Language of document : ECLI:EU:T:2004:342

SENTENZA TA' L-24.11.2004 – KAWŻA T-393/02

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba' Awla)

24 ta' Novembru 2004 (*)

"Trade mark Komunitarja – Trade mark tridimensjonali – Forma ta' flixkun abjad u trasparenti – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T-393/02,

Henkel KGaA, stabbilita f'Düsseldorf (Il-Germanja), irrappreżentata minn C. Osterrieth, avocat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), irrappreżentat minn U. Pfleghar u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-3 ta' Ottubru 2002 (Każ R 313/2001-4), dwar ir-reġistrazzjoni ta' sinjal tridimensjonali kompost mill-forma ta' flixkun abjad u trasparenti,

 IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba' Awla),

komposta minn H. Legal, President, V. Tiili et M. Vilaras, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-27 ta' Diċembru 2002,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-24 ta' April 2003,

wara s-seduta ta' l-10 ta' Ġunju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-5 ta' Mejju 1999, ir-rikorrenti ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI) taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/04, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal tridimensjonali riprodott hawnhekk:

 Image not found

3         Il-kuluri mitluba fil-formola ta' l-applikazzjoni huma t-trasparenti u l-abjad.

4        Il-prodotti li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 3 u 20 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 3: "Sapun; preparazzjonijiet għall-ibbliċjar u sustanzi oħra għall-ħasil, preparazzjonijiet għat-tindif u għall-ippolixxjar; prodotti mfewħa għat-tlaħliħ; prodotti kimiċi għat-tindif tal-porċellana, tal-ġebla, ta' l-injam, tal-ħġieg, tal-metalli u tal-materjali tal-plastik;

–        klassi 20: "Kontenituri ta' materjali tal-plastik għal prodotti likwidi, ġelatinużi u f'forma ta' pejst".

5        Permezz ta' ittra tat-28 ta' Settembru 2000, l-eżaminatur informa lir-rikorrenti li t-trade mark tagħha, peress li mhijiex ta' karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, ma setgħetx tiġi rreġistrata taħt l-imsemmija dispożizzjoni. L-eżaminatur ikkonstata li flixkun li jistrieħ fuq rasu m'huwa bl-ebda mod barra min-normal fis-settur kosmetiku.

6        Permezz ta' ittra tad-9 ta' Ottubru 2000, ir-rikorrenti kkontestat in-nuqqas ta' karattru distintiv tat-trade mark tagħha. Skondha, il-forma in kwistjoni u l-kuluri mitluba, meħudin flimkien, jipproduċu effett distintiv.

7        Permezz ta' deċiżjoni tat-23 ta' Marzu 2001, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni taħt l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

8        Fit-28 ta' Marzu 2001, ir-rikorrenti ressqet appell quddiem l-UASI, skond l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur.

9        Permezz ta' deċiżjoni tat-3 ta' Ottubru 2002 (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), ir-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ċaħad l-appell. Huwa kkontesta l-eżistenza tal-karattru distintiv intrinsiku tat-trade mark mitluba fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Il-Bord ta' l-Appell essenzjalment qies li t-trade mark mitluba hija komposta mill-forma u mill-kulur li ġeneralment ikollhom il-kontenituri ta' prodotti tat-tindif u li t-tlaqqigħ tagħhom huwa nieqes minn kull karattru distintiv. Skond il-Bord ta' l-Appell, l-ebda waħda mill-karatteristiċi tas-sinjal mitlub m'għandha karattru distintiv intrinsiku u għaldaqstant huwa improbabbli li l-konsumatur medju, li ftit jagħti attenzjoni lill-forma u l-kulur tal-kontenituri għall-prodotti tal-ħasil, jipperċepixxi dawn il-karatteristiċi bħala indikaturi ta' l-oriġini kummerċjali.

 It-talbiet tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti qiegħda titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

11      L-UASI qiegħed jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

12      Ir-rikorrenti qiegħda essenzjalment tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 L-argumenti tal-partijiet

13      Ir-rikorrenti qiegħda tikkontesta l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord ta' l-Appell li wasal għall-konklużjoni li t-trade mark mitluba m'għandhiex karattru distintiv. Trade mark ikollha karattru distintiv konkret meta hija tkun ta' natura tali li tinftiehem mill-pubbliku bħala mezz sabiex il-prodotti jew is-servizzi ta' impriża jiġu distinti minn dawk ta' impriżi oħra. Il-karattru distintiv għandu jiġi kkonstatat fir-rigward tal-prodotti u servizzi indikati fl-applikazzjoni [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 1999, Procter & Gamble vs L-UASI (BABY-DRY), T-163/98, Ġabra p. II-2383, punt 21].

14      Skond ir-rikorrenti, fir-rigward tal-prodotti offruti lill-konsumatur f'forma likwida, il-fabbrikanti ta' dawn il-prodotti għandhom marġni wiesa' ta' manuvra meta jiġu biex joħolqu l-ippakkjar – f'dan il-każ kontenitur f'forma ta' flixkun. Il-pubbliku huwa konxju ta' dan u, barra minn hekk, jaf li l-fabbrikanti ħolqu u użaw l-ippakkjar bħala indikazzjoni ta' l-oriġini tal-prodott. Ir-rikorrenti ssemmi l-eżempju tal-flixkun tal-Coca-Cola, li, fil-fehma tagħha, huwa magħruf sewwa mad-dinja kollha, bħala prova li l-forma tal-flixkun tista', b'mod partikolari, tindika l-oriġini tal-prodott.

15      Fir-rigward tal-forma in kwistjoni, ir-rikorrenti, abbażi ta' eżempji prodotti minnha, issostni li l-kontenitur jippreżenta numru kbir ta' karatteristiċi partikolari li jiddistingwuh b'mod ċar mill-kontenituri l-oħra użati għal prodotti simili. Ir-rikorrenti tiddeskrivi t-trade mark li għaliha hija għamlet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala flixkun partikolarment ċatt li l-forma tiegħu, meta wieħed jarah minn quddiem, tfakkar il-forma ġeometrika bażika ta' tajra – jiġifieri forma bażika fejn żewġ trijangli ta' daqs differenti huma marbutin permezz ta' bażi komuni –, iżda bil-punti superjuri u inferjuri ċċattjati. Skondha, it-trijanglu superjuri – jekk wieħed ma jikkunsidrax l-iċċattjar – jifforma trijanglu kważi ekwilaterali filwaqt li t-trijanglu inferjuri jirrappreżenta trijanglu iżòxxile. Il-flixkun għandu tapp.

16      Skond id-deskrizzjoni tar-rikorrenti, it-tapp, li huwa kompost minn materjal "tal-plastik li mhuwiex trasparenti", essenzjalment jikkonsisti f'element bażiku fil-forma ta' eżaedron bit-tul tat-trufijiet tal-ġenb u t-tul tat-trufijiet tal-wiċċ ta' quddiem fi propozjon ta' madwar wieħed għal tnejn. It-tapp, li l-għoli tiegħu jikkorrispondi għal madwar 20% ta' l-għoli totali tal-flixkun, jippreżenta fuq l-uċuħ ta' quddiem u ta' wara forma ta' 'V' li testendi lejn il-parti ta' quddiem u tiltaqa' mat-trufijiet laterali tal-flixkun innifsu. Il-parti d-dejqa tal-flixkun innifsu, li hija komposta minn materjal trasparenti tal-plastik li jixbah il-ħalib, tindab aktar 'il fuq mit-tapp. Minn fuq, din il-parti għandha -punt ta' fuq iċċattjata sabiex b'hekk toħloq wiċċ kwadrat u, fl-uċuħ ta' quddiem u ta' wara, il-wiċċ hu xi ftit konvess. Il-flixkun innifsu għandu fond massimu li essenzjalment jikkorrispondi għat-tul tat-trufijiet laterali tat-tapp.

17      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza li l-kontenitur in kwistjoni joħloq intenzjonalment kuntrast mal-forom tradizzjonalment disponibbli għal kontenituri ta' dan it-tip. Skond ir-rikorrenti, il-kontenitur huwa kkaratterizzat minn numru kbir ta' angoli, trufijiet u wċuħ li jagħtuh id-dehra ta' kristall, aspett imsaħħaħ mill-kulur abjad li jixbah il-ħalib. Il-kontenitur huwa bbażat fuq angularità u aggressività intenzjonati u, f'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tenfasizza li l-kontenitur in kwistjoni huwa intiż bħala kontenitur li jimtela mill-ġdid bi prodott għat-tindif tat-tojlits. Ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għall-kontenituri l-oħra, it-tapp tal-kontenitur jagħmel parti mill-immaġni sħiħa, sabiex b'hekk l-ippakkjar jagħti impressjoni monolitika. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkonstata li l-kontenitur jiddistingwi ruħu mill-forom magħrufa minħabba l-fatt li huwa partikolarment ċatt.

18      Ir-rikorrenti tfakkar li t-trade mark tagħha kienet reġistrata bħala trade mark internazzjonali skond il-Protokoll tal-Ftehim ta' Madrid dwar ir-Reġistrazzjoni Internazzjonali tat-Trade marks, iffirmat f'Madrid fis-27 ta' Ġunju 1989. Ħdax-il Stat Membru tal-Komunità Ewropea, jiġifieri r-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju ta' l-Olanda, ir-Repubblika ta' l-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika tal-Finlandja ma opponewx ir-reġistrazzjoni. Ir-Renju tad-Danimarka kien inizjalment qajjem raġuni għal rifjut iżda l-uffiċċju Daniż tat-trade marks fl-aħħar nett aċċetta r-reġistrazzjoni tat-trade mark filwaqt li ddikjara li kien qiegħed isegwi l-prassi ta' l-UASI fir-rigward tat-trade marks tridimensjonali. Ir-rikorrenti żżid li t-trade mark in kwistjoni kienet rreġistrata bħala trade mark nazzjonali fl-Iżvizzera.

19      L-UASI jsostni li l-Bord ta' l-Appell ġustament ikkunsidra li s-sinjal tridimensjonali in kwistjoni ma kellux karattru distintiv.

20      Sabiex l-ippakkjar ikun jista' jammonta għal trade mark dan għandu jkun adegwat sabiex, f'moħħ il-konsumatur, joħloq indikazzjoni dwar l-oriġini tal-prodott u sabiex b'hekk jinfluwenza d-deċiżjoni tal-konsumatur meta dan jiġi biex jixtri peress li huwa biss f'din is-sitwazzjoni li l-imballaġġ tal-prodott jista' jiggarantixxi l-identità ta' oriġini tal-prodott, jiġifieri li l-prodotti jew is-servizzi kollha li huma ippakkjati b'dan l-imballaġġ kienu ġew immanifatturati taħt il-kontroll ta' impriża waħda (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 28).

21      B'mod partikolari, l-UASI jsostni li l-imballaġġ ta' prodotti li ma jistgħux jiġu ddistribwiti mingħajr ippakkjar huwa pperċepit mill-konsumatur bħala sempliċi ppakkjar li jipproteġi l-prodott. Fil-każ ta' prodotti li jinbiegħu f'ammonti kbar, bħal f'dan il-każ, il-konsumatur ma jassoċjax il-forma jew l-imballaġġ tal-prodott ma' l-oriġini kummerċjali tiegħu. Il-konsumatur jipperċepixxi biss l-imballaġġ stess tal-prodott bħala indikazzjoni ta' l-oriġini tiegħu meta l-imballaġġ ikun ippreżentat b'mod li jiġbed l-attenzjoni tiegħu – per eżempju meta l-ippakkjar ikun nettament distint minn dak użat għall-prodotti in kwistjoni. L-UASI jirreferi għas-sentenza tas-7 ta' Frar 2002, Mag Instrument vs L-UASI (Forma ta' torċ) (T-88/00, Ġabra p. II-467, punt 37) fejn il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li jekk il-konsumatur ikkonċernat ikun imdorri jara forom analogi għal dawk in kwistjoni, li jippreżentaw varjetà wiesgħa ta' modelli, għandu jiġi osservat li forom bħal dawn jidhru pjuttost bħala varjanti ta' waħda mill-forom normali aktar milli bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodotti.

22      Għaldaqstant, skond l-UASI, għandu jiġi ddeterminat x'impressjoni l-imballaġġ iħalli fuq il-konsumatur rilevanti. Għalhekk għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-aspettattivi preżunti ta' konsumatur medju li jkun normalment informat u raġonevolment attent u prudenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Lulju 1998, Gut Springenheide u Tusky, C-210/96, Ġabra p. I-4657, punt 31).

23      L-UASI jsostni wkoll li l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell dwar il-perċezzjoni tas-sinjal mill-pubbliku kkonċernat kienet korretta. Minkejja li l-kontenitur in kwistjoni effettivament jippreżenta ċerti karatteristiċi speċifiċi fid-disinn tiegħu, bħalma huma l-forma u l-kuluri tiegħu, li jiddistingwuh mill-kontenituri għal prodotti ta' l-istess tip normalment użati fis-suq, dan il-fatt madankollu mhuwiex biżżejjed biex jagħtih karattru distintiv li jippresupponi li l-kontenitur jista' jiġi pperċepit mill-konsumatur bħala indikazzjoni ta' l-oriġini tal-prodott.

24      Fir-rigward ta' l-ispeċifiċità possibbli tal-kuluri, l-UASI jsostni li l-esperjenza ġenerali tindika li l-għażla ta' tapp abjad jew ta' flixkun trasparenti hija komuni ħafna fis-settur ikkonċernat. Il-kuluri magħżula ma jistgħux jitqiesu bħala kuluri li m'humiex komuni. Skond l-UASI, l-għażla ta' flixkun trasparenti ma tammontax għal għażla ta' kulur fis-sens veru tal-kelma. Fil-fatt, meta l-konsumatur jipperċepixxi direttament is-sustanza li tkun fil-kontenitur, kif ukoll il-kulur ta' din is-sustanza, il-kontenitur innifsu jsir ta' importanza sekondarja.

25      Fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li l-forma tal-kontenitur in kwistjoni hija nettament distinta minn dik tal-prodotti l-oħra għat-tindif tat-tojlits, l-UASI jenfasizza li r-rikorrenti ddepożitat l-applikazzjoni tagħha fir-rigward ta' diversi prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 3 u 20 u li l-lista hija wiesgħa ħafna u tkopri wkoll il-kontenituri għal pasta għat-tindif tas-snien, għal prodotti kosmetiċi – per eżempju ġel għad-doċċa – jew għal prodotti tal-ħasil tal-platti, li għalihom il-forma in kwistjoni hija użata b'mod komuni. Minkejja li l-intenzjoni tar-rikorrenti hija li tuża l-forma mitluba għal prodotti għat-tindif tat-tojlits biss, l-UASI jsostni li huwa huwa marbut jevalwa l-karattru distintiv tal-forma mitluba fid-dawl tal-prodotti kollha koperti mill-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

26      L-UASI jaċċetta li huwa possibbli li ċertu numru ta' kontenituri li jinsabu fis-suq jippreżentaw forma differenti minn dik tas-sinjal li tiegħu ntalbet ir-reġistrazzjoni. Madankollu, dan bl-ebda mod ma jfisser li s-sinjal in kwistjoni għandu karattru intrinsikament distintiv. Skond l-UASI, il-forma magħżula għandha tippreżenta karatteristiċi speċifiċi li jistgħu jiġbdu l-attenzjoni tal-konsumatur, jiġifieri l-forma għandha tkun nettament distinta mill-forom normali. Barra minn hekk, il-fatt li kontenitur għal prodotti tal-ħasil u tat-tindif jista' jżomm rasu l-isfel mhuwiex ta' natura li jikkostitwixxi karatteristika speċifika adegwata sabiex tiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur; għall-kuntrarju, din hija tip ta' preżentazzjoni li hija relattivament komuni, per eżempju, għall-kontenituri tal-pasta għat-tindif tas-snien. F'dan il-każ, l-UASI jsostni li , mit-tip ta' imballaġġ magħżul għall-prodotti tal-ħasil u tat-tindif, il-konsumatur ma jistax jikkonkludi li dan l-imballaġġ huwa indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodotti. Għaldaqstant, l-UASI jsostni li lanqas it-tlaqqigħ ta' l-elementi tal-kontenitur ma jista' jwassal lill-konsumatur sabiex jipperċepixxi l-forma li tagħha ntalbet ir-reġistrazzjoni bħala xi ħaġa oħra għajr sempliċi ippakkjar; kollox ma' kollox, il-konsumatur mhuwiex ser jipperċepi l-oriġini kummerċjali tal-prodotti.

27      Għalhekk l-UASI jikkonkludi li t-trade mark mitluba hija, minn kull aspett, nieqsa mill-karattru distintiv minimu meħtieġ sabiex tiġi rreġistrata.

28      Barra minn hekk, fir-rigward tar-reġistrazzjonijiet nazzjonali preċedenti, l-UASI jaċċetta li għalkemm ikun tajjeb li l-prassi ta' l-Istati Membri u dik ta' l-UASI jkunu l-istess, skond il-liġi, l-awtoritajiet nazzjonali mhumiex marbuta mid-deċiżjonijiet ta' l-UASI u viċe versa. Għalhekk, ir-reġistrazzjonijiet li diġà saru fl-Istati Membri jammontaw biss għal element li, mingħajr ma jkun determinanti, jista' jittieħed in kunsiderazzjoni [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-31 ta' Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs L-UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II-433, punt 26].

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

29      Skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, il-forma ta' prodott jew ta' l-imballaġġ tiegħu jistgħu jikkostitwixxu trade mark Komunitarja bil-kundizzjoni li din il-forma tkun adegwata sabiex tiddistingwi l-prodotti ta' impriża minn dawk ta' impriżi oħra. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 7(1)(b) ta' l-imsemmi Regolament, it-"trade marks li mhumiex ta' karattru distintiv" ma jistgħux jiġu rreġistrati.

30      Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, it-trade marks li jaqgħu taħt l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 huma, b'mod partikolari, dawk li, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, huma użati b'mod komuni fil-kummerċ sabiex jirrappreżentaw il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati jew li fir-rigward tagħhom jeżistu, minn ta' l-anqas, indikazzjonijiet konkreti li abbażi tagħhom jista' jiġi konkluż li dawn jistgħu jiġu użati b'dan il-mod [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Novembru 2002, Bosch vs L-UASI (Kit Pro u Kit Super Pro), T-79/01 u T-86/01, Ġabra p. II-4881, punt 19, u tat-3 ta' Diċembru 2003, Nestlé Waters France vs L-UASI (Forma ta' flixkun), T-305/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 28]. Barra minn hekk, is-sinjali li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni mhumiex kapaċi jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri li jidentifikaw l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz sabiex b'hekk jippermettu lill-konsumatur li jkun akkwista l-prodott jew is-servizz indikat mit-trade mark li, meta jiġi biex jagħmel akkwist ieħor, jerġa' jagħmel l-istess għażla jekk l-esperjenza tkun waħda pożittiva jew li jagħmel għażla oħra jekk l-esperjenza tkun waħda negattiva [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Rewe-Zentral vs L-UASI (LITE), T-79/00, Ġabra p. II-705, punt 26; Kit Pro u Kit Super Pro, iċċitata aktar 'il fuq, punt 19; tat-30 ta' April 2003, Axions u Belce vs L-UASI (Forma ta' sigarru ta' kulur kannella u forma ta' ingott tad-deheb), T-324/01 u T-110/02, Ġabra p. II-1897, punt 29, u Forma ta' flixkun, iċċitata aktar 'il fuq, punt 28].

31      Barra minn hekk, fir-rigward tat-trade marks tridimensjonali, aktar ma l-forma li tagħha tkun intalbet ir-reġistrazzjoni tkun tixbah l-aktar forma probabbli ħa jieħu l-prodott in kwistjoni, aktar ma huwa probabbli li l-imsemmija forma tkun nieqsa minn karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Mill-banda l-oħra, trade mark li, b'mod sinifikanti, tvarja min-norma jew mill-użanzi fis-settur u li, b'hekk, tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha li tindika l-oriġini, ma tkunx nieqsa minn karattru distintiv (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Frar 2004, Henkel, C-218/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 49, u tad-29 ta' April 2004, Henkel vs L-UASI, C-456/01 P u C-457/01 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 39).

32      Il-karattru distintiv ta' trade mark jista' jiġi evalwat biss, minn naħa, fid-dawl tal-prodotti jew tas-servizzi li fir-rigward tagħhom intalbet ir-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu ta' din it-trade mark (sentenzi LITE, iċċitata aktar 'il fuq, punt 27, u Kit Pro u Kit Super Pro, iċċitata aktar 'il fuq, punt 20).

33      Għandu jiġi osservat li l-prodotti indikati mit-trade mark mitluba huma prodotti ta' konsum ta' kuljum intiżi għall-konsumaturi kollha. Għaldaqstant il-karattru distintiv tat-trade mark mitluba għandu jiġi evalwat fid-dawl ta' l-aspettattivi preżunti ta' konsumatur medju li jkun normalment informat u raġonevolment attent u prudenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 26).

34      Għandu wkoll jiġi mfakkar li l-perċezzjoni tat-trade marks mill-pubbliku rilevanti hija influwenzata mil-livell ta' attenzjoni tiegħu li tista' tvarja skond il-kategorija ta' prodotti jew servizzi in kwistjoni (ara, bħala analoġija, is-sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata aktar 'il fuq, punt 26). Huwa fatt magħruf li l-operaturi kollha preżenti fis-suq tal-prodotti tal-ħasil u tat-tindif, li huwa kkaratterizzat minn kompetizzjoni qawwija, jaffaċċjaw il-ħtieġa imperattiva teknika ta' imballaġġ għall-kummerċjalizzazzjoni ta' dawn l-imsemmija prodotti u huma suġġetti għall-ħtieġa li dawn il-prodotti jkollhom tikketta. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-operaturi għandhom inċentiv qawwi sabiex jagħmlu l-prodotti tagħhom identifikabbli meta mqabbla ma' dawk tal-kompetituri, b'mod partikolari fir-rigward tad-dehra tagħhom u tad-disinn ta' l-ippakkjar tagħhom, bil-għan li jiġbdu l-attenzjoni tal-konsumaturi. Għalhekk jidher li l-konsumatur medju huwa kompletament kapaċi jipperċepixxi l-forma ta' l-ippakkjar tal-prodotti kkonċernati bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tagħhom safejn din il-forma jkun fiha karatteristiċi li huma suffiċjenti sabiex jiġbdu l-attenzjoni tiegħu (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Forma ta' flixkun, iċċitata aktar 'il fuq, punt 34).

35      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ma jagħmel l-ebda distinzjoni fir-rigward tal-kategoriji differenti ta' trade marks. Għaldaqstant, fl-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade marks tridimensjonali komposti mill-forma tal-prodotti stess jew mill-forma ta' l-imballaġġ ta' dawn il-prodotti, m'hemmx lok li jiġu applikati kriterji aktar stretti minn dawk applikati għal kategoriji oħra ta' trade marks (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Forma ta' flixkun, iċċitata aktar 'il fuq, punt 35).

36      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell jikkonkludi li t-trade mark mitluba m'għandhiex karattru distintivfilwaqt li tikkunsidra li "s-sinjal in kwistjoni huwa essenzjalment kompost minn kontenitur li l-forma tiegħu tixbah dik ta' lanġasa rasha l-isfel safejn tarf minnhom huwa aktar wiesa' u t-tarf l-ieħor jidjieq ftit ftit u li l-ġnub tiegħu huma pjuttost ċatti" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Huwa jikkonstata wkoll li "l-ebda waħda minn dawn il-karatteristiċi ma jidher li għandha karattru distintiv, kemm jekk jittieħdu waħedhom jew jekk jittieħdu flimkien ma' xulxin", li "l-forma in kwistjoni għaldaqstant ma tistax titqies bħala intrinsikament distintiva", li "la l-ġnub iċċattjati u lanqas il-partijiet ċatti inferjuri u superjuri ma jibdlu sostanzjalment l-impressjoni ġenerali prodotta mill-forma" u li "huwa improbabbli li l-konsumatur ikkonċernat joqgħod attent għal dawn il-karatteristiċi u jipperċepihom fis-sens li qegħdin jindikawlu oriġini kummerċjali partikolari" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fir-rigward tat-tlaqqigħ tal-kuluri mitluba għall-forma in kwistjoni, il-Bord ta' l-Appell jikkonstata li lanqas dan it-tlaqqigħ ma jżid il-karattru distintiv tat-trade mark. Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell jidhirlu li "mit-tlaqqigħ ta' dawn il-karatteristiċi tridimensjonali u ta' kulur mhux distintiv ma jistax jirriżulta sinjal li jkollu karattru distintiv minimu". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

37      Għandu jiġi mfakkar li, sabiex jiġi evalwat jekk il-forma tal-flixkun in kwistjoni tistax tiġi pperċepita mill-pubbliku bħala indikazzjoni ta' l-oriġini tal-prodott, għandha tiġi analizzata l-impressjoni sħiħa prodotta mid-dehra ta' l-imsemmi flixkun (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 23; sentenza Forma ta' flixkun, iċċitata aktar 'il fuq, punt 39).

38      F'dan il-każ, it-trade mark mitluba hija komposta mill-forma ta' flixkun abjad u trasparenti. Dan il-flixkun huwa kontenitur tal-plastik kompost minn għamla ta' flixkun trasparenti u minn tapp abjad. It-tapp jippreżenta fuq l-uċuħ ta' quddiem u ta' wara forma ta' 'V' li testendi lejn il-parti ta' quddiem u tiltaqa' mat-trufijiet laterali tal-flixkun innifsu. Il-kontenitur huwa rrappreżentat rasu l-isfel fuq it-tapp tiegħu.

39      Fir-rigward ta' l-evalwazzjoni ta' l-elementi differenti, għandu jiġi mfakkar li sinjal kompost minn tlaqqigħ ta' elementi li l-ebda wieħed minnhom ma jkollu karattru distintiv jista' jkollu karattru bħal dan sakemm ikun hemm indikazzjonijiet konkreti li, b'mod partikolari, jistgħu jikkonsistu fil-mod kif l-elementi differenti jkunu kkombinati, li juru li s-sinjal jirrappreżenta xi ħaġa aktar mis-sempliċi somma ta' l-elementi li minnhom huwa magħmul (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Kit Pro u Kit Super Pro, iċċitata aktar 'il fuq, punt 29, u s-sentenza Forma ta' flixkun, iċċitata aktar 'il fuq, punt 40).

40      B'mod aktar partikolari, fir-rigward tal-forma in kwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li, mill-eżami tal-provi kollha prodotti mill-partijiet fit-trattazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li t-tlaqqigħ ta' l-elementi huwa verament speċifiku u ma jista' jitqies bl-ebda mod bħala komuni għall-prodotti kollha in kwistjoni. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-kontenitur li tiegħu ntalbet ir-reġistrazzjoni jippreżenta ċerti karatteristiċi speċifiċi li jiddistingwuh mill-kontenituri għal prodotti għal ħasil u għat-tindif normalment użati fis-suq. F'dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat, kif issostni r-rikorrenti, li l-kontenitur in kwistjoni huwa partikolarment angolat u li l-angoli, it-trufijiet u l-uċuħ iwassluh sabix jixbah kristall. Barra minn hekk, il-kontenitur jagħti impressjoni monolitika peress li t-tapp tal-kontenitur jagħmel parti mill-immaġni sħiħa. Fl-aħħar nett, il-kontenitur huwa partikolarment ċatt. Dan it-tlaqqigħ għaldaqstant jagħti lill-flixkun in kwistjoni dehra partikolari li mhijiex waħda komuni u li hija ta' natura li tiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku kkonċernat u li tippermetti lil dan ta' l-aħħar, ladarba jkun konxju mill-forma ta' l-ippakkjar tal-prodotti in kwistjoni, li jiddistingwi l-prodotti indikati fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni minn dawk li jkollhom oriġini kummerċjali oħra [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Marzu 2003, DaimlerChrysler vs L-UASI (Calandre), T-128/01, Ġabra p. II-701, punti 46 u 48, u s-sentenza Forma ta' flixkun, iċċitata aktar 'il fuq, punt 41].

41      Barra minn hekk, meta wieħed iqis il-kontenituri użati għal prodotti simili, fid-dawl, b'mod partikolari, ta' l-eżempji prodotti mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-aspett abjad u trasparenti tal-flixkun ma jippreġudikax il-karattru distintiv tas-sinjal li ntalbet ir-reġistrazzjoni tiegħu.

42      Kollox ma' kollox, għandu jiġi mfakkar li karattru distintiv minimu huwa biżżejjed sabiex ir-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ma tkunx tista' tiġi applikata [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Eurocool Logistik vs L-UASI (EUROCOOL), T-34/00, Ġabra p. II-683, punt 39, u, f'dan is-sens, is-sentenza Calandre, iċċitata aktar 'il fuq, punt 49]. Għaldaqstant, safejn, kif ġie indikat aktar 'il fuq, it-trade mark mitluba hija komposta minn tlaqqigħ ta' elementi ta' preżentazzjoni li hija karatteristika u li jiddistingwiha minn forom oħra preżenti fis-suq għall-prodotti kkonċernati, għandu jiġi kkunsidrat li t-trade mark mitluba, meħuda fit-totalità tagħha, għandha l-minimu ta' karattru distintiv meħtieġ.

43      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li ħdax-il Stat Membru mill-ħmistax-il Stat Membru li kienu jifformaw il-Komunità Ewropea meta kienet iddepożitata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ma kienux opponew ir-reġistrazzjoni ta' forma identika bħala trade mark internazzjonali taħt il-Ftehim ta' Madrid dwar ir-Reġistrazzjoni Internazzjonali tat-Trade marks. Għaldaqstant, fi ħdax-il Stat Membru, jiġifieri fil-Belġju, fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja, fil-Lussemburgu, fl-Olanda, fl-Awstrija, fil-Portugall u fil-Finlandja, il-protezzjoni ta' din it-trade mark hija l-istess bħallikieku kienet irreġistrata direttament mill-uffiċċju nazzjonali tat-trade marks tal-pajjiż in kwistjoni.

44      Huwa minnu li l-Bord ta' l-Appell, fid-deċiżjoni kkontestata, ġustament osserva li l-UASI għandu jwettaq evalwazzjoni awtonoma f'kull każ li jkollu quddiemu.

45      Fil-fatt, is-sistema Komunitarja tat-trade marks hija sistema awtonoma li hija komposta minn numru ta' regoli, li ssegwi għanijiet li huma speċifiċi għaliha u li l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Diċembru 2000, Messe München vs L-UASI (electronica), T-32/00, Ġabra p. II-3829, punt 47]. Għaldaqstant, il-karattru reġistrabbli ta' sinjal bħala trade mark Komunitarju għandu jiġi evalwat biss abbażi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti. Għalhekk, l-UASI u, jekk ikun il-każ, il-qorti Komunitarja, mhumiex marbuta minn deċiżjoni meħuda minn Stat Membru, jew minn pajjiż terz, li taċċetta l-karattru reġistrabbli ta' dan l-istess sinjal bħala trade mark nazzjonali (sentenza Forma ta' torċ, iċċitata aktar 'il fuq, punt 41).

46      Madankollu, ir-reġistrazzjonijiet li diġà saru fl-Istati Membri jikkostitwixxu elementi li, mingħajr ma jkunu determinanti, jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' Frar 2000, Procter & Gamble vs L-UASI (Forma ta' sapuna), T-122/99, Ġabra p. II-265, punt 61; tal-31 ta' Jannar 2001, Sunrider vs L-UASI (VITALITE), T-24/00, Ġabra p. II-449, punt 33, u tad-19 ta' Settembru 2001, Henkel vs L-UASI (Pillola tonda ħamra u bajda), T-337/99, Ġabra p. II-2597, punt 58]. Għalhekk, dawn l-imsemmija reġistrazzjonijiet jistgħu joffru appoġġ analitiku fl-evalwazzjoni ta' applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-26 ta' Novembru 2003, HERON Robotunits vs L-UASI (ROBOTUNITS), T-222/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 52].

47      Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 40 aktar 'il fuq, għandu jiġi osservat li t-trade mark tridimensjonali mitluba mhijiex waħda komuni u hija adegwata sabiex tippermetti li l-prodotti in kwistjoni jiġu distinti minn dawk li jkollhom oriġini kummerċjali oħra. Din il-kunsiderazzjoni hija kkorroborata mir-reġistrazzjoni mir-rikorrenti, fi ħdax-il Stat Membru, ta' trade mark tridimensjonali ta' forma identika għal dik tat-trade mark mitluba f'dan il-każ.

48      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti, li l-Bord ta' l-Appell inġustament ikkunsidra li t-trade mark mitluba ma kellhiex karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

49      Għaldaqstant, il-motiv għandu jiġi ddikjarat fondat u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

50      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

51      Peress illi l-UASI tilef, hemm lok li jkun deċiż illi jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba' Awla tal-Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) tat-3 ta' Ottubru 2002 (Każ R 313/2001-4) hija annullata.

2)      Il-konvenut għandu jbati l-ispejjeż.

Legal

Tiili

Vilaras

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta' Novembru 2004.

H. Jung

 

       H. Legal

Reġistratur

 

       Il-President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.