Language of document :

Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Jannar 2010 - United Phosphorus vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-95/09 R II)

("Proċeduri għal miżuri provviżorji - Direttiva 91/414/KEE - Deċiżjoni dwar in-noninklużjoni tan-napropamide fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 - Proroga ta' miżura ta' sospensjoni tal-eżekuzzjoni")

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: United Phosphorus Ltd (Warrington, Cheshire, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: C. Mereu u K. Van Maldegem, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Parpala u N. Rasmussen, aġenti)

Suġġett

Talba intiża li tinkiseb miżura ta' sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/902/KE, tas-7 ta' Novembru 2008, dwar in-noninklużjoni tan-napropamide fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta' awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dik is-sustanza (ĠU L 326, p. 35)

Dispożittiv

Il-miżura ta' sospensjoni tal-eżekuzzjoni ordnata fil-punt 1 tad-digriet tal- President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' April 2009, United Phosphorus vs Il-Kummissjoni (T-95/09 R, mhux ippubblikata fil-Ġabra) hija pprorogata sat-30 ta' Novembru 2010, mingħajr madankollu ma din tkun tista' tiġi pprorogata wara d-data li fiha tingħata d-deċiżjoni għall-kawża prinċipali jew wara d-data tat-tlestija formali tal-proċedura aċċellerata mibdija fir-rigward tan-napropamide skont l-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008, tas-17 ta' Jannar 2008, li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward ta' proċedura regolari u aċċellerata għall-valutazzjoni ta' sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta' ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta' din id-Direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I tagħha (ĠU L 15, p. 5).

L-ispejjeż huma rriżervati.

____________