Language of document : ECLI:EU:T:2016:396

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

7 ta’ Lulju 2016 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea LUCEO – Motiv assolut ta’ rifjut – Mala fide fil-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni – Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑82/14,

Copernicus-Trademarks Ltd, stabbilita f’Borehamwood (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn F. Henkel, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Schifko, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Maquet GmbH, stabbilita f’Rastatt (il-Ġermanja), irrappreżentata minn N. Hebeis, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO, tal-25 ta’ Novembru 2013 (Każ R 2292/2012‑4), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Copernicus-Trademarks u Maquet,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn G. Berardis, President, O. Czúcz (Relatur) u A. Popescu, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Frar 2014,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Mejju 2014,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Mejju 2014,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Settembru 2014,

wara li rat il-kontroreplika tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Novembru 2014,

wara li rat il-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet, it-tweġibiet ta’ dawn tal-aħħar u l-osservazzjonijiet tagħhom fuq it-tweġibiet tal-partijiet l-oħrajn,

wara li rat li l-partijiet ma ressqu l-ebda talba għal seduta fi żmien xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u wara li għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tat-2 ta’ Mejju 1991, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid‑29 ta’ Lulju 2009, l-intervenjenti, Maquet GmbH, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1). It-trade mark li ntalbet ir-reġistrazzjoni tagħha hija s-sinjal verbali LUCEA LED, għall-prodotti “lampi kirurġiċi”, li jaqgħu taħt il-klassi 10 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat. Din l-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 31/2009, tas-17 ta’ Awissu 2009.

2        Fis-16 ta’ Settembru 2009, Copernicus EOOD (iktar ’il quddiem “Copernicus”), irrappreżentata minn A., ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-EUIPO, taħt ir-Regolament Nru 207/2009.

3        It-trade mark li ntalbet ir-reġistrazzjoni tagħha (iktar ’il quddiem it-“trade mark kontenzjuża”) hija s-sinjal verbali LUCEO.

4        Il-prodotti li ntalbet ir-reġistrazzjoni tagħhom jaqgħu taħt il-klassijiet 10, 12 u 28 u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 10: “Apparat u strumenti kirurġiċi, mediċi, dentali u veterinarji, riġlejn u dirgħajn, għajnejn u snien artifiċjali; oġġetti ortopediċi; materjali tal-ponti”;

–        klassi 12: “Vetturi kummerċjali, koperti mill-klassi 12; roti ta’ muturi, koperti mill-klassi 12; muturi koperti mill-klassi 12; roti b’mutur b’forza inqas minn 50cc; tratturi, koperti mill-klassi 12; karavani bil-mutur u karavani, koperti mill-klassi 12; vetturi tal-arja, koperti mill-klassi 12; vetturi spazjali, koperti mill-klassi 12; vetturi fuq binarji, koperti mill-klassi 12; vetturi segwiti, koperti mill-klassi 12; vetturi tal-ilma, koperti mill-klassi 12; inġenji li jitilgħu l-art mill-baħar, koperti mill-klassi 12; siġġijiet tar-roti għall-ġarr ta’ persuni invalidi; skuters għan-nies b’diżabilità; karretti tal-golf; prammijiet; parts għal vetturi bil-mutur, koperti mill-klassi 12, jiġifieri komponenti tal-istruttura ta’ barra għal vetturi; sistemi ta’ tagħmir; magni; partijiet tax-xàsis tal-vettura, b’mod partikolari partijiet tal-brejk; molol; stimers; stering; sospensjonijiet tar-roti; roti; tajers; għotjien għaċ-ċentru tar-roti; rimmijiet għal roti; sospensjonijiet tal-fusijiet; komponenti ta’ organi tat-trasmissjoni, jiġifieri ktajjen; kaxex tal-ingranaġġi; xaftijiet tat-trasmissjoni; aċċessorji għall-vetturi bil-mutur, koperti mill-klassi 12, jiġifieri ganċijiet għall-irmonk; xtillieri għas-saqaf tal-karozza, xtillieri ta’ bagalji għat-trasport fil-vetturi, sedili tat-tfal, għata ta’ tarpolini; ktajjen għall-borra”;

–        klassi 28: “Oġġetti tal-ġinnastika u tal-isport; ġugarelli”.

5        Copernicus invokat prijorità għat-trade mark kontenzjuża, li kienet ibbażata fuq l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Awstrijaka LUCEO Nru 1533/2009, ippreżentata fl-Österreichische Patentamt (Uffiċċju tal-privattivi Awstrijak) fis-16 ta’ Marzu 2009 għall-istess prodotti bħal dawk imsemmija fil-punt 4.

6        Fit-12 ta’ Novembru 2009, Capella EOOD, li kienet saret proprjetarju tal-applikazzjoni għat-trade mark kontenzjuża fil-21 ta’ Ottubru 2009 u li kienet irrappreżentata minn A., ressqet oppożizzjoni kontra l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea LUCEA LED, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009.

7        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża. Minkejja li d-data tal-preżentata ta’ din l-applikazzjoni kienet qabel dik tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea LUCEA LED, Capella pprevalixxiet ruħha mill-preċedenza tagħha billi invokat il-prijorità imsemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq.

8        L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 39/2010, tal-1 ta’ Marzu 2010.

9        It-trade mark kontenzjuża ġiet irreġistrata fis-26 ta’ Ottubru 2010, taħt in-numru 8554974. Bħala data ta’ prijorità ta’ din it-trade mark, tniżżlet dik tas-16 ta’ Marzu 2009 fir-reġistru.

10      Fit-3 ta’ Mejju 2011, l-intervenjenti       ppreżentat quddiem l-EUIPO talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark kontenzjuża għall-prodotti u għas-servizzi kollha li kienet ġiet irreġistrata għalihom.

11      Ir-raġunijiet għal invalidità invokati insostenn ta’ din it-talba kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Skont l-intervenjenti, fil-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark, Copernicus kellha mala fide.

12      Fis-6 ta’ Settembru 2011, Verus EOOD, u fis-27 ta’ Awissu 2012, ir-rikorrenti, Copernicus-Trademarks Ltd, irrappreżentati minn A., tniżżlu fir-reġistru tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea bħala proprjetarji tat-trade mark kontenzjuża.

13      Fl-14 ta’ Diċembru 2012, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ddikkjarat l-invalidità tat-trade mark kontenzjuża għar-raġuni li Copernicus kellha mala fide fil-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

14      Fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti, irrappreżentata minn A., appellat quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

15      Fit-13 ta’ Novembru 2013, Ivo-Kermartin GmbH, ukoll irrappreżentata minn A., tniżżlet fir-reġistru tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea bħala l-proprjetarju ġdid tat-trade mark kontenzjuża.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li ntbagħtet lir-rikorrenti, ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell. Huwa kkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li Copernicus kellha mala fide fl-applikazzjoni għat-trade mark kontenzjuża. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu b’mod partikoli fuq il-fatt li Copernicus kienet applikat għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża biss sabiex tkun tista’ topponi għall-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea LUCEA LED u sabiex tieħu vantaġġi ekonomiċi minn dan.

 It-talbiet tal-partijiet

17      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tiċħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark kontenzjuża;

–        sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tibgħat lura l-każ quddiem il-Bord tal-Appell;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

18      L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

A –  Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

19      Fil-mument tal-preżentata tar-rikors, ma kinitx għadha r-rikorrenti, iżda Ivo-Kermartin, li kienet il-proprjetarju tat-trade mark kontenzjuża (ara l-punt 15 iktar ’il fuq).

20      Fl‑4 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrenti ssottomettiet dokument, bħala Anness K.17 tar-replika, li minnu jirriżulta li Ivo-Kermartin tatha l-mandat sabiex tkompli din il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali fl-interess ta’ din u fl-interess tagħha stess.

21      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni Ewropea tista’ tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li rikors jiġi miċħud fuq il-mertu mingħajr ma tiddeċiedi minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punti 51 u 52).

22      Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li, għal finijiet ta’ ekonomija tal-proċedura, għandha l-ewwel tiġi eżaminata l-fondatezza tar-rikors għal annullament, mingħajr ma tingħata deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu, peress li r-rikors huwa, fi kwalunkwe każ, u għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, infondat.

B –  Fuq il-fondatezza tar-rikors

23      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi li l-ewwel wieħed minnhom huwa bbażat fuq ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, it-tieni wieħed fuq ksur tal-Artikolu 76 tal-imsemmi regolament, u t-tielet wieħed fuq ksur tal-Artikolu 52(1)(b) ta’ dan ir-regolament.

24      Permezz tal-argumenti mressqa fil-qafas ta’ dawn it-tliet motivi, li jikkoinċidu, parzjalment, fil-mertu, ir-rikorrenti hija intiza li tikkontesta d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li Copernicus kellha mala fide meta hija ppreżentat l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża. Dawn l-argumenti huma diretti kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha relatati ma’ din l-applikazzjoni, kellu jitqies li Copernicus kellha mala fide. Ir-rikorrenti ressqet ukoll argumenti intiżi li jikkontestaw il-fondatezza tal-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar l-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi kif ukoll argumenti bbażati fuq il-fatt li l-intervenjenti hija nnifisha kellha mala fide u li l-Bord tal-Appell naqas milli jieħu dan il-fatt inkunsiderazzjoni.

25      Fid-dawl tal-mertu tal-motivi mressqa mir-rikorrenti, wara li jitfakkru d-dispożizzjonijiet u l-ġurisprudenza rilevanti, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tagħha intiżi li jinvalidaw il-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar iċ-ċirkustanzi relatati mal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża, imbagħad dawk li jirrigwardaw id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-mala fide ta’ Copernicus u, fl-aħħar, dawk ibbażati fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell ma ħax biżżejjed inkunsiderazzjoni tal-mala fide tal-intervenjenti.

1.     Fuq id-dispożizzjonijiet u l-ġurisprudenza rilevanti

26      Is-sistema ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ “l-ewwel applikant”, imniżżel fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Skont dan il-prinċipju, sinjal jista’ biss jiġi rreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea sa fejn trade mark preċedenti ma tkunx tostakolah [ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, SA.PAR. vs UASI – Salini Costruttori (GRUPPO SALINI), T‑321/10, EU:T:2013:372, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata].

27      Madankollu, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju hija kkwalifikata, b’mod partikolari, bl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li skontu l-invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddikjarata, fuq talba ppreżentata quddiem l-EUIPO jew fuq kontrotalba f’azzjoni kontra l-vjolazzjoni, meta l-applikant kellu mala fide meta ppreżenta l-applikazzjoni għat-trade mark (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, GRUPPO SALINI, T‑321/10, EU:T:2013:372, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Il-kunċett ta’ mora [mala fide] imsemmi fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 jirrelata mal-motivazzjoni suġġettiva tal-persuna li tippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark, jiġifieri intenzjoni diżonesta jew motiv ħażin ieħor. Huwa jimplika aġir li jmur lil hinn mill-prinċipji aċċettati ta’ mġiba etika jew prattiki onesti fil-kummerċ jew negozju [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Peeters Landbouwmachines vs UASI – Fors MW (BIGAB), T‑33/11, EU:T:2012:77, punti 35 sa 38, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Chocoladefakbriken Lindt & Sprüngli, C‑529/07, EU:C:2009:148, punt 60].

29      Sabiex jiġi evalwat jekk applikant għandux mala fide, għandu b’mod partikolari jiġi eżaminat jekk huwa għandux l-intenzjoni li juża t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-funzjoni essenzjali ta’ trade mark hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità tal-oriġini tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni, billi permezz tagħha jkun jista’ jiddistingwi mingħajr il-possibbiltà ta’ konfużjoni dan il-prodott jew servizz minn dawk ta’ oriġini differenti (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, C‑529/07, EU:C:2009:361, punt 45).

30      L-intenzjoni li titwaqqaf il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tikkaratterizza l-mala fide tal-applikant. Dan huwa partikolarment il-każ meta jirriżulta, sussegwentement, li dan tal-aħħar ikun irreġistra sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea mingħajr l-intenzjoni li jużaha, unikament sabiex jipprekludi d-dħul fis-suq ta’ terz [sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, C‑529/07, EU:C:2009:361, punti 43 u 44, u tat-8 ta’ Mejju 2014, Simca Europe vs UASI – PSA Peugeot Citroën (Simca), T‑327/12, EU:T:2014:240, punt 37].

31      L-intenzjoni tal-applikant fil-mument rilevanti hija element suġġettiv li għandu jiġi evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami u li kienu jeżistu fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal bħal trade mark tal-Unjoni Ewropea. Normalment din il-motivazzjoni tkun stabbilita b’riferiment għal kriterji oġġettivi, fosthom, b’mod partikolari, jekk il-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħmilx sens kummerċjalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli, C‑529/07, EU:C:2009:361, punti 37, 42 u 53).

32      Fil-kuntest tal-analiżi komprensiva magħmula skont l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-oriġini tas-sinjal ikkontestat u l-użu tiegħu minn meta ġie kkreat, jekk il-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tas-sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea tagħmilx sens kummerċjalment, kif ukoll il-kronoloġija tal-avvenimenti li kkaratterizzaw l-imsemmija preżentata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, BIGAB, T‑33/11, EU:T:2012:77, punt 21 sa 23).

33      Huwa l-applikant li biħsiebu jibbaża ruħu fuq dan il-motiv għal invalidità assoluta li għandu jipprova ċ-ċirkustanzi li jwasslu għall-konklużjoni li l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea kellu mala fide meta ppreżenta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ din tal-aħħar (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, GRUPPO SALINI, T‑321/10, EU:T:2013:372, punt 18).

34      Huwa fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u ta’ din il-ġurisprudenza li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti.

2.     Fuq l-argumenti li jirrigwardaw il-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar iċ-ċirkustanzi relatati mal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża

35      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża kienet parti minn strateġija ta’ preżentata abbużiva ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks, intiżi li jinvokaw il-prijorità għal applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea billi jevadu t-terminu ta’ riflessjoni ta’ sitt xhur previst mill-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-perijodu ta’ konċessjoni ta’ ħames snin previst mill-Artikolu 51(1)(a) ta’ dan ir-regolament. L-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża ġiet ippreżentata biss sabiex tkun tista’ tagħmel oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea LUCEA LED ippreżentata mill-intervenjenti u sabiex tieħu vantaġġi ekonomiċi minn din l-oppożizzjoni. L-istrateġija ta’ preżentata ta’ applikazzjonijiet li tidħol fiha l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża kienet nieqsa mit-trasparenza għal terzi.

36      Ir-rikorrenti tqis li dawn il-konstatazzjonijiet huma vvizzjati bi żbalji.

a)     Fuq il-konstatazzjoni li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża kienet parti minn strateġija ta’ preżentata abbużiva ta’ applikazzjonijiet

37      Bħalma ġie espost fil-punt 35 iktar ’il fuq, l-ewwel ċirkustanza li l-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni hija l-fatt li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża kienet parti minn strateġija ta’ preżentata ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks intiża li tinvoka l-prijorità għal applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea billi tevadi t-terminu ta’ riflessjoni ta’ sitt xhur kif ukoll il-perijodu ta’ konċessjoni ta’ ħames snin u li tagħti lil A., rappreżentant tar-rikorrenti, pożizzjoni li minnha jkun jista’ jopponi applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks ippreżentati minn terzi.

38      Il-Bord tal-Appell stabbilixxa l-eżistenza ta’ tali strateġija b’mod partikolari fil-punti 20, 25, 31, 32, 35 u 41 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa rrileva li Copernicus kienet kumpannija b’rabtiet ma’ A. u li, sabiex jiġi evalwat jekk hija aġixxietx b’mala fide, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux l-aġir tagħha biss, iżda wkoll dak ta’ A. kif ukoll dak tal-kumpanniji kollha marbuta ma’ dan tal-aħħar. Skont il-Bord tal-Appell, permezz ta’ dawn il-kumpanniji, A. kien isegwi strateġija ta’ preżentata ta’ applikazzjonijiet li tinvolvi numru kbir ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni, b’2 392 applikazzjoni għal trade mark Ġermaniża u madwar 750 applikazzjoni għal trade mark Awstrijaka jistgħu jiġu attribwiti lilu, li fosthom waħda, barra minn hekk, ġiet irreġistrata f’kull pajjiż (punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari fil-punti 25, 35 u 41 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li dawn l-applikazzjonijiet kollha kienu ġew ippreżentati bl-għan uniku li sussegwentement tintalab prijorità għal applikazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea. L-istrateġija ta’ A. tikkonsisti f’li tinbagħat sekwenza kbira ta’ applikazzjonijiet għal trade marks nazzjonali, mingħajr ma jitħallsu drittijiet fuq l-applikazzjoni. Meta terz japplika għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark identika jew simili, A. japplika għalhekk għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea u jinvoka l-prijorità għaliha, billi jibbaża ruħu fuq l-aħħar element tas-sekwenza tal-applikazzjonijiet għal trade marks nazzjonali. Sussegwentement, huwa jopponi għall-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-terz billi jibbaża ruħu fuq din l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Fil-punti 31 u 32 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li, peress li din is-sitwazzjoni qamet quddiemu biss f’każijiet li fihom kien involut A., huwa ma jaġixxix b’kumbinazzjoni, iżda b’riżultat tal-istrateġija ta’ preżentata ta’ applikazzjonijiet segwita minn A.

39      B’mod partikolari fil-punti 27 sa 29, 33, 35, 36 u 43 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell espona r-raġunijiet li għalihom huwa jqis li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża kienet taqa’ f’din l-istrateġija ta’ preżentata abbużiva ta’ applikazzjonijiet. Għalhekk, fil-punti 27 sa 29 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa rrileva li, sa mill-2003, is-sinjal LUCEO kien is-suġġett ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni bħala trade mark nazzjonali kemm fl-Awstrija kif ukoll fil-Ġermanja u li, mill-2005, l-applikazzjonijiet bdew isiru kull sitt xhur, skont is-sistema “f’Marzu fl-Awstrija, f’Settembru fil-Ġermanja”. Dan ir-ritmu ta’ sitt xhur jikkorrispondi speċifikament mat-terminu ta’ riflessjoni ta’ sitt xhur sabiex tiġi invokata l-prijorità. Sussegwentement dawn it-talbiet ġew annullati minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tad-dritt fuq l-applikazzjoni. B’mod partikolari fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li kien biss wara li l-intervenjenti applikat għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea LUCEA LED li Copernicus kienet applikat għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża u kienet invokat il-prijorità għal din tal-aħħar billi ibbażat ruħha fuq l-aħħar element tas-sekwenza ta’ applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade marks nazzjonali LUCEO, jiġifieri fuq l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Awstrijaka ppreżentata fis-16 ta’ Marzu 2009. Minn dan il-Bord tal-Appell iddeduċa li l-għan imfittex minn A. fis-sekwenza tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni differenti tat-trade marks nazzjonali LUCEO kien li jkun jista’ jinvoka l-prijorità għat-trade mark kontenzjuża snin wara li jkun ippreżenta l-ewwel applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal LUCEO bħala trade mark nazzjonali, minkejja li l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 207/2009 kien jipprevedi biss terminu ta’ riflessjoni ta’ sitt xhur. Fil-punti 36 u 43 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li A. nnifsu kien indika li ma riedx juża t-trade mark LUCEO personalment u ma setax jindika l-isem tal-klijenti li kienu esprimew l-interess tagħhom għaliha. Fil-punti 35, 36 u 43 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li l-argument li t-trade mark LUCEO kienet ġiet “żviluppata” permezz ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks nazzjonali kien jikkostitwixxi biss argument falz. F’dan ir-rigward, minn naħa, huwa espona li aġir li jikkonsisti fil-preżentata b’mod rrepetut ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks nazzjonali mingħajr l-intenzjoni li jitħallsu d-drittijiet fuq l-applikazzjoni jew li jwasslu għal reġistrazzjoni ma setax jitqies bħala l-iżvilupp ta’ trade mark, mhux iktar mill-fatt li jiġu emendati ftit il-klassijiet ma’ kull applikazzjoni ġdida. Min-naħa l-oħra, huwa qies li, wara l-preżentata ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni għal sinjal diġà “eżistenti”, f’dan il-każ LUCEO, id-deċiżjoni li jiġi rreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea ma kinitx teħtieġ snin ta’ riflessjoni. Il-Bord tal-Appell iddeduċa minn dan li l-uniku għan tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża kien li “titħaffef” l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea LUCEA LED, ippreżentata mill-intervenjenti.

40      Ir-rikorrenti tqis li dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell huma żbaljati. F’dan il-kuntest, hija ressqet xi argumenti intiżi li jikkontestaw, minn naħa, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell dwar l-eżistenza ta’ strateġija ta’ preżentata abbużiva ta’ applikazzjonijiet segwita minn A. u, min-naħa l-oħra, dik li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża kienet parti minn din l-istrateġija.

 Fuq l-eżistenza ta’ strateġija ta’ preżentata abbużiva ta’ applikazzjonijiet

41      Ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell dwar l-eżistenza ta’ strateġija ta’ preżentata abbużiva ta’ applikazzjonijiet ta’ A., kif deskritta fil-punt 38 iktar ’il fuq. F’dan il-kuntest, minn naħa, hija tqis li, kuntrarjament għall-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell, A. isegwi mudell kummerċjali leġittimu, jiġifieri dak ta’ aġenzija ta’ trade marks. Min-naħa l-oħra, hija tqis li d-deduzzjonijiet li għamel il-Bord tal-Appell mill-eżistenza ta’ każijiet oħrajn quddiemu li fihom kien implikat A. huma vvizzjati bi żbalji.

–       Fuq l-argumenti bbażati fuq in-natura leġittima tal-mudell kummerċjali segwit minn A.

42      Ir-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell ma kellux jikkonkludi min-numru ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks nazzjonali li jistgħu jiġu attribwiti lil A. li dawn kienu ġew ippreżentati bl-għan wieħed li sussegwentement ikun jista’ jinvoka l-prijorità għal applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea. Kuntrarjament, in-numru għoli ta’ dawn l-applikazzjonijiet huwa konsegwenza diretta tal-attività leġittima tiegħu bħala aġenzija ta’ trade marks, li tikkonsisti fil-ħolqien ta’ portafoll ta’ trade marks intiżi li jinbiegħu lil terzi, fatt li l-Bord tal-Appell ma ħax biżżejjed inkunsiderazzjoni. L-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks nazzjonali jagħmlu parti minn proċess ta’ żvilupp ta’ trade marks.

43      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

44      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tressaqx argumenti intiżi li jinnegaw il-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell li, sabiex jiġi evalwat jekk Copernicus aġixxietx b’mala fide, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss l-aġir tagħha stess, iżda wkoll dak ta’ A. kif ukoll tal-kumpanniji kollha marbuta miegħu.

45      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell iddeċieda li xejn ma kien jipprekludi li impriża teżerċita attività bħala aġenzija ta’ trade marks u għalhekk li, fil-qafas ta’ tali attività, hija tippreżenta applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni għal trade marks li hija ma xtaqitx tuża hija nnifisha, iżda tbigħ lil terzi. Madankollu, il-Bord tal-Appell qies li l-attività ta’ A. ma setgħetx tiġi assimilata ma’ tali attività.

46      Fit-tielet lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li s-sekwenza ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks nazzjonali hija parti minn sforz intiż li jiżviluppa t-trade marks, li jista’ leġittimament isir minn aġenzija ta’ trade marks.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, ċertament, xejn ma jipprekludi li l-proprjetarju ta’ trade mark validament irreġistrata “jiżviluppaha” bi trade mark li tiġi warajha, billi jemendaha f’dak li jirrigwarda s-sinjal, il-lista ta’ prodotti u ta’ servizzi kkonċernati jew bil-firxa ġeografika tal-protezzjoni.

48      Madankollu, bħalma jirriżulta mill-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell, A. għamel sekwenza ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks nazzjonali, li ġew ippreżentati kull sitt xhur, li jalternaw bejn il-Ġermanja u l-Awstrija, eżatt qabel jiskadi t-terminu ta’ riflessjoni ta’ sitt xhur sabiex tintalab il-prijorità għal trade mark tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 207/2009. Dawn l-applikazzjonijiet ġew suċċessivament annullati minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tad-drittijiet fuq l-applikazzjoni u għalhekk ma ġewx eżaminati mill-uffiċċji tat-trade marks nazzjonali.

49      Tali aġir ma jistax jitqies bħala aġir kummerċjali leġittimu, iżda għandu jitqies bħala kuntrarju għall-għanijiet tar-Regolament Nru 207/2009.

50      Bħalma espona korrettament il-Bord tal-Appell, l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi li l-applikant ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali għandu terminu ta’ riflessjoni ta’ sitt xhur sabiex jiddeċiedi jekk huwa jridx jippreżenta wkoll applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea għall-istess trade mark u għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom ġiet ippreżentata din it-trade mark jew inklużi f’dawn tal-aħħar. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 51(1)(a) tal-imsemmi regolament jipprevedi li d-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati, fuq talba ppreżentata quddiem l-EUIPO jew abbażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni, jekk, għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin tat-trade mark fl-Unjoni fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun irreġistrata, u ma jkunx hemm raġunijiet siewja għal dan in-nuqqas ta’ użu.

51      Issa, għandu jiġi kkonstatat li s-sekwenza ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks nazzjonali għall-istess sinjal għal prodotti jew servizzi li jaqgħu taħt klassifikazzjonijiet li huma mill-inqas parzjalment identiċi huwa intiż li jpoġġi lil A. f’pożizzjoni li minnha jkun jista’ jopponi. Fil-fatt, meta terz jippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea identika jew simili, A. jitlob ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, jinvoka l-prijorità għaliha billi jibbaża ruħu fuq l-aħħar element tas-sekwenza ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks nazzjonali u jagħmel oppożizzjoni billi jibbaża ruħu fuq l-imsemmija applikazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea. Is-sekwenza ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks nazzjonali hija intiża għalhekk li tagħtih pożizzjoni li minnha jkun jista’ jopponi għal perijodu li jeċċedi t-tul tat-terminu ta’ riflessjoni ta’ sitt xhur previst mill-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 207/2009 u anki dak tal-perijodu ta’ konċessjoni ta’ ħames snin previst mill-Artikolu 51(1)(a) tal-imsemmi regolament.

52      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li mhux biss l-istrateġija ta’ preżentata ta’ applikazzjonijiet użata minn A. ma hijiex konformi mal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 207/2009, iżda li din ixxaqleb lejn il-kunċett ta’ “abbuż ta’ liġi”, li huwa kkaratterizzat mill-fatti li, l-ewwel nett, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan imfittex minnu ma huwiex milħuq u, it-tieni nett, teżisti volontà li jinkiseb benefiċċju li jirriżulta mill-imsemmija leġiżlazzjoni billi jinħolqu b’mod artifiċjali l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jinkiseb (sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke, C‑110/99, EU:C:2000:695, punti 52 u 53, u tal-21 ta’ Lulju 2005, Eichsfelder Schlachtbetrieb, C‑515/03, EU:C:2005:491, punt 39).

53      Fir-raba’ lok, sa fejn ir-rikorrenti targumenta li hija tbiegħ it-trade marks li hija għandha fil-portafoll tagħha lil terzi, għandu jitfakkar li, fil-punti 36 u 43 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-eżistenza ta’ terzi interessati fl-applikazzjonijiet għal trade marks nazzjonali ppreżentati minn din tal-aħħar ma setgħetx tiġi pprovata u li r-rikorrenti ma ressqet ebda argument li jista’ jxejjen din il-kunsiderazzjoni. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, jekk l-għan ta’ A. kien biss li jestendi l-portafoll tiegħu ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea u nazzjonali, huwa seta’ jillimita ruħu li jirreġistra tali trade marks, minflok ma’ jagħmel is-sekwenza ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks nazzzjonali, li ma kinux eżaminati u li kienu annullati suċċessivament minħabba l-fatt li huwa ma ħallasx id-dritt fuq l-applikazzjoni.

54      Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell ġustament qies li l-passi meħuda minn A. u mill-kumpanniji marbuta miegħu ma setgħux jiġu assimilati ma’ attività li aġenzija ta’ trade marks tista’ teżerċita leġittimament, iżda kienu intiżi sabiex jagħtuh pożizzjoni li minnha jkun jista’ jopponi għal perijodu li jeċċedi t-terminu ta’ riflessjoni ta’ sitt xhur previst mill-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-perijodu ta’ konċessjoni ta’ ħames snin previst mill-Artikolu 51(1)(a) ta’ dan ir-regolament.

55      Ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma jista’ jippreġudika din il-konklużjoni.

56      Fl-ewwel lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li, fil-verità, in-numru ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ma kienx jikkorrispondi man-numru ta’ trade marks differenti li għalihom saret l-applikazzjoni, li huwa ħafna inqas. Dan l-argument pjuttost jikkonferma l-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell. Fil-fatt, sabiex jeżerċita attività leġittima ta’ aġenzija ta’ trade mark, ma huwiex meħtieġ li jsir numru kbir ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni għall-istess trade mark, bħalma għamel A.

57      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti targumenta li parti kbira mit-“trade marks żviluppati” effettivament ġew irreġistrati. Kuntrarjament għall-argumenti tal-intervenjenti, A. u l-kumpanniji marbuta miegħu ma kellhomx biss 90, iżda 200 trade mark tal-Unjoni Ewropea rreġistrati. A. kontinwament fittex, sakemm kien possibbli mill-perspettiva ġuridika u ekonomika, li jirreġistra b’mod sħiħ it-trade marks kollha li jkun żviluppa.

58      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li A. fittex li jirreġistra t-trade marks kollha li żviluppa, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, skont il-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell, parti kbira tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni li jistgħu jiġu attribwiti lilu ma ġewx eżaminati u ma rnexxewx, minħabba l-fatt li d-drittijiet fuq l-applikazzjoni ma tħallsux u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti ma kkontestatx dawn il-konstatazzjonijiet fid-dettall.

59      It-tieni nett, il-fatt li ċertu numru ta’ trade marks ġew finalment irreġistrati f’isem A. jew f’isem kumpanniji marbuta miegħu lanqas ma jxejjen il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell. Fil-fatt, l-istrateġija ta’ preżentata abbużiva ta’ applikazzjonijiet żvelata minnu timplika li, fil-mument meta huwa jiddeċiedi li juża l-pożizzjoni tiegħu li minnha jkun jista’ jopponi, huwa jitlob ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, billi jitlob il-prijorità abbażi tal-aħħar element tas-sekwenza ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks nazzjonali.

60      It-tielet nett, fir-rigward tan-numru eżatt ta’ trade marks li setgħu jiġu attribwiti lil A. jew lil kumpanniji marbuta miegħu, għandu jiġi rrilevat li l-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell huma bbażati fuq paragun tan-numru kbir tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni, minn naħa, u t-trade marks irreġistrati, min-naħa l-oħra. Issa, anki jekk jiġi aċċettat li 200 trade mark ġew irreġistrati, bħalma targumenta r-rikorrenti, id-differenza bejn in-numru ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks nazzjonali, jiġifieri iktar minn 3 000, u dak tat-trade marks li finalment ġew irreġistrati, tibqa’ kunsiderevoli. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ssottomettiet ebda prova li tistabbilixxi li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, 200 trade mark irreġistrati setgħu jiġu attribwiti lil A.

61      Għalhekk, dawn l-argumenti għandhom ukoll jiġu miċħuda.

62      Fit-tielet lok, l-argument tar-rikorrenti li, parzjalment, l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks ma jkunux tkomplew minħabba l-fatt li s-suq ma jiżviluppax bil-mod mistenni ġeneralment, jew għaliex ikun jidher li l-isem magħżul ma kienx xieraq għall-prodotti u għas-servizzi inkwistjoni, lanqas ma huwa ta’ natura li juri żball ta’ evalwazzjoni li jaffettwa l-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell. Dan japplika wkoll għall-argument ibbażat fuq il-fatt li huwa diffiċli li wieħed isib sinjal verbali f’ċerti setturi li ma jidħolx f’kunflitt ma’ drittijiet preċedenti. Fil-fatt, dawn l-argumenti ma jistgħux jiġġustifikaw is-sekwenza ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks nazzjonali għall-istess sinjal.

63      Għalhekk, l-argumenti kollha tar-rikorrenti bbażati fuq il-fatt li n-numru kbir ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks Ġermaniżi u Awstrijaki li jistgħu jiġu attribwiti lil A. jistgħu jiġu ġġustifikati minħabba l-mudell kummerċjali leġittimu li huwa jsegwi, għandhom jiġu miċħuda.

–       Fuq il-każijiet l-oħrajn li jikkonċernaw lil A. u meħuda inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell

64      Ir-rikorrenti targumenta li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li s-sitwazzjoni quddiemha f’dan il-każ (punti 38 u 39 iktar ’il fuq) ma seħħitx b’kumbinazzjoni, hija żbaljata. L-ewwel nett, fil-ħames każijiet kollha msemmija mill-Bord tal-Appell, A. kien jaf bil-preżentata ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea minn terz biss wara li huwa stess ippreżenta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea. Sussegwentement, il-Bord tal-Appell semma tliet każijiet oħrajn li fihom A. kien ibbaża l-oppożizzjoni fuq trade mark li kienet diġà ġiet irreġistrata fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni lit-terzi. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ dawn it-tliet każijiet turi li A. ma stenniex il-preżentata ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark identika jew simili minn terz qabel japplika huwa stess għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea u jinvoka l-prijorità għal din it-trade mark billi jibbaża ruħu fuq applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali. Barra minn hekk, in-numru ta’ każijiet imsemmija mill-Bord tal-Appell huwa limitat meta mqabbel man-numru ta’ applikazzjonijiet għal trade marks ippreżentati sa mill-bidu tas-sena 2001 u meta mqabbel man-numru ta’ iktar minn 200 trade mark tal-Unjoni Ewropea rreġistrati. Barra minn hekk, il-ħames proċeduri msemmija mill-Bord tal-Appell kienu eċċezzjonijiet u seħħew b’kumbinazzjoni. Fl-aħħar, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell kellu jisma’ lir-rikorrenti f’dan ir-rigward qabel jadotta d-deċiżjoni kkontestata.

65      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

66      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-ilment ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ.

67      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, id-deċiżjonijiet tal-EUIPO għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet li fuqhom il-partijiet kellhom il-possibbiltà li jieħdu pożizzjoni.

68      Issa, fir-rigward tat-tliet każijiet relatati mat-trade marks VORTEX, ROCKY u FORERUNNER li l-Bord tal-Appell semma fil-punti 31 u 32 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li, fit-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tiegħu tat-2 ta’ Mejju 2011, l-intervenjenti argumentat li A. kien involut f’kunflitti ta’ trade marks u li huwa kien invoka sistematikament il-prijorità għal applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea billi bbaża ruħu fuq applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks nazzjonali. F’dan il-kuntest, fl-Annessi 4ċ u 6 tal-imsemmija talba, huwa għamel riferiment għal numru kbir ta’ sinjali li din il-prattika tikkonċerna, fosthom is-sinjali VORTEX, ROCKY u FORERUNNER. Fir-rigward ta’ dawn it-trade marks, ir-rikorrenti u l-predeċessuri tagħha għalhekk kellhom l-opportunità li jagħtu l-opinjoni tagħhom matul il-proċedimenti quddiem l-EUIPO.

69      Sa fejn ir-rikorrenti targumenta li, li kieku hija kienet taf li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell kien se jieħu inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-applikazzjonijiet għal trade marks bħala indizji li jindikaw il-mala fide ta’ Copernicus, hija kienet tesprimi ruħha f’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jitfakkar li d-dritt għal smigħ fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 jestendi għall-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jikkostitwixxu l-bażi tal-att ta’ deċiżjoni, iżda mhux għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni tkun biħsiebha tadotta [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, L & D vs UASI – Sämann (Aire Limpio), T‑168/04, EU:T:2006:245, punt 116]. Għaldaqstant, dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud.

70      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li s-sitwazzjoni f’din il-kawża u fit-tliet każijiet dwar it-trade marks VORTEX, ROCKY u FORERUNNER seħħet b’kumbinazzjoni, peress li A. ma kellux konoxxenza tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni tat-terzi fil-mument tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tiegħu.

71      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 207/2009, l-applikant għal trade mark nazzjonali jista’, waqt terminu ta’ riflessjoni ta’ sitt xhur mid-data tal-preżentata tagħha, jinvoka l-prijorità għal applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea. Teoretikament, huwa għalhekk possibbli li, matul dan it-terminu ta’ riflessjoni, terz japplika għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal identiku jew simili għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa tiegħu, mingħajr ma jkollu konoxxenza ta’din l-applikazzjoni, l-applikant għar-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali jiddeċiedi wkoll li japplika għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea u li jinvoka l-prijorità għaliha.

72      Madankollu, bħalma ġie espost fil-punti 42 sa 63 iktar ’il fuq, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Bord tal-Appell seta’ jqis ġustament li s-sekwenza tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni tat-trade marks nazzjonali magħmula minn A. kellha l-għan li tagħtih pożizzjoni li huwa kien juża sabiex jopponi applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni minn terzi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-fatt li din is-sitwazzjoni seħħet biss f’każijiet li fihom kien involut A., il-Bord tal-Appell ġustament qies li din ma seħħitx b’kumbinazzjoni.

73      L-ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma jista’ jikkontesta din il-konklużjoni.

74      L-ewwel nett, ir-rikorrenti targumenta li, kuntrarjament għall-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell, f’ċerti każijiet, A. bbaża l-oppożizzjoni tiegħu fuq trademarks tal-Unjoni Ewropea diġà rreġistrati.

75      Dan l-argument għandu jiġi miċħud f’dak li jirrigwarda l-każijiet relatati mat-trade marks VORTEX, ROCKY u FORERUNNER li l-Bord tal-Appell semma fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, f’dawn il-każijiet, l-oppożizzjoni kienet fondata fuq applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks posterjuri, iżda li jinvokaw il-prijorità abbażi ta’ applikazzjoni għal trade mark preċedenti.

76      Għalhekk, fil-każ dwar it-trade mark ROCKY (R 2147/2010‑4) u fil-każ dwar it-trade mark VORTEX (R 512/2011‑4), l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea posterjuri, iżda l-prijorità ġiet invokata abbażi ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni preċedenti ta’ trade marks Ġermaniżi.

77      Fir-rigward tal-każ dwar it-trade mark FORERUNNER (R 2000/2010‑4), għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, l-oppożizzjoni kienet, ċertament, ibbażata fuq applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Awstrijaka u mhux fuq applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, huwa kien jirrigwarda approċċ paragunabbli ħafna għal dak segwit f’dan il-każ, bl-unika differenza tkun tirrigwarda l-fatt li r-rikorrenti kienet ibbażat l-oppożizzjoni tagħha direttament fuq l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Awstrijaka minflok ma bbażatha fuq applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, billi invokat il-prijorità abbażi ta’ din l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali.

78      F’dan il-kuntest, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li, f’każ ieħor li wkoll jirrigwarda t-trade mark VORTEX (R 1496/2011‑4), l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq trade mark tal-Unjoni Ewropea rreġistrata, għandu jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jiġi kkonstatat li, f’din il-kawża, l-imsemmija trade mark kienet diġà ġiet irreġistrata minħabba l-istrateġija ta’ preżentata ta’ applikazzjonijiet segwita minn A. fil-każ preċedenti msemmi fil-punt 76 iktar ’il fuq (R 512/2011‑4). Għalhekk, dan l-argument ma jurix li, f’dak li jirrigwarda t-trade mark tal-Unjoni Ewropea VORTEX, A. ma segwiex l-istrateġija tiegħu ta’ preżentata abbużiva ta’ applikazzjonijiet.

79      It-tieni nett, ir-rikorrenti targumenta li n-numru ta’ każijiet imsemmija mill-Bord tal-Appell huwa limitat. F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, peress li l-Bord tal-Appell ikkonstata li din it-tip ta’ sitwazzjoni ma qamitx quddiemu, ħlief fil-każijiet li kien involut A. fihom, il-fatt li n-numru ta’ każijiet imsemmija mill-Bord tal-Appell huwa limitat ma jistax ixejjen il-kunsiderazzjoni tiegħu li huwa ma setax jaġixxi b’kumbinazzjoni. Min-naħa l-oħra, anki jekk wieħed jassumi li, f’każijiet oħrajn, ir-rikorrenti eventwalment ibbażat l-oppożizzjoni fuq trade mark li ġiet irreġistrata, mingħajr ma din ir-reġistrazzjoni tkun tista’ tiġi kkritikata taħt l-istrateġija tal-applikazzjoni abbużiva identifikata mill-Bord tal-Appell, dan ma jistax ixejjen il-konklużjoni tiegħu li, f’dak li jirrigwarda t-trade marks VORTEX, ROCKY FORERUNNER u t-trade mark kontenzjuża, A. segwa tali strateġija.

80      Peress li l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li s-sitwazzjoni f’din il-kawża ma seħħitx b’kumbinazzjoni tista’ tiġi kkonfermata abbażi tal-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar it-trade marks VORTEX, ROCKY u FORERUNNER, l-argumenti tar-rikorrenti diretti lejn il-kunsiderazzjonijiet addizzjonali tal-Bord tal-Appell dwar it-trade marks ANDROMEDA u DORADO JUMP IN THE AIR jistgħu jiġu miċħuda bħala ineffettivi. Fil-fatt, anki jekk wieħed jassumi li huma fondati, dawn ma jistgħux ixejnu l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li s-sitwazzjoni li kienet quddiemu ma seħħitx b’kumbinazzjoni.

81      Għalhekk, l-argumenti kollha diretti lejn il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li A. kellu strateġija ta’ preżentata ta’ applikazzjonijiet intiża li topponi għal applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ terzi għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża

82      Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-fondatezza tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża kienet taqa’ fl-istrateġija ta’ preżentata abbużiva ta’ applikazzjonijiet msemmija iktar ’il fuq.

83      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, bħalma ġie espost fil-punt 39 iktar ’il fuq, mill-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell jirriżulta li, mill-2005, A. għamel sekwenza ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni tat-trade marks Ġermaniżi u Awstrijaki LUCEO billi segwa r-ritmu ta’ sitt xhur “f’Marzu fl-Awstrija, f’Settembru fil-Ġermanja”. Skont il-Bord tal-Appell, Copernicus applikat għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża b’reazzjoni għall-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea LUCEA LED ippreżentata mill-intervenjenti u l-uniku għan tal-applikazzjoni ta’ Copernicus kien li topponi għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea LUCEA LED. F’dan il-kuntest, huwa ħa inkunsiderazzjoni b’mod partikolari taċ-ċirkustanzi li, minn naħa, sal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea LUCEA LED mill-intervenjenti, A. kien illimita ruħu li jagħmel sekwenza ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni tat-trade marks nazzjonali LUCEO, filwaqt li, wara l-imsemmija preżentata, huwa kien applika għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża u kien ibbaża l-oppożizzjoni fuqha, u, min-naħa l-oħra, tali mod ta’ proċedura kien jikkorrispondi mal-istrateġija tiegħu ta’ preżentata abbużiva ta’ applikazzjonijiet.

84      Ir-rikorrenti tqis li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma żbaljati. L-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża ma għandhiex l-għan li “tħaffef” l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea LUCEA LED ippreżentata mill-intervenjenti.

85      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tinvoka l-fatt li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża hija biss l-espressjoni tal-mudell kummerċjali leġittimu segwit minn A., li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ portafoll ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea sabiex ibigħ l-isemmija trade marks lil terzi. Huwa żviluppa t-trade mark kontenzjuża permezz ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks nazzjonali billi emenda l-lista ta’ prodotti u ta’ servizzi li għalihom kienet intalbet ir-reġistrazzjoni, qabel irreġistrahom fil-portafoll tiegħu f’forma usa’ u iktar moderna.

86      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

87      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, fil-punti 36 u 43 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li A. stess indika li ma riedx juża t-trade mark kontenzjuża personalment u ma setax jindika l-isem tal-klijenti li kienu esprimew interess għaliha. A. ma ressaq ebda argument li jista’ juri li din il-kunsiderazzjoni hija żbaljata.

88      It-tieni nett, ir-rikorrenti ma ressqet ebda argument li jista’ juri li s-sekwenza ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni tat-trade marks nazzjonali LUCEO kienet iġġustifikata sabiex jiġi segwit mudell kummerċjali leġittimu. Kuntrarjament, bħalma ġie espost fil-punti 46 sa 52 iktar ’il fuq, mhux biss il-passi ta’ A ma setgħux jitqiesu bħala żvilupp tat-trade mark kontenzjuża, iżda barra minn hekk huma kienu intiżi sabiex joħolqu monopolju bis-sinjal LUCEO billi jevadi l-perijodu ta’ sitt xhur previst mill-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-perijodu ta’ konċessjoni ta’ ħames snin previst mill-Artikolu 51(1)(a) ta’ dan ir-regolament.

89      Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

90      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti targumenta li, fil-mument meta Copernicus applikat għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża jew tat-trade mark Awstrijaka LUCEO, hija ma kellhiex konoxxenza tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark LUCEA LED u li għalhekk ma kienet teżisti ebda rabta bejn iż-żewġ applikazzjonijiet.

91      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

92      F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta’ konoxxenza ta’ Copernicus jirrigwarda l-element suġġettiv dwar l-intenzjoni tal-applikant fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni-. Issa, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, l-eżistenza tal-mala fide tal-applikant għandha normalment tiġi stabbilita b’riferiment għal kriterji oġġettivi.

93      Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-Bord tal-Appell stabbilixxa l-preżenza ta’ ċirkustanzi oġġettivi li jindikaw bil-qawwa lejn il-fatt li l-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża seħħet b’reazzjoni għall-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea LUCEA LED mill-intervenjenti.

94      Huwa billi jittieħdu inkunsiderazzjoni din il-ġurisprudenza u dawn iċ-ċirkustanzi li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti li ġġib ir-rikorrenti sabiex turi l-assenza ta’ rabta bejn il-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea LUCEA LED mill-intervenjenti u l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża minn Copernicus.

95      L-ewwel nett, ir-rikorrenti tqis li, fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Awstrijaka LUCEO, l-intervenjenti ma kinitx għadha applikat għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea LUCEA LED u għalhekk Copernicus ma setgħetx ikollha konoxxenza ta’ dan.

96      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bħalma ġie espost fil-punti 38 u 41 sa 81 iktar ’il fuq, skont l-istrateġija ta’ preżentata abbużiva ta’ applikazzjonijiet segwita minn A., l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks Ġermaniżi u Awstrijaki ġew ippreżentati sabiex jagħtuh pożizzjoni li huwa kien juża sabiex jopponi applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ sinjali identiċi jew simili eventwalment ippreżentati minn terzi.

97      Għalhekk, il-fatt li Copernicus jew A. ma kinux jafu bl-eżistenza tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea LUCEA LED meta huma applikaw għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Awstrijaka LUCEO ma jipprekludix il-konstatazzjoni li l-applikazzjoni għat-trade mark kontenzjuża, li għaliha kienet ġiet invokata l-prijorità abbażi tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Awstrijaka LUCEO, seħħet b’reazzjoni għall-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea LUCEA LED.

98      It-tieni nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li d-dritt fuq l-applikazzjoni għall-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Awstrijaka LUCEO, tas-16 ta’ Marzu 2009, ma kienx tħallas għaliex, f’dan il-mument, A. kien diġà ddeċieda li japplika għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jiġi kkonstatat li, fid-disa’ applikazzjonijiet preċedenti għar-reġistrazzjoni tat-trade marks Ġermaniżi u Awstrijaki LUCEO, A. lanqas ma kien ħallas id-dritt fuq l-applikazzjoni, mingħajr sussegwentement ma għamel applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea LUCEO fl-aħħar tat-termini ta’ riflessjoni rispettivi.

99      It-tielet nett, ir-rikorrenti targumenta li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża ma ġietx ippreżentata b’reazzjoni għall-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tal-intervenjenti, iżda minħabba l-fatt li t-terminu ta’ riflessjoni sabiex tintalab il-prijorità għal trade mark tal-Unjoni Ewropea kien se jiskadi.

100    Lanqas dan l-argument ma huwa konvinċenti.

101    Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, għall-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade marks Ġermaniżi u Awstrijaki LUCEO preċedenti, A. ħalla t-terminu ta’ riflessjoni ta’ sitt xhur jiskadi, mingħajr ma ppreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, u kien kostrett jippreżenta applikazzjoni oħra għal reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali, sabiex iżomm il-pożizzjoni tiegħu li minnha jkun jista’ jopponi.

102    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li approċċ li jikkonsisti f’li jiġi kkontrollat, lejn l-aħħar tat-terminu ta’ riflessjoni ta’ sitt xhur jekk applikazzjonijiet għal trade marks identiċi kinux ġew ippreżentati jidħol perfettament fl-istrateġija ta’ preżentata ta’ applikazzjonijiet ta’ A. Fil-fatt, is-sekwenza ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni tat-trade marks Ġermaniżi u Awstrijaki LUCEO kienet intiża biss li tagħtih pożizzjoni li tippermettilu jopponi għal applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ sinjali identiċi jew simili eventwalment ippreżentati minn terzi. Sabiex jibbenefika minn din il-pożizzjoni li minnha jkun jista’ jopponi jew sabiex iżommha, kien biżżejjed jikkontrolla, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ riflessjoni rispettiv, jekk terzi kinux ippreżentaw applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks identiċi jew simili.

103    Għalhekk, l-argumenti kollha tar-rikorrenti intiżi li juru li, meta Copernicus applikat għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża, hija ma kellhiex konoxxenza tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea LUCEA LED, għandhom jiġu miċħuda.

104    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell ma ħax biżżejjed inkunsiderazzjoni tal-fatt li Copernicus setgħet ukoll tagħmel oppożizzjoni abbażi tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Awstrijaka LUCEO, tas-16 ta’ Marzu 2009, li kien ikun irħas u iktar ċert.

105    L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dan l-argument.

106    Dan l-argument għandu jiġu miċħud ukoll.

107    Fil-fatt, ma huwiex possibbli li jiġu kkontestati l-indizji li jindikaw lejn il-fatt li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża kellha l-għan li “tħaffef” l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea LUCEA LED. Ċertament, ir-rikorrenti ġustament tinvoka l-fatt li oppożizzjoni setgħet tiġi bbażata wkoll direttament fuq l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Awstrijaka LUCEO, tas-16 ta’ Marzu 2009, bħalma għamlet ir-rikorrenti fil-każ dwar it-trade mark FORERUNNER (R 2000/2010‑4) imsemmi fil-punt 77 iktar ’il fuq. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża setgħet issaħħaħ il-pożizzjoni li minnha A. jkun jista’ jopponi fil-konfront tal-intervenjenti, għaliex, bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, hija kienet tkopri l-Unjoni Ewropea kollha u għalhekk kienet tippermettilu li jopponi għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali quddiem l-uffiċċji tat-trade marks fl-Istati Membri tal-Unjoni wkoll.

108    Għalhekk, ebda wieħed mill-argumenti miġjuba mir-rikorrenti ma juri li l-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża kienet tidħol fi strateġija ta’ preżentata abbużiva ta’ applikazzjonijiet segwita minn A. u kellha l-għan li “tħaffef” l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea LUCEA LED ippreżentata mill-intervenjenti, huma żbaljati. Kuntrarjament, l-aġir ta’ Copernicus dwar it-trade mark kontenzjuża juri b’mod pragmatiku l-funzjonament tal-istrateġija ta’ preżentata abbużiva ta’ applikazzjonijiet użata minn A. li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 42 sa 63 iktar ’il fuq, ma tistax titqies bħala konformi mal-għanijiet tar-Regolament Nru 207/2009.

b)     Fuq l-użu tat-trade mark kontenzjuża

109    It-tieni ċirkustanza li l-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni hija l-mod kif A. uża t-trade mark kontenzjuża. Fil-punti 36 u 43 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li, minn naħa, A. kien indika li huwa ma riedx juża t-trade mark kontenzjuża u ma setax jindika l-isem tal-klijenti li kienu esprimew interess għaliha u, min-naħa l-oħra, huwa kien talab il-ħlas ta’ EUR 75 000 mingħand l-intervenjenti. Huwa kkonkluda minn dan li din it-talba għal ħlas kienet l-unika possibbiltà li juża t-trade mark kontenzjuża. F’dan il-kuntest, huwa espona li dan l-ammont kellu jiġi pparagunat mad-drittijiet uffiċjali li kienu tħallsu b’kollox għat-trade mark kontenzjuża.

110    Ir-rikorrenti tqis li dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell huma vvizzjati bi żbalji.

111    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-użu ekonomiku tat-trade mark kontenzjuża. F’dan ir-rigward, huwa jqis li A. ma għamilx talba għal kumpens finanzjarju fil-qafas tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Kien biss wara li rebaħ f’dawn il-proċedimenti li huwa talab lill-intervenjenti jwaqqaf l-atti tiegħu, sabiex jiddefendi d-drittijiet tiegħu u sabiex ma jidhirx inattiv. Kien biss wara li l-intervenjenti ppropona li jixtri t-trade mark kontenzjuża għal EUR 15 000 li A. talab somma ta’ EUR 75 000. Huwa ma stenniex b’mod kalm u sigriet li l-intervenjenti tibda’ tuża t-trade mark LUCEA LED għall-prodotti tagħha, jew li tkun użatha għal żmien twil għall-prodotti tagħha sabiex imbagħad jaġixxi f’talba għad-danni. Għalhekk, huwa żbaljat li jiġi kkonstatat li l-uniku għan għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża kien li jieħu fondi mill-parti l-oħra. Barra minn hekk, ir-rikorrenti targumenta li l-każijiet l-oħrajn imsemmija mill-Bord tal-Appell u li jirrigwardaw trade marks oħrajn li jistgħu jiġu attribwiti lil A. huma proċeduri amministrattivi li ġew introdotti biss sabiex jiġu protetti d-drittijiet ta’ protezzjoni tat-trade marks miżmuma minn dan tal-aħħar jew minn waħda mill-kumpanniji tiegħu. Dawn ma jirrigwardawx proċeduri ċivili u ebda ħlas ma ntalab mill-partijiet l-oħrajn.

112    L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

113    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma ressqet ebda argument intiż li juri żball ta’ evalwazzjoni li jaffettwa l-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell li, minn naħa, A. ma setax ikollu l-intenzjoni li juża t-trade mark kontenzjuża huwa stess u, min-naħa l-oħra, ma kien jidher li kien hemm ebda terz li esprima interess għat-trade mark kontenzjuża. B’mod partikolari r-rikorrenti ma ġġib ebda prova favur il-fatt li, matul is-snin qabel l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea LUCEA LED, l-applikazzjonijiet suċċessivi tat-trade marks nazzjonali LUCEO qajmu interess fuq in-naħa ta’ terzi. Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma għandha l-ebda spjegazzjoni sodisfaċenti fir-rigward tal-mod kif A. kien biħsiebu juża t-trade mark kontenzjuża, jekk mhux sabiex jopponi għal applikazzjonijiet eventwali għal reġistrazzjoni ta’ sinjali identiċi jew simili, bħal dik ippreżentata mill-intervenjenti.

114    Barra minn hekk, l-argumenti bbażati, minn naħa, fuq il-fatt li A. talab il-ħlas ta’ ammont mill-intervenjenti biss wara li rebaħ fil-qafas tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u, min-naħa l-oħra, il-fatt li ma stenniex żmien twil sabiex jopponi ma jistgħux ixejnu l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-użu ekonomiku tat-trade mark kontenzjuża. F’dan il-kuntest, għandu b’mod partikolari jiġi rrilevat li l-fatt li rebaħ quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni saħħaħ il-pożizzjoni ta’ A. fir-rigward tal-innegozjar ta’ arranġament finanzjarju mal-intervenjenti.

115    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argumenti diretti lejn it-trade marks l-oħrajn, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma esponietx b’liema mod A. kellu f’moħħu juża dawn it-trade marks, jekk dan ma huwiex billi jibbaża ruħu fuqhom sabiex jopponi għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks identiċi jew simili u billi jieħu vantaġġi ekonomiċi minn din il-pożizzjoni li minnha jkun jista’ jopponi. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma ressqet ebda argument li jippermetti li jiġi stabbilit li A. ried jużahom huwa stess jew li terzi kienu mmanifestaw interess f’dan ir-rigward. Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-każijiet li jagħmel riferiment għalihom il-Bord tal-Appell huma proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Fil-fatt, il-mod li jipproċedi bih A. f’dak li jirrigwarda t-trade mark kontenzjuża juri li, fil-każ li jirbaħ fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, huwa kien lest li jibda proċedimenti ta’ intimazzjoni kontra l-użu ta’ sinjali identiċi jew simili u sabiex jibda negozjati.

116    Għalhekk, l-ilmenti kollha diretti lejn il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-użu ekonomiku tat-trade mark kontenzjuża għandhom jiġu miċħuda.

117    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti targumenta li, kuntrarjament għall-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell, l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks nazzjonali ma kinux mingħajr ħlas. Xi drittijiet kienu pagabbli fl-Awstrija mal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk, finalment, it-trade mark ġietx irreġistrata. Bħala total, A. ħallas drittijiet f’somma li tammonta għal sitt ċifri fl-uffiċċji tat-trade marks differenti għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, iżda wkoll għal trade marks li għalihom il-proċedimenti ma tkomplewx sar-reġistrazzjoni.

118    L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

119    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma ġġib ebda prova konkreta li tista’ tistabbilixxi l-ammonti li hija ħallset għall-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks Ġermaniżi.

120    It-tieni nett, fir-rigward tad-drittijiet imħallsa għall-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks Awstrijaki, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell għaraf il-fatt li, fl-Awstrija, il-preżentata ta’ formula uffiċjali kienet suġġetta għal dritt. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, ma jistax jiġi dedott mid-deċiżjoni kkontestata li l-Bord tal-Appell qies li, għall-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni tat-trade marks Awstrijaki, tali drittijiet ma kinux tħallsu.

121    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell għamel riferiment għan-natura “mingħajr ħlas” tal-istrateġija ta’ preżentata ta’ applikazzjonijiet segwita minn A. Fil-fatt, din il-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell għandha tinqara flimkien mal-konstatazzjoni tiegħu fil-punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn huwa rrikonoxxa li, għall-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks Awstrijaki, kienu pagabbli drittijiet. Billi għamel riferiment għan-natura “mingħajr ħlas” tal-istrateġija ta’ preżentata ta’ applikazzjonijiet segwita minn A., il-Bord tal-Appell għalhekk illimita ruħu li jikkonstata li l-istrateġija ta’ preżentata abbużiva ta’ applikazzjonijiet użata minnu kienet tippermettilu ma jħallasx id-drittijiet fuq l-applikazzjoni għall-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks Ġermaniżi u Awstrijaki, peress li l-leġiżlazzjoni f’dawn iż-żewġ Stati Membri ma tirrikjedix il-ħlas ta’ tali drittijiet fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

122    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat ukoll li r-rikorrenti stess tirrikonoxxi li n-nuqqas ta’ ħlas tad-dritt fuq l-applikazzjoni għall-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni tat-trade marks Ġermaniżi u Awstrijaki ppermettewlu jnaqqas l-ispejjeż sostnuti bl-istrateġija ta’ preżentata ta’ applikazzjonijiet tiegħu. Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan jikkonferma l-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell. Fil-fatt, peress li, skont din l-istrateġija, A. u l-kumpanniji marbuta miegħu kienu japplikaw għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea biss meta terz kien jippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea identika jew simili u jillimita ruħu li jagħmel sekwenza ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks Ġermaniżi u Awstrijaki mingħajr ma jħallas id-drittijiet fuq l-applikazzjoni meta dan ma kienx il-każ, huma setgħu jnaqqsu l-ispejjeż li jirriżultaw minn din l-istrateġija ta’ preżentata ta’ applikazzjonijiet, filwaqt li jevadu t-terminu ta’ riflessjoni ta’ sitt xhur previst mill-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 207/2009 u l-perijodu ta’ konċessjoni previst mill-Artikolu 51(1)(a) ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, fir-rigward tat-trade mark kontenzjuża, A. ma ħallas ebda dritt fuq l-applikazzjoni għall-għaxar applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni tat-trade marks Ġermaniżi u Awstrijaki LUCEO u huwa biss wara li l-intervenjenti applika għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea LUCEA LED li tħallas dritt fuq l-applikazzjoni fil-qafas tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża.

123    It-tielet nett, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-ammont totali ta’ drittijiet li A. ħallas ma huwiex ta’ natura li juri żball ta’ evalwazzjoni li jaffettwa l-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar l-użu ekonomiku tat-trade mark kontenzjuża.

124    Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, anki wara li ntalab mill-Qorti Ġenerali sabiex jissottometti provi li jipprovaw il-ħlas, minn A., ta’ “somma li tammonta għal sitt ċifri”, ir-rikorrenti llimitat ruħha li tissottometti riproduzzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Gebührengesetz (liġi dwar il-ġbir ta’ dazji) tal-1957, fil-verżjoni tagħha tal-11 ta’ Novembru 2011 (BGBl. 267/1957), billi invokat il-fatt li ma kienx possibbli li titraċċa b’mod eżatt kemm kien l-ammont ta’ drittijiet li hija kienet ħallset, peress li d-dokumenti ta’ kontabbiltà ma setgħux jinstabu iktar.

125    Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed jassumi li, għar-reġistrazzjonijiet kollha jew għall-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks kollha magħmula minn A. jew minn kumpanniji marbuta miegħu, tħallset somma li tammonta għal sitt ċifri fl-uffiċċji tat-trade marks differenti, dan ma jistax jistabbilixxi żball li jaffettwa l-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar l-eżistenza ta’ strateġija ta’ preżentata ta’ applikazzjonijiet intiża li tibblokka applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks identiċi jew simili ppreżentati minn terzi. Fil-fatt, is-suċċess ekonomiku ta’ tali strateġija ta’ preżentata ta’ applikazzjonijiet jiddependi, l-ewwel nett, mill-possibbiltà li jitnaqqsu l-ispejjeż sostnuti sabiex tinħoloq pożizzjoni li minnha jkun jista’ jopponi qabel ikun hemm kunflitt ma’ reġistrazzjoni mitluba minn terz u, it-tieni nett, minn dħul li jkun ogħla mill-ispejjeż sostnuti fil-qafas ta’ tali kunflitt. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-istrateġija ta’ preżentata ta’ applikazzjonijiet segwita minn A. kienet intiża li tillimita l-ispejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni preliminari, li għalihom ma kinux tħallsu drittijiet fuq l-applikazzjoni, u li, unikament f’dak li jirrigwarda t-trade mark kontenzjuża, A. talab il-ħlas ta’ EUR 75 000 u għalhekk somma li tammonta għal ħames ċifri mill-intervenjenti.

126    Għalhekk, ebda wieħed mill-argumenti miġjuba mir-rikorrenti ma jista’ juri li l-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li l-unika possibbiltà li tintuża t-trade mark kontenzjuża kienet li tintuża sabiex topponi għal applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks identiċi jew simili u li jittieħed vantaġġ ekonomiku minn din l-oppożizzjoni hija żbaljata.

c)     Fuq in-nuqqas ta’ trasparenza

127    It-tielet fatt li l-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni huwa n-nuqqas ta’ trasparenza tal-istrateġija ta’ preżentata ta’ applikazzjonijiet ta’ A. Għalhekk, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa nnota n-natura mhux trasparenti tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks li jistgħu jiġu attribwiti lil A. u qies li l-istrateġija tiegħu kienet tikkawża “sitwazzjoni kkumplikata fuq il-livell tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, li ma tistax tinftihem minn terzi”. Fil-punt 51 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa rrileva li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża kienet ġiet ippreżentata f’kundizzjonijiet mhux trasparenti għal terzi u kuntrarji għall-istruttura fundamentali tad-dritt tat-trade marks li jikkonsisti f’li tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali permezz ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li jistgħu jiġu kkonsultati.

128    Ir-rikorrenti tqis li dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell huma vvizzjati bi żbalji.

129    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkritika l-Bord tal-Appell li ddeċieda li kien hemm “nassa ta’ prijorità” billi bbaża ruħu fuq il-kunsiderazzjoni li l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks nazzjonali nħbew u ma setgħux jinstabu minn terzi. Billi uża l-espressjoni “nassa ta’ prijorità”, il-Bord tal-Appell kiser il-prinċipju li, sabiex tiġi ddeterminata l-prijorità jew il-preċedenza, ma huwiex il-mument tar-reġistrazzjoni eventwali li sseħħ sussegwentement, iżda l-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni, li huwa determinanti. Barra minn hekk, ma kinitx teżisti “nassa ta’ prijorità”. L-ewwel nett, it-trade marks nazzjonali li kienu s-suġġett ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni kien hemm riferenzi għalihom f’databases online, pubbliċi u liberament aċċessibbli. Għalhekk, huma setgħu jinstabu mingħajr spejjeż u bi sforz minimu. Id-deċiżjoni ta’ A. li japplika għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks Ġermaniżi u Awstrijaki kienet deċiżjoni konxja, sabiex tiġi żgurata l-viżibbiltà tagħhom u sabiex it-trade marks disponibbli jkunu magħrufa ma’ persuni potenzjalment interessati. Għalhekk l-intervenjenti kellha, jew għall-inqas missha kellha, konoxxenza tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Awstrijaka LUCEO, tas-16 ta’ Marzu 2009. It-tieni nett, sa fejn il-Bord tal-Appell jinvoka nuqqas ta’ trasparenza minħabba l-fatt li r-rikorrenti dehret taħt ismijiet differenti f’perijodu ta’ deċennju u li ċerti trade marks kienu nżammu minn kumpanniji differenti matul dan il-perijodu, din il-kunsiderazzjoni ma hijiex rilevanti u, fi kwalunkwe każ, ma hijiex fondata.

130    L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

131    L-ewwel nett, sa fejn, permezz ta’ dawn l-argumenti, ir-rikorrenti tikkritika l-Bord tal-Appell li qies li terzi bħall-intervenjenti ma setgħux isibu l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni tat-trade marks Ġermaniżi jew Awstrijaki LUCEO, huwa biżżejjed jiġi rrilevat li, fil-punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell espona ċarament li l-konstatazzjoni tal-mala fide ta’ Copernicus ma kinitx tiddependi mill-kwistjoni ta’ jekk kinitx teżisti “nassa ta’ prijorità li ma tingħarafx”. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq il-kunsiderazzjoni li terzi ma setgħux isibu l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade marks Ġermaniżi jew Awstrijaki LUCEO.

132    It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk l-argumenti miġjuba mir-rikorrenti jistgħux juru li l-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell li l-istrateġija ta’ preżentata ta’ applikazzjonijiet ta’ A. kienet affettwata minn nuqqas ta’ trasparenza hijiex żbaljata.

133    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti targumenta li l-Bord tal-Appell ma kellux jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li xi applikazzjonijiet għal trade marks u xi trade marks li jistgħu jiġu attribwiti lil A. ġew ittrasferiti suċċessivament lil diversi kumpanniji marbuta miegħu.

134    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, ir-rikorrenti targumenta ġustament li l-identifikazzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark li l-oppożizzjoni hija jew tista’ tiġi bbażata fuqha ma għandhiex effett fuq il-kwistjoni ta’ jekk teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn żewġ trade marks.

135    Madankollu, kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, dan ma jfissirx li, fiċ-ċirkustanzi deskritti fil-punti 38 u 39 iktar ’il fuq, it-trasferimenti suċċessivi ta’ dritt ta’ trade marks lil kumpanniji differenti ma setgħux jagħmlu l-istrateġija ta’ preżentata abbużiva ta’ applikazzjonijiet segwita minn A. inqas notevoli għal terzi. Fil-fatt, huma kellhom l-effett li jagħmlu inqas apparenti l-fatt li persuna waħda biss, jiġifieri A., kienet il-moħħ wara numru kbir ta’ applikazzjonijiet għal trade marks permezz ta’ kumpanniji differenti u li sitwazzjoni bħal dik preżenti f’din il-kawża ma seħħitx b’kumbinazzjoni, iżda kienet il-konsegwenza ta’ strateġija ta’ preżentata abbużiva ta’ applikazzjonijiet, li kienet tistrieħ fuq sekwenza ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks Ġermaniżi u Awstrijaki.

136    Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti li applikanti għal reġistrazzjoni ta’ trade marks u l-EUIPO setgħu jiddeterminaw li dawn il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni kollha setgħu jiġu attribwiti lil A., peress li dan tal-aħħar kien dejjem imsemmi bħala rappreżentant tal-kumpanniji fid-databases tal-uffiċċju tat-trade marks. Fil-fatt, anki jekk wieħed jassumi li dan kien possibbli għall-każijiet kollha li jirrigwardaw trade marks jew applikazzjonijiet għal trade marks li jistgħu jiġu attribwiti lil A., inkluż dawk li ġew annullati minħabba l-fatt li d-dritt fuq l-applikazzjoni ma kienx tħallas, dan ma jbiddel xejn mill-fatt li t-trasferimenti kellhom l-effett li jagħmlu inqas evidenti, għall-inqas prima facie, il-fatt li l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni inkwistjoni kienu l-espressjoni ta’ strateġija ta’ preżentata abbużiva ta’ applikazzjonijiet użata minn persuna.

137    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat ukoll li, minkejja l-fatt li l-Qorti Ġenerali talbitha tagħti r-raġunijiet għaliex saru t-trasferimenti suċċessivi, ir-rikorrenti ma ressqitx argumenti konkreti f’dan ir-rigward, iżda llimitat ruħha li targumenta, b’mod astratt, li huma seħħew minħabba raġunijiet interni, marbuta mal-istruttura u l-ġestjoni teknika tal-impriża.

138    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta ħa inkunsiderazzjoni trasferimenti suċċessivi ta’ trade marks u ta’ applikazzjonijiet għal trade marks bħala element li jaffettwa t-trasparenza tal-passi meħuda minn A. u l-kumpanniji marbuta miegħu.

139    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument li l-intervenjenti setgħet issib l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni tat-trade marks nazzjonali LUCEO, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ġustament irrileva li l-alternanza bejn l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks Ġermaniżi u Awstrijaki u n-nuqqas ta’ ħlas tad-drittijiet fuq l-applikazzjoni għalihom għamlu l-mod li pproċeda bih A. inqas trasparenti għal terzi. Fil-fatt, wara li terz jiskopri applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Ġermaniża jew Awstrijaka, li għaliha ma kienx tħallas id-dritt fuq l-applikazzjoni, huwa seta’, ċertament, jistenna li dan id-dritt jitħallas u li t-trade mark tiġi rreġistrata. Madankollu, raġonevolment huwa ma setax jistenna li dan id-dritt ma jitħallasx u li, eżatt qabel jiskatta t-terminu ta’ riflessjoni ta’ sitt xhur previst mill-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 207/2009, applikazzjoni oħra għar-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali LUCEO tiġi ppreżentata fi Stat Membru ieħor, peress li tali aġir huwa kontra l-ispirtu tar-Regolament Nru 207/2009 għar-raġunijiet esposti fil-punti 51 u 52 iktar ’il fuq.

140    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell kiser il-prinċipju li, sabiex tiġi ddeterminata l-prijorità jew l-preċedenza, ma huwiex il-mument tar-reġistrazzjoni eventwali li sseħħ sussegwentement, iżda l-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni li huwa determinanti, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell illimita ruħu li jeżamina jekk, fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża, Copernicus kellhiex mala fide, bħalma jipprevedi l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Kuntrarjament għal dak li targumenta r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell għalhekk ma bbażax ruħu fuq il-mument tar-reġistrazzjoni eventwali li seħħet sussegwentement.

141    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi deċiż li l-argumenti miġjuba mir-rikorrenti ma jurux l-eżistenza ta’ żball ta’ evalwazzjoni li jaffettwa l-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell li t-trasferimenti suċċessivi tat-trade marks u l-applikazzjonijiet għal trade marks lil kumpanniji differenti, l-alternanza bejn l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks Ġermaniżi u Awstrijaki u n-nuqqas ta’ ħlas tad-drittijiet fuq l-applikazzjoni għalihom għamlu l-istrateġija ta’ preżentata abbużiva ta’ applikazzjonijiet ta’ A. inqas trasparenti għal terzi.

142    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ressqet argumenti intiżi li jikkontestaw kunsiderazzjonijiet oħrajn tal-Bord tal-Appell dwar in-nuqqas ta’ trasparenza tal-istrateġija ta’ applikazzjoni ta’ A. li jirrigwardaw il-preżentata ta’ dokumenti ta’ prova meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-invokazzjoni ta’ prijorità u l-aċċessibbiltà tal-fajls relatati mal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks Ġermaniżi. F’dan il-kuntest, hija ssemmi wkoll ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, peress li l-Bord tal-Appell ma tahiex iċ-ċans li tagħti l-opinjoni tagħha f’dan ir-rigward. Dawn l-argumenti huma meħuda inkunsiderazzjoni fil-punti 152 sa 156 iktar ’il quddiem.

3.     Fuq l-argumenti diretti lejn id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-mala fide ta’ Copernicus

143    Huwa billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell ma messhiex tiddeċiedi li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi relatati mal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża, Copernicus kellha titqies li kellha mala fide.

144    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, bħalma ġie espost fil-punti 37 sa 108 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma ressqitx argumenti li jistgħu jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ Copernicus kienet tidħol fi strateġija ta’ preżentata abbużiva ta’ applikazzjonijiet li tikkonsisti f’sekwenza suċċessiva ta’ applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks nazzjonali u li hija intiża li tagħti pożizzjoni lil A. li huwa kien juża sabiex jopponi applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni eventwali ta’ sinjali identiċi jew simili ppreżentati minn terzi, billi jinvoka l-prijorità għal applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea. It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li ebda wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti ma jista’ jaffettwa l-kunsiderazzjoni li tali aġir ma huwiex konformi mal-għanijiet tar-Regolament Nru 207/2009, għaliex huwa intiż li jevadi t-terminu ta’ riflessjoni ta’ sitt xhur previst mill-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament u l-perijodu ta’ konċessjoni ta’ ħames snin previst mill-Artikolu 51(1)(a) tiegħu. It-tielet nett, bħalma jirriżulta mill-punti 109 sa 126 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma ressqitx argumenti ta’ natura li jxejnu l-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li Copernicus kellha l-intenzjoni li tuża t-trade mark kontenzjuża billi topponi għal applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni bħal dik tal-intervenjenti u billi tieħu vantaġġi ekonomiċi minn din l-oppożizzjoni. Ir-raba’ nett, bħalma ġie espost fil-punti 127 sa 141 iktar ’il fuq, l-argumenti tagħha ma jistgħux iġibu fid-dubju l-fondatezza tal-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li ċerti elementi kellhom l-effett li jagħmlu l-istrateġija ta’ preżentata abbużiva ta’ applikazzjonijiet ta’ A. inqas apparenti għal terzi, jiġifieri trasferimenti suċċessivi tat-trade marks u l-applikazzjonijiet għal trade marks lil kumpanniji differenti, l-alternanza bejn l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks Ġermaniżi u Awstrijaki u n-nuqqas ta’ ħlas tad-drittijiet fuq l-applikazzjoni.

145    Għandu jiġi kkonstatat li dawn l-elementi jippermettu li jiġi deċiż biss li Copernicus kellha mala fide fil-preżentata tat-trade mark kontenzjuża. Fil-fatt, bħalma l-Bord tal-Appell iddeċieda ġustament fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari hemm mala fide meta l-applikazzjonijiet għal trade marks jiddevjaw mill-għan inizjali tagħhom u huma magħmula b’mod spekulattiv jew biss sabiex jinkiseb kumpens finanzjarju. Issa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ġustament iddeċieda li s-sekwenza tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade marks Ġermaniżi u Awstrijaki LUCEO magħmula minn A. kellha l-għan li tagħtih pożizzjoni li minnha jkun jista’ jopponi li huwa kien juża sabiex ikun jista’ jinvoka l-prijorità għal applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, meta terz japplika għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea identika jew simili. Għalhekk, meta Copernicus applikat għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża, hija ma kellhiex l-intenzjoni li tuża l-funzjoni essenzjali tagħha, jiġifieri dik li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità tal-oriġini tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni, billi permezz tagħha jkun jista’ jiddistingwi mingħajr il-possibbiltà ta’ konfużjoni dan il-prodott jew servizz minn dawk ta’ oriġini differenti (ara l-punt 29 iktar ’il fuq), iżda kellha l-intenzjoni li tużaha sabiex twaqqaf ir-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea LUCEA LED li applikat għaliha l-intervenjenti u sabiex tieħu vantaġġi ekonomiċi mill-pożizzjoni tagħha li minnha tkun tista’ topponi.

146    Ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma jista’ jikkontesta din il-konklużjoni.

147    L-ewwel nett, ir-rikorrenti targumenta li Copernicus ma fittxitx li żżomm lill-intervenjenti milli tuża trade mark li hija kienet diġà tuża qabel. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, l-eżistenza ta’ tali rieda jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li jistgħu jindikaw l-eżistenza ta’ mala fide fis-sens tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Madankollu, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, l-assenza ta’ tali rieda ma tipprekludix li tkun ikkonstatata l-mala fide tal-applikant (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, BIGAB, T‑33/11, EU:T:2012:77, punt 20). Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

148    It-tieni nett, ir-rikorrenti targumenta li, f’dan il-każ, ma kienx hemm nassa ta’ prijorità li ma tintagħrafx minn terzi. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jiġi kkonstatat li, bħalma ġie espost fil-punti 131 u 143 sa 145 iktar ’il fuq, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkonkluda ġustament li Copernicus kellha mala fide, anki fis-sitwazzjoni li kieku ma kienx impossibbli, għal terz, li jsib l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks nazzjonali.

149    It-tielet nett, ir-rikorrenti targumenta li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Awstrijaka LUCEO, tas-16 ta’ Marzu 2009, kienet diġà tikkostitwixxi pożizzjoni legali stabbilita u li kien l-interess leġittimu ta’ Copernicus li tapplika għar-reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża u li tinvoka l-prijorità għaliha billi tibbaża ruħha fuq l-imsemmija applikazzjoni, fit-terminu ta’ prijorità.

150    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li, minħabba l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 49 sa 52 iktar ’il fuq, l-istrateġija ta’ preżentata ta’ applikazzjonijiet li kienet tidħol fiha l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża ma tistax titqies bħala konformi mal-ispirtu tar-Regolament Nru 207/2009.

151    Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, li hija aġixxiet fil-qafas tar-regoli previsti mir-Regolament Nru 207/2009, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi l-annullament ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea meta l-applikant ikun aġixxa b’mala fide meta jkun ippreżenta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha u għalhekk jikkwalifika l-applikazzjoni tar-regoli invokati mir-rikorrenti.

152    Minn dan jirriżulta li, iffaċċjata biċ-ċirkustanzi mfakkra fil-punt 144 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell ġustament iddeċieda li Copernicus aġixxiet b’mala fide meta ippreżentat l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża.

153    Għalhekk, il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell dwar il-mala fide ta’ Copernicus tista’ diġà tiġi kkonfermata abbażi taċ-ċirkustanzi mqassra fil-punt 144 iktar ’il fuq.

154    Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti msemmija fil-punt 142 iktar ’il fuq u li huma intiżi li jikkontestaw xi kunsiderazzjonijiet oħrajn tal-Bord tal-Appell dwar in-nuqqas ta’ trasparenza tal-istrateġija ta’ preżentata abbużiva ta’ applikazzjonijiet ta’ A. għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi. Fil-fatt, l-ewwel nett, dawn l-argumenti huma intiżi li juru n-natura żbaljata tal-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell li tidher fil-punti 23 u 24 tad-deċiżjoni kkontestata li, fil-qafas tal-mala fide, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li Copernicus ma kinitx ippreżentat id-dokumenti ta’ prova meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-invokazzjoni ta’ prijorità u li l-fatt biss li l-fajl tat-trade mark kontenzjuża ma kellu ebda dokument li jippermetti li tiġi vverifikata l-fondatezza tal-invokazzjoni ta’ prijorità kien jidħol diġà fi strateġija ta’ ħabi u ta’ nuqqas ta’ trasparenza delibera. It-tieni nett, huma intiżi li juru li l-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell li tidher fil-punt 47 tad-deċiżjoni kkontestata, li n-nuqqas ta’ trasparenza dwar l-invokazzjoni ta’ prijorità kienet tirriżulta wkoll mill-fatt li l-fajls relatati mal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks Ġermaniżi ma kinux iktar aċċessibbli, kienet żbaljata. Issa, fid-dawl ta’ dak espost fil-punti 143 sa 153 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti kienu juru li dawn il-kunsiderazzjonijiet kienu vvizzjati bi żbalji ta’ evalwazzjoni, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-mala fide ta’ Copernicus għandha tiġi kkonfermata.

155    Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell kiser it-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 billi ma tax ċans lil Copernicus jew lill-proprjetarji sussegwenti tat-trade mark kontenzjuża li jagħtu l-opinjoni tagħhom fir-rigward tal-aċċessibbiltà tal-fajls relatati mal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks Ġermaniżi għandu wkoll jiġi miċħud bħala ineffettiv.

156    Għalhekk, kemm l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li jikkontestaw il-konstatazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar iċ-ċirkustanzi relatati mal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark kontenzjuża, kif ukoll dawk dwar id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-mala fide ta’ Copernicus, għandhom jiġu miċħuda.

4.     Fuq l-argumenti bbażati fuq il-mala fide tal-intervenjenti jew tal-avukat tagħha

157    Ir-rikorrenti targumenta wkoll li l-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni tal-mala fide tal-intervenjenti u tal-avukat tagħha. F’dan il-kuntest, hija tinvoka, essenzjalment, li, fil-passat, l-avukat tal-intervenjenti kien is-sieħeb ta’ A. u għalhekk kien jaf il-mudell kummerċjali tiegħu. L-intervenjenti stess aġixxiet b’mala fide, meta applikat għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea LUCEA LED, minkejja li hija kienet taf bl-eżistenza tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Awstrijaka LUCEO, tas-16 ta’ Marzu 2009. Fid-dawl tar-relazzjoni bejn A. u l-avukat tal-intervenjenti, il-Bord tal-Appell kellu jagħti ħarsa kritika lejn l-affermazzjonijiet tal-intervenjenti.

158    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mill-punti 17 u 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li skont huma r-relazzjoni eżistenti bejn A. u l-avukat tal-intervenjenti ma kinitx tagħmel ir-rikors tagħha quddiem l-EUIPO inammissibbli, jirriżulta li l-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni tal-argumenti tar-rikorrenti dwar din ir-relazzjoni.

159    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li, f’din il-kawża, il-Bord tal-Appell ma ħax biżżejjed inkunsiderazzjoni tal-mala fide tal-intervenjenti, għandu jiġi kkonstatat, ċertament, li, anki jekk wieħed jassumi li l-mala fide tal-intervenjenti hija pprovata, hija għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-qafas ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità magħmula kontra t-trade mark li hija proprjetarju tagħha, jiġifieri t-trade mark LUCEA LED. Min-naħa l-oħra, f’dawn il-proċedimenti, li jirrigwardaw it-trade mark kontenzjuża LUCEO u li fihom il-Bord tal-Appell stabbilixxa li Copernicus kellha mala fide meta ppreżentat l-applikazzjoni għal din it-trade mark, mala fide eventwali tal-intervenjenti ma tistax turi żball li jaffettwa d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li d-dikjarazzjoni tal-annullament tat-trade mark kontenzjuża kienet iġġustifikata. Fil-fatt, bħalma ġustament irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġuni ta’ invalidità għal mala fide hija bbażata fuq interess pubbliku u għalhekk ma tistax tiddependi mill-mala fide tal-persuna li titlob l-invalidità tat-trade mark.

160    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tispeċifikax l-“informazzjoni minn ġewwa” tal-avukat tal-intervenjenti li dan tal-aħħar seta’ japprofitta ruħu minnha b’mod diżonest. Fil-fatt, fid-dawl tan-natura abbużiva tal-istrateġija ta’ preżentata ta’ applikazzjonijiet ta’ A. (ara l-punti 49 sa 52 iktar ’il fuq), l-avukat tal-intervenjenti ma kienx obbligat jastjeni minn li jassisti klijent sabiex japplika għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark li setgħet tidħol f’kunflitt ma’ sinjal affettwat minn din l-istrateġija.

161    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell kellu jagħti ħarsa kritika lejn l-affermazzjonijiet tal-intervenjenti, għandu jitfakkar li, suġġett għall-argumenti tar-rikorrenti li ma ġewx eżaminati minħabba n-natura ineffettiva tagħhom (ara l-punti 154 u 155 iktar ’il fuq), l-eżami tal-argumenti tagħha ma wera ebda ksur, mill-Bord tal-Appell, tal-obbligu ta’ eżami ex officio tal-fatti previst fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jew tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Fir-rigward tal-bqija, dan l-ilment għandu, barra minn hekk, jiġi miċħud skont l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tat-2 ta’ Mejju 1991, peress li r-rikorrenti ma speċifikatx il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell li dan l-ilment huwa dirett lejhom.

162    Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni tal-mala fide tal-intervenjenti għandu wkoll jiġi miċħud u, għalhekk, l-argumenti kollha mressqa insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

163    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rikors għandu għalhekk jiġi miċħud fit-totalità tiegħu mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

164    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO u mill-intervjenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Copernicus-Trademarks Ltd għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u ta’ Maquet GmbH.

Berardis

Czúcz

Popescu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Lulju 2016.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.