Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Frar 2014 – PT Musim Mas vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża T-80/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: PT Perindustrian dan Perdagangan Musim Semi Mas (PT Musim Mas) (Medan, l-Indoneżja) (rappreżentanti: J. García-Gallardo Gil-Fournier, avukat, C. Humpe, Solicitor u A. Verdegay Mena, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1194/2013, tad-19 ta’ Novembru 2013, li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina u l-Indoneżja (ĠU 2013 L 315, p. 2), sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrenti; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tar-rikorrenti f’din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur (i) tal-Artikoli 1(1), 7(2) u 9(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru°1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009 L 343, p. 51) mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fuq (ii) il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea meta ordna l-ġbir definittiv tal-miżuri antidumping imposti fuq ir-rikorrenti, peress li

abbażi tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru°1225/2009, ebda miżura antidumping ma tista’ tiġi applikata fuq l-esportaturi, bħar-rikorrenti, li l-prodotti tagħhom ma jirriżultawx li kienu suġġetti għal dumping. Għalhekk ma teżisti l-ebda bażi legali sabiex jiġi impost dazji antidumping provviżorji fuq ir-rikorrenti u wisq inqas sabiex jiġi ordnat il-ġbir ta’ tali dazji;

l-Kunsill kiser l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru°1225/2009 meta impona u ordna l-ġbir definittiv mingħand ir-rikorrenti tad-dazji antidumping provviżorji ta’ 2.8 % li jeċċedi l-marġini korrett ta’ dumping provviżorju;

l-Artikolu 9(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru°1225/2009 jipprojbixxi l-impożizzjoni ta’ dazji provviżoji mill-Kummissjoni meta l-marġini ta’ dumping provviżorju huwa inqas minn 2 %. Il-Kunsill kiser l-Artikolu 9(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 meta ordna l-ġbir definittiv tad-dazji provviżorji imposti fuq ir-rikorrenti;

fid-dawl tal-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea meta sar il-kalkolu tal-marġini provviżorju tad-dumping tar-rikorrenti, il-Kunsill missu ddeċieda li l-Kummissjoni ma eżaminatx korrettament, b’attenzjoni u imparzjalità, l-aspetti kollha rilevanti tal-kawża. Tali nuqqas jammonta għal ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba;

l-azzjonijiet tal-Kunsill li ġabar definittivament, mingħand ir-rikorrenti, id-dazji provviżorji imposti bi żball, għandhom jiġu kkunsidrati bħala sproporzjonati meta mqabbla mal-għan tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 u, konsegwentement, bħala ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità;

billi impona l-ġbir definittiv, mingħand ir-rikorrenti, tad-dazji provviżorji imposti bi żball u billi ma imponiex fuq P.T. Cilandra Perkasa l-obbligu li tħallas id-dazji provviżorji antidumping, il-Kunsill wettaq diskriminazzjoni bejn żewġ impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli. Konsegwentement, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill aġixxa bi ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 20(2), 2(5), 2(8) u 2(10)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, peress li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea:

ma kkomunikax il-fatti essenzjali dwar l-allegata eżistenza ta’ “sitwazzjoni partikolari tas-suq” kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009;

aġġusta l-ispejjeż tar-rikorrenti marbuta mal-produzzjoni minħabba l-allegata eżistenza ta’ “sitwazzjoni partikolari tas-suq” fil-kuntest tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009;

ma ħax inkunsiderazzjoni l-użu mir-rikorrenti ta’ Palni Fatty Distilates bħala materja prima;

ma ħax inkunsiderazzjoni ż-żieda fil-kontabbiltà doppja bħala li tagħmel parti mill-prezz tal-esportazzjoni tar-rikorrenti u kiser l-Artikolu 2(8) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009; u

ma ħax inkunsiderazzjoni lir-rikorrenti u lill-kumpanniji tagħha bħala entità ekonomika waħda u b’hekk kiser l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru°1225/2009.