Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-20 ta’ Ġunju 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Verwaltungsgericht Berlin - il-Ġermanja) – ExxonMobil Production Deutschland GmbH vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-682/17) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2003/87/KE – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra – Impjant ta’ trattament ta’ gass naturali – Irkupru tal-kubrit – ‘Proċess Claus’ – Produzzjoni ta’ elettriku f’apparat awżiljarju – Produzzjoni ta’ sħana – Emissjoni ta’ diossidu tal-karbonju (CO2) inerenti – Artikolu 2(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Anness I – Attività ta’ ‘kombustjoni ta’ karburanti’ – Artikolu 3(u) – Kunċett ta’ ‘ġeneratur tal-elettriku’ – Artikolu 10a(3) u (4) – Sistema tranżitorja ta’ allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas – Deċiżjoni 2011/278/UE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 3(c) – Kunċett ta’ ‘subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Berlin

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: ExxonMobil Production Deutschland GmbH

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Dispożittiv

L-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE tal-Kunsill kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li impjant, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipproduċi, fil-kuntest tal-attività tiegħu ta’ “[k]ombustjoni ta’ karburanti f’istallazzjonijiet b’kapaċità termika totali kkalkolata li taqbeż l-20 [megawatts (MW)]”, prevista fl-Anness I ta’ din id-direttiva, elettriku maħsub essenzjalment sabiex jintuża għall-ħtiġijiet proprji tiegħu, għandu jitqies bħala “ġeneratur tal-elettriku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li dan l-impjant, minn naħa, jeżerċita simultanjament attività ta’ fabbrikazzjoni ta’ prodott li ma jaqax taħt dan l-anness u, min-naħa l-oħra, jinjetta b’mod kontinwu, bi ħlas, parti, anki jekk żgħira, mill-elettriku prodott fin-netwerk elettriku pubbliku, li miegħu l-imsemmi impjant għandu jkun konness permanentement għal raġunijiet tekniċi.

L-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE tas-27 ta’ April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 għandu jiġi interpretat fis-sens li impjant, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn għandu jitqies bħala “ġeneratur tal-elettriku”, fis-sens tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87, ma għandux dritt li jiġi allokat kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas abbażi tas-sħana prodotta fil-kuntest tal-attività tiegħu ta’ “[k]ombustjoni ta’ karburanti f’istallazzjonijiet b’kapaċità termika totali kkalkolata li taqbeż l-20 MW”, prevista fl-Anness I ta’ din id-direttiva, meta din is-sħana tintuża għal finijiet oħra minbarra l-produzzjoni ta’ elettriku, peress li tali impjant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10a(4) sa (8) tal-imsemmija direttiva.

____________

1     ĠU C 112, 26.3.2018