Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Unabhängige Schiedskommission Wien (l-Awstrija) fis-17 ta’ Frar 2022 – E.N.

(Kawża C-115/22)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Unabhängige Schiedskommission Wien

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: E.N.

Partijiet oħra fil-proċedura: Nationale Anti-Doping Agentur Austria GmbH (NADA), Österreichischer Leichtathletikverband (ÖLV), Word Anti-Doping Agency (WADA)

Domandi preliminari

1.    L-informazzjoni li persuna speċifika wettqet ksur speċifiku tar-regoli antidoping u li, minħabba dan il-ksur, hija pprojbita milli tipparteċipa f’kompetizzjonijiet (nazzjonali u internazzjonali) hija “data dwar is-saħħa” fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) 1 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data”)?

2.    Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jipprekludi – b’mod partikolari fid-dawl tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament – leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-pubblikazzjoni tal-isem tal-persuna kkonċernata mid-deċiżjoni tal-Unabhängige Schiedskommission (il-Kummissjoni Indipendenti ta’ Arbitraġġ, l-Awstrija), tat-tul ta’ żmien tas-sospensjoni u tal-motivi għal din, mingħajr ma jkun possibbli li tiġi inferita d-data dwar is-saħħa ta’ din il-persuna? Huwa rilevanti f’dan ir-rigward li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li l-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni lill-pubbliku ġenerali tista’ tiġi ommessa biss jekk il-persuna kkonċernata tkun sportiv ta’ livell rikreattiv, persuna minuri jew persuna li tkun ikkontribwixxiet b’mod sinjifikattiv għas-sejbien ta’ ksur potenzjali tar-regoli antidoping billi kkomunikat informazzjoni jew indikazzjonijiet oħra?

3.     Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jeżiġi – b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 5(1)(a) u (c) – f’kull każ, qabel il-pubblikazzjoni, ibbilanċjar tal-interessi bejn, minn naħa, l-interessi personali tal-individwu kkonċernat li jistgħu jkunu affettwati minn pubblikazzjoni, u, min-naħa l-oħra, l-interessi tal-pubbliku li jiġi informat bi ksur tar-regoli antidoping imwettaq minn sportiv?

4.    L-informazzjoni li persuna speċifika wettqet ksur speċifiku tar-regoli antidoping u li, minħabba dan il-ksur, hija pprojbita milli tipparteċipa f’kompetizzjonijiet (nazzjonali u internazzjonali) tikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data?

5.    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għar-raba’ domanda: l-Unabhängige Schiedskommission (il-Kummissjoni Indipendenti ta’ Arbitraġġ) maħluqa skont l-Artikolu 8 tal-Anti-Doping-Bundesgesetz 2021 [il-Liġi Federali dwar il-Ġlieda kontra d-Doping tal-2021] hija awtorità pubblika fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data?

____________

1     ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.