Language of document :

Appell ippreżentat fis-26 ta' Mejju 2011 mill-Kummissjoni Ewropea kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-15 ta' Marzu 2011 fil-Kawża F-120/07, Strack vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-268/11 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Currall u B. Eggers, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Guido Strack (Köln, il-Ġermanja)

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-15 ta' Marzu 2011 fil-Kawża F-120/07, Strack vs Il-Kummissjoni;

tordna li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha tal-proċeduri kemm fl-ewwel istanza kif ukoll f'dan l-appell

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti essenzjalment tinvoka tliet aggravji.

L-ewwel aggravju: ksur tad-dritt tal-Unjoni minħabba fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem ir-"Regolamenti tal-Persunal")

L-ewwel nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser id-dritt tal-Unjoni u l-ġurisprudenza stabbilita meta interpreta l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal fis-sens li ma japplikax għat-trasferiment tad-dritt ta' leave fil-każ ta' mard fuq perijodu twil.

It-tieni aggravju: ksur tad-dritt tal-Unjoni minħabba fi żball ta' liġi fid-determinazzjoni tal-portata u tal-effett legali tal-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal

It-tieni nett, kien ukoll bi ksur tad-dritt tal-Unjoni u flimkien ma' nuqqas ta' motivazzjoni li ġie stabbilit, b'mod żbaljat, l-ambitu tal-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, bħala li huwa l-obbligu ġenerali tal-istituzzjonijiet fil-konfront tal-membri tal-persunal, li fir-rigward tal-kundizzjonijiet kollha tax-xogħol f'dak li jirrigwarda s-saħħa, jingħataw l-istandards minimi skont l-Artikolu 153 TFUE. L-Artikolu 1e(2) ġie introdott insegwitu għar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal tal-2004 bil-għan li l-lakuna f'dak li jirrigwarda r-rekwiżiti tekniċi li kienu nieqsa mir-Regolamenti tal-Persunal sabiex jiġu żgurati s-saħħa u s-sigurtà tal-uffiċjali fi ħdan l-istituzzjonijiet (pereżempju sigurtà minn nirien, materjali perikolużi, ventilazzjoni, ergonomija, u oħrajn) jiġu eliminati. Għalhekk, ir-Regolamenti tal-Persunal issa jippermettu l-applikazzjoni tal-istandards tekniċi minimi fid-direttivi u b'dan il-mod it-traspożizzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali. Ir-regola ma tistax u ma għandhiex taffettwa l-kundizzjonijiet tax-xogħol f'dak illi jirrigwarda it-trasferiment tal-leave u kumpens għal-leave mhux użat. Sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wasal għal dan ir-riżultat, huwa mhux biss kiser id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti tal-Persunal u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda wkoll ir-rekwiżiti taċ-ċertezza legali.

It-tielet aggravju: żball proċedurali

It-tielet nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser r-regoli proċedurali billi ma eżaminax ex officio l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u billi ċaħad de facto, l-applikazzjoni ta' dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr ma kienet tqajmet eċċezzjoni ta' illegalità u mingħajr ma kien hemm il-possibbiltà li l-Kunsill u l-Parlament tal-Unjoni Ewropea jintervjenu.

____________