Language of document : ECLI:EU:T:2016:118

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

1 ta’ Marzu 2016 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Salvataġġ ta’ impriżi f’diffikultà — Għajnuna taħt forma ta’ garanzija mill-Istat — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern — Assenza ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ eżami formali — Diffikultajiet serji — Drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati”

Fil-Kawża T-79/14,

Secop GmbH, stabbilita fi Flensburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn U. Schnelle u C. Aufdermauer, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Armati, T. Maxian Rusche u R. Sauer, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 9119 finali, tat-18ta’ Diċembru 2013, dwar għajnuna mill-Istat SA.37640 – Għajnuna ta’ salvataġġ favur ACC Compressors SpA – l-Italja,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová (Relatur) u E. Buttigieg, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Settembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        ACC Compressors SpA hija kumpannija attiva mill-1960 fil-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ kompressuri għal refriġeraturi għal użu domestiku. Hija sussidjarja għal 100 % ta’ Household Compressors Holding SpA (HCH), li topera biss bħala kumpannija holding u ma twettaq l-ebda attività ta’ produzzjoni. ACC Compressors inizjalment kellha 100 % tal-kapital ta’ ACC Austria GmbH u, permezz ta’ din tal-aħħar, 100 % mill-kapital ta’ ACC Germany GmbH u ta’ ACC USA LLC.

2        Fl-2012, il-grupp ACDC iltaqa’ ma’ diffikultajiet ekonomiċi. F’Ottubru 2012, inbdiet proċedura ta’ insolvenza fil-konfront ta’ ACC Germany. Fl-20 ta’ Diċembru 2012 inbdiet proċedura ta’ insolvenza fil-konfront ta’ ACC Austria. ACC Compressors ġiet iddikjarata falluta fit-28 ta’ Ġunju 2013 u mqiegħda taħt amministrazzjoni speċjali fis-27 ta’ Awwissu 2013. HCH ġiet iddikjarata falluta fit-12 ta’ Ottubru 2013.

3        Fl-20 ta’ April 2013, wara sejħa għal offerti mnedija fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza ta’ ACC Austria, ġie ffirmat ftehim għax-xiri tal-assi ta’ ACC Austria bejn Secop Kompressoren GmbH, sussidjarja tar-rikorrenti, Secop GmbH, li llum jisimha Secop Austria GmbH, u l-amministraturi legali ta’ ACC Austria. Dan il-kuntratt kien suġġett għall-kundizzjoni sospensiva tad-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà tat-tranżazzjoni mas-suq intern mill-Kummissjoni Ewropea.

4        Fil-5 ta’ Novembru 2013, ir-Repubblika Taljana nnotifikat lill-Kummissjoni b’għajnuna ta’ salvataġġ favur ACC Compressors.

5        Il-miżura nnotifikata kienet tikkonsisti f’garanzija mill-Istat ta’ sitt xhur għal linji ta’ kreditu li jipprovdu għal bżonnijiet ta’ likwidità għal ammont ta’ EUR 13 600 000. Din il-garanzija kellha tippermetti l-kontinwazzjoni tal-attivitajiet ta’ ACC Compressors sakemm jiġi ppreparat pjan ta’ ristrutturazzjoni jew stralċ.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet għall-akkwist tal-assi ta’ ACC Austria mill-kumpannija li saret Secop Austria (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar il-konċentrazzjoni”), u vvalidat ukoll il-kuntratt konkluż fl-20 ta’ April 2013.

7        Fit-18 ta’ Diċembru 2013, permezz tad-Deċiżjoni tagħha C (2013) 9119 finali, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.37640 – Għajnuna ta’ salvataġġ favur ACC Compressors SpA – l-Italja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-miżura nnotifikata. B’mod partikolari, hija qieset li l-miżura nnotifikata kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE, iżda hija kienet tissodisfa l‑kundizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern, bħala għajnuna ta’ salvataġġ lil kumpannija f’diffikultà.

8        L-akkwist tal-assi ta’ ACC Austria minn Secop Austria kien jinkludi b’mod partikolari privattivi preċedentement ukoll użati minn ACC Compressors għall-produzzjoni tagħha stess ta’ kompressuri. Żewġ kawżi dwar l-imsemmija privattivi (iktar ’il quddiem il-“privattivi kkontestati”) għadhom pendenti quddiem il-qrati Ġermaniżi u Taljani bejn il-grupp Secop u l-grupp ACC, li qed jitlewmu b’mod partikolari fuq il-kwistjoni jekk ftehim ta’ liċenzja kienx konkluż b’mod validu bejniethom (iktar ’il quddiem il-“kawża dwar il-privattivi”).

 Il-proċedura u talbiet tal-partijiet

9        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti ressqet din il-kawża.

10      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha tat-2 ta’ Mejju 1991, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Il-partijiet wieġbu fit-terminu impost mill-Qorti Ġenerali.

11      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2015.

12      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

13      Wara bidliet fit-talbiet fl-istadju tar-replika, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

14      Insostenn tat-talba tagħha għal annullament, ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE, ksur tal-forom sostanzjali u nuqqas ta’ motivazzjoni, it-tieni wieħed, fuq ksur tat-Trattati u, it-tielet wieħed, fuq użu ħażin ta’ poter.

15      Fil-kuntest tat-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti indikat, minn naħa, li l-ewwel motiv tagħha għandu jinftiehem li huwa bbażat fuq nuqqas ta’ istruttorja, bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE u tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

16      Ir-rikorrenti indikat, min-naħa l-oħra, li t-tielet motiv tagħha għandu jiġi interpretat li huwa bbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni, inkwantu l-Kummissjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni ta’ elementi essenzjali tal-kawża li hija kienet taf jew li kellha tkun taf. Hija ppreċiżat ukoll, matul is-seduta, li hija ma kinitx tara ostakoli sabiex l-ewwel u t-tielet motivi tagħha, wara li jiġu kklassifikat mill-ġdid, jiġu eżaminati flimkien.

17      Huwa f’dan is-sens li l-motivi mqajma mir-rikorrenti għandhom jiġu eżaminati minn hawn ’il quddiem.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tat-trattati

18      It-tieni motiv huwa maqsum fi tliet partijiet, ibbażati rispettivament fuq ksur tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, ksur tal-Artikolu 108(2) u (3) TFUE, u ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

19      Għandhom, l-ewwel nett, jiġu eżaminati flimkien l-ewwel u t-tieni partijiet. Fil-fatt, dawn iż-żewġ partijiet, essenzjalment, għandhom bħala suġġett il-mertu tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiftaħx il-proċedura ta’ eżami formali.

 Fuq l-ewwel u t-tieni partijiet tat-tieni motiv, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE u tal-Artikolu 108(2) u (3) TFUE

20      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset li l-għajnuna kkontestata kienet kompatibbli mas-suq intern, u li naqset milli tiftaħ il-proċedura ta’ eżami formali.

21      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Riferiment għall-ġurisprudenza rilevanti

22      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tiftaħ il-proċedura ta’ eżami formali b’mod partikolari jekk, fid-dawl tal-informazzjoni miksuba matul il-proċedura preliminari ta’ eżami, jibqgħalha diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-miżura kkunsidrata. Dan l-obbligu jirriżulta direttament mill-Artikolu 108(3) TFUE, hekk kif interpretat mill-ġurisprudenza, u huwa kkonfermat mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(4) u tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999, meta l-Kummissjoni tikkonstata, wara eżami preliminari, li l-miżura illegali inkwistjoni tnissel dubji rigward il-kompatibbiltà tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, Ġabra, EU:T:2008:29, punt 328).

23      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prevista mill-Artikolu 108(2) TFUE KE hija ta’ natura indispensabbli meta l-Kummissjoni ssib diffikultajiet serji biex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ ssegwi l-fażi preliminari taħt l-Artikolu 108(3) TFUE sabiex tieħu deċiżjoni favorevoli għal miżura tal-Istat biss jekk hija tkun tista’ tikseb il-konvinzjoni, wara eżami inizjali, li din il-miżura jew ma tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, jew, jekk tikklassifika bħala għajnuna, li tkun kompatibbli mas-suq intern. Madankollu, jekk dan l-ewwel eżami jwassal lill-Kummissjoni għal konvinzjoni opposta, jew ma jippermettilhiex tegħleb id-diffikultajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern, il-Kummissjoni għandha d-dmir li tiġbor l-opinjonijiet kollha neċessarji u li tiftaħ, għal dan il-għan il-proċedura prevista mill-Artikolu 108(2) TFUE (sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il‑Kummissjoni, C-225/91, Ġabra, EU:C:1993:239, punt 33; tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 39; u BUPA et vs Il‑Kummissjoni, punt 22 iktar ’il fuq, EU:T:2008:29, punt 329).

24      Għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi, skont iċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt speċifiċi għall-kawża, jekk id-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom fl-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna jeħtiġux il-ftuħ ta’ din il-proċedura (sentenza tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il‑Kummissjoni, C-198/91, Ġabra, EU:C:1993:197, punt 30). Din l-evalwazzjoni għandha tosserva tliet rekwiżiti.

25      L-ewwel nett, l-Artikolu 108 TFUE jillimita s-setgħa tal-Kummissjoni li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern wara l-proċedura ta’ eżami preliminari biss għal dawk il-miżuri li ma jqajmux diffikultajiet serji, b’tali mod li dan il-kriterju huwa ta’ natura esklużiva. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tirrifjuta li tibda l-proċedura ta’ eżami formali billi tibbaża ruħha fuq ċirkustanzi oħra, bħall-interess ta’ terzi, kunsiderazzjonijiet ta’ ekonomija proċedurali jew kull raġuni oħra ta’ konvenjenza amministrattiva (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2001, Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni, T-73/98, Ġabra, EU:T:2001:94, punt 44).

26      It-tieni nett, meta ssib diffikultajiet serji, il-Kummissjoni għandha tiftaħ il-proċedura formali u, f’dan ir-rigward, ma għandha l-ebda setgħa diskrezzjonali. Għalkemm is-setgħa tagħha hija limitata f’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni li tiftaħ din il-proċedura, hija għandha, madankollu, ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fl-identifikazzjoni u fl-eżami taċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex tistabbilixxi jekk dawn iqajmux diffikultajiet serji. Konformement mal-għan tal-Artikolu 108(3) TFUE u mad-dmir impost fuqha ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni tista’, b’mod partikolari, tibda djalogu mal-Istat li nnotifika l-għajnuna jew ma’ terzi sabiex tegħleb, matul il-proċedura preliminari, diffikultajiet li setgħet iltaqgħet magħhom (sentenza Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, EU:T:2001:94, punt 45).

27      It-tielet nett, il-kunċett ta’ “diffikultajiet serji” huwa ta’ natura oġġettiva. L-eżistenza ta’ diffikultajiet bħal dawn għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll fil-kontenut tiegħu, b’mod oġġettiv, billi r-raġunijiet għad-deċiżjoni jiġu relatati mal-elementi li l-Kummissjoni kellha meta ħadet id-deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kkontestata mas-suq intern (ara s-sentenza Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, EU:T:2001:94, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna kkontestata kienet kompatibbli mas-suq intern minħabba li kienet konformi mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE u mal-linji gwida Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà (ĠU 2004, C 244, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”).

29      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 107(3) TFUE jagħti lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex tippermetti għajnuna b’deroga mill-projbizzjoni ġenerali tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, peress li l-evalwazzjoni, f’dawn il-każijiet, tal-kompatibbiltà jew tal-inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern tqajjem problemi li jimplikaw eżami u evalwazzjoni ta’ fatti u ċirkustanzi ekonomiċi kumplessi. L-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni Ewropea għandu għalhekk, f’dan ir-rigward, ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u tal-motivazzjoni, kif ukoll il-verifika tal-eżattezza tal-fatti, l-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u l-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter. Għalhekk ma huwiex il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni li tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni tista’ timponi fuqha nnifisha gwidi għall-eżerċizzju tas-setgħat diskrezzjonali tagħha, permezz ta’ atti bħal linji gwida, sakemm dawn l-atti jinkludu regoli indikattivi fuq id-direzzjoni li għandha tiġi segwita minn din l-istituzzjoni u sakemm dawn ma jmorrux kontra r-regoli tat-Trattat KE. F’dan il-kuntest, huwa l-kompitu tal-qorti tal-Unjoni li jivverifika li r-rekwiżiti li l-Kummissjoni imponiet hija stess jiġu osservati (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2002, Keller u Keller Meccanica vs Il-Kummissjoni, T‑35/99, Ġabra, EU:T:2002:19, punt 77, ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2004, Kronofrance vs Il-Kummissjoni, T 27/02, Ġabra, EU:T:2004:348, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

–       Fuq l-allegata kwalità korporattiva ġdida ta’ ACC Compressors

30      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li, wara l-bejgħ tal-assi ta’ ACC Austria, il-privattivi kkontestati ma setgħux jintużaw iktar minn ACC Compressors, li għandha, għalhekk, titqies li hija impriża li twieldet mill-istralċ ta’ impriża preeżistenti u, għalhekk, impriża maħluqa mill-ġdid, skont il-punt 12 tal-linji gwida. Fil-fatt, billi ma setgħetx tuża l-privattivi kkontestati, ACC Compressors ma kellhiex strutturi żviluppati sabiex tkun eliġibbli għall-għajnuna ta’ salvataġġ u, b’mod partikolari, ma kinitx bħall-impriża bl-istess isem li kienet tipproduċi kompressuri sa mill-1960.

31      Il-punt 12 ta’ dawn il-linji gwida huwa mfassal b’dan il-mod:

“Għall-fini ta’ dawn il-linji gwida, impriża li għadha kif ġiet magħluqa mhix eliġibbli għall-għajnuna ta’ salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, anke jekk il-pożizzjoni finanzjarja inizjali tagħha hija prekarja. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta impriża ġdida tinħoloq mill-istralċ ta’ impriża preċedenti jew sempliċement tieħu l-assi ta’ dik l-impriża. Fil-prinċipju, impriża titqies bħala maħluqa riċentament għall-ewwel tliet snin wara l-bidu tal-operazzjonijiet fil-qasam ta’ attività rilevanti. Huwa biss fl-aħħar ta’ dan il-perijodu li tkun eliġibbli għal għajnuna ta’ salvataġġ u ta’ ristrutturar [...]”

32      B’mod ċar, l-għan segwit mill-punt 12 tal-linji gwida huwa li jevita li jinħolqu impriżi mhux vijabbli jew attivitajiet mhux sostenibbli li, mal-ħolqien tagħhom, ikunu jiddependu mill-għajnuna pubblika. Għal dan il-għan, il-kjarifika fit-tieni sentenza tal-imsemmi punt hija intiża b’mod partikolari għall-każ ta’ trasferiment tal-assi ta’ persuna ġuridika preeżistenti lil persuna ġuridika oħra, li tkun għadha kif inħolqot jew preeżistenti. Għalhekk, hija l-entità ekonomika li fiha jkun għadhom kif ġew integrati l-assi akkwistati li tista’, skont il-każ, tista’ tiġi kklassifikata bħala impriża ġdida. Fir-rigward ta’ persuna ġuridika li tiddisponi mill-assi, l-għan ta’ tali operazzjoni jista’ jkun proprju s-salvataġġ tagħha.

33      Ir-rikorrenti ssostni, madankollu, li r-riferiment għal “b’mod partikolari” fil-punt 12 tal-linji gwida, tindika li l-klassifikazzjoni ta’ impriża bħala “ġdida” tista’ tirriżulta mhux biss mill-irkupru — mill-benefiċjarju tal-għajnuna — tal-assi ta’ kumpannija oħra, iżda wkoll mit-trasferiment mill-benefiċjarju lil kumpannija oħra, bħal f’dan il-każ, it-trasferiment tal-assi ta’ ACC Austria, sussidjarja ta’ ACC Compressors lil Secop Austria.

34      Għar-raġunijiet hawn fuq imsemmija, għandha tiġi miċħuda tali interpretazzjoni f’dan il-każ.

35      L-ewwel nett, ACC Compressors u ACC Austria kienu oriġinarjament jagħmlu parti minn impriża waħda, fis-sens li ż-żewġ kumpanniji kienu jipproduċu l-istess prodotti f’żewġ siti differenti, iżda taħt l-istess direzzjoni ekonomika. Mal-bejgħ tal-assi produttivi ta’ ACC Austria, li sar effettiv fil-11 ta’ Diċembru 2013, id-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-konċentrazzjoni (ara l-punti 3 u 6 iktar ’il fuq), il-volum ta’ attivitajiet ta’ din l-impriża naqas sew, peress li l-attivitajiet li jikkorrispondu għas-sit ta’ produzzjoni fl-Awstrija ma kienx iktar jagħmel parti minnu. Għalhekk, l-impriża li lilha ngħatat l-għajnuna kkontestata, approvata fit-18 ta’ Diċembru 2013, kienet tikkonsisti biss fl-assi produttivi ta’ ACC Compressors. Madankollu, din tal-aħħar kienet tmexxi l-impriża inkwistjoni, kemm qabel kif ukoll wara l-imsemmi bejgħ, u, kif ammettiet ir-rikorrenti fil‑punt 46 tar-rikors, hija segwiet, wara d-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għalkemm b’mod imnaqqas, il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ kompressuri, li kienu jikkostitwixxu l-attività tradizzjonali tal-kumpannija. Għalhekk, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, kienet l-istess impriża bħal dik li mmanifatturat kompressuri sa mill-1960.

36      It-tieni nett, l-interpretazzjoni proposta tmur kontra l-għan tal-punt 12 tal-linji gwida, kif stabbilit fil-punt 32 iktar ’il fuq. Fil-fatt, fil-każ ta’ trasferijment tal-assi, ma hijiex l-entità fformata minn attivitajiet ekonomiċi miżmuma mill-kumpannija ċessjonarja li hija rilevanti, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala “kumpannija ġdida”, iżda l-entità fformata mill-attivitajiet ekonomiċi tal-entità ċessjonarja, li fiha ġew integrati l-assi ttrasferiti. Huwa wkoll normali u raġonevoli għal impriża f’diffikultà li tittrasferixxi ċerti assi u li tiffoka l-attività tagħha fuq in-negozju prinċipali tagħha, kemm taħt aspett ġeografiku kif ukoll settorjali, bil-għan li ttejjeb il-possibbiltajiet ta’ rkupru ekonomiku. Il-punt 39 tal-linji gwida jipprevedi għalhekk espressament il-waqfien tal-attivitajiet bħala miżura ta’ prevenzjoni ta’ distorsjonijiet żejda tal-kompetizzjoni, bħala parti mill-eżami ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni fid-dawl tal-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni. Imur kontra l-għan globali tal-linji gwida li tali bejgħ ta’ assi jwassal sistematikament għall-esklużjoni tal-impriża ċessjonarja mill-benefiċċju tal-għajnuna ta’ salvataġġ.

37      Il-fatt li tilwima legali fuq il-privattivi kkontestati għadha pendenti bejn ACC Compressors u Secop Austria ma tistax twassal għal evalwazzjoni differenti.

38      Fil-fatt, matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni biss is-sitwazzjoni fattwali u legali ta’ ACC Compressors kif kienet fid-data tal-imsemmija adozzjoni; l-iktar kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni probabbli ta’ din is-sitwazzjoni, fil-perspettiva tal-perijodu li għalih kienet ingħatat l-għajnuna ta’ salvataġġ, jiġifieri sitt xhur (ara l-punt 5 iktar ’il fuq). Issa, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ACC Compressors kienet għadha qed tuża l-privattivi kkontestati sabiex timmanifattura l-kompressuri, li għalhekk hija kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni, u ma kien hemm xejn li jindika li din is-sitwazzjoni setgħet tinbidel fis-sitt xhur segwenti.

39      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ kawża fuq il-privattivi ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna kkontestata. Huwa veru li, jekk qatt Secop Austria kellha tirbaħ il-kawża fuq il-privattivi, kien ikun possibbli li ACC Compressors ma kinitx tkun tista’ tuża iktar il-privattivi kkontestati u kien ikollha, konsegwentement, twaqqaf il-produzzjoni ta’ linja importanti ta’ kompressuri magħrufa bħala “Kappa”. Madankollu, dan jiddependi wkoll fuq il-kwistjoni jekk, wara telfa possibbli fil-qrati, ACC Compressors setgħetx tikseb liċenzja ta’ operat tal-imsemmija privattivi. Barra minn hekk, ma setax jiġi eskluż mill-bidu nett li hija setgħet tikkumpensa l-waqfien eventwali tal-attività ta’ manifattura ta’ kompressuri “Kappa” bl-iżvilupp ta’ linji oħra ta’ produzzjoni. Fi kwalunkwe każ, għandu jitqies li ma kienx għall-Kummissjoni li tantiċipa r-riżultat tal-kawża fuq il-privattivi, pendenti quddiem il-qrati nazzjonali fid-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, billi tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-qrati kompetenti, aditi bl-imsemmija kawża.

40      Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti, magħmul waqt is-seduta, li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ konċentrazzjoni, ACC Compressors stess indikat li, fil-każ ta’ akkwist minn Secop Austria tal-assi ta’ ACC Austria, hija ma setgħetx tkompli bil-manifattura tal-kompressuri peress li ma hija ma setgħetx mela tuża iktar il-privattivi kkontestati.

41      Fil-fatt, fid-deċiżjoni dwar il-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni eżaminat l-allegazzjonijiet ta’ ACC Compressors u kkonstatat li, fir-rigward b’mod partikolari tal-kawża fuq il-privattivi eżistenti bejn iż-żewġ partijiet, ma kienx eskluż li seta’ ġie konkluż ftehim bejniethom fuq liċenzja. Il-Kummissjoni kienet għalhekk diġà kkonstatat, fil-kuntest tal-proċedura dwar il-konċentrazzjoni, li l-allegazzjonijiet ta’ ACC Compressors dwar l-impossibbiltà tagħha li tkompli l-produzzjoni tal-kompressuri fl-assenza ta’ liċenzja fuq il-privattivi kkontestati kienu ipotetiċi.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija allegazzjonijiet ma kinux jikkostitwixxu informazzjoni determinanti għall-evalwazzjoni tar-relazzjoni kompetittiva bejn ACC Compressors u Secop, u għalhekk il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ħadithomx inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

–       Fuq il-fatt li l-għajnuna kkontestata allegatament ma tagħmel xejn ħlief li “tipposponi l-inevitabbli”

43      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-għajnuna kkontestata ma kellhiex tingħata peress li ma tagħmel xejn ħlief “tipposponi l-inevitabbli” skont il-punt 72 tal-linji gwida.

44      Il-punt 72 tal-linji gwida jaqra kif ġej:

“Għajnuna ta’ salvataġġ hija operazzjoni eċċezzjonali primarjament imfassla sabiex iżżomm impriża fin-negozju għal perijodu limitat, matul liema il-ġejjieni tagħha jista’ jiġi evalwat. Ma għandux ikun possibbli jiġu permessi għotjiet ripetuti ta’ salvataġġ li sempliċiment iżommu l-istatus quo, jipposponu l-inevitabbli u fil-frattemp jittrasferixxu problemi ekonomiċi u soċjali fuq prodotturi oħrajn iktar effiċjenti tal-Istati Membri. Għalhekk għajnuna ta’ salvataġġ għandha tingħata darba biss (kriterju ta’ non-rikorrenza) [...]”

45      Fl-istruttura kollha tal-punt 72 tal-linji gwida, il-fatt li għajnuna ta’ salvataġġ ma għandhiex biss isservi biex jinżamm l-istatus quo u tipposponi l-inevitabbli hija għalhekk imsemmija, bħala eżempju, sabiex tiġġustifika l-prinċipju ta’ non rikorrenza, stabbilit fl-istess punt 72. Għalhekk, fil-loġika ta’ dan il-punt, il-fatt li qed tintalab it-tieni għajnuna ta’ salvataġġ — fil-perijodu ta’ għaxar snin wara l-għoti tal-ewwel għajnuna ta’ salvataġġ — x’aktarx turi li l-ewwel għajnuna ma għamlet xejn ħlief żammet l-istatus quo u pposponiet l-inevitabbli. F’dan il-każ, huwa biżżejjed li wieħed josserva, minn naħa, li, skont il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 38 tad-deċiżjoni kkontestata, mhux ikkontestati mir-rikorrenti, l-għajnuna kkontestata hija l-ewwel għajnuna ta’ salvataġġ mogħtija lil ACC Compressors u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti indikat biss li l-għajnuna kkontestata ma għamlet xejn ħlief “ipposponiet l-inevitabbli”, mingħajr ma ssostanzjat din l-affermazzjoni. Fl-aħħar nett, peress li r-rikorrenti kienet ser tibbaża ruħha fuq il-kawża dwar il-privattivi, ġie kkonstatat iktar ’il fuq li din tal-aħħar kienet irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna kkontestata.

46      Għaldaqstant dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ għajnuna preċedenti allegatament irċevuta

47      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effett akkumulat tal-għajnuna kkontestata mal-benefiċċji allegatament imħallsa preċedentement permezz tal-Cassa Integrazione. Skont ir-rikorrenti, il-Cassa Integrazione hija sistema ta’ benefiċċji għal qgħad parzjali fejn il-benefiċċji jitqiesu, mill-Kummissjoni, li huma għajnuna mill-Istat.

48      Il-punt 23 tal-linji gwida jaqra kif ġej:

“Meta għajnuna illegali, li dwarha l-Kummissjoni adottat deċiżjoni negattiva b’ordni ta’ rkupru, kienet mogħtija preċedentement lil impriża f’diffikultà, u li l-irkupru ma jkunx seħħ skont l-Artikolu 14 tar-[Regolament Nru 659/1999], l-eżami tal-għajnuna kollha ta’ salvataġġ jew ta’ ristrutturar għandha tieħu inkunsiderazzjoni, l-ewwel nett, l-effett akkumulat tal-għajnuna preċedenti u tal-għajnuna l-ġdida, it-tieni nett, il-fatt li l-għajnuna preċedenti ma kinitx tħallset lura.”

49      Għandu għalhekk jiġi rrilevat li l-punt 23 tal-linji gwida jipprevedi espressament teħid inkunsiderazzjoni tal-effett kumulattiv tal-għajnuna preċedenti ma’ għajnuna ta’ salvataġġ ġdida jew għal ristrutturazzjoni biss fil-każ ta’ għajnuna illegali, li tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni negattiva dwar ordni ta’ rkupru li tkun għadha ma ġietx implementata mill-Istat Membru kkonċernat. Taħt din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni talbet barra minn hekk lill-awtoritajiet Taljani dikjarazzjoni li l-ACC Compressors ma rċevietx din l-għajnuna li ma ġietx irkuprata (deċiżjoni kkontestata, punt 40).

50      Huwa paċifiku li l-benefiċċji allegatament imħallsa permezz tal-Cassa Integrazione, li l-Kummissjoni tippreċiża li ma kinitx taf bihom, ma kinux is-suġġett ta’ deċiżjoni negattiva minn din tal-aħħar. Il-kliem tal-linji gwida u, b’mod partikolari, il-punt 23 tagħhom, ma jobbligax lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni din l-allegata għajnuna.

51      Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk tali teħid inkunsiderazzjoni kinitx meħtieġa fl-assenza ta’ kull obbligu f’dan is-sens imsemmi fil-linji gwida, għandu jiġi rrilevat li l-karatteristiċi speċjali tal-għajnuna ta’ salvataġġ ma jippermettux it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effett kumulattiv tal-għajnuna preċedenti mhux koperta mill-punt 23 tal-linji gwida. Fil-fatt, il-punt 15 tal-linji gwida jiddefinixxi l-għajnuna ta’ salvataġġ kif ġej:

“Min-natura tagħhom, l-għajnuniet ta’ salvataġġ huma assistenza temporanja u riversibbli. L-għan prinċipali tagħha huwa li impriża li jkollha l-problemi tinżamm vijabbli għal dak iż-żmien qasir meħtieġ sakemm jitfassal pjan ta’ ristrutturar jew ta’ likwidazzjoni. Appoġġ temporanju bħal dan għandu jippermetti li jkun hemm żmien biex jiġu analizzati ċ-ċirkostanzi li jkunu kkawżaw id-diffikultajiet u biex jiġi żviluppat pjan xieraq biex jiġu rrimedjati dawn id-diffikultajiet. Barra minn hekk, l-għajnuna ta’ salvataġġ għandha tkun limitata għall-minimu neċessarju. Fi kliem ieħor, għajnuna ta’ salvataġġ tagħti lill-impriża f’diffikultà ftit nifs għal żmien qasir, f’massimu ta’ sitt xhur. L-għajnuna għandha tikkonsisti f’għajnuna finanzjarja riversibbli f’forma ta’ garanziji fuq self jew self, b’rata ta’ interessi mill-inqas meta mqabbla ma’ dawk mogħtija lil impriżi b’saħħithom, u b’mod partikolari mar-rati ta’ referenza adottati mill-Kummissjoni. Miżuri strutturali mhux bilfors jeħtieġu azzjoni immedjata bhall-parteċipazzjoni irrimedjabbli u awtomatiku tal-Istat fil-fondi proprji tal-imprtiża, ma jistgħux jiġu finanzjati permezz ta’ għajnuna ta’ salvataġġ.”

52      Minn din id-definizzjoni jirriżulta li, kemm bil-limitazzjoni tal-miżuri eliġibbli (garanziji fuq self jew self) li bin-natura temporanja u riversibbli (għeluq tal-garanzija u rimbors tas-self f’perijodu ta’ mhux iktar minn sitt xhur, b’riżerva ta’ sottomissjoni, wara dan il-perijodu, ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni jew ta’ stralċ) u bir-restrizzjoni tagħhom għall-miżuri temporanji biss meħtieġa għas-sopravvivenza tal-impriża inkwistjoni, l-għajnuna ta’ salvataġġ, bħall-għajnuna kkontestata, għandha effett limitat ħafna fuq is-suq intern, kif issostni ġustament il-Kummissjoni. Huma dawn l-effetti limitati, flimkien man-natura urġenti tal-għajnuna ta’ salvataġġ, li jiġġustifikaw li l-Kummissjoni teżaminahom normalment, skont proċedura ssemplifikata konformement mal-punt 30 tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-ssalvataġġ u għar-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà, billi tipprova tieħu deċiżjoni fi żmien xahar jekk l-għajnuna ma tkunx tissodisfa ċerti kriterji. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-effett kumulat ta’ kull għajnuna preċedenti possibbli allegatament illegali jirrendi impossibbli l-osservanza ta’ din l-iskadenza u għalhekk ma jkunx kompatibbli man-natura urġenti ta’ dan l-eżami u mal-impatt limitat tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni.

53      Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-għajnuna preċedenti barra minn dik iddefinita fil-punt 23 tal-linji gwida — li kienet diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni negattiva finali tal-Kummissjoni — jobbliga lill-Kummissjoni twettaq, indirettament, eżami tal-imsemmija għajnuna preċedenti, li l-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna u għajnuna illegali tkun tista’ tiġi kkontestata bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat u li għandha, fi kwalunkwe każ, tkun is-suġġett ta’ proċedura u ta’ deċiżjoni separati. Dan jista’ jirriżulta, fl-aħħar, fir-rifjut ta’ l-għajnuna ta’ salvataġġ, abbażi ta’ eżami superfiċjali tal-għajnuna preċedenti, filwaqt li din tal-aħħar tista’ iktar tard tiġi pprovata li hija legali jew li ma tikkostitwixxix għajnuna, jew li indebitament dewwmet id-deċiżjoni dwar l-għajnuna ta’ salvataġġ. Għalhekk, dan il-modus operandi jidher li huwa inkompatibbli wkoll mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ċertezza legali.

54      Għal dawn ir-raġunijiet, għandu jitqies li l-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-effett kumulattiv tal-għajnuna preċedenti u tal-allegata għajnuna ta’ salvataġġ preċedenti ma’ għajnuna ta’ salvataġġ, lil hinn mill-każijiet imsemmija fil-punt 23 tal-linji gwida.

55      Għaldaqstant, dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-prassi ta’ bejgħ b’telf allegatament ipprattikat minn ACC Compressors

56      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni r-riskju li l-għajnuna kkontestata tista’ tippermetti lil ACC Compressors tkompli bil-politika ta’ bejgħ b’telf li kienet ilha tipprattika sa mill-2013.

57      Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li r-rikorrenti sempliċement tallega politika ta’ bejgħ b’telf ta’ ACC Compressors, mingħajr ma tipproduċi l-ebda element ta’ spjegazzjoni jew prova li possibbilment jistgħu jsostnu din l-allegazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

–       Fuq il-kalkoli ppreżentati mill-Kummissjoni

58      Fil-ħames lok, ir-rikorrenti ssostni, fir-rikors, li l-kalkoli ppreżentati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompattibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna kkontestata kienu ineżatti u inkomprensibbli għaliha, fin-nuqqas ta’ aċċess għall-fajl.

59      Peress li, fit-tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti rtirat dan l-ilment, minħabba l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni f’dan ir-rigward.

60      Peress li l-ilmenti kollha mqajma fuq l-ewwel u t-tieni partijiet tat-tieni motiv għandhom jiġu miċħuda, għandhom jiġu miċħuda l-imsemmija partijiet kollha kemm huma.

 Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

61      Ir-rikorrenti tirrileva li ma kellhiex l-opportunità tippreżenta l-fehma tagħha fil-kuntest tal-proċedura ta’ għajnuna mill-Istat, mibdija għall-benefiċċju ta’ ACC Compressors, sabiex topponi l-għoti tal-għajnuna kkontestata lil din tal-aħħar, fi kwalunkwe każ, bħala parti mill-proċedura ta’ eżami formali. Minn naħa l-oħra, ACC Compressors kellhom l-opportunità, fil-kuntest tal-proċedura dwar il-konċentrazzjoni, li jopponu l-akkwist tal-assi ta’ ACC Austria minn Secop Austria. Skont hija, dan huwa ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li r-relazzjoni ta’ kompetittività bejn il-grupp ACC u l-grupp Secop għandha tiġi eżaminata fiż-żewġ proċeduri.

62      Il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantic u Lorraine et, C-127/07, Ġabra, EU:C:2008:728, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, kemm fil-kuntest tal-proċedura ta’ għajnuna mill-Istat kif ukoll fil-kuntest ta’ konċentrazzjoni, il-kompetituri tal-impriżi kkonċernati ma għandhom ebda dritt li jiġu awtomatikament inklużi fil-proċedura, u b’mod partikolari, fil-kuntest tal-ewwel fażi tal-proċedura, li matulha l-Kummissjoni tmexxi evalwazzjoni preliminari dwar l-għajnuna inkwistjoni u dwar il-konċentrazzjoni nnotifikata.

64      Fil-fatt, l-ewwel nett, skont ġurisprudenza stabbilita, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi ta’ eżami preliminari tal-għajnuna stabbilita fl-Artikolu 108(3) TFUE, li għandha biss l-għan li tippermetti li l-Kummissjoni ssawwar opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-fażi tal-eżami prevista fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu. Huwa biss fil-kuntest ta’ din l-aħħar fażi, li hija intiża li tippermetti li l-Kummissjoni tiġbor informazzjoni sħiħa dwar l-informazzjoni kollha tal-każ, li t-Trattat FUE jobbliga lill-Kummissjoni tintima lill-persuni kkonċernati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenzi Cook vs Il‑Kummissjoni, punt 24 iktar ’il fuq, EU:C:1993:197, punt 22; Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 23 iktar ’il fuq, EU:C:1998:154, punt 38; u tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C-78/03 P, Ġabra, EU:C:2005:761, punt 34). Minn dan jirriżulta li l-partijiet ikkonċernati, minbarra l-Istat Membru kkonċernat, inklużi l-kompetituri tal-benefiċjarju tal-għajnuna, bħar-rikorrenti f’dan il-każ, ma għandhom l-ebda dritt li jiġu assoċjati mal-proċedura fil-fażi preliminari tal-eżami.

65      It-tieni nett, fil-qasam tal-konċentrazzjoni, l-Artikolu 18(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjoni bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40, iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar il-konċentrazzjoni”), ippreċiżat mill-Artikolu 11(c) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 88) jipprevedi li l-Kummissjoni tista’ tisma’ — ex officio — persuni fiżiċi jew ġuridiċi minbarra n-notifikanti u l-partijiet l-oħra tal-proġett ta’ konċentrazzjoni, iżda li hemm l-obbligu biss bil-kundizzjoni doppja li l-imsemmija persuni jkollhom interess suffiċjenti u li dawn jagħmlu talba (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 1997, Kayserberg vs Il-Kummissjoni, T-290/94, Ġabra, EU:T:1997:186, punti 108 u 109).

66      Fit-tieni lok, min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-pożizzjoni ta’ ACC Compressors fil-kuntest tal-proċedura ta’ konċentrazzjoni ma kinitx biss dik ta’ impriża kompetitriċi ta’ Secop Austria bħala impriża li nnotifikat il-konċentrazzjoni, iżda kienet ukoll waħda ta’ “parti oħra interessata” fis-sens tal-Artikolu 11(b) tar-Regolament Nru 802/2004, peress li, bħala kumpannija omm ta’ ACC Austria li tagħha l-assi kollha kellhom jinbiegħu, hija kellha tiġi assimilata mal-bejjiegħ tal-imsemmija assi u għalhekk kellha l-kwalità ta’ parti fil-proġett ta’ konċentrazzjoni. Madankololu, b’differenza mill-kompetituri, konformement mal-Artikolu 18(1), in fine, tar-regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, il-partijiet interessati għandhom id-dritt li jesprimu l-fehma tagħhom fl-istadji kollha tal-proċedura, inkluża l-fażi preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1994, Air France vs Il-Kummissjoni, T‑3/93, Ġabra, EU:T:1994:36, punt 81, u tal-20 ta’ Novembru 2002, Lagardère u Canal+ vs Il-Kummissjoni, T‑251/00, Ġabra, EU:T:2002:278, punti 93 u 94).

67      Għalhekk, huwa ċar li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti, fil-kuntest ta’ proċedura dwar għajnuna mill-Istat li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata, hija differenti minn dik ta’ ACC Compressors fil-kuntest ta’ proċedura dwar konċentrazzjoni li wasslet għad-deċiżjoni dwar il-konċentrazzjoni, peress li ACC Compressors kellha d-dritt li tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ din l-aħħar deċiżjoni. Għaldaqstant, il-fatt li l-Kummissjoni tkun naqset, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni kkontestata, milli tagħti lir-rikorrenti l-opportunità li tressaq il-fehma tagħha ma jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

68      Għalhekk, għandha tiġi miċħuda t-tielet parti ta’ dan il-motiv u, konsegwentement, il-motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ewwel u t-tielet motivi kif irrikwalifikati, ibbażati fuq nuqqas ta’ istruttorja u fuq żbalji ta’ evalwazzjoni

69      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni dwar il-konċentrazzjoni (ara l-punt 6 hawn isfel), li hija rilevanti u essenzjali għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna inkwistjoni, u li kkuntentat ruħha bl-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Taljani u minn ACC Compressors bħala benefiċjarja. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li ACC Compressors kienet indikat, fil-kuntest tal-proċedura fil-qasam tal-konċentrazzjoni, li, fin-nuqqas li tikseb il-liċenzji għall-privattivi inkwistjoni, hija ma kinitx tibqa’ fil-pożizzjoni li tkompli l-attivitajiet tagħha fis-suq tal-kompressuri għal refriġeraturi għal użu domestiku (ara l-punt 40 iktar ’il fuq).

70      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

71      Għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li l-Kummissjoni mhux qed tikkontesta l-fatti allegati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel motiv, jiġifieri li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, l-informazzjoni li hija kienet ġabret fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni dwar il-konċentrazzjoni. Il-partijiet mhux qed jaqblu fuq żewġ kwistjonijiet biss, jiġifieri, minn naħa, li jsir magħruf jekk il-Kummissjoni kellhiex id-dritt (u anki l-obbligu) li tieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmija informazzjoni, u, min-naħa l-oħra, li jsir magħruf jekk l-imsemmija informazzjoni kinitx rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern.

 Fuq il-portata tal-obbligu ta’ istruttorja tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-fażi preliminari ta’ eżami

72      Peress li l-ewwel motiv, kif irrikwalifikat, huwa bbażat fuq nuqqas ta’ istruttorja, għandha qabel kollox tiġi ddelimitata l-portata tal-obbligu ta’ istruttorja tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-fażi preliminari ta’ eżami.

73      Hekk kif diġà tfakkar fil-punt 64 iktar ’il fuq, il-fażi preliminari tal-eżami tal-għajnuna, stabbilita permezz tal-Artikolu 108(3) TFUE, għandha biss bħala għan li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma opinjoni preliminari fuq il-kompatibbiltà parzjali jew totali mat-Trattat tal-proġetti ta’ għajnuna li jiġu nnotifikati lilha.

74      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, sabiex tinkiseb l-awtorizzazzjoni, b’deroga mir-regoli ta-Trattat, ta’ għajnuna ġdida jew immodifikata, huwa l-Istat Membru kkonċernat, bis-saħħa tad-dmir tiegħu ta’ kooperazzjoni lejn il-Kummissjoni taħt l-Artikolu 4(3) TUE, li għandu jipprovdi l-elementi kollha tali li jippermettu lil din l-istituzzjoni tivverifika li l-kundizzjonijiet tad-deroga jkunu ssodisfatti (sentenzi tat-28 ta’ April 1993, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-364/90, Ġabra, EU:C:1993:157, punt 20; tas-6 ta’ April 2006, Schmitz-Gotha Fahrzeugwerke vs Il‑Kummissjoni, T-17/03, Ġabra, EU:T:2006:109, punt 48; u tat-12 ta’ Settembru 2007, Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il-Kummissjoni, T‑68/03, Ġabra, EU:T:2007:253, punt 36).

75      L-obbligi proċedurali msemmija hawn fuq huma barra minn hekk irriprodotti u kkonkretizzati, fir-rigward tal-proċedura preliminari, mill-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament Nru 659/1999.

76      Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura preliminari ta’ eżami, il-Kummissjoni tista’ bħala prinċipju timxi fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru inkwistjoni — jekk ikun il-każ, wara talba supplimentari tal-Kummissjoni (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T-171/02, Ġabra, EU:T:2005:219, punti 40 u 41) — u li hija ma hijiex marbuta li twettaq, fuq inizjattiva tagħha stess, l-investigazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi kollha jekk l-informazzjoni pprovduta tippermettilha jkollha l-konvinzjoni, wara l-ewwel eżami, li l-miżura inkwistjoni jew ma tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, jew, jekk tiġi kklassifikata bħala għajnuna, li hija kompatibbli mas-suq intern (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 23 iktar ’il fuq).

77      Barra minn hekk, jekk kellu jiġri, sussegwentement, li l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru kienet inkompleta jew żbaljata fuq xi punti essenzjali, sal-punt li jerġa’ jqiegħed inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna hekk kif effettivament tkun ġiet implementata, din tkun hawnhekk għajnuna ġdida mhux innotifikata u, għaldaqstant, illegali fis-sens tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament Nru 659/1999, li tiġġustifika l-ftuħ ta’ proċedura ġdida mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011, Regione autonoma della Sardegna et vs Il‑Kummissjoni, T-394/08, T-408/08, T-453/08 u T-454/08, Ġabra, EU:T:2011:493, punti 177 sa 180).

78      F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 37 u 39 iktar ’il fuq, il-fatt li hemm diverġenza ġuridika pendenti fuq il-privattivi kontenzjużi bejn ACC Compressors u Secop Austria ma kienx tali li jinċidi fuq ir-riżultat tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna inkwistjoni. Konsegwentement, ma kien hemm l-ebda obbligu għall-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-affermazzjonijiet magħmula minn ACC Compressors f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-proċedura fil-qasam tal-konċentrazzjoni.

 Fuq il-projbizzjoni għall-Kummissjoni li tuża l-informazzjoni miġbura fi proċedura fil-qasam ta’ konċentrazzjoni għal finijiet oħra

79      Iktar minn hekk, konformement mal-Artikolu 17(1) tar-regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, l-informazzjoni miġbura b’applikazzjoni tal-imsemmi regolament tista’ tintuża biss għall-għan imfittex mit-talba għal informazzjoni, il-kontroll jew is-smigħ.

80      Din id-dispożizzjoni kienet tipprojbixxi bħala prinċipju lill-Kummissjoni milli tuża, fil-kuntest tal-proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, l-informazzjoni li tkun ġiet trażmessa lilha fil-kuntest tal-proċedura fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet.

81      Ir-rikorrenti ssostni madankollu li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja llimitat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 17 tar-regolament dwar il-konċentrazzjonijiet sa fejn, meta l-Kummissjoni ssir taf inċidentalment b’ċerta informazzjoni fil-kors ta’ proċedura fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, u fil-każ fejn din l-informazzjoni tindika l-eżistenza ta’ ksur imwettaq kontra regoli oħra tal-kompetizzjoni, hija allura tista’ tiftaħ proċedura oħra sabiex tivverifika l-eżattezza tal-imsemmija informazzjoni jew sabiex tikkompletaha, b’mod partikolari billi titlob l-istess dokumenti u tużahom għall-finijiet ta’ prova.

82      Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, meta l-istess informazzjoni miġbura b’applikazzjoni tar-regolament dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi ma tkunx tista’ tintuża direttament bħala mezz ta’ prova fi proċedura mhux irregolata minn dan ir-regolament, ma jipprekludix li din, tista’ madankollu tikkostitwixxi indizju li jista’, jekk ikun il-każ, jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġġustifika l-ftuħ ta’ proċedura fuq bażi legali oħra (ara, bħala analoġija, għall-ipoteżi tal-użu minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-informazzjoni miġbura fil-kuntest ta’ proċedura fil-qasam tal-akkordji fil-livell tal-Unjoni, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il-Kummissjoni, 85/87, Ġabra, EU:C:1989:379, punti 18 sa 20, u tas-16 ta’ Lulju 1992, Asociación Española de Banca Privada et, C-67/91, Ġabra, EU:C:1992:330, punti 39 u 55).

83      F’dan il-każ, ir-rikorrenti mhux qed tikkritika lill-Kummissjoni li asteniet milli tiftaħ proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura fil-kuntest tal-proċedura fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, imma qed tikkritikaha li ma ħaditx inkunsiderazzjoni din tal-aħħar fil-kuntest tal-proċedura fil-qasam tal-għajnuna li diġà hija pendenti. Barra minn hekk, għandu jitqies li, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 82 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni jkollha mill-inqas id-dritt, fil-kuntest tal-proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li titlob il-produzzjoni ta’ informazzjoni jew ta’ dokumenti li ssir taf bihom fil-kuntest tal-proċedura fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, jekk din l-informazzjoni jew dawn id-dokumenti jkunu rilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-għajnuna inkwistjoni.

84      Ir-rikorrenti ssostni, barra minn hekk, filwaqt li tibbaża ruħha fuq diversi sentenzi tal-qrati tal-Unjoni, li jista’ jkun hemm deroga mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 17(1) tar-regolament dwar il-konċentrazzjonijiet jekk ikun hemm rabtiet ta’ konnessjoni bejn il-proċeduri differenti mibdija quddiem il-Kummissjoni. F’dan il-każ, din hija r-ristrutturazzjoni tal-grupp HCH u l-bejgħ tal-assi tal-ex kumpannija ACC Austria, kif ukoll il-konsegwenzi li seħħew wara għal ACC Compressors, li jikkostitwixxu tali rabtiet ta’ konnessjoni bejn il-proċedura fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet u dik fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

85      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni għandha, bħala prinċipju, tevita l-inkoerenzi li jistgħu jinqalgħu fl-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet differenti tad-dritt tal-Unjoni. Dan l-obbligu, għall-Kummissjoni, ta’ osservanza tal-koerenza bejn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat u ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat huwa b’mod partikolari neċessarju fil-kaz fejn dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra jfittxu wkoll l-għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq komuni (ara s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2001, RJB Mining vs Il-Kummissjoni, T-156/98, Ġabra, EU:T:2001:29, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li, meta tadotta deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern, il-Kummissjoni ma għandhiex tinjora r-riskju ta’ ħsara għall-kompetizzjoni fis-suq intern min-naħa ta’ operaturi ekonomiċi individwali (sentenza RJB Mining vs Il-Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq, EU:T:2001:29, punt 113). B’analoġija, għandu jitqies li, hija u tadotta deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi ta’ konċentrazzjoni li tkun ser tevalwa fil-kuntest ta’ proċedura oħra, sa fejn il-miżura jew il-kundizzjonijiet ta’ din il-konċentrazzjoni tkun ta’ natura li tinfluwenza l-evalwazzjoni tal-effett fuq il-kompetizzjoni li tista’ tiġi kkawżata mill-għajnuna inkwistjoni. Jekk ikun il-każ, il-Kummissjoni tista’ f’dan il-każ tkun marbuta li tindirizza mistoqsija lill-Istat Membru kkonċernat, sabiex jipprovdi l-informazzjoni inkwistjoni fil-proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

87      Issa, peress li t-tilwima fuq il-privattivi ma kinitx rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern (ara l-punti 37 u 39 iktar ’il fuq), obbligu bħal dan ma kienx jeżisti f’dan il-każ.

88      Isegwi li l-ewwel u t-tielet motivi, kif irrikwalifikati, għandhom jiġu miċħuda.

89      Peress li ġew miċħuda l-motivi kollha tar-rikorrenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

90      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Secop GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tat-trattati

Fuq l-ewwel u t-tieni partijiet tat-tieni motiv, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE u tal-Artikolu 108(2) u (3) TFUE

– Riferiment għall-ġurisprudenza rilevanti

– Fuq l-allegata kwalità korporattiva ġdida ta’ ACC Compressors

– Fuq il-fatt li l-għajnuna kkontestata allegatament ma tagħmel xejn ħlief li “tipposponi l-inevitabbli”

– Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ għajnuna preċedenti allegatament irċevuta

– Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-prassi ta’ bejgħ b’telf allegatament ipprattikat minn ACC Compressors

– Fuq il-kalkoli ppreżentati mill-Kummissjoni

Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

Fuq l-ewwel u t-tielet motivi kif irrikwalifikati, ibbażati fuq nuqqas ta’ istruttorja u fuq żbalji ta’ evalwazzjoni

Fuq il-portata tal-obbligu ta’ istruttorja tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-fażi preliminari ta’ eżami

Fuq il-projbizzjoni għall-Kummissjoni li tuża l-informazzjoni miġbura fi proċedura fil-qasam ta’ konċentrazzjoni għal finijiet oħra

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.