Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesverwaltungsgericht Steiermark (l-Awstrija) fit-2 ta’ Novembru 2023 – pro medico Handels GmbH vs Bürgermeisterin der Stadt Graz

(Kawża C-652/23, pro medico Handel)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesverwaltungsgericht Steiermark

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: pro medico Handels GmbH

Konvenut: Bürgermeisterin der Stadt Graz

Domandi preliminari

L-Artikolu 14(2)(b) flimkien mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel 1 , għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ jew interpretazzjoni minn Stat Membru li tgħid li prodott tal-ikel għandu jitqies bħala li ma huwiex maħsub għall-konsum mill-bniedem meta ma jkunx iggarantit li ser jintuża konformement mal-użu maħsub tiegħu, mingħajr ma jkun hemm neċessarjament il-bżonn li jseħħu r-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 178/2002 sabiex prodott tal-ikel ma jkunx aċċettabbli għall-konsum mill-bniedem (jiġifieri minħabba kontaminazzjoni, sew b’materjal estranju jew mod ieħor, jew minħabba putrifikazzjoni, deterjorament jew tħassir)?

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv:

L-Artikolu 14(2)(b) flimkien mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament Nru 178/2002 għandhom jiġu interpretati fis-sens li prodott tal-ikel għandu jitqies bħala li ma huwiex maħsub għall-konsum mill-bniedem meta, fil-kuntest ta’ konsum kif maħsub, dan il-prodott tal-ikel iwassal għal qbiż (sinjifikattiv) ta’ valur meqjus mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel meta tevalwa minerali li jkun hemm fil-prodotti tal-ikel, bħala l-għola doża ta’ kuljum ammissibbli (Tolerable Upper Intake Level – UL)?

Fil-każ li t-tieni domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

Il-valur limitu għaż-żingu stabbilit mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel huwa vinkolanti jew il-qbiż ta’ dan il-valur limitu huwa permess meta, konformement mal-Artikolu 14(3)(b) tar-Regolament Nru 178/2002, mal-prodott tiġi mehmuża informazzjoni li tgħid li l-prodott huwa adatt biss għal ċertu kategorija ta’ persuni, li ma jista’ jittieħed l-ebda preparat ieħor li fih iż-żingu u li l-konsum tiegħu għandu jkun limitat fiż-żmien?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, rettifiki fil-ĠU 2014, L 327, p. 9, u fil-ĠU 2016, L 227, p. 5.