Language of document : ECLI:EU:T:2016:396

Kawża T‑82/14

Copernicus-Trademarks Ltd

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea LUCEO – Motiv assolut ta’ rifjut – Mala fide fil-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni – Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tas‑7 ta’ Lulju 2016

1.      Proċedura ġudizzjarja – Eżami tal-mertu qabel eżami tal-ammissibbiltà – Ammissibbiltà

2.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Applikant in mala fide fil-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha li kienu jeżistu fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni – Intenzjoni tal-applikant – Oriġini tas-sinjal ikkontestat – Loġika kummerċjali li fuqha hija bbażata r-reġistrazzjoni tas-sinjal ikkontestat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea – Kronoloġija tal-ġrajjiet li kkaratterizzaw il-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 52(1)(b))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 21)

2.      Il-kunċett ta’ mora [mala fide] imsemmi fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea jirrelata mal-motivazzjoni suġġettiva tal-persuna li tippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark, jiġifieri intenzjoni diżonesta jew motiv ħażin ieħor. Huwa jimplika aġir li jmur lil hinn mill-prinċipji aċċettati ta’ mġiba etika jew prattiki onesti fil-kummerċ jew negozju.

Sabiex jiġi evalwat jekk applikant għandux mala fide, għandu b’mod partikolari jiġi eżaminat jekk huwa għandux l-intenzjoni li juża t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-funzjoni essenzjali ta’ trade mark hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità tal-oriġini tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni, billi permezz tagħha jkun jista’ jiddistingwi mingħajr il-possibbiltà ta’ konfużjoni dan il-prodott jew servizz minn dawk ta’ oriġini differenti.

L-intenzjoni li titwaqqaf il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tikkaratterizza l-mala fide tal-applikant. Dan huwa partikolarment il-każ meta jirriżulta, sussegwentement, li dan tal-aħħar ikun irreġistra sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea mingħajr l-intenzjoni li jużaha, unikament sabiex jipprekludi d-dħul fis-suq ta’ terz.

L-intenzjoni tal-applikant fil-mument rilevanti hija element suġġettiv li għandu jiġi evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami u li kienu jeżistu fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal bħal trade mark tal-Unjoni Ewropea. Normalment din il-motivazzjoni tkun stabbilita b’riferiment għal kriterji oġġettivi, fosthom, b’mod partikolari, jekk il-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħmilx sens kummerċjalment.

Fil-kuntest tal-analiżi komprensiva magħmula skont l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-oriġini tas-sinjal ikkontestat u l-użu tiegħu minn meta ġie kkreat, jekk il-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tas-sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea tagħmilx sens kummerċjalment, kif ukoll il-kronoloġija tal-avvenimenti li kkaratterizzaw l-imsemmija preżentata.

Huwa l-applikant li biħsiebu jibbaża ruħu fuq dan il-motiv għal invalidità assoluta li għandu jipprova ċ-ċirkustanzi li jwasslu għall-konklużjoni li l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea kellu mala fide meta ppreżenta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ din tal-aħħar.

(ara l-punti 28‑33)