Language of document : ECLI:EU:T:2011:209

Kawżi magħquda T-267/08 u T-279/08

Région Nord-Pas-de-Calais u Communauté d’agglomération du Douaisis

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Kostruzzjoni ta’ materjal ferrovjarju — Ħlasijiet bil-quddiem rimborsabbli — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha — Adattament tat-talbiet — Drittijiet tad-difiża — Obbligu ta’ motivazzjoni — Riżorsi tal-Istat — Imputabbiltà tal-Istat — Kriterju ta’ investitur privat — Impriża f’diffikultà”

Sommarju tas-sentenza

1.      Proċedura — Deċiżjoni li fil-mori tal-kawża tissostitwixxi d-deċiżjoni kkontestata — Element ġdid — Estensjoni tat-talbiet u tal-motivi inizjali

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat

(Artikolu 296 TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 97/C 273/03)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Proċedura amministrattiva — Obbligu tal-Kummissjoni li tintima lill-partijiet interessati, u għalhekk lill-entitajiet infra-Statali li jagħtu l-għajnuna, sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom — Limiti

(Artikolu 108(2) TFUE)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Artikolu 108(2) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 6)

5.      Atti tal-istituzzjonijiet — Revoka — Atti illegali — Deċiżjoni li tiddikjara għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni u li hija vvizzjata minn motivazzjoni insuffiċjenti — Adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida — Obbligu li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali terġa’ tinfetaħ — Assenza

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Għajnuna minn riżorsi tal-Istat — Finanzjament permezz ta’ riżorsi suġġetti għal kontroll pubbliku — Inklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarji — Self ta’ flus suġġett għal rimbors li joħloq interessi — Evalwazzjoni skont ir-rata ta’ interessi awtorizzata

(Artikolu 107(1) TFUE)

8.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Possibbiltà li jiġu adottati linji gwida

(Artikolu 107(3) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 244/02)

9.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni — Għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ impriża f’diffikultà — Identifikazzjoni tal-impriżi f’diffikultà

(Artikolu 107(3) TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 244/02, punt 11)

10.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Għarfien tal-klassifikazzjoni bħala impriża f’diffikultà sabiex jingħata l-benefiċċju ta’ eżenzjoni mill-projbizzjoni tal-għajnuna

11.    Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat

(Artikolu 107(1) TFUE)

12.    Atti tal-istituzzjonijiet — Revoka — Atti illegali — Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat — Adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida biż-żieda ta’ elementi ġodda intiżi li jissodisfaw kritika tal-partijiet interessati — Ksur tad-drittijiet tad-difiża — Assenza

1.      Meta, fil-mori tal-kawża, deċiżjoni tiġi ssostitwita b’deċiżjoni li jkollha l-istess suġġett, din għandha titqies li hija element ġdid li jippermetti lir-rikorrent jadatta t-talbiet u l-motivi tiegħu. Fil-fatt, li wieħed jobbliga lir-rikorrent jippreżenta rikors ġdid imur kontra amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-ħtieġa ta’ ekonomija tal-ġudizzju. Barra minn hekk, huwa inġust li l-istituzzjoni inkwistjoni tkun tista’, sabiex tirrispondi għall-kritika li tinsab f’rikors ippreżentat lill-Qorti tal-Unjoni kontra deċiżjoni, tadatta deċiżjoni kkontestata jew tissostitwixxiha b’oħra u tagħmel użu, fil-mori tal-kawża, minn din il-modifika jew minn din is-sostituzzjoni sabiex iċċaħħad lill-parti l-oħra mill-possibbiltà li testendi t-talbiet u l-motivi inizjali tagħha għad-deċiżjoni ulterjuri jew li tippreżenta t-talbiet u l-motivi supplimentari tagħha kontra din tal-aħħar.

(ara l-punt 23)

2.      Deċiżjoni li tiddikjara għajnuna mill-Istat mogħtija lil impriża f’diffikultà bħala inkompatibbli mas-suq komuni tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE, fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont ta’ għajnuna adottat mill-Kummissjoni, meta hija ma tillimitax ruħha għal sempliċi riferiment għal komunikazzjoni dwar ir-rati ta’ referenza iżda tinkludi deskrizzjoni dettaljata tal-metodu magħżul u analiżi fil-fond tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriżi u tan-nuqqas ta’ garanziji u, fir-rigward tal-motivazzjoni taż-żieda tar-rata ta’ referenza applikabbli, tanalizza l-prassi fuq is-swieq abbażi ta’ riċerka empirika tal-primjums osservabbli fuq is-suq ta’ kategoriji differenti ta’ riskji marbuta mal-impriżi jew ma’ tranżazzjonijiet.

(ara l-punti 50, 52, 53)

3.      Fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat mibdija abbażi tal-Artikolu 108(2) TFUE, il-ġurisprudenza essenzjalment tagħti lill-persuni interessati, li fosthom hemm entitajiet infra-Statali li jużaw l-għajnuna inkwistjoni, ir-rwol ta’ sors ta’ informazzjoni għall-Kummissjoni. Minn dan isegwi li l-persuni interessati, li ma jistgħux jużaw id-drittijiet tad-difiża rikonoxxuti fil-konfront ta’ persuni li kontrihom tinfetaħ kawża, għandhom biss id-dritt li jiġu involuti fil-proċedura amministrattiva b’mod adegwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi.

Għaldaqstant, il-persuni interessati ma jistgħux jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba fis-sens li l-Kummissjoni ma talbitx personalment l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-proċedura ta’ eżami tal-għajnuna. Il-Kummissjoni lanqas ma għandha l-obbligu li tibgħat lill-persuni interessati l-osservazzjonijiet jew l-informazzjoni li hija rċeviet mingħand il-Gvern tal-Istat Membru kkonċernat.

(ara l-punti 71, 74, 75, 88)

4.      Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 KE, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tista’ sempliċement tiġbor fil-qosor il-kwistjonijiet rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, tinkludi evalwazzjoni preliminari tal-miżura tal-Istat inkwistjoni intiża li tiddetermina jekk din għandhiex in-natura ta’ għajnuna u tesponi r-raġunijiet li joħolqu d-dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni.

Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta’ ftuħ għandha tqiegħed lill-persuni interessati f’pożizzjoni li jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali li matulha huma jkollhom il-possibbiltà li jsostnu l-argumenti tagħhom. Għal dan il-għan, ikun biżżejjed li l-partijiet interessati jkunu jafu r-raġunament li wassal lill-Kummissjoni sabiex tqis provviżorjament li l-miżura inkwistjoni setgħet tikkostitwixxi għajnuna ġdida inkompatibbli mas-suq komuni.

(ara l-punti 80, 81)

5.      Fil-każ tal-irtirar tad-deċiżjoni oriġinali, il-proċedura intiża li tissostitwixxi att illegali tista’ titkompla mill-punt preċiż fejn kienet ġiet ikkonstatata l-illegalità, mingħajr il-ħtieġa għall-Kummissjoni li tibda mill-ġdid il-proċedura billi tmur lil hinn minn dan il-punt preċiż.

Fir-rigward ta’ deċiżjoni li tiddikjara għajnuna mill-Istat bħala inkompatibbli mas-suq komuni u tordna l-irkupru tagħha, il-motivazzjoni insuffiċjenti li mmotivat l-iritrar tad-deċiżjoni oriġinali ma tmurx lura sal-ftuħ tal-proċedura, jekk din ma hija vvizzjata minn ebda illegalità. Għalkemm il-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari li tkun ippreċediet l-adozzjoni tad-deċiżjoni revokata tmexxiet b’mod regolari, din ma għandhiex terġa’ tinfetaħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni l-ġdida.

Iż-żieda ta’ elementi addizzjonali fid-deċiżjoni l-ġdida ma tistax tqiegħed inkwistjoni dan il-fatt meta tali żieda tkun intiża li tissodisfa b’mod iktar dettaljat l-għanijiet li kienu wasslu għad-deċiżjoni oriġinali.

(ara l-punti 83-85)

6.      Fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-finanzjament eventwali tal-miżuri inkwistjoni mir-riżorsi li ma humiex ta’ natura fiskali jew parafiskali ma jistgħux jevitaw li l-imsemmija miżuri jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, il-kriterju determinanti fil-qasam tar-riżorsi tal-Istat huwa l-kontroll pubbliku, u l-Artikolu 107(1) TFUE jkopri kull mezz pekunjarju, kemm jekk jirriżultaw mill-kontribuzzjonijiet obbligatorji jew le, li s-settur pubbliku jista’ effettivament juża sabiex isostni l-impriżi.

(ara l-punt 111)

7.      Fil-każ ta’ self ta’ flus suġġett għal rimbors li joħloq interessi, l-interessi li impriża tista’ tasal tagħti bħala kontroparti għal self mhux neċessarjament jeliminaw għal kollox il-vantaġġ li hija tibbenefika minnu. Effettivament teżisti spiża fuq il-baġit tal-kollettiva li tkun tat is-self, li kieku din tal-aħħar setgħet tibbenefika minn rata ta’ rendiment iktar vantaġġuża meta selfet dan l-ammont taħt il-kundizzjonijiet normali tas-suq jew meta hija qegħditu jew investitu b’mod ieħor. F’din l-ipoteżi, l-għajnuna hija kkostitwita mid-differenza bejn l-interessi li kienu tħallsu li kieku ġiet applikata r-rata ta’ interess li tikkorrispondi għall-kundizzjonijiet normali tas-suq u dawk li effettivament ingħataw.

(ara l-punt 112)

8.      Skont l-Artikolu 107(3) TFUE, il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Għaldaqstant, hija tista’ tadotta, sabiex teżerċita din id-diskrezzjoni, regoli ta’ gwida permezz ta’ atti bħalma huma l-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvagwardar u r-ristrutturar tal-impriżi f’diffikultà, sa fejn dawn ir-regoli ma jiddevjawx mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Meta l-Kummissjoni tadotta att ta’ dan it-tip, dan ikun vinkolanti fuqha. Għalhekk, hija l-qorti li għandha tivverifika li l-Kummissjoni osservat ir-regoli li hija adottat.

Madankollu, ladarba s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa mogħtija lill-Kummissjoni, li hija speċifikata, fejn xieraq, permezz ta’ regoli indikattivi adottati minnha, tinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali li għandhom isiru f’kuntest Komunitarju, il-qorti teżerċita kontroll ristrett fuq dawn. Hija tillimita ruħha għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter.

(ara l-punti 129-132)

9.      Peress li l-punt 11 tal-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvagwardar u r-ristrutturar tal-impriżi f’diffikultà jindika li “impriża tista’ titqies li tinsab f’diffikultà, jekk hemm indikazzjonijiet komuni ta’ impriża f’sitwazzjoni ta’ diffikultà, bħalma huwa l-livell dejjem jikber tat-telf [u] it-tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ [...]” , il-Kummissjoni ġustament tista’ tqis li impriża li għandha l-kapital tagħha u riżultat nett negattiv għandha titqies bħala impriża f’diffikultà.

Il-Kummissjoni ma għandhiex tikkunsidra fatturi li seħħew wara l-għoti tal-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni eżistenti fil-mument li fih hija tiddeċiedi, għaliex jekk hija tikkunsidra l-fatturi li seħħew wara, hija tkun fil-fatt qed tagħti vantaġġ lill-Istati Membri li jonqsu mill-obbligu tagħhom li jinnotifikaw l-għajnuna, fl-istadju ta’ ppjanar, li huma għandhom l-intenzjoni li jagħtu. Barra minn hekk, titjib fis-sitwazzjoni tal-impriża benefiċjarja matul is-sena li matulha ngħataw il-miżuri kontenzjużi ma jistax jinfluwenza l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tagħha fil-mument tal-għoti, b’mod partikolari peress li ma jistax jiġi eskluż li l-eżistenza tal-imsemmija garanzija setgħet tinfluwenza dan l-iżvilupp.

(ara l-punti 135, 141, 143, 144, 146)

10.    Sa fejn l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, bħala regola, mhux soltu li jiddefinixxi l-klassifikazzjonijiet tiegħu billi jispira ruħu minn ordinament ġuridiku nazzjonali jew ta’ iktar minn wieħed minnhom mingħajr ma jipprovdi preċiżazzjoni espressa f’dan is-sens u fin-nuqqas ta’ riferiment fil-linji gwida rilevanti għall-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, ma hemmx lok, fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, u sabiex tiġi evalwata l-legalità tal-klassifikazzjoni ta’ impriża f’diffikultà magħmula mill-Kumissjoni, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza ta’ Stat Membru.

(ara l-punt 150)

11.    Sabiex jiġi evalwat jekk miżura statali tikkostitwixxix għajnuna, għandu jiġi ddeterminat jekk l-impriża benefiċjarja tirċevix vantaġġ ekonomiku li hija ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Għal dan il-għan, huwa rilevanti li jiġi applikat il-kriterju li huwa bbażat fuq il-possibbiltajiet għall-impriża benefiċjarja li tikseb l-ammonti inkwistjoni taħt kundizzjonijiet simili mis-suq tal-kapital. B’mod partikolari, wieħed għandu jistaqsi lilu nnifsu jekk investitur privat kienx iwettaq it-tranżazzjoni inkwistjoni taħt l-istess kundizzjonijiet.

(ara l-punti 158, 159)

12.    L-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom id-dritt li jirrevokaw, minħabba l-illegalità li tolqothom, deċiżjoni li tkun tat benefiċċju lid-destinatarju tagħha, b’riżerva għall-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, u bil-kundizzjoni li din ir-revoka sseħħ f’terminu raġonevoli. Dan id-dritt ta’ revoka ta’ deċiżjoni illegali għandu a fortiori jiġi rikonoxxut lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward ta’ att li ma joħloqx dritt li huwa vvizjat minn illegalità. Fil-fatt, f’dan il-każ inkwistjoni, kunsiderazzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tad-drittijiet miksuba mid-destinatarju tad-deċiżjoni ma jipprekludux ir-revoka.

Fir-rigward taż-żieda ta’ elementi ġodda fid-deċiżjoni ġdida, intiża, min-naħa tal-Kummissjoni, sabiex twieġeb b’mod iktar dettaljat mid-deċiżjoni oriġinali għal argumenti ppreżentati mir-rikorrenti fil-kuntest tar-rikors kontenzjuż tagħhom, dan it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ argumenti ppreżentati mir-rikorrenti nnifishom ma jistax jitqies li jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża.

(ara l-punti 189, 190, 192)