 ta' Frar 1999, illustrata kif ġej:

Image not found

6       Din it-trade mark hija rreġistrata, b'mod partikolari, għall-prodotti segwenti, li jaqgħu kollha fil-Klassi 25 tal-Ftehim ta' Nizza: "ġumpers; ġersijiet; sdieri; flokkijiet; dbielet; qliezet; qomos; blowsijiet; gejxi; ħwejjeġ ta' taħt; ilbiesi ta' filgħaxija; malji; inċirati; ilbiesi; peduni; kalzetti; xalel; ingravati; kpiepel u ingwanti (ħwejjeġ)".

7       In sostenn ta' l-oppożizzjonijiet tagħha, il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem l-UASI qajmet ir-raġuni relattiva għal rifjut msemmi fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

8       B'deċiżjonijiet ta' l-10 ta' April 2001 (Deċiżjoni Nru 939/2001 fil-kawża T-119/03), tas-27 ta' April 2001 (Deċiżjoni Nru 1106/2001 fil-kawża T-118/03), tat-23 ta' Novembru 2001 (Deċiżjoni Nru 2765/2001 fil-kawża T-117/03) u tad-29 ta' Ottubru 2002 (Deċiżjoni Nru 3138/2002 fil-kawża T-171/03), id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ċaħdet dawn l-oppożizzjonijiet. Essenzjalment, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kkunsidrat li t-trade marks in kwistjoni kienu differenti fuq il-livelli viżivi u fonetiċi u li, fuq il-livell kunċettwali, l-ebda mit-trade marks ma kellha sens partikolari.

9       Fis-7 ta' Ġunju 2001 (kawżi T-118/03 u T-119/03), fit-22 ta' Jannar 2002 (kawża T-117/03) u fl-24 ta' Diċembru 2002 (kawża T-171/03), il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell għamlet rikors kontra kull waħda mid-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

10     B'deċiżjonijiet tas-27 ta' Jannar 2003 (kawżi T-117/03 sa 119/03) u tal-15 ta' April 2003 (kawża T-171/03), l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI annulla d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u ċaħad l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja għall-prodotti kollha msemmija fil-Klassi 25 tal-Ftehim ta' Nizza. Essenzjalment, il-Bord ta' l-Appell, l-ewwel nett, ikkunsidra li l-element dominanti ta' kull waħda mit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni kienet il-kombinazzjoni ta' l-ittri "NL", billi l-kliem "sport", "jeans", "active" u "collection" għandhom biss karattru distintiv dgħajjef fis-settur tal-ħwejjeġ. Għaldaqstant, huwa kkonstata li t-trade marks Komunitarji in kunflitt għandhom xebh viżiv dgħajjef minħabba l-kunċett partikolari tal-grafika tat-trade mark preċedenti, min-naħa, u l-preżenza tal-kliem "sport", "jeans", "active" u "collection" fit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection, min-naħa l-oħra. Min-naħa l-oħra, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li t-trade marks Komunitarji f'kunflitt kienu simili fuq il-livelli fonetiċi u kunċettwali minħabba li l-kombinazzjoni ta' l-ittri "NL" li jikkostitwixxu t-trade mark preċedenti hija kkopjata, bħala element dominanti, fit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection. Il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li, fis-settur tal-ħwejjeġ, huwa komuni li l-istess trade mark tippreżenta konfigurazzjonijiet differenti skond it-tip ta' prodotti li hija tirreferi għalihom u li kien normali li jiġu użati trade marks sekondarji sabiex jiddistingwu l-kategoriji differenti ta' prodotti. Hija tikkunsidra li, għaldaqstant, il-konsumatur jista' jiġi indott jaħseb li l-prodotti tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni NLSPORT, NLJEANS u NLACTIVE jappartjenu lil-linji ta' produzzjoni ta' natura żagħżugħa jew, fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni NLCollection, li tirrigwarda mudelli ġodda ppreżentati kull staġun, waqt li l-prodotti tat-trade mark preċedenti ġejjin minn kategorija ta' ħwejjeġ iktar sofistikati. Minn dan il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda li eżistiet probabbiltà ta' konfużjoni fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 It-talbiet tal-partijiet

11     Ir-rikorrenti titlob, f'kull waħda mill-kawżi, lill-Qorti tal-Prim' Istanza jogħġobha:

–       tannulla d-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell;

–       tikkundanna lill-UASI u, jekk ikun il-każ, lill-parti intervenjenti għall-ispejjeż ikkawżati bil-proċedura preżenti kif ukoll bil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell.

12     L-UASI jitlob, f'kull waħda mill-kawżi, lill-Qorti tal-Prim' Istanza jogħġobha:

–       tiċħad l-appell;

–       tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

13     Minbarra xi dettalji minimi, it-talbiet u l-argumenti tal-partijiet huma identiċi fl-erba' kawżi preżenti. In sostenn tar-rikorsi tagħha, r-rikorrenti tqajjem eċċezzjoni waħda biss, ibbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

14     Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta' l-Appell janalizza t-trade marks li għalihom saret applikazzjoni b'mod żbaljat billi kkonċentra fuq il-kombinazzjoni ta' l-ittri "NL" u billi ma sseparatx b'hekk dan ta' l-aħħar mill-kliem li jiġu wara, jiġifieri "sport", "jeans", "active" u "collection".

15     Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-kombinazzjoni ta' l-ittri "NL" mhijiex l-element dominanti ta' kull waħda mit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni u lanqas l-element kostituttiv tat-trade mark preċedenti. Fir-rigward, l-ewwel nett, tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni, ir-rikorrenti topponi ruħha għall-evalwazzjoni li skondha l-kliem "sport", "jeans", "active" u "collection" għandhom karattru distintiv dgħajjef fis-settur ikkonċernat. Fir-rigward, wara, tat-trademark preċedenti, ir-rikorrenti ssostni li huwa impossibbli li tistabbilixxi b'ċertezza l-ittri li minnhom hija komposta. Skond ir-rikorrenti, barra l-ittri "NL", jistgħu jkunu l-ittri "ALV", "AVOL", "AOL" jew "AL". Barra minn hekk, hija tikkunsidra li, jekk il-konsumatur ipperċepixxa t-trade mark preċedenti b'mod invers, kien ikun possibbli għalih li jiddistingwi l-ittri "JRV" jew "JPV". Fl-aħħar, ir-rikorrenti żżid li, skond ġurisprudenza u duttrina stabbiliti, it-trade marks komposti minn żewġ jew tliet ittri biss jippreżentaw karattru distintiv dgħajjef, inerenti fin-natura tagħhom, u li dawn l-ittri m'għandhomx għaldaqstant jikkostitwixxu l-element dominanti ta' sinjal. In sostenn ta' din it-teżi, ir-rikorrenti tirreferi għall-punt 8.3 tal-linji gwida ta' l-UASI u tikkwota sentenza tat-Tribunal Supremo (Qorti Suprema Spanjola) tal-21 ta' Jannar 1993 li skondha huwa impossibbli li tapproprja ruħek, taħt l-aspett fonetiku, bl-ittri stabbiliti ta' l-alfabett. Hija tqajjem barra minn hekk il-koeżistenza ta' diversi reġistrazzjonijiet ta' trade marks nazzjonali u Komunitarji li jinkludu l-kombinazzjoni ta' l-ittri "NL".

16     Fit-tielet lok, fir-rigward ta' l-aspett viżiv tas-sinjali in kwistjoni, ir-rikorrenti tenfasizza li t-trade mark preċedenti hija sinjal li għandu b'"karattru barokk distint". Il-Bord ta' l-Appell kien naqas milli jikkunsidra l-importanza ta' dan il-karattru figurattiv.

17     Fir-raba' lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li r-raġunament tal-Bord ta' l-Appell li jikkonċerna x-xebh fonetiku tas-sinjali huwa inkoerenti billi dan ta' l-aħħar jikkonstata b'mod simultanju x-xebh u l-identiċità foneti tat-trade marks in kwistjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord ta' l-Appell kien ibbaża l-eżami komparattiv fuq il-binomju "NL".

18     Ir-rikorrenti ssostni, fl-aħħar nett, li l-konsumatur medju fis-settur tal-ħwejjeġ huwa attent b'mod partikolari għat-trade marks meta jakkwista artikoli ta' ħwejjeġ, b'tali mod li huwa diffiċli li jiġi żgwidat.

19     Skond l-UASI, il-kritika tar-rikorrenti mhijiex fondata. Huwa jikkunsidra li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade mark preċedenti u t-trade marks li għalihom saret applikazzjoni għar-raġunijiet esposti fid-deċiżjonijiet tal-Bord ta' l-Appell.

20     L-UASI jikkontesta t-teżi li skondha l-konsumatur medju fis-settur tal-ħwejjeġ huwa partikolarment infurmat u attent. Matul is-seduta, l-UASI ppreċiża li l-grad ta' attenzjoni li l-konsumatur għandu għat-trade mark jiddependi b'mod partikolari mill-valur tal-prodott ikkonċernat u mill-grad ta' speċjalizzazzjoni tal-pubbliku kkonċernat. F'dan il-każ, ir-rikorrenti sempliċement sostniet, bla ebda spjegazzjoni dettaljata, li l-grad ta' attenzjoni li l-konsumatur għandu għat-trade marks huwa iktar elevat fis-settur tal-ħwejjeġ milli f'setturi oħra.

21     Skond l-UASI, is-sinjali f'kunflitt jippreżentaw xebh fuq il-livelli fonetiċi u kunċettwali. Matul is-seduta, l-UASI ppreċiżat li l-fatt li l-element preponderanti ta' dawn is-sinjali jikkonsisti f'kombinazzjoni ta' ittri ma jimplikax li għandu jiġi attribwit iktar piż lill-elementi ta' differenza viżiva milli lix-xebh fonetiku u kunċettwali tas-sinjali. L-UASI jirrikonoxxi li, bħala regola ġenerali, l-element figurattiv jippermetti li jikkonferixxi karattru distintiv lil sinjal kompost minn ittra jew minn kombinazzjoni ta' żewġ ittri, iżda jenfasizza li l-eżami tal-probabbiltà ta' konfużjoni hija wkoll irregolata minn prinċipji oħra. Skond hu, meta sinjal għandu effettivament karattru distintiv, anki dgħajjef, u jkun ġie rreġistrat b'mod validu bħala trade mark, din it-trade mark tgawdi mill-protezzjoni ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. L-UASI ma teskludix il-possibbiltà li jiġu mwieżna l-aspetti – viżivi, fonetiċi u kunċettwali – tax-xebh tas-sinjali in kwistjoni skond ir-realtajiet tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti fuq is-suq speċifiku. Minħabba l-identiċità tal-prodotti in kwistjoni, u billi l-użu ta' trade marks sekondarji huwa komuni fis-settur in kwistjoni, l-UASI tikkunsidra li, f'dan il-każ, hemm probabbiltà ta' konfużjoni.

  Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim' Istanza

22     Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark m'għandhiex tiġi milqugħa jekk, minħabba l-identiċità jew xebh tagħha mat-trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta' konfużjoni fil-moħħ tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Skond l-Artikolu 8(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 40/94, trade marks preċedenti tfisser, b'mod partikolari, it-trade marks Komunitarji b’data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tiġi qabel dik ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

23     Skond ġurisprudenza stabbilita, il-possibbiltà li l-pubbliku jista' jemmen li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament, tista' tikkostitwixxi probabbiltà ta' konfużjoni.

24     Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi in kwistjoni, u billi jiġu kkunsidrati l-fatturi kollha rilevanti f'dan il-każ, b'mod partikolari ta' l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew servizzi koperti [sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs L-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p, II-2821, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

25     F'dan il-każ, il-prodotti kkonċernati (il-ħwejjeġ, b'mod partikolari ħwejjeġ għal nisa u tfajliet) huma prodotti ta' konsum komuni [sentenzi tal-Qorti tal-Prim' Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Oberhauser vs L-UASI - Petit Liberto (Fifties), T-104/01, Ġabra p. II-4359, punt 29, u ta' l-14 ta' Ottubru 2003, Phillips‑Van Heusen vs L-UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, li għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 43]. It-trade mark li fuqha l-oppożizzjoni hija bbażata hija rreġistrata bħala trade mark Komunitarja. Minn dan isegwi li l-pubbliku li fir-rigward tiegħu l-analiżi tal-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi mwettqa huwa kkostitwit mill-konsumatur medju tal-Komunità Ewropea.

26     Huwa stabbilit bejn il-partijiet li l-prodotti kkonċernati mit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni u l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti huma in parti simili u in parti identiċi.

27     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riżultat tar-rikors jiddependi mill-grad ta' xebh tas-sinjali in kwistjoni. Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni għandha, fir-rigward tax-xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali tas-sinjali f'kunflitt, tiġi bbażata fuq l-impressjoni globali li tirriżulta minn dawn ta' l-aħħar, billi tieħu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-elementi tagħhom distintivi u dominanti (ara s-sentenza BASS, iċċitata iktar 'il fuq, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

28     Fuq il-livell viżiv, il-Bord ta' l-Appell iddeskriva t-trade mark preċedenti bħala li kienet "iffurmata minn żewġ ittri majjuskoli 'NL', imqiegħda b'mod vertikali u b'tipa ta' karattru ta' fantasija msejjaħ, bl-Ingliż, ‘Stephenson Blake’ inklinat lejn il-lemin" (punt 32 tad-deċiżjoni tal-Bord ta' Appell fil-kawża T-117/03, punt 31 tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta' l-Appell fil-kawżi T-118/03 u T-119/03 u punt 28 tad-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell fil-kawża T-171/03). Il-Qorti tal-Prim' Istanza tikkonstata li din id-deskrizzjoni hija korretta. Fis-sinjal preċedenti, wieħed jirrikonoxxi faċilment l-ittra "L". Din ta' l-aħħar hija ppożizzjonata l-isfel u fuq il-lemin ta' l-istess ittra. Billi l-qari normali jsir mix-xellug għal-lemin u minn fuq l' isfel, l-ittra "L" mhijiex l-ewwel fil-kombinazzjoni ta' l-ittri. Bejn il-parti tax-xellug ta' l-ittra "N", li tista' eventwalment tifforma l-quċċata ta' l-ittra "A", u l-parti superjuri ta' l-ittra "L", hemm spazju li jippermetti li jiġi pperċepit faċilment li mhijiex parti trasversali ta' ittra "A". Barra minn hekk, il-parti superjuri ta' l-ittra "L" m'għandhiex tiġi kkunsidrata bħala li tifforma ittra "O". Fl-aħħar, għandu jiġi rrilevat li s-sinjali għandhom jiġu kkumparati hekk kif huma protetti u mhux hekk kif jistgħu eventwalment jiġu pperċepiti mill-konsumatur b'mod invers. Id-dubji espressi mir-rikorrenti fir-rigward tal-perċezzjoni tas-sinjal preċedenti mhumiex, għaldaqstant, iġġustifikati.

29     F'dak li jirrigwarda s-sinjali li għalihom saret applikazzjoni, kull wieħed minnhom huwa kompost minn sinjal figurattiv kompost mill-ittri "NL" segwit direttament minn kelma b'ittri majjuskoli, fil-każ tal-kawżi T-117/03 sa T-119/03, u minn kelma li tinkludi ittra majjuskola u disa' ittri minuskoli fil-każ tal-kawża T-171/03. F'kull waħda mis-sinjali, il-kombinazzjoni ta' l-ittri jidher b'karattri grassi, waqt li l-ittri l-oħra huma stampati b'karattri normali. Isegwi li l-ittri "NL" jikkostitwixxu l-element dominanti fl-aspett viżiv ta' kull waħda mit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni, hekk kif ġie espost – ġustament – fid-deċiżjonijiet tal-Bord ta' l-Appell.

30     L-UASI tosserva, b'rilevanza, li s-sinjali li għalihom saret applikazzjoni jippreżentaw struttura morfosintattika simili. Hija biss it-trade mark NLCollection li għaliha saret reġistrazzjoni, li hija xi ftit differenti billi s-sinjal mhuwiex kompost kollu minn ittri majjuskoli u l-kelma NLCollection hija mqiegħda ġo kwadru iswed rettangolari. Anki jekk ir-rikorrenti tikkritika sewwa l-fatt li d-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell tal-15 ta' April 2003, peress illi segwiet il-mudell tad-deċiżjonijiet tas-27 ta' Jannar 2003, ma ħaditx in kunsiderazzjoni dawn il-partikolaritajiet, l-analiżi tas-sinjal imwettaq mill-Bord ta' l-Appell fuq livell viżiv jibqa' korrett billi l-kombinazzjoni ta' l-ittri "NL" jikkostitwixxi l-element dominanti fuq il-livell viżiv tat-trade mark "NLCollection" li għaliha saret l-applikazzjoni.

31     Fir-rigward tal-paragun viżiv bejn is-sinjal preċedenti, min-naħa, u s-sinjali mitluba, min-naħa l-oħra, il-Bord ta' l-Appell ikkonstata xebh dgħajjef. Ir-rikorrenti ma kkontestatx din il-konklużjoni.

32     Għal dak li jirrigwarda x-xebh kunċettwali tas-sinjali in kwistjoni, għandu jiġi rrilevat li s-sinjali li għalihom saret applikazzjoni huma komposti bl-ittri "NL", min-naħa, u mill-kliem "sport", "jeans", "active" u "collection", min-naħa l-oħra. It-trade mark preċedenti, min-naħa tagħha, tikkonsisti biss fil-kombinazzjoni ta' l-ittri "NL". Kif jikkonstata b'rilevanza l-Bord ta' l-Appell, "NL" hija bla sens fis-settur tal-ħwejjeġ.

33     Min-naħa l-oħra, hekk kif jirrileva l-UASI korrettament, il-kliem "sport", "jeans", "active" u "collection" għandhom kull waħda, fil-lingwa Ingliża jew Franċiża, kontenut kunċettwali deskrittiv tal-prodotti koperti. Fis-settur tal-ħwejjeġ, il-kelma "sport" tqajjem l-ideja ta' ħwejjeġ ta' sport jew ta' ħwejjeġ bi stil "sportiv". Il-kelma "jeans" tiġi identifikata bħala deskrittiva ta' ħwejjeġ tad-denim. Il-kelma "collection" tirreferi għall-mudelli kollha ddiżinjati għal staġun. Il-kelma "active" tirreferi iktar għad-destinazzjoni tal-prodotti, jiġifieri l-ħwejjeġ għall-persuni attivi jew li jippermettulhom li jkunu attivi.

34     Il-Qorti tal-Prim' Istanza tfakkar li, bħala regola ġenerali, il-pubbliku ma jikkunsidrax element deskrittiv li jagħmel parti minn trade mark kumplessa bħala l-element distintiv u dominanti fl-impressjoni totali murija minn din ta' l-aħħar [sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza tat-3 ta' Lulju 2003, Alejandro vs L-UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T-129/01, li għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 53]. F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li n-natura deskrittiva ta' dan l-element tiġi pperċepita f'parti mit-territorju tal-Komunità. Anki jekk l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94 ma għandux dispożizzjoni simili għall-Artikolu 7(2) ta' l-istess Regolament, il-Qorti tal-Prim' Istanza ddeduċiet mill-prinċipju tal-karattru unitarju tat-trade mark Komunitarja, imsemmi fl-Artikolu 1(2) ta' dan ir-Regolament, li r-reġistrazzjoni għandu jkun irrifjutat, anki jekk ma teżistix raġuni relattiva għal rifjut ħlief fil-parti tal-Komunità [sentenza appellata tal-Qorti tal-Prim' Istanza tat-3 ta' Marzu 2004, Mühlens vs l-UASI – Zirh International (ZIRH), T-355/02, li għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 35 u 36].

35     F'dan il-każ, is-sinjali li għalihom saret applikazzjoni għandhom elementi li, almenu għall-pubbliku Anglofonu u Frankofonu, kontenut kunċettwali deskrittiv tal-prodotti msemmija. Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell ikkonstata korrettament li, almenu għal dan il-pubbliku, l-element dominanti ta' kull waħda mit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni, fuq il-livell kunċettwali, huwa l-kombinazzjoni ta' l-ittri "NL" li tikkostitwixxi l-uniku element tat-trade mark preċedenti.

36     Fir-rigward tax-xebh fonetiku, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl ta' l-analiżi effettwata fil-punti 28 sa 30 iktar 'il fuq dwar ix-xebh viżiv, billi t-trade mark preċedenti hija komposta mill-ittri "N" u "L", hija ppronunċjata bħala "N-L" fil-maġġorità tal-lingwi tal-Komunità Ewropea inkluż, b'mod partikolari, il-Franċiż u l-Ingliż. It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni NLSPORT hija, almenu fl-Ingliż u fil-Franċiż, ippronunċjata "N-L-sport". It-trade marks l-oħra li għalihom saret applikazzjoni jiġu ppronunċjati "N-L-jeans", "N-L-active" u "N-L-collection". Isegwi li, mill-perspettiva fonetika, il-kombinazzjoni ta' l-ittri "N-L" li tikkostitwixxi t-trade mark preċedenti hija inkluża f'kull waħda mit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni. Issa, almenu għall-konsumaturi Frankofoni u Anglofoni, il-kliem "sport", "jeans", "active" u "collection" huma pperċepiti bħala elementi deskrittivi ta' prodotti jew tad-destinazzjoni tagħhom. Għaldaqstant, il-kombinazzjoni ta' l-ittri "NL" tikkostitwixxi – almenu għal dan il-pubbliku – l-element dominanti fuq livell fonetiku. Il-konstatazzjonijiet tal-Bord ta' l-Appell fil-punti 33 (kawża T-117/03), 32 (kawżi T-118/03 u T-119/03) u 29 (kawża T-171/03) tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta' l-Appell għandhom, għaldaqstant, jiġu milqugħa. Barra minn hekk għandu jiġi kkonstatat li l-Bord ma sabx identiċità fonetika tas-sinjali, iżda identiċità fonetika bejn l-element dominanti tas-sinjali li għalihom saret applikazzjoni, "NL", u l-kombinazzjoni ta' l-ittri "NL" tat-trade mark preċedenti.

37     L-inklużjoni kompleta tas-sinjal ikkonċernat mit-trade mark preċedenti fl-element dominanti ta' kull wieħed mis-sinjali li għalihom saret applikazzjoni tippermetti li jinstab xebh fonetiku importanti (ara, fil-każ invers, is-sentenza Fifties, iċċitata iktar 'il fuq, punt 40).

38     Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta' Appell ma pproċediex għal evalwazzjoni globali tax-xebh tas-sinjali, iżda li huwa qasam is-sinjali li għalihom saret applikazzjoni fil-kombinazzjoni ta' l-ittri "NL", min-naħa, u l-kliem "sport", "jeans", "active" jew "collection", min-naħa l-oħra.

39     F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, jekk normalment il-konsumatur medju jipperċepixxi t-trade mark b'mod sħiħ u ma jagħmilx eżami tad-dettalji differenti tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 23), in ġenerali, huma l-karatteristiċi dominanti u distintivi ta' sinjal li huma l-iktar faċilment immemmorizzati (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Fifties, iċċitata iktar 'il fuq, punti 47 u 48). Konsegwentement, il-Bord ta' l-Appell m'għandux jiġi kkritikat talli kien eżamina dawk li huma, fil-perċezzjoni tal-konsumatur, l-elementi distintivi u dominanti tat-trade marks li jibqa' jżomm f'moħħu.

40     Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell kkonstata bla żball ta' dritt li kien hemm xebh fonetiku u kunċettwali tas-sinjali in kwistjoni.

41     Fir-rigward ta' l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni, il-Bord ta' l-Appell wasal għall-konklużjoni ta' din il-probabbiltà minħabba xebh fonetiku u kunċettwali tas-sinjali, ta' l-identiċità tal-prodotti u tal-kundizzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni fis-settur tal-ħwejjeġ fejn l-użu ta' trade marks sekondarji huwa frekwenti u fejn huwa normali li sinjal jippreżenta diversi konfigurazzjonijiet. Ir-rikorrenti tikkontesta din il-konklużjoni għal żewġ raġunijiet.

42     Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li, fis-settur tal-ħwejjeġ, il-livell ta' attenzjoni li l-konsumatur medju għandu għat-trade marks huwa partikolarment elevat b'tali mod li huwa diffiċli li jkun żgwidat.

43     F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-livell ta' attenzjoni tal-konsumatur jista' jvarja skond il-kategorija ta' prodotti jew servizzi in kwistjoni (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 26). Kif osserva ġustament l-UASI, mhuwiex biżżejjed madankollu li rikorrent isostni li, f'settur partikolari, il-konsumatur huwa partikolarment attent għat-trade marks, mingħajr ma jipprova din l-allegazzjoni b'fatti jew b'evidenza. Fir-rigward tas-settur tal-ħwejjeġ, il-Qorti tal-Prim' Istanza tikkonstata li dan ta' l-aħħar jinkludi prodotti ta' kwalità u ta' prezzijiet differenti ħafna. Filwaqt li huwa possibbli li l-konsumatur ikun iktar attent għall-għażla ta' trade mark meta jixtri ħwejjeġ partikolarment għolja, din l-attitudni tal-konsumatur m'għandhiex tkun preżunta, mingħajr ebda prova, fir-rigward tal-prodotti kollha tas-settur in kwistjoni. Isegwi li dan l-argument għandu jiġi miċħud.

44     Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-kombinazzjoni ta' ittri għandha, min-natura tagħha stess, karattru distintiv dgħajjef. Barra minn hekk, skond ir-rikorrenti, huwa impossibbli li l-kombinazzjoni ta' ittri tiġi approprjata taħt l-aspett fonetiku; r-rikorrenti tibbaża ruħha, f'dan ir-rigward, fuq id-deċiżjoni tat-Tribunal Supremo tal-21 ta' Jannar 1993 dwar sinjal kompost mill-ittra "D". Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tosserva li jeżistu diversi trade marks nazzjonali u Komunitarji li jinkludu l-element "NL" u li ma ġietx ikkonstatata probabbiltà ta' konfużjoni bejniethom.

45     Fir-rigward ta' l-eżistenza ta' diversi reġistrazzjonijiet ta' trade marks li għandhom il-kombinazzjoni ta' l-ittri "NL", il-Qorti tal-Prim' Istanza tikkonstata li r-rikorrenti ma pprovatx li kienu jirreferu għal każijiet analogi għal dan il-każ. Barra minn hekk, l-UASI osserva, bla ma ġie kkontradett, li r-reġistrazzjonijiet Komunitarji msemmija mir-rikorrenti qatt ma kienu s-suġġett ta' oppożizzjonijiet. Fir-rigward tad-deċiżjoni tat-Tribunal Supremo, l-UASI rrileva ġustament li hija kkonċernat il-każ ta' trade mark kompost minn ittra waħda biss. Fl-aħħar, għandu jiġi mfakkar li l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell għandha tiġi evalwata unikament fuq il-bażi tar-Regolament Nru 40/94, hekk kif interpretat mill-imħallef komunitarju (sentenza BUDMEN, iċċitata iktar 'il fuq, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata). Isegwi li din il-parti ta' l-argument hija bla effett.

46     Fir-rigward tat-teżi li skondha l-aspett fonetiku ta' "NL" m'għandux ikun monopolizzat mit-trade mark preċedenti, dan l-argument jwassal li, essenzjalment, jiċħad il-karattru distintiv ta' din it-trade mark fuq livell fonetiku u jikkonkludi konsegwentement li x-xebh fonetiku m'għandux jikkontribwixxi għal probabbiltà ta' konfużjoni fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

47     Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, trade mark Komunitarja tista' tikkonsisti fis-sinjali kollha li jistgħu jiġu rrappreżentati b'mod grafiku, b'mod partikolari kliem u ittri, sakemm jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta' impriża minn dawk ta' impriżi oħra. Isegwi li l-leġiżlatur inkluda espliċitament is-sinjali komposti minn ittra jew kombinazzjoni ta' ittri fil-lista ta' eżempji, li tidher fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament, ta' sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark Komunitarja, li hija suġġetta għal raġunijiet assoluti jew relattivi ta' rifjut kontra r-reġistrazzjoni.

48     L-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 40/94 dwar ir-rifjut għar-reġistrazzjoni ma jipprovdux regoli speċifiċi għas-sinjali komposti minn kombinazzjoni ta' ittri li ma jiffurmawx kelma. Isegwi li l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni, skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, bejn dawn is-sinjali ssegwi, bħala prinċipju, l-istess regoli bħal dik li tikkonċerna s-sinjali verbali li jinkludu kelma, isem jew kelma inventata. Għaldaqstant, it-teżi tar-rikorrenti li skondha s-sinjali komposti minn kombinazzjoni ta' ittri m'għandhomx, min-natura tagħhom stess, l-ebda karattru distintiv fuq il-livell fonetiku għandha tiġi miċħuda.

49     Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni, l-aspetti viżivi, fonetiċi jew kunċettwali tas-sinjali f'kunflitt m'għandhomx dejjem l-istess piż. Għandhom jiġu analizzati l-kundizzjonijiet oġġettivi li bihom it-trade marks jistgħu jiġu ppreżentati fis-suq (sentenza BUDMEN, iċċitata iktar 'il fuq, punt 57). L-importanza ta' l-elementi ta' xebh jew ta' differenza tista' tiddependi, b'mod partikolari, minn karatteristiċi intrinsiċi ta' dawn ta' l-aħħar jew tal-kundizzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks f'kunflitt. Jekk il-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni huma normalment mibjugħa fil-ħwienet self-service fejn il-konsumatur jagħżel huwa stess il-prodott u għandu, għaldaqstant, joqgħod prinċipalment fuq l-immaġni tat-trade mark applikata fuq dan il-prodott, ix-xebh viżiv tas-sinjali jkun, bħala regola ġenerali, ta' importanza akbar. Jekk, min-naħa l-oħra, il-prodott kopert huwa mibjugħ l-aktar b'mod oralment, ikun normalment attribwit iktar piż lix-xebh fonetiku tas-sinjali.

50     Ir-rikorrenti ma qajmitx l-eżistenza ta' kundizzjonijiet partikolari ta' kummerċjalizzazzjoni. Ġeneralment, fil-ħwienet tal-ħwejjeġ, il-klijenti jistgħu jagħżlu huma stess il-ħwejjeġ li jixtiequ jixtru jew jiġu assistiti minn tal-ħanut. Filwaqt li komunikazzjoni orali fuq il-prodott u fuq it-trade mark mhijiex eskluża, l-għażla tal-ħwejjeġ issir, ġeneralment, b'mod viżiv. Għaldaqstant, il-perċezzjoni viżiva tat-trade marks in kwistjoni sseħħ, normalment, qabel l-att ta' xiri. Għaldaqstant, l-aspett viżiv għandu iktar importanza fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni.

51     Madankollu, fis-settur tal-ħwejjeġ, huwa komuni li l-istess trade mark tippreżenta konfigurazzjonijiet differenti skond it-tip ta' prodotti li hija tkopri. F'dan is-settur, huwa wkoll komuni li l-istess impriża ta' ħwejjeġ tuża trade marks sekondarji, jiġifieri sinjali li jidderivaw minn trade mark prinċipali u jaqsmu magħha element dominanti komuni, sabiex tiddistingwi l-linji differenti ta' produzzjoni tagħha (sentenzi Fifties, iċċitata iktar 'il fuq, punt 49, u BUDMEN, iċċitata, punt 57). F'dan il-każ, il-kontenut kunċettwali tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni jista' jsaħħaħ il-perċezzjoni tagħhom, mill-konsumatur, bħala trade marks sekondarji ta' trade mark NL. Anki jekk il-konsumatur kien ikkonfrontat biss b'wieħed mis-sinjali fi kwistjoni, il-perċezzjoni b'mod separat ta' "NL" b'karattri grassi, min-naħa, u l-kelma segwenti, li tista' tqajjem l-idea ta' ċertu stil ta' ħwejjeġ, min-naħa l-oħra, tista' twassal sabiex il-konsumatur jidentifikaha bħala trade mark sekondarja tat-trade mark NL. Barra minn hekk, il-grafika differenti tal-kombinazzjoni ta' l-ittri "NL" fis-sinjali li għalihom saret applikazzjoni, meta mqabbla ma' dik tat-trade mark preċedenti NL, tista' tiġi pperċepita bħala konfigurazzjoni partikolari ta' din ta' l-aħħar. Għaldaqstant, il-konklużjoni tal-Bord ta' l-Appell, li skond hi, mhuwiex eskluż li l-konsumatur jipperċepixxi t-trade marks li għalihom saret applikazzjoni bħala linji ta' produzzjoni speċjali li ġejjin mill-impriża li hija l-proprjetarja tat-trade mark preċedenti, għandha tiġi milqugħa.

52     Il-Qorti tal-Prim' Istanza tfakkar li l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jeżiġi li għandha teżisti probabbiltà ta' konfużjoni, iżda mhux li l-konfużjoni tkun stabbilita. F'dawn il-kundizzjonijiet, filwaqt li huwa veru li l-Bord ta' l-Appell seta' eżamina aħjar il-grafika partikolari tal-kombinazzjoni ta' l-ittri "NL" fit-trade mark preċedenti li l-apparenza tagħha tiddistingwi ruħha minn dik ta' l-ittri "NL" fis-sinjali li għalihom saret applikazzjoni u li tikkostitwixxi l-element intrinsikament l-iktar b'saħħtu tat-trade mark preċedenti, il-konklużjoni li wasal għalih il-Bord ta' l-Appell jibqa' korrett. Fir-rigward ta' l-identiċità tal-prodotti u tal-kundizzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni li sar riferiment għalihom fil-punt preċedenti, l-grad ta' xebh tas-sinjali huwa biżżejjed, f'dan il-każ, sabiex iwassal li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni.

53     Isegwi li l-unika eċċezzjoni bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 mhijiex fondata. Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

54     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim' Istanza, l-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż ta' l-UASI, skond it-talbiet ta' dan ta' l-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM' ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeciedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Pirrung

Meij

Forwood

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-6 ta' Ottubru 2004

Registratur

 

       Il-President

H. Jung

 

       J. Pirrung


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.