Language of document : ECLI:EU:C:2016:840

Kawża C-149/15

Sabrina Wathelet

vs

Garage Bietheres & Fils SPRL

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-cour d’appel de Liège)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 1999/44/KE – Bejgħ u garanziji ta’ oġġetti ta’ konsum – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘bejjiegħ’ – Intermedjarju – Ċirkustanzi eċċezzjonali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Novembru 2016

1.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Prinċipji – Interpretazzjoni awtonoma u uniformi

2.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Bejgħ u garanziji ta oġġetti ta konsum – Direttiva 1999/44 – Kamp ta applikazzjoni – Bejjiegħ – Kunċett – professjonist li jaġixxi bħala intermedjarju f’isem individwu li ma jkunx debitament informa lill-konsumatur xerrej bdan il-fatt – Inklużjoni

(Direttiva 1999/44 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Artikolu 1(2)(ċ))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 28)

2.      Il-kunċett ta’ “bejjiegħ” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, għandha tiġi interpretata fis-sens li tirrigwarda bl-istess mod professjonist li jaġixxi bħala intermedjarju f’isem individwu li ma jkunx debitament informa lill-konsumatur bil-fatt li l-proprjetarju tal-oġġett mibjugħ huwa individwu, dan il-fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ. L-interpretazzjoni preċedenti ma tiddependix fuq il-punt ta’ jekk l-intermedjarju huwa rremunerat jew ma huwiex irremunerat għall-intervent tiegħu.

Fil-fatt, l-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44, jillimita ċ-ċirku ta’ persuni li kontra tagħhom il-konsumatur jista’ jaġixxi sabiex isostni d-drittijiet tiegħu li jirriżultaw minn din direttiva. Konsegwentement, l-għarfien mill-konsumatur tal-identità tal-bejjiegħ u b’mod partikolari tal-kwalità tiegħu ta’ individwu jew ta’ professjonist, huwa imperattiv sabiex jippermetti lil dan tal-aħħar li jibbenefika mill-protezzjoni li tagħti l-imsemmija direttiva.

Għalhekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li fihom il-konsumatur jista’ jitwassal faċilment għal żball inkunsiderazzjoni tal-modalitajiet li fihom ikun seħħ il-bejgħ, hemm lok li tingħata protezzjoni msaħħa lil dan tal-aħħar. Għalhekk, ir-responsabbiltà tal-bejjiegħ, skont id-Direttiva 1999/44, għandha tkun tista’ tiġi imposta fuq l-intermedjarju li, billi jippreżenta lilu nnifsu lill-konsumatur, joħloq riskju ta’ konfużjoni f’moħħu, billi jwasslu li jemmen fil-kwalità tiegħu ta’ proprjetarju tal-oġġett mibjugħ.

Barra minn hekk, hija l-qorti nazzjonali li hija kompetenti li tivverifika jekk, il-professjonist jista’ jitqies bħala l-“bejjiegħ” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(ċ) tad-Direttiva 1999/44, meta ma jkunx debitament informa lill-konsumatur ma huwiex il-proprjetarju tal-oġġett inkwistjoni Jistgħu jkunu rilevanti f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, il-grad ta’ parteċipazzjoni u l-intensità tal-isforzi mill-intermedjarju fil-bejgħ, iċ-ċirkustanzi li fihom l-oġġett ikun ġie ppreżentat lill-konsumatur konsumatur kif ukoll l-aġir ta’ dan tal-aħħar, sabiex jiġi ddeterminat jekk dan setax jifhem li l-intermedjarju kienx qed jaġixxi f’isem l-individwu.

(ara l-punti 37, 41, 44, 45 u dispożittiv)