Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (Spanja) fit-12 ta’ Lulju 2023 – LM vs Omnitel Comunicaciones SL et

(Kawża C-441/23, Omnitel Comunicaciones et)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de Madrid

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: LM

Konvenuti: Omnitel Comunicaciones SL, Microsoft Ibérica SRL, Fondo de Garantía Salarial (FOGASA), Indi Marketers SL, Leadmarket SL, Fiscalía

Domandi preliminari

Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija 1 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2008/104”) hija applikabbli għal impriża li tpoġġi ħaddiema għad-dispożizzjoni ta’ impriża oħra, għalkemm l-ewwel impriża ma tkunx irrikonoxxuta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali bħala aġenzija ta’ xogħol temporanju minħabba li ma jkollhiex awtorizzazzjoni amministrattiva bħala tali?

Fil-każ li d-Direttiva 2008/104 hija applikabbli għal impriżi li jpoġġu għad-dispożizzjoni ħaddiema mingħajr ma jkunu rrikonoxxuti mid-dritt nazzjonali bħala aġenziji ta’ xogħol temporanju, f’sitwazzjoni bħal dik deskritta iktar ’il fuq, il-ħaddiema għandha titqies bħala ħaddiema temporanja permezz ta’ aġenzija fis-sens tal-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/104, l-impriża Leadmarket S. L. għandha titqies bħala aġenzija ta’ xogħol temporanju fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tal-istess direttiva u l-impriża Microsoft Ibérica għandha titqies bħala impriża utenti fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tal-istess direttiva? Konkretament, l-impriża Leadmarket S. L. tista’ titqies bħala li żammet it-tmexxija u l-kontroll tal-attività professjonali (għalhekk tiġi eskluża l-eżistenza ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema), minħabba l-fatt li l-amministratur tagħha kien jirċievi mingħand il-ħaddiema rapport mensili tal-attività u kien japprova barra minn hekk il-leave, il-btajjel u l-ħinijiet tal-ħaddiema, minkejja li l-provvista ta’ kuljum tas-servizzi tal-ħaddiema kienet tikkonsisti f’li tipprovdi assistenza lill-klijenti ta’ Microsoft, billi ssolvi inċidenti billi ta’ spiss tikkuntattja lill-persuni responsabbli ta’ Microsoft, filwaqt li taħdem mid-dar tagħha b’kompjuter imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema minn Microsoft u billi tmur darba fil-ġimgħa fiċ-ċentru ta’ xogħol ta’ Microsoft?

Fil-każ li d-Direttiva 2008/104 hija applikabbli u inkwistjoni hemm tqegħid għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema, minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, is-salarju tal-ħaddiema għandu jkun tal-inqas l-istess bħal dak li kien ikun applikabbli li kieku kienet ġiet irreklutata direttament minn Microsoft Ibérica S. L.?

Id-dritt għall-ħaddiema li tiġi integrata mill-ġdid fil-post tax-xogħol tagħha jew f’ieħor ekwivalenti wara l-leave tal-maternità huwa applikabbli fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, konformement mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/54 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol 1 ? U, minkejja li l-kuntratt bejn Microsoft Ibérica S. L. u Leadmarket S. L. intemm, peress li ma jeżisti l-ebda post tax-xogħol ekwivalenti ma’ Leadmarket S. L., l-integrazzjoni mill-ġdid tagħha għandha ssir f’Microsoft Ibérica S. L.?

Fil-każ lid-Direttiva 2008/104 hija applikabbli għaliex inkwistjoni hemm tqegħid għad-dispożizzjoni, minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi Spanjoli li jistabbilixxu n-nullità tat-tkeċċija fil-każ ta’ ħaddiema tqal u li jreddgħu għandhom iwasslu sabiex l-aġenzija ta’ xogħol temporanju u l-impriża utenti jiġu ddikjarati responsabbli in solidum għall-konsegwenzi previsti mil-liġi għat-tkeċċija nulla, jiġifieri: l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol tagħha, il-ħlas tas-salarji mhux irċevuti mit-tkeċċija sal-integrazzjoni mill-ġdid tagħha kif ukoll l-obbligu li jitħallsu l-kumpens xieraq li jirriżulta mill-illegalità tat-tkeċċija?

____________

1     ĠU 2008, L 327, p. 9.

1     ĠU 2006, L 204, p. 23.