Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Marzu 2018 – Lipitalia 2000 e Assograssi vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-189/18)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Lipitalia 2000 SpA (Torino, l-Italja), Assograssi - Associazione Nazionale Produttori Grassi e Proteine Animali (Buccinasco, l-Italja) (Torino, l-Italja) (rappreżentant: M. Moretto, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara li l-Kummissjoni Ewropea naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont ir-Regolament Nru 999/2001, skont ir-Regolament Nru 178/2002 u skont ir-Regolament Nru 1069/2009 kif ukoll ma osservatx il-prinċipji ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità, billi naqset milli tressaq għall-vot tal-kumitat regolatorju, skont il-proċedura prevista mill-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, abbozz ta’ miżuri intiż li jeżamina mill-ġdid il-projbizzjoni ta’ esportazzjoni tal-fertilizzanti organiċi u sustanzi li jtejbu l-ħamrija li fihom proteini pproċessati tal-annimali li joriġinaw mir-ruminanti attwalment previst fil-punt 2 tal-Anness IV Kapitolu V, tar-Regolament Nru 999/2001;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jiddikjaraw li anki jekk mill-1 ta’ Lulju 2017 il-Kummissjoni awtorizzat mill-ġdid l-esportazzjoni ta’ proteini pproċessati tal-annimali (PAP) li joriġinaw mir-ruminanti fid-dawl tat-titjieb radikali fis-sitwazzjoni epidjemoloġika tal-BSE (Bovine Spongiform Encephalophaty) fl-Unjoni Ewropea, l-esportazzjoni tal-fertilizzanti organiċi u tas-sustanzi li jtejbu l-ħamrija (OFSI) li fihom l-istess PAP li ġejjin mir-ruminanti hija inspjegabbilment projbita mill-punt 2 tal-Anness IV, Kapitolu V, Taqsima E tar-Regolament Nru 999/2001. Din il-projbizzjoni tkompli tapplika anki jekk issa kważi l-Istati Membri kollha kisbu l-klassifika ta’ pajjiż b’riskju ta’ BSE traskurabbli u minkejja l-istandard internazzjonali stabbilit mill-OIE (Office international des épizooties) ma jipprevedix projbizzjoni simili għall-OFSI li joriġinaw minn pajjiżi li jibbenefikaw minn din il-klassifikazjzoni.

Barra minn hekk, dejjem skont ir-rikorrenti, filwaqt li l-Unjoni tipprojbixxi l-esportazjzoni tal-OFSI (li jkun fihom PAP tar-ruminanti) anki jekk ikunu ġejjin minn Stati Membri b’riskju traskurabbli meta mqabbla mal-istandard internazzjonali stabbilit mill-OIE, hija tawtorizza l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn l-istess prodotti fit-territorju tagħha. Mhux hekk biss: hija tippermetti wkoll l-importazzjoni minn pajjiżi terzi, inklużi pajjiżi, inklużi pajjiżi b’riskju ta’ BSE ikkontrollat jew mhux determinat, ta’ PAP, anki ġejjin mir-ruminanti, u ta’ prodotti li fihom minn dawn, bħal ma huma l-OFSI.

Id-danni subiti mill-operaturi tal-Unjoni minħabba din il-projbizzjoni ta’ esportazzjoni ta’ OFSI li fihom PAP li ġejjin mir-ruminanti huma kbar.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li d-dritt tal-Unjoni jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li taġixxi sabiex tirrimedja dini s-sitwazzjoni.

B’mod konkret, ir-rikorrenti jsostnu li:

Il-ksur tal-obbligu impost fuq il-Kummissjoni skont l-Artikoli 7 u 5(1) u (3) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001 tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 32, p. 289), skont l-Artikoli 5(3) u 7 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463) u skont l-Artikolu 43(4) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU 2009 L 300, p. 1).

Il-ksur tal-obbligu ta’ azzjoni impost fuq il-Kummissjoni skont il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, kif ukoll skont l-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament (KE) Nru 999/2001.

____________