Language of document : ECLI:EU:C:2012:349

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Ġunju 2012 (*)

“Direttiva 93/13/KEE — Kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Klawżola ta’ interessi moratorji inġusta — Proċedura ta’ ordni għal ħlas — Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali”

Fil-Kawża C‑618/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Provincial de Barcelona (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Diċembru 2010, fil-proċedura

Banco Español de Crédito SA

vs

Joaquín Calderón Camino,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, M. Safjan, M. Ilešič, E. Levits u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Diċembru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Banco Español de Crédito SA, minn A. Herrador Muñoz u V. Betancor Sánchez kif ukoll minn R. Rivero Sáez, abogados,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Kemper u T. Henze, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Owsiany-Homung u E. Gippini Fournier, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Frar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni:

–        tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288);

–        tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU L 110, p. 30);

–        tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU L 399, p. 1);

–        tal-Artikoli 5(1)(l) u (m), 6, 7 u 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, p. 66), u

–        tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, p. 22).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Banco Español de Crédito SA (iktar ’il quddiem “Banesto”) u J. Calderon Camino dwar ħlas ta’ somom dovuti bħala eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ self għall-konsum konkluż bejn dawn il-partijiet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

 Id-Direttiva 87/102/KEE

3        Id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, tat-22 ta’ Dicembru 1986, għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 326) tipprovdi fl-Artikolu 6 tagħha:

“1.      Minkejja l-esklużjoni skond l-Artikolu 2(1)(e), meta jkun hemm xi ftehim bejn xi istituzzjoni ta’ kreditu jew xi istituzzjoni finanzjaraja u xi konsumatur għall-għotja ta’ kreditu fil-forma ta’ ħlas minn quddiem, li ma jkunx fuq kontijiet ta’ karta ta’ kreditu, il-konsumatur irid jiġi infurmat waqt jew qabel ma jintgħalaq il-ftehim:

–        bil-limitu tal-kreditu, jekk ikun hemm,

–        bir-rata ta’ interessi ta’ kull sena u l-ħlasijiet li japplikaw mill-ħin li jintgħalaq il-ftehim u l-kundizzjonijiet li taħthom dawn jistgħu jiġu emendati,

–        bil-proċedura biex jintemm il-ftehim.

Din l-informazzjoni trid tiġi kkonfermata bil-miktub.

2.      Barra minn dan, waqt il-perjodu tal-ftehim, il-konsumatur għandu jiġi nfurmat b’kull tibdil fir-rata ta’ interessi ta’ kull sena jew bl-imposti rilevanti fiż-żmien li fih iseħħu. Din l-informazzjoni tista’ tingħata fid-dikjarazzjoni tal-kont jew f’xi mod ieħor li jkun aċċettabbli għall-Istati Membri.

3.      Fl-Istati Membri fejn huwa permess taċitament li jittieħdu aktar flus milli jkun hemm fil-bank, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumatur jiġi infurmat bir-rata ta’ interessi ta’ kull sena u bil-ħlasijiet li japplikaw u b’kull emenda ta’ dawn, meta s-self jestendi għal aktar minn perjodu ta’ tliet xhur.”

4        Skont l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva:

“Fil-każ ta’ xi kreditu mogħti għax-xiri ta’ xi oġġetti, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet biex jittieħdu lura l-merkanzija, b’mod partikulari jekk il-konsumatur ma jkunx ta l-kunsens tiegħu. Barra minn hekk iridu jiżguraw li meta l-kreditur jerġa’ jieħu lura l-merkanzija l-kont ta’ bejn il-partijiet irid isir b’mod li jiġi żgurat li t-teħid lura ma jinvolvix xi stagħnar mhux iġġustifikat.”

 Id-Direttiva 93/13

5        It-tnax -il premessa tad-Direttiva 93/13 tipprovdi:

“Billi, iżda, kif inhuma bħalissa, il-liġijiet nazzjonali jippermettu li tiġi kkunsidrata biss armonizzazzjoni parzjali; billi b’mod partikolari, din id-Direttiva tkopri biss klawżoli kuntrattwali li ma jkunux ġew innegozjati individwalment; billi l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla b’konsiderazzjoni xierqa tat-Trattat, li joffru lill-konsumaturi livell ogħla ta’ protezzjoni permezz ta’ disposizzjonijiet nazzjonali li jkunu aktar stretti minn dawk ta’ din id-Direttiva”.

6        Il-wieħed u għoxrin premessa tal-imsemmija direttiva hija fformulata kif ġej:

“Billi l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jintużawx klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi ma’ konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur u li jekk, madankollu, dawn il-klawżoli jintużaw, m’għandhomx jorbtu lill-konsumatur, u l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawk il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi li jibqa’ jeżisti mingħajr id-disposizzjonijiet inġusti.”

7        L-erbgħa u għoxrin premessa tal-istess direttiva tispeċifika:

“Billi l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi.”

8        Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13:

“1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-konsumatur ma jitlifx il-protezzjoni mogħtija minn din id-Direttiva bis-saħħa ta’ l-għażla tal-liġi ta’ pajjiż li ma jkunx membru bħala l-liġi applikabbli għall-kuntratt jekk dan ta’ l-aħħar ikollu konnessjoni mill-qrib mat-territorju ta’ l-Istati Membri.”

9        L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

10      L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.”

 Id-Direttiva 2005/29

11      L-Artikolu 11(1) u (2) tad-Direttiva 2005/29 jipprovdi:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi li jikkumbattu l-prattiċi kummerċjali żleali sabiex tiġi nfurzata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fl-interess tal-konsumaturi.

[…]

2. Taħt id-dispożizzjonijiet legali msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-qrati jew lill-awtoritajiet amministrattivi s-setgħat li, fil-każijiet fejn jikkunsidraw li tali miżuri huma meħtieġa wara li jittieħed kont ta’ l-interessi kollha involuti u b’mod partikolari ta’ l-interess pubbliku:

a)      jordnaw il-waqfien, jew jistitwixxu proċedimenti legali adegwati għall-għoti ta’ ordni ta’ waqfien, ta’ prattiċi kummerċjali żleali,

jew

b)      jekk il-prattika kummerċjali żleali għadha ma seħħetx iżda hija imminenti, jordnaw il-projbizzjoni tal-prattika, jew jistitwixxu proċedimenti legali adegwati għall-għoti ta’ ordni ta’ projbizzjoni tal-prattika,

anki mingħajr prova ta’ telf jew ħsara attwali jew ta’ intenzjoni jew negligenza min-naħa tal-kummerċjant.

L-Istati Membri għandhom ukoll jipprovdu sabiex il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu jiġu meħuda taħt proċedura aċċelerata:

–        jew b’effett provviżorju,

–        jew b’effett definittiv,

iżda għandu jkun għal kull Stat Membru li jiddeċiedi liema miż-żewġ possibbiltajiet jagħżel.

[…]”

 Ir-Regolament Nru 1896/2006

12      Il-premessa 10 tar-Regolament Nru 1896/2006 tispeċifika:

“Il-proċedura stabbilita b’dan ir-Regolament għandha sservi ta’ mezz addizzjonali u fakultattiv għal pretendent, li jibqa’ liberu li jirrikorri għal proċedura prevista fil-liġi nazzjonali. Għaldaqstant, dan ir-Regolament la jissostitwixxi u lanqas jarmonizza l-mekkaniżmi eżistenti għall-irkupru ta' talbiet mhux ikkontestati taħt il-liġi nazzjonali.”

13      L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1896/2006 jipprovdi:

“1.      L-għan ta’ dan ir-Regolament hu:

a)      li jissimplifika, iħaffef u jnaqqas l-ispejjeż ta’ litigazzjoni f’każijiet transkonfinali fir-rigward ta’ talbiet mhux kontestati ta’ flus permezz tal-ħolqien ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas [ordni għal ħlas] Ewropea;

u

b)      li jippermetti ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ ordnijiet ta’ ħlas Ewropej fl-Istati Membri kollha billi jistabbilixxi standards minimi li permezz ta’ l-osservanza tagħhom ma jkunu meħtieġa l-ebda proċedimenti intermedjarji fl-Istat Membru ta’ infurzar għar-rikonoxximent u l-infurzar tagħhom.

2.      Dan ir-Regolament m’għandux iżomm pretendent milli jsegwi talba fis-sens ta’ l-Artikolu 4 billi jagħmel użu minn proċedura oħra disponibbli taħt il-liġi ta’ Stat Membru jew taħt il-liġi Komunitarja.”

 Id-Direttiva 2008/48

14      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/48 huwa fformulat kif ġej:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jiġu armonizzati ċerti aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri amministrattivi ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ ftehim li jkopru kreditu għall-konsumaturi.”

15      Skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva:

“Fi żmien debitu qabel ma l-konsumatur ikun marbut minn kwalunkwe ftehim jew offerta ta’ kreditu, il-kreditur u, fejn applikabbli, l-intermedjarju tal-kreditu għandhom, abbażi tat-termini u l-kondizzjonijiet ta’ kreditu offruti mill-kreditur u, jekk applikabbli, il-preferenzi espressi u l-informazzjoni fornuta mill-konsumatur, jipprovdu lill-konsumatur bl-informazzjoni meħtieġa biex iqabbel offerti differenti sabiex jieħu deċiżjoni informata dwar jekk jikkonkludix ftehim ta’ kreditu […]

Din l-informazzjoni għandha tispeċifika:

[…]

l)      ir-rata ta’ l-interessi applikabbli fil-każ ta’ ħlas tard u l-arranġamenti għall-aġġustament tagħha, u, fejn applikabbli, l-imposti dovuti minħabba nuqqas ta’ ħlas;

m)      twissja dwar il-konsegwenzi li jinqabżu xi ħlasijiet;

[…]”

16      L-Artikolu 10(2) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Il-ftehim ta’ kreditu għandu jispeċifika b’mod ċar u konċiż:

[…]

l)      ir-rata ta’ interessi applikabbli f’każ ta’ ħlas tard kif applikabbli fiż-żmien tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu u l-arranġamenti għall-aġġustament tagħha u, fejn applikabbli, l-imposti dovuti minħabba nuqqas ta’ ħlas;

[...]”

 Id-Direttiva 2009/22

17      L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/22 jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri relatati ma’ azzjonijiet għal inġunzjoni li ssir riferenza għalihom fl-Artikolu 2 immirati lejn il-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi inklużi fid-Direttivi elenkati fl-Anness I, bil-għan li tkun żgurata l-ħidma t-tajba tas-suq intern.”

18      Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva:

“1.      L-Istati Membri għandhom jinnominaw il-qrati jew awtoritajiet amministrattivi kompetenti li jirregolaw l-proċeduri li jinbdew minn entitajiet kwalifikati fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3 li jfittxu:

a)      li jwaqqfu jew jimpedixxu kwalunkwe ksur, bil-ħeffa kollha meħtieġa, fejn xieraq permezz ta’ proċedura sommarja;

[…]

2.      Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-regoli tad-dritt privat internazzjonali, b’rispett għal-liġi applikabbli, jiġifieri, normalment, jew il-liġi tal-Istat Membru fejn oriġina l-ksur jew tal-liġi tal-Istat Membru fejn il-ksur ikun ħalla l-effetti tiegħu.”

 Id-dritt Spanjol

19      Taħt id-dritt Spanjol, il-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-klawżoli inġusti kienet żgurata fl-ewwel lok mil-Liġi Ġenerali 26/2004 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u tal-utent (Ley General 26/1984 para la Defensa de los Consumidores y Usuarios), tad-19 ta’ Lulju 1984 (BOE Nru 176, tal-24 ta’ Lulju 1984, iktar ’il quddiem il-“Liġi 26/1984”).

20      Il-Liġi 26/1984 ġiet emendata sussegwentement bil-Liġi 7/1998 dwar il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti (Ley 7/1998 sobre Condiciones Generales de la Contratación), tat-13 ta’ April 1998 (BOE Nru 89, tal-14 ta’ April 1998, p. 12304), li ttrasponiet id-Direttiva 93/13 fid-dritt intern Spanjol.

21      Fl-aħħar nett, id-Digriet Irjali Leġiżlattiv Nru 1/2007 li rreveda l-liġi ġenerali dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti u liġijiet oħra addizzjonali (Real Decreto Legislativo 1/2007 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios y otras leyes complementarias), tas-16 ta’ Novembru 2007 (BOE Nru 287, tat-30 ta’ Novembru 2007, p. 49181, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 1/2007”), adotta t-test ikkodifikat tal-Liġi 26/1984, kif emendata.

22      Skont it-termini tal-Artikolu 83 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 1/2007:

“1. Il-klawżoli kuntrattwali inġusti awtomatikament għandhom ikunu nulli u meqjusa li ma kinux jiffurmaw parti mill-kuntratt.

2.      Il-parti tal-kuntratt li kienet meqjusa nulla għandha tkun immodifikata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1258 tal-Kodiċi Ċivili u bil-prinċipju tal-bona fide.

Għal dan l-għan, il-qorti li tiddeċiedi li dawn il-klawżoli huma nulli għandha timmodifika l-kuntratt u għandha tgawdi setgħat ta’ moderazzjoni fir-rigward ta’ drittijiet u obbligi tal-partijiet, meta l-kuntratt ikompli jeżisti u fir-rigward tal-konsegwenzi meta jkun deċiż li huwa ineffettiv fil-każ ta’ telf sinjifikanti jew ħsara lill-konsumatur jew l-utent.

Huwa biss meta l-klawżoli kuntrattwali li jibqa’ jirriżultaw fi żbilanċ fil-pożizzjonijiet rispettivi tal-partijiet li ma jistgħux ikunu rrimedjati li l-qorti tista’ tiddeċiedi li l-kuntratt huwa ineffettiv.”

23      L-Artikolu 1258 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi:

“Il-kuntratti għandhom jiġu konklużi permezz ta’ kunsens sempliċi u minn dak il-punt ’il quddiem ikunu jorbtu, mhux biss fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-kwistjonijiet espressament miftiehma, iżda wkoll fir-rigward tal-konsegwenzi kollha li, min-natura tagħhom, huma skont il-bona fide, il-prassi u l-liġi.”

24      Fir-rigward tal-proċedura ta’ ordni għal ħlas, il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Ley de Enjuiciamiento Civil), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data meta nbdiet il-proċedura li wasslet għall-kawża prinċipali, jistabbilixxi, fl-Artikolu 812(1) tiegħu, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din l-istess proċedura fit-termini li ġejjin:

“Kull min jitlob lil persuna oħra l-ħlas ta’ dejn pekunjarju dovut, eżiġibbli u li ma jaqbiżx EUR 30 000, jista’ jirrekorri għall-proċedura ta’ ordni, sakemm l-ammont ta’ dan id-dejn ikun stabbilit skont dawn il-modi:

1)      jew permezz tal-preżentazzjoni ta’ dokumenti, taħt kwalunkwe forma, tip jew mezz fiżiku, iffirmati mid-debitur jew li jkollhom it-timbru jew il-marka tiegħu jew kwalunkwe sinjal ieħor, kemm fiżiku jew elettroniku, li joriġina mid-debitur;

2)      jew permezz tal-preżentazzjoni ta’ kontijiet, riċevuti ta’ kunsinna, ċertifikat, telegrammi, faks jew dokumenti oħra, anki kkreati unilateralment mill-kreditur, li huma normalment użati sabiex jiddokumentaw il-krediti u d-djun fir-relazzjonijiet tat-tip bħal dik eżistenti bejn il-kreditur u d-debitur tiegħu.

[…]”

25      L-Artikolu 815(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, intitolat “Ammissibbiltà tat-talba ordni għal ħlas”, jipprovdi:

“Jekk id-dokumenti annessi mat-talba jagħmlu parti minn dawn previsti fl-Artikolu 812(2), jew jikkostitwixxu bidu ta’ prova tad-dritt tal-applikant, ikkonfermat mill-kontenut tat-talba, ir-reġistratur għandu jordna lid-debitur iħallas f’terminu ta’ 20 ġurnata u jipprovdi l-provi ta’ dan il-ħlas lill-qorti, jew jidher quddiemha u jindika b’mod qasir, fl-att tal-oppożizzjoni, ir-raġunijiet għalfejn jikkunsidra li ma għandux iħallas, parti jew it-total tal-ammont mitlub [...]”.

26      Fir-rigward tal-Artikolu 818(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, dwar l-oppożizzjoni tad-debitur, dan jipprovdi:

“Jekk id-debitur iressaq oppożizzjoni fi żmien utli, il-kawża għandha tiġi deċiża definittivament fi tmiem il-proċedura xierqa u d-deċiżjoni mogħtija ssir res judicata.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

27      Fit-28 ta’ Mejju 2007, J. Calderon Camino kkonkluda kuntratt ta’ self għall-ammont ta’ EUR 30 000 ma’ Banesto (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ikkontestat”), sabiex ikun jista’ jixtri vettura li “sservi għall-bżonnijiet tal-familja”. Ir-rata ta’ ħlas ġiet stabbilita għal 7.950 %, ir-RPAĦ (rata perċentwali annwali ta’ ħlas) għal 8.890 % u r-rata ta’ interessi moratorji għal 29 %.

28      Minkejja li l-iskadenza tal-kuntratt ikkontestat ġiet stabbilita għall-5 ta’ Ġunju 2014, Banesto kkunsidrat li dan kien skada qabel din id-data minħabba li, f’Settembru 2008, ir-rimbors ta’ seba’ menswalitajiet ma kienx għadu sar. Għalhekk, fit-8 ta’ Jannar 2009, hija ressqet, quddiem il-Juzgado de Primera Instancia Nru 2 de Sabadell, skont id-dritt Spanjol, talba għal ordni għal ħlas għas-somma ta’ EUR 29 381.95, korrispondenti għall-menswalitajiet mhux imħallsa, biż-żieda tal-interessi kuntrattwali u spejjeż.

29      Fil-21 ta’ Jannar 2010, il-Juzgado de Primera Instancia Nru 2 de Sabadell tat digriet fejn ikkonstatat li, minn naħa, il-kuntratt ikkontestat kien kuntratt ta’ adeżjoni konkluż mingħajr possibbiltajiet reali ta’ negozjar u jinkludi kundizzjonijiet ġenerali imposti, u li, min-naħa l-oħra, ir-rata tal-interessi moratorji ta’ 29 % kienet stabbilita fi klawżola dattilografata li ma kinitx tiddistingwi ruħha mill-bqija tat-test f’dak li jikkonċerna t-tip ta’ ittri, il-korp ta’ ittri użati jew l-aċċettazzjoni speċifika mill-konsumatur.

30      F’dawn il-kundizzjonijiet, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-livell tar-rata ta’ interess Euribor (“Euro interbank offered rate”) u tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) kif ukoll tal-fatt li r-rata tal-imsemmija interessi moratorji kienet superjuri b’iktar minn 20 punt għal dik tal-ħlas, il-Juzgado de Primera Instancia Nru 2 de Sabadell iddikkjarat ex officio n-nullità ipso iure tal-klawżola dwar l-interessi moratorji, minħabba li din kellha natura inġusta, filwaqt li rreferiet għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam. Barra minn hekk stabbiliet din l-istess rata għal 19 %, filwaqt li rreferiet għar-rata ta’ interessi legali u għar-rata ta’ interessi moratorji li jinsabu fil-liġijiet baġitarji nazzjonali mill-1990 sal-2008, u ordnat li Banesto tagħmel kalkolu ġdid tal-ammont tal-interessi għall-perijodu inkwistjoni fil-kawża li għandha quddiemha.

31      Banesto ppreżentat appell mill-imsemmi digriet quddiem l-Audiencia Provincial de Barcelona, fejn sostniet, essenzjalment, li l-Juzgado de Primera Instancia Nru 2 de Sabadell, f’dan l-istadju tal-proċedura, la setgħet tikkonstata ex officio n-nullità tal-klawżola kuntrattwali dwar l-interessi moratorji, li kkunsidrat inġusta, u lanqas ma setgħet tirrevediha.

32      Fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Audiencia Provincial de Barcelona kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-leġiżlazzjoni Spanjola fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi u tal-utenti ma tippermettix lill-qrati li jkollhom quddiemhom talba għal ordni għal ħlas jiddikjaraw, ex officio u in limine litis, in-nullità ta’ klawżoli inġusti, peress li l-analiżi tal-legalità ta’ dawn taqa’ taħt il-proċedura tad-dritt komuni, li tinbeda biss fil-każ ta’ oppożizzjoni mressqa mid-debitur.

33      Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, l-imsemmija qorti rrelevat li, ċertament, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 fis-sens li l-qrati nazzjonali għandhom iqajmu ex officio n-nullità u l-inapplikabbiltà ta’ klawżola inġusta, anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe talba mill-partijiet għall-kuntratt f’dan is-sens.

34      Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, ir-Regolament Nru 1896/2006, li jirregola preċiżament il-qasam tal-ordni għal ħlas fil-livell tal-Unjoni Ewropea, ma jistabbilixxix proċedura ta’ eżami ex officio u in limine litis tal-klawżoli inġusti, iżda huwa limitat sabiex sempliċement jelenka serje ta’ eżiġenzi u informazzjoni li għandha tingħata lill-konsumaturi.

35      Bl-istess mod, la d-Direttiva 2008/48, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur, u lanqas id-Direttiva 2009/22 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi, ma jipprovdu mekkaniżmi proċedurali li jimponu lill-qrati nazzjonali li jikkonstataw ex officio n-nullità ta’ klawżola bħal dik li tinsab fil-kuntratt ikkontestat.

36      Fl-aħħar nett, anki jekk tiġi kkunsidrata “inġusta” fis-sens tad-Direttiva 2005/29, il-prattika li tikkonsisti fl-inklużjoni fit-test ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur klawżola ta’ interessi moratorji, peress li l-Liġi 29/2009 li temenda s-sistema legali tal-kompetizzjoni żleali u tar-reklamar għat-titjib tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti (Ley 29/2009 por la que se modifica el régimen legal de la competencia desleal y de la publicidad para la mejora de la protección de los consumidores y usuarios), tat-30 ta’ Diċembru 2009 (BOE Nru 315, tal-31 ta’ Diċembru 2009, p. 112039), ma ttasponietx fid-dritt Spanjol l-Artikolu 11(2) ta’ din id-direttiva, il-qrati nazzjonali ma għandhomx, fi kwalunkwe każ, is-setgħa li jeżaminaw ex officio n-natura żleali tal-imsemmija prattika.

37      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Audiencia Provincial de Barcelona, peress li kellha dubji f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tajba tad-dritt tal-Unjoni, iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-dritt tal-konsumaturi u tal-utenti, jipprekludi li qorti nazzjonali tevita li tiddeċiedi ex officio u in limine litis u f’kull mument tal-proċeduri, fuq in-nullità jew le u fuq ir-reviżjoni jew le ta’ klawżola ta’ interessi moratorji (f’dan il-każ ta’ 29 %) f’kuntratt ta’ self għall-konsum? Il-qorti tista’ tagħżel, mingħajr ma tikser id-drittijiet tal-konsumatur taħt il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, li tħalli l-eventwali eżami ta’ tali klawżola għall-inizjattiva tad-debitur (permezz tal-oppożizzjoni preċedurali adatta)?

2)      Fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13/KEE u tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/22/KE, liema għandha tkun, għal dan il-għan, l-interpretazzjoni konformi tal-Artikolu 83 tar-Real Decreto Legislativo [Digriet Irjali Leġiżlattiv] Nru 1/2007 (li qabel kien l-Artikolu 8 tal-Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios [Liġi Ġenerali Nru 26/1984, tad-19 ta’ Lulju 1984, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti])? X’inhi l-portata, f’dan ir-rigward, tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13/KEE meta jistabbilixxi li l-klawżoli abbużivi [inġusti] ‘ma jkunux jorbtu lill-konsumatur’?

3)      L-istħarriġ ġudizzjarju ex officio u in limine litis jista’ jiġi eskluż meta r-rikorrent jindika b’mod ċar, fit-talba tiegħu, ir-rata ta’ interessi moratorji, l-ammont tad-dejn, b’mod partikolari l-ammont prinċipali u l-interessi, il-penalitajiet kuntrattwali u l-ispejjeż, ir-rata ta’ interessi u l-perijodu li fir-rigward tiegħu dawn l-interessi huma mitluba (ħlief jekk interessi legali huma awtomatikament miżjuda mal-ammont prinċipali bis-saħħa tad-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini), il-kawża tal-azzjoni, inkluża deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi invokati bħala bażi tad-dejn u tal-intressi mitluba, u meta r-rikorrent jippreċiża jekk din hijiex rata ta’ interessi legali jew kuntrattwali, kapitalizzazzjoni tal-interessi, rata ta’ interessi tas-self, jekk din ġietx ikkalkolata mir-rikorrent, jew jekk din hijiex perċentwali ’il fuq mir-rata bażika tal-Bank Ċentrali Ewropew, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea?

4)      Fin-nuqqas ta’ traspożizzjoni, l-Artikoli 5(l) u (m), 6 u 10(l) tad-Direttiva 2008/48/KE — meta jsemmu l-“arranġamenti għall-aġġustament” — jobbligaw lill-istituzzjoni finanzjarja tindika b’mod speċifiku u separat fil-kuntratt (u mhux fil-korp tat-text, b’mod indistint), b’mod ċar u viżibbli, bħala “informazzjoni prekuntrattwali”, ir-referimenti għar-rata ta’ interessi moratorji f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas kif ukoll l-elementi meqjusa għall-iffissar tagħha (spejjeż finanzjarji, ta’ rkupru …) u tinkludi twissija dwar il-konsegwenzi relatati mal-elementi ta’ spiża?

5)      L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/48/KE jinkludi l-obbligu ta’ notifika tat-tmiem antiċipat tal-kreditu jew tas-self, li jippermetti l-applikazzjoni tal-interessi moratorji? Il-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-arrikiment indebitu, stabbilt fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/48/KE, huwa applikabbli meta l-istituzzjoni ta’ kreditu jkollha l-intenzjoni mhux biss tieħu lura l-beni (il-kapital tas-self), iżda wkoll tapplika interessi moratorji partikolarment għoljin?

6)      Fin-nuqqas ta’ regola ta’ traspożizzjoni u fid-dawl tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2005/29/KE, il-qorti tista’ teżamina ex officio n-natura żleali tal-prattika li tikkonsisti fl-inklużjoni fit-test ta’ kuntratt ta’ klawżola ta’ interessi moratorji?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

38      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 93/13 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix lill-qorti li jkollha quddiemha talba għal ordni għal ħlas li tevalwa ex officio, in limine litis, jew f’mument ieħor tal-proċedura, in-natura inġusta ta’ klawżola ta’ interessi moratorji li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, fin-nuqqas tal-oppożizzjoni mressqa minn dan tal-aħħar.

39      Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, qabel kollox għandu jitfakkar li s-sistema ta’ protezzjoni implementata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew fornitur, għal dak li jikkonċerna kemm is-setgħa ta’ negozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li ġġiegħlu jaderixxi mal-kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom (sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, C‑240/98 sa C‑244/98, Ġabra p. I‑4941, punt 25; tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, C‑168/05, Ġabra p. I‑10421, punt 25, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, Ġabra p. I‑9579, punt 29).

40      Fid-dawl ta’ tali sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-klawżoli inġusti ma jobtux lill-konsumatur. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, din hija dispożizzjoni obbligatorja li hija intiża li tbiddel l-ekwilibriju formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-parti kontraenti f’ekwilibriju reali li jista’ jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejniethom (sentenzi Mostaza Claro, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36; Asturcom Telecomunicaciones, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30, u tad-9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing, C‑137/08, Ġabra p. I‑10847, punt 47 u tal-15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič, C‑453/10, punt 28).

41      Sabiex tiżgura l-protezzjoni maħsuba mid-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat diversi drabi li s-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza li teżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur tista’ tiġi kkumpensata biss b’intervent pożittiv, li ma jiġix mill-partijiet fil-kuntratt (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, punt 27; Mostaza Claro, punt 26 Asturcom Telecomunicaciones, punt 31, kif ukoll VB Pénzügyi Lízing, punt 48).

42      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, b’hekk tpatti għan-nuqqas ta’ ekwilibriju li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Mostaza Claro, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38; tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM, C‑243/08, Ġabra p. I‑4713, punt 31; Asturcom Telecomunicaciones, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32, kif ukoll VB Pénzügyi Lízing, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

43      Għaldaqstant, ir-rwol li huwa attribwit mid-dritt tal-Unjoni lill-qorti nazzjonali fis-settur kkunsidrat ma huwiex limitat għas-sempliċi fakultà li tiddeċiedi dwar in-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, iżda jinkludi wkoll l-obbligu li teżamina ex officio din il-kwistjoni, meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan, inkluż meta teżamina l-ġurisdizzjoni territorjali tagħha (ara s-sentenza Pannon GSM, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

44      F’dan ir-rigward, meta tiddeċiedi dwar talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali li jkollha quddiemha kawża fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja mibdija wara l-oppożizzjoni mressqa minn konsumatur għal ordni għal ħlas, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din il-qorti għandha tieħu ex officio miżuri istruttorji sabiex tistabbilixxi jekk klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali esklużiva li tinsab fil-kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, u, fl-affermattiv, tevalwa ex officio n-natura possibbilment inġusta ta’ tali klawżola (sentneza VB Pénzügyi Lízing, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

45      Madankollu, din il-kawża hija differenti minn dawk li wasslu għas-sentenzi msemmija iktar ’il fuq Pannon GSM u VB Pénzügyi Lízing minħabba l-fatt li din tikkonċerna d-definizzjoni tar-responsabbiltajiet li għandha l-qorti nazzjonali, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ordni għal ħlas, u dan qabel l-oppożizzjoni mressqa mill-konsumatur.

46      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni ta’ mekkaniżmi nazzjonali ta’ rkupru ta’ krediti mhux ikkontestati, il-modalitajiet tal-implementazzjoni tal-proċeduri nazzjonali ta’ ordnijiet għal ħlas jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, bil-kundizzjoni madankollu li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitatati iktar ’il fuq, Mostaza Claro, punt 24, u Asturcom Telecomunicaciones, punt 38).

47      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jiġi rrelevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-ebda element ta’ natura li jqajjem dubju fir-rigward tal-konformità miegħu tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

48      Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li s-sistema proċedurali Spanjola ma tippermettix lill-qorti nazzjonali li jkollha quddiemha talba ta’ ordni għal ħlas li tevalwa ex officio, in limine litis u fi kwalunkwe mument ieħor tal-proċedura, mhux biss in-natura inġusta, fid-dawl tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13, ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur fin-nuqqas ta’ oppożizzjoni mressqa minn dan tal-aħħar, iżda wkoll il-kuntrarju ta’ tali klawżola u r-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, li madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

49      F’dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali trendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-post ta’ din id-dispożizzjoni fit-totalità tal-proċedura, tal-iżvolġiment u tal-partikolaritajiet tagħha, quddiem id-diversi qrati nazzjonali (ara s-sentenza Asturcom Telecomunicaciones, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’dan il-każ, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont l-Artikolu 812 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-proċedura ta’ ordni għal ħlas tapplika għad-dejn pekunjarju li jkun skada, likwidu u eżiġibbli, li l-ammont tiegħu ma jkunx jaqbeż valur limitat li jitla’ għal EUR 30 000 fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali.

51      Sabiex jiġi ggarantit lill-kredituri aċċess iktar sempliċi għall-ġustizzja u żvolġiment tal-proċedura iktar rapidu, dan l-istess artikolu jipprovdi unikament in-neċessità għal dawn li jannettu għat-talba dokumenti li jipprovaw l-eżistenza tad-dejn, mingħajr ma jobbligahom jindikaw b’mod ċar ir-rata ta’ interessi moratorji, il-perijodu preċiż ta’ eżiġibbiltà u l-punt ta’ riferiment ta’ din l-istess rata meta mqabbla mal-interessi legali tad-dritt intern jew ir-rata tal-Bank Ċentrali Ewropew.

52      Għalhekk, skont l-Artikoli 815(1) u 818(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-qorti nazzjonali li jkollha quddiemha talba ta’ ordni għal ħlas għandha ġurisdizzjoni li hija limitata għas-sempliċi verifika tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet formali meħtieġa sabiex tinbeda din il-proċedura, li fil-każ li jkunu jeżistu għandha tilqa’ t-talba li jkollha quddiemha u tagħti deċiżjoni eżekuttiva mingħajr ma teżamina in limine litis jew fl-ebda mument ieħor tal-proċedura, il-fondatezza tat-talba fid-dawl tal-informazzjoni li jkollha, sakemm id-debitur ma jirrifjutax li jħallas id-dejn tiegħu jew iressaq oppożizzjoni f’terminu ta’ 20 jum mid-data tan-notifika tal-imsemmija ordni. Tali oppożizzjoni għandha neċessarjament issir bl-assistenza ta’ avukat għall-kawżi li jkunu jaqbżu l-valur determinat mil-liġi, li jitla’ għal EUR 900 fid-data tal-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali.

53      Issa, f’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li tali sistema proċedurali, li toħloq impossibbiltà għall-qorti li jkollha quddiemha talba ta’ ordni għal ħlas li tevalwa ex officio, in limine litis u f’mument ieħor tal-proċedura, meta jkollha diġà l-elementi ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji f’dan ir-rigward, in-natura inġusta tal-klawżoli li jinsabu f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, fin-nuqqas tal-oppożizzjoni mressqa minn dan tal-aħħar, hija tali li timmina l-effettività tal-protezzjoni mixtieqa mid-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2002, Cofidis, C‑473/00, Ġabra p. I‑10875, punt 35).

54      Fil-fatt, fid-dawl tat-totalità, tal-iżvolġiment u tal-partikolaritajiet tal-proċedura għal ordni għal ħlas deskritta fil-punti 50 sa 52 ta’ din is-sentenza, jeżisti riskju mhux żgħir li l-konsumaturi kkonċernati ma jressqux l-oppożizzjoni mitluba jew minħabba d-dewmien partikolarment qasir previst għal dan il-għan, jew għaliex jistgħu jiġu skoraġġuti milli jiddefendu ruħhom fid-dawl tal-ispejjeż li azzjoni legali tinvolvi meta mqabbla mal-ammont tad-dejn inkwistjoni, jew għaliex jinjoraw jew ma jafux bil-portata tad-drittijiet tagħhom, jew inkella minħabba l-kontenut limitat tat-talba għal ordni mressqa mill-bejjiegħ jew fornitur u għalhekk tan-natura inkompleta tal-informazzjoni li jkollhom.

55      Għalhekk, huwa biżżejjed għall-bejjiegħa jew fornituri li jibdew proċedura għal ordni għal ħlas minflok proċedura ċivili ordinarja sabiex iċaħħdu lill-konsumatur mill-benefiċċju tal-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 93/13, li huwa wkoll kuntrarju għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn il-karatteristiċi speċifiċi tal-proċedura ġurisdizzjonali, li sseħħ fl-ambitu tad-dritt nazzjonali bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, ma jistgħux jikkostitwixxu element li jista’ jaffettwa l-protezzjoni ġuridika li minnha għandu jibbenifika dan tal-aħħar skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva (sentenza Pannon GSM, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li hija konformi mal-prinċipju ta’ effettività, inkwantu trendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli, fil-kawżi mibdija mill-bejjiegħa jew fornituri u fejn il-konsumaturi huma konvenuti, l-applikazzjoni tal-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 hija intiża tagħti lil dawn tal-aħħar.

57      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda hija li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix lill-qorti li jkollha quddiemha talba ta’ ordni għal ħlas li tevalwa ex officio, la in limine litis u lanqas fl-ebda mument ieħor tal-proċedura, anki meta jkollha elementi ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan ir-rigward, in-natura inġusta ta’ klawżola ta’ interessi moratorji li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, fin-nuqqas ta’ oppożizzjoni mressqa minn dan tal-aħħar.

 Fuq it-tieni domanda

58      Sabiex tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Michaniki, C‑213/07, Ġabra p. I‑9999, punti 50 u 51), it-tieni domanda għandha tinftiehem fis-sens li tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/22 u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipplekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik prevista fl-Artikolu 83 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 1/2007, li jippermetti lill-qorti nazzjonali, meta tikkonstata n-nullità ta’ klawżola inġusta f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li tikkompleta l-imsemmi kuntratt billi tirrevedi l-kontenut ta’ din il-klawżola.

59      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrelevat, preliminarjament, li l-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiżvolġi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ordni għal ħlas mibdija minn waħda mill-partijiet kontraenti u mhux fil-kuntest ta’ azzjoni għal waqfien mibdija minn “entità kwalifikata” fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/22.

60      Konsegwentement, sa fejn din l-aħħar direttiva ma hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tagħha.

61      Għalhekk, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mid-dikjarazzjoni ta’ natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, għandu jsir riferiment kemm għall-kliem tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll għall-finalitajiet u għall-ekonomija ġenerali ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2009, AHP Manufacturing, C‑482/07, Ġabra p. I‑7295, punt 27, u tat-8 ta’ Diċembru 2011, Merck Sharp & Dohme Corp., C‑125/10, Ġabra p. I‑12987, punt 29).

62      F’dak li jikkonċerna l-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1), għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-ewwel parti tas-sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, filwaqt li tirrikonoxxi lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ awtonomija f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tas-sistemi legali applikabbli għall-klawżoli inġusti, jimponi madankollu espressament li jiġi previst li l-imsemmija klawżoli “ma jkunux jorbtu lill-konsumatur”.

63      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tinterpreta din id-dispożizzjoni fis-sens li huma l-qrati nazzjonali li jikkonstataw in-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li jisiltu l-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minnhom skont id-dritt nazzjonali, sabiex il-konsumatur ma jkunx marbut mill-imsemmija klawżoli (ara s-sentenza Asturcom Telecomunicaciones, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58; digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Pohotovosť, C‑76/10, Ġabra p. I‑11557, punt 62, kif ukoll is-sentenza Pereničová u Perenič, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30). Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, din hija dispożizzjoni obbligatorja li hija intiża li tbiddel l-ekwilibriju formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti f’ekwilibriju reali li jista’ jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejniethom.

64      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrelevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda espliċitament, fit-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, kif ukoll fil-wieħed u għoxrin premessa tagħha, li l-kuntratt konkluż għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti “mingħajr il-klawżoli inġusti”.

65      Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 6(1) jirriżulta li l-qrati nazzjonali għandhom sempliċement ma japplikawx klawżola kuntrattwali inġusta sabiex din ma tħallix effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, mingħajr ma jkunu jistgħu jirrevedu l-kontenut tagħha. Fil-fatt, dan il-kuntratt għandu jibqa’ validu, bħala prinċipju, mingħajr l-ebda modifika oħra ħlief dik li tirriżulta mit-tħassir tal-klawżoli inġusti, sa fejn, skont ir-regoli tad-dritt intern, tali tkomplija tal-kuntratt tkun legalment possibbli.

66      Din l-interpretazzjoni hija kkorraborata, barra minn hekk, mill-għan u l-ispirtu ġenerali tad-Direttiva 93/13.

67      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-direttiva, kollha kemm hi, tikkostitwixxi miżura indispensabbli għat-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-Unjoni u, b’mod partikolari, sabiex jogħlew il-livell tal-għixien u l-kwalità tal-ħajja f’din tal-aħħar (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Mostaza Claro, punt 37; Pannon GSM, punt 26, u Asturcom Telecomunicaciones, punt 51).

68      Għalhekk, minħabba n-natura u l-importanza tal-interess pubbliku li sserraħ fuqhom il-protezzjoni żgurata lill-konsumaturi, li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfronti tal-bejjiegħ jew fornitur, id-Direttiva 93/13 timponi lill-Istati Membri, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tagħha, moqri flimkien mal-premessa ħamsa u għoxrin tagħha, li jipprovdu mezzi adegwati u effettivi “biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri”.

69      Issa, f’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrelevat l-avukat ġenerali fil-punti 86 sa 88 tal-konklużjonijiet tagħha, għalkemm kien ikun ta’ benefiċċju li l-qorti nazzjonali tkun tista’ tirrevedi l-kontenut tal-klawżoli inġusti li jinsabu f’tali kuntratti, tali fakultà hija suxxettibbli li timmina t-twettiq tal-għan għal żmien twil previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, din il-fakultà tikkontribwixxi sabiex telimina l-effett dissważiv eżerċitat fuq il-bejjiegħa jew fornituri bil-pur u sempliċi nuqqas ta’ applikazzjoni fir-rigward tal-konsumaturi ta’ tali klawżoli inġusti (ara, f’dan is-sens, id-digriet Pohotovost’, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata), sa fejn dawn jibqgħu bit-tentazzjoni li jużaw l-imsemmija klawżoli, minħabba li jkunu jafu li, anki kieku dawn kellhom jiġi ddikkjarati invalidi, il-kuntratt jista’ madankollu jitkompla, kif meħtieġ, mill-qorti nazzjonali b’mod li tiggarantixxi l-interessi tal-imsemmija bejjiegħa jew fornituri.

70      B’hekk, tali fakultà, kieku kellha tiġi rikonoxxuta lill-qorti nazzjonali, ma kinitx tkun f’pożizzjoni li tiggarantixxi, hi stess, protezzjoni daqstant effettiva tal-konsumatur bħal dik li tirriżulta min-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-klawżoli inġusti. Barra minn hekk, din il-fakultà lanqas ma tista’ tkun ibbażata fuq l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13, li jħalli għall-Istati Membri l-possibbiltà li jadottaw jew iżommu, fil-qasam irregolat minn din id-direttiva, dispożizzjonijiet iktar stretti, kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni sa fejn jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni iktar għoli għall-konsumatur (ara s-sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid, C‑484/08, Ġabra p. I‑4785, punti 28 u 29, kif ukoll Pereničová u Perenič, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

71      Għalhekk, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jistax jinftiehem fis-sens li jippermetti lill-qorti nazzjonali, fil-każ fejn din tikkonstata l-eżistenza ta’ klawżola inġusta f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li tirrevedi l-kontenut tal-imsemmija klawżola minflok sempliċement ma tapplikahiex fil-konfronti tal-konsumatur.

72      F’dan ir-rigward, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika liema huma r-regoli nazzjonali applikabbli għall-kawża li jkollha quddiemha u li tagħmel dak kollu fil-ġurisdizzjoni tagħha, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u filwaqt li tapplika l-metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minnha, sabiex tiggarantixxi l-effettività sħiħa tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 u tasal għal soluzzjoni konformi għall-għan intiż minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħall-Artikolu 83 tad-Digriet Leġiżlattiv 1/2007, li tippermetti lill-qorti nazzjonali, meta tikkonstata n-nullità ta’ klawżola inġusta f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li tikkompleta l-imsemmi kuntratt billi tirrevedi l-kontenut ta’ din il-klawżola.

 Fuq it-tielet sas-sitt domanda

74      Permezz tat-tielet sas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, dwar ir-responsabbiltajiet li għandhom il-qrati nazzjonali, skont ir-Regolament Nru 1896/2006 u d-Direttiva 2005/29, fil-każ fejn ikollhom jistħarrġu klawżola kuntrattwali ta’ interessi moratorji bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u, min-naħa l-oħra, dwar l-obbligi li huma suġġetti għalihom l-istabbilimenti finanzjarji għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-rata ta’ interessi moratorji fil-kuntratti ta’ kreditu, fis-sens tal-Artikoli 5(1)(l) u (m), 6, 7 u 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48.

75      Ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu li dawn id-domandi huma inammissibbli, sa fejn ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jsemmu ma humiex applikabbli fil-kawża prinċipali u li, għaldaqstant, l-interpretazzjoni tagħhom ma tistax tkun utli għall-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi din il-kawża.

76      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar qabel xejn li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll biex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Bl-istess mod, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi mressqa jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenzi tat-12 ta’ April 2005, Keller, C‑145/03, Ġabra p. I‑2529, punt 33; tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C‑119/05, Ġabra p. I‑6199, punt 43, kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2008, Eckelkamp et, C‑11/07, Ġabra p. I‑6845, punti 27 u 32).

77      Għalhekk, ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, Ġabra p. I‑11421, punt 25, kif ukoll tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez, C‑570/07 u C‑571/07, Ġabra p. I‑4629, punt 36).

78      Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa preċiżament il-każ f’din il-kawża.

79      B’mod partikolari, fir-rigward tat-tielet domanda, għandu jiġi rrelevat li l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1896/2006 hija irrelevanti fir-rigward tad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju hija mitluba tagħti fil-kawża li għandha quddiemha. Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatti fil-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, liema, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu huwa intiż unikament għall-kawżi transkonfinali, iżda jibqgħu suġġetti esklużivament għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Min-naħa l-oħra, huwa importanti li jiġi speċifikat li dan ir-regolament, kif jirriżulta espressament mit-tieni premessa tiegħu, ma jissostitwixxix u lanqas ma jarmonizza l-mekkaniżmi ta’ rkupru ta’ djun mhux mitluba previsti mid-dritt nazzjonali.

80      F’dak li jikkonċerna r-raba’ domanda, jidher b’mod manifest li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5(1)(l) u (m), 6 kif ukoll 10(2)(l) tad-Direttiva 2008/48, li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba mill-qorti tar-rinviju, ma jistgħux jiġu applikati ratione temporis fil-kawża prinċipali, sa fejn dan jikkonċerna l-eżekuzzjoni allegatament żbaljata minn J. Calderon Camino tal-kuntratt ta’ kreditu konkluż fit-28 ta’ Mejju 2007 bejn dan tal-aħħar u Banesto.

81      Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi rrelevat f’dan ir-rigward li, skont l-Artikoli 27, 29 u 31 tad-Direttiva 2008/48, din daħlet fis-seħħ fil-11 ta’ Ġunju 2008 u li l-Istati Membri kellhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-direttiva qabel il-11 ta’ Ġunju 2010, id-data minn meta ġiet abrogata d-Direttiva 87/102. Barra minn hekk, l-Artikolu 30(1) tal-istess direttiva espressament jipprovdi li din ma tapplikax għall-kutratti ta’ kreditu eżistenti fid-data ta’ dħul fis-seħħ tal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni.

82      Fir-rigward tal-ħames domanda, intiża sabiex isir magħruf, minn naħa, jekk l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/48 jobbligax l-istabbiliment ta’ kreditu jinnotifika t-tmiem antiċipat tal-kreditu jew tas-self sabiex ikun jista’ japplika r-rata ta’ interessi moratorji u, min-naħa l-oħra, jekk il-prinċipju tal-projbizzjoni tal-arrikkiment indebitu, stabbilit fl-Artikolu 7 tal-istess direttiva huwiex suxxettibbli li jiġi invokat meta l-imsemmi stabbiliment ta’ kreditu jitlob mhux biss ir-rimbors tal-kapital, iżda wkoll tal-interessi moratorji partikolarment għolja, għandu jiġi rrelevat qabel xejn li, permezz ta’ din id-domanda, kif jirriżulta mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju kellha l-intenzjoni, fil-verità, li tirreferi għall-artikoli korrispondenti tad-Direttiva 87/102, li huma l-uniċi li jaqblu mas-suġġett tal-imsemmija domanda.

83      Madankollu, anki jekk jiġi ammess li tali hija l-portata reali tal-ħames domanda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal, C‑107/98, Ġabra p. I‑8121, punti 34 u 39), għandu jiġi kkonstatat li, kif irrelevat ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 99 u 100 tal-konklużjonijiet tagħha, xejn fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jindika li l-kawża prinċipali hija dwar problematika li tikkonċerna kemm l-obbligu ta’ informazzjoni preliminari tal-konsumatur dwar kwalunkwe modifika tar-rata ta’ interessi annwali, kif ukoll ir-restituzzjoni ta’ beni lill-kreditur li jwassal għal arrikkiment indebitu ta’ dan tal-aħħar.

84      Għalhekk jidher b’mod manifest li l-ħames domanda hija ta’ natura ipotetika peress li l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-Direttiva 87/102 ma għandha l-ebda rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

85      Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-sitt domanda, intiża sabiex isir magħruf jekk, fin-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/29, l-Artikolu 11(2) tagħha għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali tista’ teżamina ex officio n-natura żleali ta’ prattika li tikkonsisti fl-inserzjoni fit-test ta’ kuntratt klawżola ta’ interessi moratorji, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif irrelevat ukoll l-avukat ġenerali fil-punt 106 tal-konklużjonijiet tagħha, xejn fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jindika li l-Juzgado de Primera Instancia n° 2 de Sabadell wara li tat id-digriet ta’ ċaħda tat-talba għal ordni għal ħlas, ikkunsidrat bħala prattika kummerċjali żleali, fis-sens tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq, il-fatt li Banesto introduċiet fil-kuntratt ta’ kreditu konkluż ma’ J. Calderon Camino klawżola ta’ interessi moratorji bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

86      Huwa importanti li jiġi kkonstatat ukoll li, fid-deċiżjoni tagħa, il-qorti tar-rinviju tiżviluppa kunsiderazzjonijiet li jispjegaw l-imsemmija kwistjoni billi tirreferi espressament għall-“eventwali prattika żleali tal-istabbiliment bankarju”.

87      Konsegwentement, jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29 għandha natura purament ipotetika fir-rigward tas-suġġett tal-kawża prinċipali. F’dan il-kuntest, in-nuqqas ta’ trapożizzjoni ta’ din id-direttiva hija wkoll irrelevanti għas-soluzzjoni tal-imsemmija kawża.

88      Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, it-tielet sas-sitt domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

89      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix lill-qorti li jkollha quddiemha talba ta’ ordni għal ħlas li tevalwa ex officio, la in limine litis u lanqas fl-ebda mument ieħor tal-proċedura, anki meta jkollha elementi ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan ir-rigward, in-natura inġusta ta’ klawżola ta’ interessi moratorji li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, fin-nuqqas ta’ oppożizzjoni mressqa minn dan tal-aħħar.

2)      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħall-Artikolu 83 tad-Digriet Leġiżlattiv 1/2007 li rreveda l-liġi ġenerali dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti u liġijiet oħra addizzjonali (Real Decreto Legislativo 1/2007 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios y otras leyes complementarias), tas-16 ta’ Novembru 2007, li tippermetti lill-qorti nazzjonali, meta tikkonstata n-nullità ta’ klawżola inġusta f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li tikkompleta l-imsemmi kuntratt billi tirrevedi l-kontenut ta’ din il-klawżola.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.