Rikors ippreżentat fis-27 ta' Frar 2007 - Adriana Dragoman vs Il-Kummissjoni
(Kawża F-16/07)
Lingwa tal-kawża: Ir-Rumen
Partijiet
Rikorrenti: Adriana Dragoman (Brussell, il-Belġju) (irrappreżentanta minn: G. Dinulescu, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
tannulla d-deċiżjoni orali tal-ġurija tal-kompetizzjoni EPSO/AD/34/06 tat-28 ta' Novembru 2006 li permezz tagħha din il-ġurija attribwiet "marka eliminatorja" lir-rikorrenti matul l-ewwel eżami orali ta' interpretazzjoni, marka li, skond l-avviż ta' l-imsemmija kompetizzjoni, ma ppermettietx li r-rikorrenti tagħmel l-eżamijiet orali ta' interpretazzjoni segwenti u l-eżami orali finali;
tannulla d-deċiżjoni bil-miktub li tikkonferma d-deċiżjoni msemmija iktar 'il fuq, li ġiet mehmuża mal-fajl EPSO tar-rikorrenti fit-12 ta' Diċembru 2007;
terġa' torganizza l-kompetizzjoni speċifikament għar-rikorrenti, b'osservanza stretta tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt Komunitarju u tad-dispożizzjonijiet ta' l-avviż tal-kompetizzjoni;
tikkonstata u tiddikjara l-illegalità ta' l-Artikolu 6 ta' l-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal;
tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq tliet motivi, li l-ewwel wieħed minnhom huwa bbażat fuq il-prinċipju ta' ugwaljanza u ta' non-diskriminazzjoni. Fl-ewwel parti ta' dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li kienet suġġetta għal diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità tagħha, kuntrarjament għall-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, wara li ppreżentat provi tan-nazzjonalità Belġjana tagħha, hija ġiet mitluba tiġġustifika n-nazzjonalità Rumena tagħha. Fit-tieni parti, hija ssostni li l-ġurija ddiskriminat kontra l-kandidati li, bħalha, ma kinux diġà jaħdmu fl-istituzzjonijiet bħala aġenti temporanji jew kuntrattwali.
Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-avviż tal-kompetizzjoni u tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba. Minn naħa, matul l-eżami tagħha, hija ntalbet titkellem dwar l-esperjenza professjonali tagħha minkejja li ebda esperjenza professjonali ma kienet meħtieġa mill-kandidati li, bħalha, kellhom degree mill-università fl-interpretazzjoni waqt konferenzi. Min-naħa l-oħra, il-ġurija stabbilixxiet u applikat kwoti ta' suċċess skond il-kumbinazzjonijiet lingwistiċi magħżula mill-kandidati u dan, mingħajr ma kien ipprovdut hekk fl-avviż tal-kompetizzjoni.
Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni l-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.
____________