Language of document : ECLI:EU:T:2005:418

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (il-Ħames Awla)

24 ta' Novembru 2005 (*)

"Trademark Komunitarja – Proċedura ta' oppożizzjoni – Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trademark Komunitarja figurattiva li fiha l-element verbali ‘KINJI by SPA’ – Trademark verbali Komunitarja preċedenti KINNIE – Probabbiltà ta' konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94"

Fil-kawża T‑3/04

Simonds Farsons Cisk plc, stabbilita fl-Imrieħel (Malta), irrappreżentata minn M. Bagnall, I. Wood, solicitor, u R. Hacon, barrister,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija,

Spa Monopole, compagnie fermière de Spa SA/NV, stabbilita fi Spa (il-Belġju), irrappreżentata minn  L. de Brouwer, E. Cornu, É. De Gryse u D. Moreau, avocats,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-Deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ta' l-4 ta' Novembru 2003 (kawża R 996/2002-1), fir-rigward ta' proċedura ta' oppożizzjoni bejn Simonds Farsons Cisk plc u Spa Monopole, compagnie fermière de Spa SA/NV,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, E. Martins Ribeiro u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-6 ta' Jannar 2004,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-15 ta' April 2004,

wara li rat ir-risposta ta' l-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-19 ta' April 2004,

wara s-seduta tat-22 ta' Frar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fis-16 ta' Ġunju 2000, l-intervenjenti talbet, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1997, L 11, p. 1), kif emendat, ir-reġistrazzjoni ta' trademark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).

2       It-trademark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li jidher hawn taħt:

      Image not foundImage not found

Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trademark jaqgħu taħt il-klassijiet 29 u 32 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trademarks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–       klassi 29 : "polpa tal-frott";

–       klassi 32 : "ilma minerali u bil-gass u xorb ieħor mhux alkoħoliku li fihom meraq tal-frott; xorb tal-frott mhux alkoħoliku; estratt tal-frott mhux alkoħoliku, meraq tal-frott, ġulepp u preparazzjonijiet oħra abbażi ta' frott, estratt tal-frott jew polpa tal-frott għat-tħejjija tax-xorb".

3       L-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulettin ta' Trademarks Komunitarji Nru 6/2001 tat-8 ta' Jannar 2001.

4       Fit-30 ta' Jannar 2001, ir-rikorrenti ressqet oppożizzjoni skond l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 kontra r-reġistrazzjoni tat-trademark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq l-eżistenza tat-trademark Komunitarja Nru 427237, komposta mis-sinjal verbali KINNIE (iktar 'il quddiem it-"trademark preċedenti"), li l-applikazzjoni tagħha ġiet ippreżentata fil-25 ta' Novembru 1996 u rreġistrata fis-7 ta' April 1999. Il-prodotti indikati minn din it-trademark jaqgħu taħt il-klassi 32 skond il-Ftehim ta' Nizza u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: "xorb mhux alkoħoliku, preparazzjonijiet għat-tħejjija tax-xorb".

5       L-oppożizzjoni saret kontra l-prodotti kollha msemmija fl-applikazzjoni għat-trademark. Il-motiv invokat in sostenn għall-oppożizzjoni kien dak imsemmi fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

6       Permezz tad-Deċiżjoni Nru 2880/2002 tat-2 ta' Settembru 2002, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI laqat l-oppożizzjoni peress li kienet teżisti probabbiltà ta' konfużjoni f'moħħ il-pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea bejn it-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trademark preċedenti minħabba, min-naħa, ix-xebh bejn is-sinjali u, min-naħa l-oħra, l-identiċità jew ix-xebh kbir bejn il-prodotti kkonċernati.

7       Fis-27 ta' Novembru 2002, l-intervenjenti appellat quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94.

8       Permezz ta' deċiżjoni ta' l-4 ta' Novembru 2003, kif emendata skond il-korriġendum ta' l-10 ta' Novembru 2003 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), l-Ewwel Bord ta' l-Appell annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni. Essenzjalment, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li, għalkemm il-prodotti kienu identiċi jew kważi identiċi, is-sinjali konfliġġenti kienu viżivament, fonetikament u kunċettwalment differenti u għalhekkk tali nuqqas ta' xebh jeskludi kull possibbiltà ta' konfużjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

9       Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tikkonferma d-Deċiżjoni Nru 2880/2002 tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tas-27 ta' Settembru 2002;

–       tordna lill-UASI jiċħad l-applikazzjoni għal trademark Komunitarja ta' l-intervenjenti;

–       tikkundanna lill-UASI u/jew l-intervenjenti jbatu l-ispejjeż tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni, tal-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell u tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

10     L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tiddikjara li r-raba' kap tat-talbiet tar-rikorrenti huwa inammissibbli safejn hija tipprova tikseb mill-Qorti tal-Prim'Istanza deċiżjoni li fiha l-UASI jiġi ordnat ibati l-ispejjeż tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni;

–       tiċħad it-talbiet l-oħra tar-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

11     L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

12     Permezz tat-tieni u tielet kap ta' talbiet, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonferma d-Deċiżjoni Nru 2880/2002 tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u tordna lill-UASI jiċħad l-applikazzjoni għal trademark Komunitarja ta' l-intervenjenti.

13     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li skond l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI huwa meħtieġ li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-deċiżjoni tal-Qorti Komunitarja. Għaldaqstant, mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tindirizza inġunzjoni lill-UASI. Huwa dan ta' l-aħħar li għandu jasal għall-konsegwenzi mid-dispożittiv u mill-motivi ta' din is-sentenza. Għaldaqstant, it-tieni u tielet kap ta' talbiet tar-rikorrenti huma, f'dan is-sens, inammissibbli [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 2001, Procter & Gamble vs l-UASI (BABY-DRY), T-163/98, Ġabra p. II-2383, punt 53,, u tas-27 ta' Frar 2002, Eurocool Logistik vs l-UASI (EUROCOOL), T-34/00, Ġabra p. II-683, punt 12].

 Fuq il-mertu

14     Ir-rikorrenti tinvoka żewġ raġunijiet in sostenn għat-talba tagħha għal annullament, ibbażati rispettivament fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) u ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

–       L-argumenti tal-partijiet

15     L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta' l-Appell ma tax biżżejjed importanza lix-xebh fonetiku u viżiv bejn is-sinjali in kwistjoni. Barra minn hekk, hija ssostni li, peress li s-sinjali in kwistjoni huma nieqsa minn kull sinifikat, ma jista' jsir ebda paragun kunċettwali bejn dawn.

16     F'dak li jirrigwarda l-paragun fonetiku, ir-rikorrenti tafferma li l-kliem "kinnie" u "kinji" huma ppronunzjati b'mod simili ħafna f'ċerti lingwi Komunitarji. Fil-fatt, fl-Iżvediż, fid-Daniż u fl-Olandiż, l-ittra "j" hija ppronunzjata eżattament bħall-ittra "y" fl-Ingliż. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li sostna l-Bord ta' l-Appell, skond ir-rikorrenti s-sinjali huma simili fuq il-livell fonetiku.

17     F'dak li jirrigwarda l-paragun viżiv, meta sinjal jikkonsisti kemm minn elementi verbali u kemm minn elementi figurattivi, huwa l-element verbali li għandu jiġi kkunsidrat bħala l-element dominanti. Hija żżid li l-Bord ta' l-Appell wettaq żball meta wasal għall-konklużjoni li ma jeżistix xebh kbir bejn l-elementi verbali tas-sinjali bl-eċċezzjoni għall-ewwel ittri "kin". Hija ssostni li l-ittri l-oħrajn taż-żewġ elementi verbali "kinji" u "kinnie" fihom forom simili. Hija żżid li, f'dak li jikkonċerna wkoll il-paragun viżiv, il-mod kif jiġu ppronunzjati l-kliem ma jistax jiġi injorat. Għaldaqstant, meta jiġu kkunsidrati ż-żewġ sinjali, il-konsumatur medju, b'mod partikolari dak li jitkellem bl-Iżvediż, bid-Daniż jew bl-Olandiż, jiftakar l-ismijiet fonetiċi tal-prodotti b'mod inkorrett, iżda mhux il-forma ta' l-ittri użati biex jinkitbu l-ismijiet tagħhom. Għalhekk, is-sinjali KINJI u KINNIE jidhru simili ħafna, anki fuq il-livell viżiv.

18     Barra minn hekk, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord ta' l-Appell ta importanza żejda lil varji aspetti grafiċi tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, bħas-simbolu tar-rakkun u l-fattur grafiku fl-użu ta' qasbiet tal-bambù għall-kitba ta' l-element verbali "kinji". Skond ir-rikorrenti, il-Bord ta' l-Appell mar ukoll kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li f'każ ta' trademark figurattiva għandha tingħata iktar importanza lill-kelma. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-parti 'l kbira ta' konsumaturi mhumiex se jagħtu każ tal-kliem "by SPA".

19     Barra minn hekk, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord ta' l-Appell ma tax każ biżżejjed tal-fatt, min-naħa, li l-prodotti huma identiċi jew simili ħafna u, min-naħa l-oħra, li t-trademark preċedenti għandha karattru distintiv għoli ħafna, peress li hija kelma purament ivvintata.

20     F'dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord ta' l-Appell ibbaża b'mod inkorrett id-deċiżjoni kkontestata fuq il-premessa li huwa probabbli li l-konsumatur rilevanti se jixtri l-prodotti in kwistjoni f'supermarkits jew ħwienet oħra għall-bejgħ bl-imnut li fihom ikun possibbli li l-prodotti u t-trademarks tagħhom jiġu eżaminati qabel ma jinxtraw. Skond ir-rikorrenti, il-prodotti in kwistjoni jinbiegħu ġeneralment kemm fi ħwienet għall-bejgħ bl-imnut kif ukoll f'barijiet jew f'ristoranti.

21     F'dak li jirrigwarda l-bejgħ li jsir f'barijiet jew f'ristoranti, ir-rikorrenti tindika li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Bord ta' l-Appell, il-konsumaturi jordnaw il-prodotti b'mod orali billi jirreferu għat-trademark tagħhom, u huwa possibbli li x-xarbiet jinbiegħu mingħajr ma jkollhom il-possibbiltà f'xi mument li jaraw it-trademark in kwistjoni. Billi tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer (C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 28), ir-rikorrenti ssostni li ma jistax jiġi eskluż li x-xebh fonetiku tat-trademarks jista' joħloq probabbiltà ta' konfużjoni.

22     F'dak li jirrigwarda l-bejgħ fis-supermarkits, ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm il-konsumatur medju jkollu l-possibbiltà li jeżamina l-prodotti, il-Bord ta' l-Appell ma ħax in kunsiderazzjoni l-fatt li huwa rari li l-konsumatur ikollu l-possibbiltà li jwettaq paragun dirett bejn it-trademarks differenti u li jkollu jistrieħ fuq l-istampa imperfetta tagħhom li jkun żamm f'moħħu.

23     L-UASI ma tikkontestax il-fatt li l-prodotti in kwistjoni fil-kawża preżenti huma identiċi jew simili ħafna, iżda jsostni li d-differenzi viżivi u kunċettwali bejn is-sinjali jeskludu kull probabbiltà ta' konfużjoni.

24     F'dak li jirrigwarda l-aspett viżiv tas-sinjali, l-UASI josserva li huma differenti għar-raġunijiet mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata.

25     F'dak li jirrigwarda l-paragun kunċettwali tas-sinjali in kwistjoni, l-UASI jsostni li l-element figurattiv tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-fattur grafiku fl-użu tal-bambù għall-kitba tal-kelma "kinji" huma elementi distintivi li jagħtu l-idea ta' karattru eżotiku tad-disinni animati, jiġifieri rakkun bl-istess isem. Hija probabbilment din l-assoċjazzjoni li tiġi pperċepita mill-konsumatur, filwaqt li t-trademark preċedenti m'għandha ebda sinifikat. Skond l-UASI, il-fatt li waħda mit-trademarks in kwistjoni fiha kontenut semantiku filwaqt li l-oħra ma fihiex huwa biżżejjed biex jiġi konkluż li s-sinjali huma differenti kunċettwalment.

26     F'dak li għandu x'jaqsam mal-paragun fonetiku, l-UASI jirrikonoxxi li, kuntrarjament għal dak li qal il-Bord ta' l-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, il-pubbliku ta' ċerti Stati Membri jista' jipperċepixxi xebh fonetiku bejn is-sinjali konfliġġenti. Madankollu, l-UASI jżid jgħid li dan l-element mhuwiex biżżejjed sabiex jeskludi l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-grad ta' xebh fonetiku bejn is-sinjali huwa nnewtralizzat mid-differenzi viżivi u kunċettwali tagħhom, b'mod li ma teżisti ebda probabbiltà ta' konfużjoni anki jekk jingħad li t-trademark preċedenti għandha l-għola karattru distintiv possibbli.

27     F'dan ir-rigward, l-UASI jsostni li l-grad ta' xebh fonetiku bejn iż-żewġ trademarks huwa ta' inqas importanza meta prodotti jkunu kkummerċjalizzati b'mod li, fil-mument li jinxtraw, it-trademark tiġi normalment ipperċepita b'mod viżiv mill-pubbliku kkonċernat. Dan huwa l-każ tal-prodotti tar-rikorrenti.

28     L-UASI jsostni li, anki fil-barijiet u fir-ristoranti, il-fliexken ikunu ġeneralment fuq xkafef wara l-bank b'mod li l-konsumaturi jkunu jistgħu jeżaminawhom. Barra minn hekk, anki jekk il-barijiet u r-ristoranti mhumiex mezzi ta' distribuzzjoni traskurabbli għall-bejgħ ta' xorb mhux alkoħoliku li fih meraq tal-frott, dawn il-mezzi huma traskurabbli fir-rigward tal-volum ta' bejgħ b'relazzjoni għall-bejgħ effettwat fis-supermarkits.

29     L-intervenjenti tirrepeti, sostanzjalment, l-argumenti mqajma mill-Bord ta' l-Appell fid-deċiżjoni kkontestata. Hija ssostni li t-trademarks konfliġġenti huma viżivament, fonetikament u kunċettwalment differenti.

30     F'dak li jirrigwarda l-paragun viżiv, l-intervenjenti żżid li, meta tittieħed in kunsiderazzjoni r-reputazzjoni tat-trademark tagħha fil-pajjiżi tal-Benelux, il-kliem "by SPA" jiġbdu l-attenzjoni tal-konsumaturi u jeskludu kull probabbiltà ta' konfużjoni in kwantu għall-oriġini tal-prodotti in kwistjoni.

31     F'dak li jirrigwarda l-paragun fonetiku, l-intervenjenti ssostni li anki f'pajjiżi fejn l-ittra "j" hija ppronunzjata bħall-ittra "y" fl-Ingliż, it-trademark verbali KINNIE hija ppronunzjata b'suffiss finali iktar twil, li huwa biżżejjed sabiex joħloq distinzjoni fonetika bejn is-sinjali in kwistjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

32     Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, f'każ ta' oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trademark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trademark m’għandhiex tiġi milqugħa "jekk minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probab[b]iltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pub[b]liku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probab[b]iltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probab[b]iltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti".

33     Skond ġurisprudenza stabbilita, probabbiltà ta’ konfużjoni hija l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jkollu l-impressjoni li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni jiġu mill-istess intrapriża jew, fil-kawża preżenti, minn intrapriżi marbuta ekonomikament. Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi kkunsidrata globalment, skond il-perċezzjoni li għandu l-pubbliku rilevanti tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni, u billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha fil-kawża. Dan l-apprezzament sħiħ jimplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda in kunsiderazzjoni u, b'mod partikolari, ix-xebh bejn t-trademarks u dak bejn il-prodotti jew servizzi indikati. Għaldaqstant, grad baxx ta' xebh bejn il-prodotti jew servizzi indikati jista' jiġi kkumpensat bi grad għoli ta' xebh bejn it-trademarks u viċi versa [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs l-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 30 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

34     Fil-kawża preżenti, għandu jiġi osservat li, peress li t-trademark preċedenti hija trademark Komunitarja, it-territorju li jrid jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex tiġi kkunsidrata l-probabbiltà ta' konfużjoni huwa t-territorju sħiħ tal-Komunità Ewropea.

35     Barra minn hekk, peress li l-prodotti in kwistjoni huwa prodotti ta' konsum komuni, il-pubbliku kkonċernat huwa magħmul minn konsumaturi Ewropej medji, li huma infurmati normalment u raġonevolment attenti u prudenti.

36     Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi mwettaq paragun, min-naħa, bejn il-prodotti kkonċernati, u, min-naħa l-oħra, bejn is-sinjali konfliġġenti.

37     F'dak li jirrigwarda l-paragun bejn il-prodotti, għandu jiġi osservat li mhuwiex ikkontestat mill-partijiet li l-prodotti koperti mit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-prodotti koperti mit-trademark preċedenti huma jew simili jew identiċi.

38     F'dak li jirrigwarda l-paragun bejn is-sinjali, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-evalwazzjoni sħiħa tal-probabbiltà ta' konfużjoni, f'dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali tat-trademarks in kwistjoni, għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali mogħtija minnhom, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 23, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar 'il fuq, punt 25).

39     Għaldaqstant, fil-kawża preżenti, għandu jsir paragun bejn is-sinjali konfliġġenti fuq il-livell viżiv, fonetiku u kunċettwali.

40     Fir-rigward tal-paragun viżiv, il-Bord ta' l-Appell sostna li l-element verbali qawwi "kinji" u l-elementi grafiċi u testwali żejda tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni jippermettu li ssir distinzjoni viżiva bejn iż-żewġ trademarks (punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata).

41     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li t-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni hija sinjal kumpless magħmul minn elementi verbali u figurattivi. Dan is-sinjal kumpless fih il-kelma "kinji" miktuba b'kitba kbira stilizzata fil-forma ta' qasbiet tal-bambù bil-kliem "by SPA" miktuba taħtha b'ittri iżgħar u, fuqha, l-element figurattiv li jirrappreżenta rakkun li qiegħed jaqbeż liebes T-shirt bl-isem "kinji". Huwa ċar li l-karatteristiċi grafiċi tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni, jiġifieri l-karattru tad-disinn animat tar-rakkun, l-istilizzazzjoni ta' l-ittri li jiffurmaw l-element verbali prinċipali u l-kliem b'ittri żgħar "by SPA" jolqtu l-għajn u jiġbdu l-attenzjoni tal-konsumatur u jikkontribwixxu sabiex joħolqu distinzjoni viżiva bejn iż-żewġ sinjali, kif enfasizza b'mod rilevanti l-Bord ta' l-Appell (punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata).

42     It-trademark preċedenti, għall-kuntrarju, hija trademark verbali nieqsa minn kull karattru grafiku jew figurattiv speċifiku.

43     Il-Bord ta' l-Appell osserva korrettament ukoll, fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li jeżisti xebh kbir bejn l-element verbali qawwi tas-sinjal ta' l-intervenjenti u dak tas-sinjal tar-rikorrenti, bl-eċċezzjoni ta' l-ewwel tliet ittri "kin". Kif l-UASI josserva korrettament, iż-żewġ elementi verbali kkonċernati għandhom tul differenti, is-suffissi rispettivi tagħhom "nie" u "ji" huma viżivament differenti u b'mod partikolari l-ittra doppja "n" fit-trademark preċedenti tolqot l-għajn. Barra minn hekk, l-użu ta' tipa kbira u kumplessa, fil-forma ta' bambù, fl-element grafiku tal-kelma "kinji" flimkien ma' l-ittri żgħar ta' l-element verbali "by SPA" joħolqu distinzjoni viżiva ikbar. Fl-aħħar nett, fit-trademark preċedenti KINNIE, wara s-sillaba "kin" hemm is-sillaba "nie" bi tliet ittri. Kuntrarjament għas-sillaba ta' żewġ ittri "ji" tat-trademark ikkontestata KINJI, is-sillaba "nie" toħloq kelma li hija perfettament simetrika fejn iż-żewġ "n", iż-żewġ "i" u l-ittri "k" u "e" joħolqu bejniethom bilanċ perfett. Din is-simetrija tagħti lill-kelma "kinnie" karattru viżiv differenti minn dak tal-kelma "kinji".

44     Minn dan jirriżulta li n-nuqqas ta' xebh viżiv bejn iż-żewġ sinjali, minħabba l-karattru differenti ta' dawn iż-żewġ elementi verbali, huwa enfasizzat bil-preżenza ta' elementi figurattivi speċifiċi fit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, imsemmija fil-punt 41 iktar 'il fuq.

45     F'dan ir-rigward, għandu jingħad li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, meta sinjal huwa kompost kemm minn elementi figurattivi kif ukoll minn elementi verbali, ma jirriżultax awtomatikament li huwa l-element verbali li għandu jiġi kkunsidrat bħala dak dominanti.

46     Trademark kumplessa ma tistax tiġi kkunsidrata bħala simili għal trademark oħra, li hija identika jew simili fir-rigward ta' waħda mill-elementi tat-trademark kumplessa, sakemm dan l-element ma jiffurmax l-element dominanti fl-impressjoni sħiħa mogħtija mit-trademark kumplessa. Dan ikun il-każ meta hemm il-probabbiltà li dan l-element jiddomina waħdu l-immaġini ta' dik it-trademark li l-pubbliku rilevanti jżomm f'moħħu, b'tali mod li l-elementi kollha l-oħrajn huma traskurabbli fl-impressjoni sħiħa mogħtija minnha [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Matratzen Concord vs l-UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 33].

47     Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza li, f'sinjal kumpless, l-element figurattiv jista' jkollu rwol ekwivalenti bħall-element verbali [ara s-sentenza tat-12 ta' Diċembru 2002, Vedial vs l-UASI – France Distribution (HUBERT), T-110/01, Ġabra p. II-5275, punt 53].

48     Barra minn hekk, anki fiċ-ċirkustanzi fejn żewġ trademarks konfliġġenti fihom elementi verbali li jixxiebhu – li mhuwiex il-każ fil-kawża preżenti – dan il-fatt waħdu mhuwiex prova ta' l-eżistenza ta' xebh viżiv bejn is-sinjali konfliġġenti. Il-preżenza, f'waħda mis-sinjali, ta' elementi figurattivi mpoġġija b'mod partikolari u oriġinali tista' twassal għall-fatt li l-impressjoni sħiħa mogħtija minn kull sinjal tkun differenti [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs l-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO AIRE), T-156/01, Ġabra p. II-2789, punt 74].

49     Fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li t-totalità ta' l-elementi figurattivi preżenti fit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni tikkostitwixxi mingħajr dubju konfigurazzjoni individwali u oriġinali, li tilgħab rwol importanti fil-perċezzjoni viżiva tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni u li tippermetti li ssir distinzjoni bejnha u bejn t-trademark preċedenti. Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti li l-Bord ta' l-Appell ta importanza żejda lil varji elementi grafiċi tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni kif ukoll lit-termini "by SPA" miktuba b'ittri żgħar, li skond ir-rikorrenti għandhom karattru sekondarju fil-perċezzjoni viżiva tas-sinjali in kwistjoni, mhuwiex fondat u għalhekk għandu jiġi miċħud.

50     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra korrettament li d-differenzi importanti li jeżistu bejn l-elementi verbali tat-trademarks in kwistjoni u bejn l-elementi figurattivi addizzjonali tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni jwasslu għall-fatt li l-impressjoni sħiħa mogħtija minn kull sinjal hija differenti.

51     F'dak li jirrigwarda l-paragun kunċettwali, il-Bord ta' l-Appell sostna li, għalkemm xi wħud mill-elementi verbali dominanti tas-sinjali in kwistjoni m'għandhom l-ebda sinifikat, l-elementi grafiċi tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni jinvokaw varji kunċetti magħrufa li huma nieqsa totalment mit-trademark preċedenti (deċiżjoni kkontestata, punti 20 u 21).

52     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li la l-kelma "kinnie" u lanqas il-kelma "kinji" m'għandhom xi sinifikat preċiż u magħruf. Madankollu, kif osserva l-Bord ta' l-Appell u kif isostnu l-UASI u l-intervenjenti, it-trademark li għaliha qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni hija rikka, għall-inqas fuq il-livell kunċettwali u viżiv. L-imsemmija trademark tuża tipa stilizzata fil-forma ta' bambù għall-fattur grafiku ta' l-element verbali prinċipali tagħha u tinkludi element figurattiv kompost mir-rappreżentazzjoni antropomorfika ta' rakkun liebes T-shirt bil-kliem "kinji". Għaldaqstant, għandu jkun mistenni li dawn l-elementi jissuġġerixxu, f'moħħ il-persuna li tkun qed tarahom, li t-trademark u l-prodotti in kwistjoni għandhom rabta man-natura u ma' l-annimali slavaġ.

53     Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenza HUBERT, iċċitata iktar 'il fuq, "sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta' xebh kunċettwali bejn it-trademarks in kwistjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-pubbliku kkonċernat se jagħmel distinzjoni bejn il-kunċetti evokati minn kull sinjal" (sentenza HUBERT, iċċitata iktar 'il fuq, punt 58). Konsegwentement, peress li fil-kawża preżenti t-trademark verbali preċedenti m'għandha ebda sinifikat u li, għall-kuntrarju, is-setgħa evokattiva tat-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni tidher b'saħħitha biżżejjed sabiex tkun ipperċepita mill-konsumaturi, għandu jiġi konkluż li ma jeżisti ebda xebh kunċettwali bejn it­-trademarks konfliġġenti.

54     Għal dak li għandu x'jaqsam mal-paragun fonetiku, jidher li huwa inkontestabbli, kif fil-fatt l-UASI jammetti espliċitament, li, kuntrarjament għal dak li kkonstata l-Bord ta' l-Appell fid-deċiżjoni kkontestata (punt 19), il-pubbliku ta' ċerti Stati Membri jista' jipperċepixxi xebh fonetiku bejn it-trademarks konfliġġenti. Fl-Iżvediż, fid-Daniż u fl-Olandiż, per eżempju, l-ittra "j" hija ppronunzjata bħall-ittra "y" fl-Ingliż. Konsegwentement, skond ir-regoli tal-pronunzja ta' ċerti lingwi Ewropej, it-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni se tkun ippronunzjata "kinyi". Għalkemm dan ix-xebh jaffettwa biss numru ridott ta' Stati Membri, għandu jingħad li t-trademarks konfliġġenti huma, għall-inqas f'dawn l-Istati Membri, simili fuq il-livell fonetiku.

55     F'dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni sħiħa tal-probabbiltà ta' konfużjoni bejn is-sinjali in kwistjoni, ġie osservat li t-trademarks konfliġġenti juru differenzi importanti fuq il-livell viżiv u kunċettwali. Fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkunsidrat li dawn id-differenzi viżivi u kunċettwali jinnewtralizzaw b'mod ċar ix-xebh fonetiku bejniethom.

56     Kif l-UASI osserva korrettament, il-grad ta’ xebh fonetiku bejn iż-żewġ trademarks huwa ta’ importanza ridotta meta prodotti huma kkummerċjalizzati b’tali mod li, meta jinxtraw, il-pubbliku rilevanti normalment jipperċepixxi viżivament it-trademark [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs l-UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, Ġabra p. II-4335, punt 55].

57     Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, dan huwa l-każ fil-kawża preżenti. Għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma ppreżentatx l-inqas prova sabiex turi li l-prodotti tagħha jinbiegħu ġeneralment b’mod li l-pubbliku ma jipperċepixxix it-trademark viżivament. Ir-rikorrenti ssostni biss li wieħed mill-mezzi tradizzjonali għall-bejgħ huma l-barijiet u r-ristoranti, fejn il-konsumatur jordna l-prodotti b'mod orali billi jitkellem mal-wejter mingħajr ma jiġi mistieden jara fl-ebda mument it­-trademark in kwistjoni.

58     F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, kif osserva tajjeb ħafna l-UASI, anki jekk il-barijiet u r-ristoranti mhumiex mezzi għall-bejgħ traskurabbli għall-prodotti tar-rikorrenti, il-fliexken ikunu ġeneralment fuq xkafef wara l-bank b'mod li l-konsumaturi jkunu jistgħu xorta waħda jeżaminawhom viżivament. Din hija r-raġuni għaliex, anki jekk huwa possibbli li l-prodotti in kwistjoni jistgħu jinbiegħu b’mod orali, dan il-metodu ma jistax jiġi kkunsidrat bħala l-metodu ta’ kummerċjalizzazzjoni normali. Barra minn hekk, anki jekk il-konsumaturi jistgħu jordnaw xarba b’mod orali mingħajr ma jkunu eżaminaw minn qabel l-imsemmija xkafef, huma jkunu jistgħu f’kull każ jeżaminaw viżivament il-flixkun li jingħatalhom.

59     Barra minn hekk, u fuq kollox, mhuwiex ikkontestat li l-barijiet u r-ristoranti ma jikkostitwixxux l-uniku mezz għall-bejgħ tal-prodotti kkonċernati. Dawn il-prodotti jinbiegħu wkoll fis-supermarkits jew ħwienet oħra għall-bejgħ bl-imnut (ara l-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata). Għandu jingħad li, meta jinbiegħu prodotti hemmhekk, il-konsumaturi jkunu jistgħu jipperċepixxu t-trademarks viżivament, peress li x-xorb huwa ppreżentat fuq xkafef, anki jekk forsi dawn ma jkunux jinsabu ħdejn xulxin.

60     Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Bord ta’ l-Appell kellu jasal għall-konklużjoni li hemm probabbiltà ikbar ta’ konfużjoni bejn it-trademarks peress li t-trademark preċedenti għandha karattru distintiv għoli. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-karattru distintiv għoli ta’ trademark għandu jiġi stabbilit jew b’relazzjoni għall-kwalitajiet intrinsiċi tat-trademark, jew inkella b’relazzjoni għar-reputazzjoni li hija għandha [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Jannar 2003, Mystery Drinks vs l-UASI – Karlsberg Brauerei (MYSTERY), T-99/01, Ġabra p. II-43, punt 34]. Għalkemm ma jistax jiġi miċħud li t-trademark KINNIE hija oriġinali, ir-rikorrenti ma ppreżentatx l-inqas prova sabiex turi li t-trademark tagħha għandha karattru distintiv għoli. In sostenn tal-karattru distintiv għoli tagħha, hija tinvoka biss il-fatt li huwa isem ivvintat.

61     Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-konsumatur medju jirrikonoxxi t-trademarks in kwistjoni bħala viżivament simili, għaliex il-perċezzjoni viżiva ta’ l-ittri li jifformaw l-elementi verbali tas-sinjali hija influwenzata b’mod qawwi mill-pronunzja tagħhom, b’tali mod li, malli jara ż-żewġ sinjali, il-konsumatur medju jiftakar vagament fil-ħoss jixxiebah ta’ l-ismijiet tal-prodotti, iżda ma jiftakarx il-forma ta’ l-ittri użati fl-element grafiku tagħhom. Normalment, il-konsumatur medju jipperċepixxi trademark fit-totalità tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-dettalji differenti tagħha (sentenza SABEL, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 23). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża preżenti, il-perċezzjoni li jkollu konsumatur medju tas-sinjal kumpless li għalih saret l-applikazzjoni mhijiex iddeterminata bis-saħħa tal-paragun bejn l-elementi tiegħu, jiġifieri l-element verbali “kinji”, u s-sinjal tar-rikorrenti.

62     F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jiġi konkluż li, għalkemm il-prodotti koperti mit-trademarks in kwistjoni huma identiċi jew simili ħafna, id-differenzi viżivi u kunċettwali bejn is-sinjali konfliġġenti jipprovdu motivi suffiċjenti li juru li ma teżisti ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trademark preċedenti.

63     Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li r-raġuni bbażata fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 hija infondata u għalhekk għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94

–       It-talbiet tal-partijiet

64     Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta’ l-Appell kiser l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 billi ma tax lill-partijiet l-opportunità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-motivi msemmija fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-mod, skond il-Bord ta’ l-Appell, kif jiġi ordnat u mibjugħ ix-xorb fil-barijiet u fir-ristoranti. Hija tilmenta wkoll li l-Bord ta’ l-Appell kiser ċerti rekwiżiti proċedurali essenzjali.

65     L-UASI jsostni li r-riferiment għall-“metodi ta’ bejgħ” u għall-perċezzjoni ta’ trademarks fis-suq ikkonċernat mhuwiex motiv fih nnifsu, skond l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, iżda argument li jikkorrobora r-raġunament li d-differenzi viżivi u kunċettwali bejn it-trademarks jeskludu kull probabbiltà ta’ konfużjoni fis-suq speċifiku tal-prodotti in kwistjoni. Tali riferiment mhuwiex indipendenti mill-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, iżda jagħmel parti mir-raġunament tal-Bord ta’ l-Appell.

66     Konsegwentement, l-UASI jsostni li, billi ma tax l-opportunità lir-rikorrenti li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-argument ibbażat fuq “metodi ta’ bejgħ”, il-Bord ta’ l-Appell ma kisirx l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, peress li dan l-argument intuża biss bl-għan li jagħti ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni kkontestata, abbażi ta’ motivi u tar-raġunament li r-rikorrenti kienet taf minn qabel.

67     L-intervenjenti ssostni li hija diġà rrikorriet għall-argument li r-rikorrenti tikkontesta fil-kuntest ta’ dan ir-rikors fl-osservazzjonijiet li hija ppreżentat fis-27 ta’ Jannar 2003 fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell, li fihom hija kienet iddikjarat li “l-prodotti koperti miż-żewġ trademarks huma xarbiet mhux alkoħoliċi li jinbiegħu fl-istess ħwienet u ġeneralment fis-supermarkits u li, kuntrarjament għal dak li qalet id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni fid-deċiżjoni tagħha (paġna 7, paragrafu 3), il-konsumatur medju għandu effettivament il-possibbiltà li jwettaq paragun dirett bejn il-prodotti”.

68     Minn dan, l-intervenjenti tinferixxi li, apparentament, ir-rikorrenti ma ħassitx il-bżonn li tikkontesta din l-affermazzjoni billi tirrispondi fl-“osservazzjonijiet b’risposta għall-appell” tagħha tal-21 ta’ Marzu 2003 li dan ma kienx il-każ ġewwa bar jew ristorant.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

69     Skond l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, id-deċiżjonijiet ta’ l-Uffiċċju għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet ikkonċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Ottubru 2002, KWS Saat vs l-UASI (Nuance d’orange), T-173/00, Ġabra p. II-3843, punt 57].

70     Fil-kawża preżenti, għandu jiġi osservat li l-Bord ta’ l-Appell stqarr, fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “għalkemm il-prodotti huma […] mibjugħa fil-barijiet u fir-ristoranti, ġeneralment il-konsumatur li jsib ruħu f’dawn iċ-ċirkustanzi mhuwiex se jordnahom billi juża l-isem tagħhom, kuntrarjament għal meta jordna, per eżempju, imbejjed jew birer”. Il-Bord ta’ l-Appell żied ukoll li, “normalment, il-klijenti ta’ barijiet jew ta’ ristoranti jordnaw sempliċement dawn il-prodotti bl-isem ġeneriku tagħhom u jkunu jridu, per eżempju, “meraq tal-larinġ frisk”.

71     Fir-realtà, wieħed josserva li l-Bord ta’ l-Appell qiegħed jipprova juri fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata li l-konsumatur tipiku jkollu normalment l-opportunità li jeżamina viżivament il-prodotti qabel ma jixtrihom. Din il-pożizzjoni hija kkonfermata fl-aħħar sentenza tal-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn il-Bord ta’ l-Appell jiġbor fil-qosor il-kunsiderazzjonijiet tiegħu billi jiddikjara li “fi kliem ieħor, il-konsumatur tipiku jkollu ġeneralment l-opportunità li jikkontrolla viżivament il-prodotti u t-trademarks tagħhom qabel ma jixtrihom (għalkemm huwa possibbli li ma jsibx iż-żewġ trademarks ħdejn xulxin)”.

72     Għaldaqstant, jidher li l-affermazzjonijiet li jirrigwardaw il-mod kif il-konsumaturi jordnaw il-prodotti tal-partijiet fir-ristoranti jew fil-barijiet ma jikkostitwixxux motiv indipendenti tad-deċiżjoni kkontestata, iżda jagħmlu parti mir-raġunament li l-Bord ta’ l-Appell uża fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni sħiħa tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Madankollu, il-fatt li r-rikorrenti ma ressqitx argumenti fuq dan il-punt ma jimplikax li hija ma setgħatx tippreżenta l-osservazjonijiet tagħha dwar il-motivi li għandhom x’jaqsmu mal-paragun viżiv u fonetiku tas-sinjali in kwistjoni li fuqhom hija fondata d-deċiżjoni kkontestata.

73     F’dawn iċ-ċirkustanzi, din ir-raġuni bbażata fuq ksur ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 għandha tiġi miċħuda.

74     Għaldaqstant, jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li r-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

75     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tikkundanna lill-UASI u/jew l-intervenjenti jbatu l-ispejjeż tal-proċedimenti ta' oppożizzjoni. Hija ma żviluppatx argumenti speċifiċi fir-rigward ta’ din it-talba fid-dokumenti tagħha. Madankollu, waqt is-seduta orali, hija qablet ma’ l-argumenti ppreżentati mill-UASI f’dan ir-rigward.

76     L-UASI jsostni li din it-talba hija inammissibbli peress li, skond l-Artikoli 87 u 136 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, dawn l-ispejjeż ma jistgħux jinġabru.

77     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 136(2) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li:

“L-ispejjeż indispensabbli indikati mill-partijiet għall-fini tal-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell […] għandhom jiġu kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru.”

78     Għaldaqstant, safejn l-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni ma jikkostitwixxux spejjeż li jistgħu jinġabru skond l-Artikolu 136(2) tar-Regoli tal-Proċedura, din it-talba hija inammissibbli u għalhekk għandha tiġi miċħuda.

79     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tbati l-ispejjeż ta’ l-UASI u ta’ l-intervenjenti, konformement mat-talbiet tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (il-Ħames Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Vilaras

Martins Ribeiro

Jürimäe

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta' Novembru 2005

Reġistratur

 

       President

E. Coulon

 

       M. Vilaras


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.