Language of document : ECLI:EU:C:2017:407

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-30 ta’ Mejju 2017 (1)

Kawża C-165/16

Toufik Lounes

vs

Secretary of State for the Home Department

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), diviżjoni tal-Queen’s Bench (qorti amministrattiva), ir-Renju Unit]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 21 TFUE – Direttiva 2004/38/KE – Benefiċjarji – Ċittadin tal-Unjoni li kiseb in-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti filwaqt li żamm in-nazzjonalità ta’ oriġini tiegħu – Effetti tal-kisba miċ-ċittadin tal-Unjoni tan-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti fuq l-intitolament għad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2004/38 – Dritt ta’ residenza, f’dan l-Istat Membru, ta’ membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin li huwa ċittadin ta’ Stat terz”






I.      Introduzzjoni

1.        Ċittadin tal-Unjoni, li jkun eżerċita d-drittijiet ta’ libertà ta’ moviment u ta’ residenza tiegħu konformement mad-Direttiva 2004/38/KE(2) u li jkun kiseb in-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti, għadu jista’ jinvoka f’ismu u/jew f’isem il-konjuġi tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz, id-drittijiet u l-libertajiet mogħtija mill-imsemmija direttiva, fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħha?

2.        Din hija essenzjalment il-kwistjoni li tqajjem din id-domanda preliminari.

3.        Il-kwistjoni fil-fatt tqum sa fejn, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, il-“benefiċjarji” tad-drittijiet mogħtija minnha huma ċ-“ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u [l-]membri tal-familja tagħhom […] li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom” (3).

4.        Għaldaqstant, id-domanda li qiegħda ssir lill-Qorti tal-Ġustizzja hija dwar jekk il-fatt li ċittadin tal-Unjoni jikseb in-nazzjonalità tal-Istat Membru li ttrasferixxa ruħu lejh u li rrisjeda fih skont din id-direttiva, jistax iċaħħdu, kif ukoll lill-konjuġi tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz, mid-drittijiet li kiseb preċedentement taħt din id-direttiva u li, sa issa, huwa bbenefika bis-sħiħ minnhom.

5.        Din hija l-pożizzjoni adottata mis-Secretary of State for the Home Department (ministru tal-intern, ir-Renju Unit) f’din il-kawża, u li qiegħda tiġi invokata mir-Renju Unit.

6.        Fil-kawża bejnu u Toufik Lounes, ta’ nazzjonalità Alġerina, il-ministru tal-intern fil-fatt ċaħad it-talba tiegħu għal permess ta’ residenza minħabba li l-konjuġi tiegħu, ċittadina tal-Unjoni, kisbet in-nazzjonalità Brittanika permezz tan-naturalizzazzjoni, li issa teskludiha mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2004/38.

7.        Dan il-każ ma għandux preċedent, iżda kif tispeċifika l-qorti tar-rinviju, jaqa’ taħt kawża pilota fir-Renju Unit (4).

8.        Is-sentenza li ser tingħata ma hijiex ser telimina d-diffikultajiet kollha li jqajjem il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-direttiva. Din ser ikollha, l-ewwel nett, importanza prattika, peress li s-sitwazzjonijiet li fihom ċittadini tal-Unjoni jkunu jixtiequ jsiru ċittadini tal-Istat Membru ospitanti jistgħu jkunu frekwenti, u t-tieni nett, importanza teoretika, peress li din id-deċiżjoni ser tikkontribwixxi, fil-linja tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-kostruzzjoni tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

9.        F’dan ir-rigward, is-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, O. U B. (5), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-imsemmija direttiva, tindika, fil-fehma tiegħi, raġunament li hija biħsiebha ssegwi f’tilwima bħal dik inkwistjoni u tippermetti, konsegwentement, li jiġi żviluppat qafas ta’ interpretazzjoni utli għar-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-kawża preżenti.

10.      F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi għalhekk ir-raġunijiet li għalihom ċittadin tal-Unjoni li, bħal Perla Nerea García Ormazábal f’din il-kawża, ikun kiseb in-nazzjonalità tal-Istat Membru li ttrasferixxa ruħu lejh u li rrisjeda fih fuq il-bażi tad-Direttiva 2004/38, ma jaqax iktar taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva b’tali mod li din tal-aħħar la tapplika għalih stess u lanqas għall-membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz.

11.      Madankollu, ser nispjega li l-effett utli tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 21(1) TFUE jeżiġi li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, iċ-ċittadin tal-Unjoni li jkun kiseb in-nazzjonalità tal-Istat Membru li rrisjeda fih b’mod effettiv, skont u b’osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva, u li matul dan il-perijodu, bena ħajja familjari ma’ ċittadin ta’ Stat terz, ma jistax jingħata trattament inqas favorevoli minn dak li jkun ibbenefika minnu fl-imsemmi Stat, skont id-Direttiva 2004/38, qabel in-naturalizzazzjoni tiegħu, u minn dak li ser ikun intitolat għalih taħt id-dritt tal-Unjoni jekk jittrasferixxi ruħu lejn Stat Membru ieħor.

 II.      Il-kuntest ġuridiku

 A.      Id-dritt tal-Unjoni

 1.      Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE

12.      Skont l-Artikolu 21(1) TFUE, “[k]ull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda biex dan jitwettaq”.

 2.      Id-Direttiva 2004/38

13.      L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

a)      il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom;

b)      id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom;

[…]”

14.      Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1)      ‘ċittadin ta’ l-Unjoni’ tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru;

2)      ‘membru tal-familja’ tfisser:

a)      ir-raġel jew martu [il-konjuġi];

[…]

3)      ‘Stat Membru ospitanti’ tfisser l-Istat Membru li jmur fih ċittadin ta’ l-Unjoni sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u residenza.”

15.      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Benefiċjarji”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.”

16.      L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, intitolat “Regola ġenerali għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom”, jipprovdi:

“1.      Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. Dan id-dritt m’għandux ikun suġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III.

2.      Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għall-membri tal-familja li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru u li għexu legalment maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin.

[…]”

 B.      Id-dritt tar-Renju Unit

17.      Id-Direttiva 2004/38 ġiet trasposta fid-dritt tar-Renju Unit mill-Immigration (European Economic Area) Regulations 2006 (2006/1003) [regolamenti dwar l-immigrazzjoni tal-2006 (Żona Ekonomika Ewropea), iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti 2006/1003”]. Dawn ir-regolamenti jużaw il-kliem “ċittadin taż-ŻEE” minflok il-kliem “ċittadin tal-Unjoni”.

18.      Fil-verżjoni inizjali tiegħu, l-Artikolu 2 tal-imsemmija regolamenti kien jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ċittadin taż-ŻEE” bħala “kull ċittadin ta’ Stat taż-ŻEE”, bil-preċiżjoni li r-Renju Unit huwa eskluż mill-kunċett ta’ “Stat taż-ŻEE”.

19.      Wara żewġ emendi suċċessivi (6), l-Artikolu 2 tar-Regolamenti 2006/1003 fil-preżent jipprevedi kif ġej:

“‘ċittadin taż-ŻEE’ tfisser kull ċittadin ta’ Stat taż-ŻEE li ma huwiex ukoll ċittadin Brittaniku”.

20.      L-Artikoli 6, 7, 14 u 15 ta’ dawn ir-regolamenti jiżguraw it-traspożizzjoni tal-Artikoli 2, 7 u 16 tad-Direttiva 2004/38 billi essenzjalment jirripproduċuhom.

 III.      Il-fatti u d-domanda preliminari

21.      P. N. García Ormazábal, ċittadina Spanjola, ittrasferixxiet ruħha lejn ir-Renju Unit matul ix-xahar ta’ Settembru 1996 sabiex tistudja qabel ġiet impjegata full-time mal-ambaxxata tat-Turkija f’Londra b’effett mix-xahar ta’ Settembru 2004. Fit-12 ta’ Awwissu 2009, hija kisbet in-nazzjonalità Brittanika permezz tan-naturalizzazzjoni u ngħatat passaport Brittaniku, filwaqt li żammet ukoll in-nazzjonalità Spanjola tagħha.

22.      T. Lounes, ta’ nazzjonalità Alġerina, daħal ir-Renju Unit fl-20 ta’ Jannar 2010 b’viża ta’ viżitatur għal sitt xhur, u sussegwentement baqa’ fit-territorju Brittaniku illegalment. P. N. García Ormazábal bdiet relazzjoni ma’ T. Lounes fl-2013. P. N. García Ormazábal P u T. Lounes iżżewġu bil-knisja fl-1 ta’ Jannar 2014, u wara biċ-ċivil f’Londra fis-16 ta’ Mejju 2014. Huma ilhom minn dakinhar jirrisjedu fir-Renju Unit.

23.      Fil-15 ta’ April 2014, T. Lounes talab lill-ministru tal-intern joħroġlu permess ta’ residenza bħala membru tal-familja ta’ ċittadina taż-ŻEE, skont ir-Regolamenti 2006/1003, li jittrasponu d-Direttiva 2004/38 fid-dritt tar-Renju Unit.

24.      Fl-14 ta’ Mejju 2014, huwa ġie nnotifikat b’avviż, flimkien ma’ deċiżjoni ta’ tneħħija mir-Renju Unit, li kien eċċeda t-tul ta’ residenza awtorizzat f’dan l-Istat bi ksur tal-kontrolli fil-qasam tal-immigrazzjoni.

25.      Barra minn hekk, permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Mejju 2014, il-ministru tal-intern informa lil T. Lounes li t-talba tiegħu għal permess ta’ residenza ġiet miċħuda. Din l-ittra kienet tindika li, wara l-emenda tal-Artikolu 2 tar-Regolamenti 2006/1003 bir-Regolamenti 2012/1547 u 2012/2560, P. N. García Ormazábal ma kinitx għadha meqjusa bħala “ċittadin[a] taż-ŻEE” peress li hija kienet kisbet in-nazzjonalità Brittanika fit-12 ta’ Awwissu 2009, u dan minkejja l-fatt li hija kienet żammet ukoll in-nazzjonalità Spanjola tagħha. Għalhekk, hija ma baqgħetx tibbenefika mid-drittijiet mogħtija mir-Regolamenti 2006/1003 kif ukoll mid-Direttiva 2004/38 fir-Renju Unit. Għalhekk, T. Lounes ma setax jitlob permess ta’ residenza bħala membru tal-familja ta’ ċittadin taż-ŻEE skont l-imsemmija regolamenti.

26.      Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li ċ-ċittadini Brittaniċi li jkollhom ukoll in-nazzjonalità ta’ Stat Membru taż-ŻEE qabel kienu meqjusa bħala ċittadini taż-ŻEE fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolamenti 2006/1003 u għalhekk setgħu jibbenefikaw mid-drittijiet mogħtija minn dawn ir-regolamenti. Madankollu, b’effett mid-dħul fis-seħħ ta’ din l-emenda, dan ma għadux il-każ. Għaldaqstant, T. Lounes ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2014 imsemmija iktar ’il fuq quddiem il-qorti tar-rinviju.

27.      Din il-qorti tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-Artikolu 21 TFUE u mad-Direttiva 2004/38, tal-Artikolu 2 tar-Regolamenti 2006/1003, kif emendat mir-Regolamenti 2012/1547 u 2012/2560.

28.      F’dan ir-rigward, hija tispeċifika li din l-emenda ssegwi s-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy (7), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li d-Direttiva 2004/38 ma tapplikax għal ċittadin tal-Unjoni li qatt ma għamel użu mid-dritt ta’ moviment liberu tiegħu, li dejjem irrisjeda fi Stat Membru li għandu n-nazzjonalità tiegħu u li, barra minn hekk, għandu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor.

29.      Madankollu, f’dan il-każ, huwa paċifiku li, qabel kisbet in-nazzjonalità Brittanika, P. N. García Ormazábal għamlet użu mil-libertà ta’ moviment tagħha u kisbet dritt ta’ residenza fir-Renju Unit bħala ċittadina Spanjola taħt id-Direttiva 2004/38.

30.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk, bħalma jsostni l-ministru tal-intern, P. N. García Ormazábal u l-membru tal-familja tagħha tilfux l-intitolament għad-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva fir-Renju Unit b’effett mid-data meta hija kisbet in-nazzjonalità f’dan l-Istat Membru, jew jekk, bħalma jsostni T. Lounes, għalkemm kisbet in-nazzjonalità Brittanika, P. N. García Ormazábal għandhiex tibqa’ titqies bħala “benefiċjarja” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, b’mod li hija, kif ukoll il-membru tal-familja li jakkumpanjaha, jistgħu jibqgħu jinvokaw id-drittijiet iggarantiti minnha. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk ir-risposta għal din id-domanda tistax tkun differenti skont jekk P. N. García Ormazábal kellhiex dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur abbażi tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jew dritt ta’ residenza permanenti fir-Renju Unit abbażi tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38.

31.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), diviżjoni tal-Queen’s Bench (qorti amministrattiva), ir-Renju Unit], iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Meta persuna li għandha n-nazzjonalità Spanjola u hija ċittadin tal-Unjoni:

i.      tmur tgħix fir-Renju Unit fl-eżerċizzju tad-dritt tagħha għall-moviment liberu skont id-Direttiva 2004/38; u

ii.      tirrisjedi fir-Renju Unit fl-eżerċizzju tad-dritt li jipprovdilha l-Artikolu 7 jew l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva; u

iii.      sussegwentement tikseb iċ-ċittadinanza Brittanika, li hija tippossjedi flimkien maċ-ċittadinanza tagħha Spanjola bħala ċittadinanza doppja; u

iv.      bosta snin wara li tikseb iċ-ċittadinanza Brittanika, tiżżewweġ ċittadin ta’ pajjiż terz li miegħu tirrisjedi fir-Renju Unit;

hija u l-konjuġi tagħha t-tnejn li huma jibbenefikaw mill-imsemmija direttiva fis-sens tal-Artikolu 3(1) meta hija tirrisjedi fir-Renju Unit u għandha kemm iċ-ċittadinanza Spanjola kif ukoll dik Brittanika?”

 IV.      Analiżi

32.      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ċittadin tal-Unjoni li, bħal P. N. García Ormazábal, ikun kiseb in-nazzjonalità tal-Istat Membru li fih irrisjeda b’mod effettiv u permanenti, skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38, jaqax taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, b’mod li l-konjuġi tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz, ikun jista’ effettivament jinvoka dritt ta’ residenza dderivat fl-imsemmi Stat.

33.      Għaldaqstant, il-Qorti qiegħda essenzjalment tintalab tirrispondi jekk, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, Stat Membru għandux dritt li jirrifjuta d-dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadina tal-Unjoni, meta din tal-aħħar, wara li tkun eżerċitat id-drittijiet tagħha ta’ libertà ta’ moviment u ta’ residenza konformement mad-Direttiva 2004/38, tkun kisbet in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat, filwaqt li żammet in-nazzjonalità ta’ oriġini tagħha.

34.      Qabel nibda neżamina din id-domanda, jeħtieġ li nagħmel osservazzjoni preliminari.

35.      Fil-fatt, jidhirli li huwa importanti nindika li, kuntrarjament għal dak li jidher li qiegħed jissuġġerixxi l-Gvern tar-Renju Unit, is-sitwazzjoni inkwistjoni ma tistax titqabbel ma’ sitwazzjoni purament interna. Għalkemm P. N. García Ormazábal hija preżentement ċittadina Brittanika, ir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza favur il-konjuġi tagħha, ċittadin ta’ Stat terz, ma jirriżultax biss mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha.

36.      L-ewwel nett, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, il-fattur ta’ konnessjoni mad-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, huwa evidenti.

37.      Fil-fatt, huwa minħabba l-eżerċizzju stess tad-drittijiet ta’ moviment liberu u ta’ residenza tagħha li P. N. García Ormazábal setgħet tibbenefika minn dritt ta’ residenza permanenti fir-Renju Unit, u huwa fuq il-bażi ta’ dan il-permess ta’ residenza permanenti u legali, mogħti fuq il-bażi tal-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, li hija kisbet in-nazzjonalità Brittanika, u dan konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat (8).

38.      Għaldaqstant, teżisti rabta inseparabbli bejn l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-imsemmija direttiva lil P. N. García Ormazábal u l-kisba minn din tal-aħħar tan-nazzjonalità Brittanika. Konsegwentement, inqis li r-Renju Unit ma jistax issa jeskludi, minħabba r-raġuni biss li hija ġiet innaturalizzata f’dan l-Istat, id-drittijiet li hija eżerċitat fuq il-bażi tad-dritt idderivat tal-Unjoni, u bl-istess mod lanqas ma jista’ jeskludi l-fatt li hija żammet in-nazzjonalità ta’ oriġini tagħha, jiġifieri n-nazzjonalità Spanjola.

39.      Għaldaqstant, huwa evidenti li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li, bħal P. N. García Ormazábal, ikun jinsab f’sitwazzjoni li tista’ timplika t-telf tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2004/38, minħabba n-naturalizzazzjoni tiegħu, taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni minħabba n-natura u l-konsegwenzi tagħha.

40.      It-tieni nett, jeħtieġ jitfakkar li, minkejja li d-definizzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ ksib u telf tan-nazzjonalità taqa’ effettivament, u konformement mad-dritt internazzjonali, taħt il-kompetenza ta’ kull Stat Membru, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta madankollu li din il-kompetenza għandha tiġi eżerċitata b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni (9). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (10), dwar deċiżjoni ta’ rtirar tan-naturalizzazzjoni, li din il-kompetenza, meta tiġi eżerċitata fir-rigward ta’ ċittadin tal-Unjoni u meta tkun taffettwa d-drittijiet mogħtija u protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

41.      Konsegwentement, il-fatt li kwistjoni taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri ma jipprekludix li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni li taqa’ manifestament taħt id-dritt tal-Unjoni, ir-regoli nazzjonali kkonċernati josservaw dan id-dritt tal-aħħar.

42.      Fid-dawl ta’ dan, jeħtieġ issa li tiġi eżaminata d-domanda li għamlet il-qorti tar-rinviju.

43.      L-eżami tagħha jeżiġi, l-ewwel nett, li jiġi analizzat jekk P. N. García Ormazábal tistax taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 bħala “benefiċjarja” fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, tad-drittijiet mogħtija minnha.

44.      Din l-analiżi preliminari hija meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat jekk ċittadin ta’ Stat terz, bħall-konjuġi tagħha, li huwa ċertament membru tal-familja tagħha fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-direttiva, jistax igawdi minn dritt ta’ residenza dderivat, fuq il-bażi tad-Direttiva 2004/38.

45.      Fil-fatt, infakkar li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma jagħtu ebda dritt awtonomu liċ-ċittadini ta’ Stat terz (11). Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet possibbli li jistgħu jingħataw liċ-ċittadini ta’ Stati terzi mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma humiex drittijiet awtonomi, iżda drittijiet idderivati mill-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza minn ċittadin tal-Unjoni. Għalhekk, dritt ta’ residenza dderivat favur ċittadin ta’ Stat terz jeżisti biss, bħala prinċipju, meta huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv minn ċittadin tal-Unjoni tad-drittijiet tiegħu ta’ libertà ta’ moviment u ta’ residenza fl-Unjoni (12).

46.      Li kieku dawn iż-żewġ persuni jitqiesu li ma jaqgħux jew li ma jaqgħux iktar taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarji” tad-drittijiet mogħtija mill-imsemmija direttiva, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tagħha, ikun għaldaqstant meħtieġ li jiġi vverifikat jekk T. Lounes jistax xorta waħda jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat ibbażat direttament fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

 A.      Fuq il-kwalità ta’ “benefiċjarja” ta’ P. N. García Ormazábal fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38

47.      Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, iċ-“ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u [l-membri] tal-familja tagħhom […] li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom” huma “benefiċjarji” tad-drittijiet mogħtija minnha” (13).

48.      Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tattribwixxi lin-nazzjonalità kriterju li jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-imsemmija direttiva b’mod li l-kisba minn P. N. García Ormazábal tan-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti evidentement kienet tinvolvi bidla tas-sistema legali applikabbli fir-rigward tagħha. Huwa fuq din il-bażi li r-Renju Unit jibbaża ruħu sabiex juri li P. N. García Ormazábal ma tistax taqa’ iktar taħt din id-definizzjoni minħabba n-naturalizzazzjoni tagħha.

49.      Għalkemm huwa evidenti li P. N. García Ormazábal kienet taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 meta eżerċitat il-libertà ta’ moviment tagħha billi telqet minn Spanja, jiġifieri l-Istat Membru ta’ oriġini tagħha, sabiex tittrasferixxi ruħha lejn ir-Renju Unit fix-xahar ta’ Settembru 1996 u tirrisjedi hemmhekk, għall-ewwel bħala studenta, imbagħad bħala impjegata mal-ambaxxata tat-Turkija (14), il-fatt li fit-12 ta’ Awwissu 2009, hija kisbet in-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti, fejn ilha tirrisjedi b’mod kontinwu u mingħajr interruzzjoni mill-1996, jeskludiha mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-direttiva.

50.      Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva ma għandhomx jiġu interpretati b’mod restrittiv, il-fatt jibqa’ li l-kliem tal-Artikolu 3(1) tagħha, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħha għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru għajr dak li għandhom in-nazzjonalità tiegħu.

51.      Għaldaqstant, jekk il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-direttiva jiġi estiż għal ċittadin tal-Unjoni li, bħal P. N. García Ormazábal, ikun kiseb in-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti, dan ikun imur kontra l-kliem tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 u l-ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja.

52.      Fil-fatt, jeħtieġ li jsir riferiment għall-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva fis-sentenza O. u B., liema interpretazzjoni tindika, fil-fehma tiegħi, ir-raġunament li biħsiebha ssegwi f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni u tagħti gwida għar-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

53.      Din il-kawża kienet tikkonċerna r-rifjut mill-awtoritajiet Olandiżi li jagħtu lil O. (15) u B. (16) attestazzjoni li tiċċertifika r-residenza legali tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi bħala membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li, wara li kien eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu abbażi tal-Artikolu 21(1) TFUE, irritorna fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu.

54.      Il-qorti tar-rinviju staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 u l-Artikolu 21(1) TFUE għandhomx għalhekk jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil Stat Membru milli jirrifjuta tali dritt ta’ residenza.

55.      Skont il-linja tas-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh (17) u tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind (18), il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk speċifikat il-kundizzjonijiet li fihom iċ-ċittadini ta’ Stati terzi, membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, setgħu jibbenefikaw, skont id-dritt tal-Unjoni, minn dritt ta’ residenza dderivat sabiex jirrisjedu maċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru li dan tal-aħħar ikollu n-nazzjonalità tiegħu.

56.      Il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet l-applikabbiltà ta’ din id-direttiva billi kkonstatat li ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, ma jistax jinvoka, abbażi ta’ din id-direttiva, dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru li dan iċ-ċittadin ikollu n-nazzjonalità tiegħu (19).

57.      Għal dan l-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq interpretazzjoni letterali, sistematika u teleoloġika tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

58.      It-termini tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, l-istess bħall-formulazzjoni tal-Artikolu 6, tal-Artikolu 7(1) u (2), u tal-Artikolu 16(1) u (2) tagħha, li jirregolaw id-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni u d-dritt ta’ residenza dderivat tal-membri tal-familja ta’ dan tal-aħħar kemm fi “Stat Membru ieħor”, kif ukoll fl-“Istat Membru ospitanti” – tassew jikkonfermaw li dawn id-dispożizzjonijiet jirregolaw is-sitwazzjoni legali ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu billi stabbilixxa ruħu fi Stat Membru għajr dak li għandu n-nazzjonalità tiegħu (20).

59.      Barra minn hekk, l-għan tad-direttiva juri li din ma hijiex intiża li tapplika għal ċittadin tal-Unjoni li jgawdi minn dritt ta’ residenza inkundizzjonat peress li huwa jirrisjedi fl-Istat Membru li għandu n-nazzjonalità tiegħu.

60.      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 1(a) ta’ din id-direttiva, hija għandha bħala għan waħdieni li tirregola l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tad-dritt li wieħed jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri (21). Madankollu, sa fejn konformement ma’ prinċipju tad-dritt internazzjonali, iċ-ċittadini nazzjonali jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza inkundizzjonat f’pajjiżhom skont id-dritt nazzjonali, peress li dan tal-aħħar ma jistax iċaħħadhom mid-dritt li jidħlu fit-territorju tiegħu u joqogħdu hemmhekk (22), il-Qorti tal-Ġustizzja konsegwentement qieset li “d-Direttiva 2004/38 għandha l-għan unikament li tirregola l-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istati Membri differenti minn dak li għandu n-nazzjonalità tiegħu” (23).

61.      Għaldaqstant, għalkemm il-kisba tan-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti, fil-fehma tiegħi, tagħmel parti mill-estensjoni tal-integrazzjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni f’dan l-Istat, li hija prevista f’din id-direttiva, xorta għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħha, din il-bidla tal-istatus ċivili teskludi ipso facto lil dan iċ-ċittadin tal-Unjoni mill-intitolament għad-drittijiet mogħtija mid-direttiva.

62.      Għalkemm dan jista’ jidher paradossali, jibqa’ l-fatt li l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-imsemmija direttiva għal ċittadin tal-Unjoni li, bħal P. N. García Ormazábal, ikun kiseb in-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti, tkun tmur kontra l-kliem stess tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 u l-ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja.

63.      Għalhekk, għandu jiġi rrikonoxxut li, minkejja r-rabta evidenti li teżisti bejn l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva lil P. N. García Ormazábal u l-kisba tan-nazzjonalità Brittanika minn din tal-aħħar, is-sitwazzjoni legali tagħha nbidlet sostanzjalment minħabba n-naturalizzazzjoni tagħha kemm fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll fir-rigward tad-dritt nazzjonali.

64.      Sa fejn P. N. García Ormazábal ma għadhiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarja” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, il-konjuġi tagħha lanqas ma jaqa’ taħt dan il-kunċett, peress li, kif indikajt iktar ’il fuq (24), id-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva lill-membri tal-familja ta’ benefiċjarju ma humiex drittijiet awtonomi, iżda biss drittijiet idderivati minn dawk li jibbenefika minnhom iċ-ċittadin tal-Unjoni.

65.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ċittadin tal-Unjoni li jkun kiseb in-nazzjonalità tal-Istat Membru li rrisjeda fih, b’mod effettiv u permanenti, bis-saħħa tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva b’mod li din tal-aħħar ma tapplikax fir-rigward tiegħu u lanqas fir-rigward tal-membri tal-familja tiegħu.

66.      Dan ifisser li ċittadin ta’ Stat terz li jkun jinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ T. Lounes ma jistax jibbenefika, fuq il-bażi stess tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, minn dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru li l-konjuġi tiegħu issa għandha n-nazzjonalità tiegħu, jiġifieri r-Renju Unit f’dan il-każ.

67.      Dan madankollu ma jimplikax li dan huwa mċaħħad mill-possibbiltà li jikseb dritt ta’ residenza dderivat fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 21(1) TFUE.

 B.      Fuq l-eżistenza ta’ dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(1) TFUE

68.      Infakkar li, skont l-Artikolu 21(1) TFUE, u bla ħsara għall-miżuri ta’ implementazzjoni tiegħu, l-Istati Membri għandhom jippermettu liċ-ċittadini tal-Unjoni li ma humiex ċittadini tagħhom li jiċċaqilqu u jirrisjedu fit-territorju tagħhom flimkien mal-konjuġi tagħhom u possibbilment, ċerti membri oħra tal-familja li ma humiex ċittadini tal-Unjoni.

69.      Din id-dispożizzjoni hija interpretata b’mod estremament dinamiku mill-Qorti tal-Ġustizzja f’sitwazzjonijiet fejn, minħabba r-ritorn ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, id-Direttiva 2004/38 ma tibqax tapplika fir-rigward tiegħu għalih b’mod li la huwa u lanqas il-membri tal-familja tiegħu ma jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva.

70.      Sabiex tiggarantixxi l-effett utli tal-Artikolu 21(1) TFUE f’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-Qorti tal-Ġustizzja tapplika d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 b’analoġija.

71.      Fis-sentenza O. u B., il-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi l-prinċipju ta’ dritt ta’ ritorn taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, li jipprovdi li l-kundizzjonijiet għall-għoti f’dan l-Istat, ta’ dritt ta’ residenza dderivat, liċ-ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja tiegħu, ma jistgħux ikunu iktar stretti minn dawk previsti minn din id-direttiva.

72.      Hawnhekk hija r-residenza effettiva fl-Istat Membru ospitanti taċ-ċittadin tal-Unjoni u tal-membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz, skont u b’osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti, fl-Artikolu 7(1) u (2) jew fl-Artikolu 16 rispettivament tal-imsemmija direttiva, li jagħti lok, mar-ritorn taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat tan-nazzjonalità tiegħu, għal dritt ta’ residenza dderivat, abbażi tal-Artikolu 21(1) TFUE, liċ-ċittadin tal-Istat terz li l-imsemmi ċittadin bena ħajja familjari miegħu fl-Istat Membru ospitanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja tixtieq tevita kull forma ta’ ostakolu ta’ natura li jipprekludi d-dritt fundamentali ta’ moviment liberu ggarantit mid-dritt tal-Unjoni billi tiggarantixxi li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan id-dritt ta’ residenza, fl-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni, ma jkunux iktar stretti minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/38 għall-għoti ta’ tali dritt ta’ residenza dderivat lil ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu billi stabbilixxa ruħu fi Stat Membru għajr dak li għandu n-nazzjonalità tiegħu.

73.      Hawnhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-prinċipji li kienet stabbilixxiet preċedentement fis-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh (25) u tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind (26).

74.      Dawn iż-żewġ kawżi kienu jikkonċernaw ċittadini tal-Unjoni li, wara li eżerċitaw id-drittijiet li jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Unjoni, irritornaw fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom sabiex jirrisjedu hemmhekk.

75.      Minkejja li d-Direttiva 2004/38 ma kinitx applikabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, meta ċittadin tal-Unjoni jagħmel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu u jirritorna fl-Istat Membru li jkollu n-nazzjonalità tiegħu, il-konjuġi tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, għandu jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat f’dan l-Istat tal-aħħar, f’kundizzjonijiet “għall-inqas ekwivalenti għal dawk li, bis-saħħa tat-Trattat KEE jew tad-dritt sekondarju, huwa jkun jista’ jgawdi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor” (27). Għaldaqstant, għandu jkollu mill-inqas l-istess drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza bħal dawk li huwa intitolat għalihom skont id-dritt tal-Unjoni jekk iċ-ċittadin ikkonċernat jagħżel li jidħol u jirrisjedi fi Stat Membru ieħor.

76.      Dawn iż-żewġ sentenzi essenzjalment juru li, meta ċittadin tal-Unjoni, wara li jkun iċċaqlaq u rrisjeda fi Stat Membru ieħor, jerġa’ lura fl-Istat Membru li jkollu n-nazzjonalità tiegħu, dan tal-aħħar ma jistax jagħti liċ-ċittadin tiegħu stess u lill-membri tal-familja li jakkumpanjawh jew jingħaqdu miegħu trattament inqas favorevoli minn dak li kien applikabbli għalihom fl-Istat Membru ospitanti.

77.      Ir-ratio decidendi ta’ din is-soluzzjoni kienet ibbażata fuq il-konstatazzjoni li tgħid li, kieku dan iċ-ċittadin ta’ Stat terz ma kellux tali dritt, il-ħaddiem, ċittadin tal-Unjoni, jista’ jiġi dissważ milli jitlaq mill-Istat Membru fejn għandu n-nazzjonalità sabiex jeżerċita attività bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor minħabba n-nuqqas ta’ ċertezza, għal dan il-ħaddiem, li ma jkunx jista’ jkompli, wara li jirritorna fl-Istat Membru ta’ oriġini, ħajja familjari li huwa seta’ bena permezz taż-żwieġ jew tar-riunifikazzjoni tal-familja, fl-Istat Membru ospitanti (28). Għalkekk, ġiet stabbilita l-idea li f’ċirkustanzi bħal dawn seta’ jkun hemm forma ta’ ostakolu għall-ħruġ mill-Istat Membru ta’ oriġini.

78.      Fis-sentenza O. u B., il-Qorti tal-Ġustizzja tittrasponi din l-analiżi mutatis mutandis (29). Sabiex tevita tali forma ta’ ostakolu, ta’ natura li jtellef id-dritt fundamentali ta’ moviment liberu ggarantit mid-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk tistabbilixxi prinċipju ta’ dritt ta’ ritorn fl-Istat Membru ta’ oriġini li l-kundizzjonijiet tiegħu, fir-rigward tal-għoti, fl-imsemmi Stat, ta’ dritt ta’ residenza dderivat liċ-ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, ma jistgħux ikunu iktar stretti minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/38.

79.      Is-soluzzjoni żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza O. u B., sa fejn tipprevedi applikazzjoni b’analoġija tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 f’każ tar-ritorn taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru li għandu n-nazzjonalità tiegħu, jidhirli li tista’ tiġi applikata għall-kawża preżenti.

80.      Ċertament, bejn din il-kawża u dik li tinsab preżenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hemm differenzi fattwali.

81.      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza O. u B., iċ-ċittadin tal-Unjoni fil-fatt telaq mill-Istat Membru ospitanti sabiex jirritorna fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu.

82.      F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, P. N. García Ormazábal effettivament ma telqitx mill-Istat Membru ospitanti, peress li hija tgħix hemmhekk u għażlet li tikseb in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat. Għaldaqstant, ma kien hemm ebda spostament fiżiku.

83.      Madankollu, jidhirli li dawn iż-żewġ kawżi jixxiebhu sa fejn, billi għażlet li tiġi nnaturalizzata fl-Istat Membru ospitanti, P. N. García Ormazábal esprimiet ir-rieda tagħha li tgħix f’dan il-pajjiż tal-aħħar bl-istess mod li hija kienet tgħix fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha, billi żviluppat relazzjonijiet permanenti u sodi mal-Istat Membru ospitanti u billi integrat fih għal perijodu fit-tul. Konsegwentement, naħseb li jista’ jiġi stabbilit parallel bejn ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza O. u B. u dak li hija għandha tadotta fit-tilwima preżenti.

84.      F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, barra minn hekk naħseb li traspożizzjoni b’analoġija tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 hija meħtieġa b’mod partikolari peress li, kif rajna, teżisti rabta inseparabbli bejn l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ din id-direttiva mogħtija lil P. N. García Ormazábal meta hija ttrasferixxiet ruħha u marret tirrisjedi fir-Renju Unit, u l-kisba minn din tal-aħħar tan-nazzjonalità Brittanika. Infakkar li huwa fuq il-bażi stess tal-permess ta’ residenza permanenti mogħti mill-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva li hija kisbet in-nazzjonalità Brittanika, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

85.      Għaldaqstant, P. N. García Ormazábal eżawrixxiet il-loġika tal-integrazzjoni tagħha fl-Istat Membru ospitanti billi talbet in-naturalizzazzjoni tagħha, u dan konformement mal-għan previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni mhux biss fl-Artikolu 21(1) TFUE, iżda wkoll fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38, peress li l-premessa 18 tagħha tipprovdi li l-permess ta’ residenza huwa “mezz awtentiku ta’ integrazzjoni” għall-persuna kkonċernata fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti (30). Ir-residenza tagħha, li saret skont u b’osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, turi b’mod manifest in-natura effettiva tagħha u tmur pari passu mal-iżvilupp u mal-konsolidazzjoni tal-ħajja familjari tagħha f’dan l-Istat Membru (31).

86.      Li issa tiċċaħħad mid-drittijiet li hija bbenefikat minnhom sal-lum fir-rigward tar-residenza tal-membri tal-familja tagħha, minħabba li hija fittxet, permezz tan-naturalizzazzjoni, integrazzjoni iktar profonda fl-Istat Membru ospitanti, jannulla l-effett utli tad-drittijiet li hija tislet mill-Artikolu 21(1) TFUE.

87.      Fil-fehma tiegħi, tali soluzzjoni tkun illoġika u kontradittorja.

88.      Fil-fatt, l-integrazzjoni iktar profonda li xtaqet P. N. García Ormazábal fl-Istat Membru ospitanti permezz tan-naturalizzazzjoni fl-aħħar mill-aħħar tkun twassal sabiex iċċaħħadha mid-drittijiet li kellha taħt id-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-konjuġi tagħha, u dan ikollu manifestament ir-riskju li jippreġudika l-kontinwazzjoni tal-ħajja familjari tagħha f’dan l-Istat, u għaldaqstant, fl-aħħar mill-aħħar, tal-integrazzjoni li hija fittxet. Dak li jingħata minn naħa għalhekk jittieħed min-naħa l-oħra.

89.      Sabiex tissokta bil-ħajja familjari li hija bdiet, hija ser tkun għalhekk imġiegħla titlaq mit-territorju ta’ dan l-Istat sabiex tittrasferixxi ruħha fi Stat Membru ieħor bil-għan li tkun tista’ terġa’ tinvoka d-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 2004/38 u b’mod partikolari l-possibbiltà li tirrisjedi mal-konjuġi tagħha.

90.      Konsegwentement, f’kundizzjonijiet bħal dawn, naħseb li l-effett utli tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 21(1) TFUE jeżiġi li ċittadin tal-Unjoni, bħal P. N. García Ormazábal, li jkun kiseb in-nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti b’segwitu għal u minħabba r-residenza li saret skont u b’osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, ikun jista’ jkompli bil-ħajja familjari li kellu sa issa f’dan l-Istat flimkien mal-konjuġi tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz. It-trattament li bbenefikat minnu P. N. García Ormazábal ma għandux ikun inqas favorevoli minn dak li ngħatalha fil-kuntest tal-imsemmija direttiva qabel in-naturalizzazzjoni tagħha u minn dak li hija intitolata għalih taħt id-dritt tal-Unjoni jekk hija fl-aħħar mill-aħħar tittrasferixxi ruħha fi Stat Membru ieħor.

91.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, inqis konsegwentement li l-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, li fiha ċittadin tal-Unjoni jkun kiseb in-nazzjonalità tal-Istat Membru li rrisjeda fih b’mod effettiv, skont u b’osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38 u jkun bena, matul dan il-perijodu, ħajja familjari ma’ ċittadin ta’ Stat terz, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat lil dan tal-aħħar, fl-imsemmi Stat, ma għandhomx, fil-prinċipju, ikunu iktar stretti minn dawk previsti minn din id-direttiva għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat lil ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jkun eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu billi stabbilixxa ruħu fi Stat Membru għajr dak li għandu n-nazzjonalità tiegħu.

92.      Sa fejn, fil-fehma tiegħi, T. Lounes ma jistax jiċċaħħad minn dritt ta’ residenza dderivat, fuq il-bażi tal-Artikolu 21(1) TFUE, inqis li ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk ċittadin tal-Unjoni bħal P. N. García Ormazábal jistax jibbaża ruħu fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 TFUE f’dan ir-rigward, peress li nqis li l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni li tgawdi minnha din tal-aħħar, huwa ssalvagwardat.

 V.      Konklużjoni

93.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari magħmula mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), diviżjoni tal-Queen’s Bench (qorti amministrattiva), ir-Renju Unit] tkun kif ġej:

1)      Ċittadin tal-Unjoni li jkun kiseb in-nazzjonalità tal-Istat Membru li rrisjeda fih, b’mod effettiv u permanenti, bis-saħħa tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva b’mod li din tal-aħħar ma tapplikax fir-rigward tiegħu u lanqas fir-rigward tal-membri tal-familja tiegħu.

2)      L-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, li fiha ċittadin tal-Unjoni jkun kiseb in-nazzjonalità tal-Istat Membru li rrisjeda fih b’mod effettiv, skont u b’osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38 u jkun bena, matul dan il-perijodu, ħajja familjari ma’ ċittadin ta’ Stat terz, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat lil dan tal-aħħar, fl-imsemmi Stat, ma għandhomx, fil-prinċipju, ikunu iktar stretti minn dawk previsti minn din id-direttiva għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat lil ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jkun eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu billi stabbilixxa ruħu fi Stat Membru għajr dak li għandu n-nazzjonalità tiegħu.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


3      Enfasi miżjuda minni.


4      Ara l-punt 65 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


5      Sentenza tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C-456/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza O. u B.”, EU:C:2014:135) li l-prinċipji tagħha tfakkru fis-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et (C-133/15, EU:C:2017:354).


6      Dawn l-emendi ġew introdotti milll-Immigration (European Economic Area) (Amendment) Regulations 2012 (2012/1547) [regolamenti emendatorji dwar l-immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea) tal-2012 (2012/1547), iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti 2012/1547”], sussegwentement mill-Immigration (European Economic Area) (Amendment) (No 2) Regulations 2012 (2012/2560) [it-tieni regolamenti emendatorji dwar l-immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea) tal-2012 (2012/2560), iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti 2012/2560”].


7      C‑434/09, EU:C:2011:277, punt 43.


8      Dan ġie kkonfermat mill-Gvern Brittaniku fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu.


9      Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1992, Micheletti et (C‑369/90, EU:C:1992:295, punt 10), tal-11 ta’ Novembru 1999, Mesbah (C‑179/98, EU:C:1999:549, punt 29), tal-20 ta’ Frar 2001, Kaur (C‑192/99, EU:C:2001:106, punt 19), tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 37), u tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 39).


10      C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 48.


11      Ara s-sentenza O. u B., punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata.


12      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Enfasi miżjuda minni.


14      Is-sitwazzjoni tagħha għalhekk hija differenti minn dawk imsemmija fil-kuntest tal-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy (C-434/09, EU:C:2011:277), u tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et (C-87/12, EU:C:2013:291), li fihom iċ-ċittadini tal-Unjoni qatt ma kienu għamlu użu mid-dritt ta’ moviment liberu tagħhom u kienu dejjem residenti fl-Istat Membru li kellhom in-nazzjonalità tiegħu.


15      O., ċittadin Niġerjan, kien iżżewweġ ċittadina Olandiża fl-2006, li kien għex magħha fi Spanja għal xahrejn, qabel ma din tal-aħħar irritornat fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha, filwaqt li kienet regolarment tqatta’ l-vaganzi tagħha fi Spanja mal-konjuġi tagħha, u dan sal-2010. F’Lulju 2010, O., detentur ta’ dokument ta’ residenza fi Spanja, li kien validu sa Settembru 2014, bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, mar jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi. It-talba tiegħu għal permess ta’ residenza ġiet irrifjutata.


16      B., ċittadin Marokkin, kien ikkoabita għal numru ta’ snin mas-sieħba Olandiża tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi, qabel ma ġie ddikjarat persona non grata f’Ottubru 2005. Huwa għalhekk stabbilixxa ruħu fil-Belġju fejn is-sieħba tiegħu kienet tiltaqa’ miegħu kull tmiem il-ġimgħa. F’April 2007, peress li ġie rrifjutat ir-residenza fil-Belġju, huwa reġa’ mar il-Marokk fejn iżżewweġ lis-sieħba tiegħu. F’Ġunju 2009, id-deċiżjoni li ddikjaratu persona non grata ġiet irrevokata mill-Minister voor immigratie, intregratie en asiel (ministru tal-immigrazzjoni, l-integrazzjoni u l-ażil), u għalhekk mar joqgħod fil-Pajjiżi l-Baxxi, iżda t-talba tiegħu għal permess ta’ residenza ġiet irrifjutata f’Ottubru 2009.


17      C‑370/90, EU:C:1992:296.


18      C‑291/05, EU:C:2007:771.


19      Punti 37 sa 43 tas-sentenza O. u B.


20      Punt 40 tas-sentenza O. u B.


21      Punt 41 tas-sentenza O. u B.


22      Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind (C‑291/05, EU:C:2007:771, punt 31), kif ukoll tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy (C-434/09, EU:C:2011:277, punti 29 u 34).


23      Punt 42 tas-sentenza O. u B., enfasi miżjuda minni.


24      Ara l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


25      C‑370/90, EU:C:1992:296.


26      C‑291/05, EU:C:2007:771.


27      Sentenza tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh (C‑370/90, EU:C:1992:296, punti 19 u 21).


28      Ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind (C‑291/05, EU:C:2007:771, punti 35 u 36).


29      Punt 46 tas-sentenza O. u B.


30      Għaldaqstant, jiena ma nikkondivix il-fehma tal-Gvern Brittaniku li ġiet espressa matul is-seduta, li tgħid li d-Direttiva 2004/38 ma għandhiex bħala għan li tiżgura l-integrazzjoni ta’ dawn il-benefiċjarji.


31      Ara, f’dan ir-rigward, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza O. u B (punti 53 sa 56) fir-rigward tal-permess ta’ residenza mogħti fuq il-bażi tal-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva.