Language of document : ECLI:EU:F:2008:164

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

10 ta’ Diċembru 2008

Kawża F-46/08

Thérèse Nicole Thoss

vs

Il-Qorti tal-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej

“Il-Qorti tal-Awdituri – Sistema ta’ remunerazzjoni tal-membri – Pensjonijiet – Pensjoni tas-superstiti”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 230 KE, li permezz tiegħu T. Thoss, armla ta’ M. Thoss, ex membru tal-Qorti tal-Awdituri, titlob b’mod partikolari lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jannulla d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Awdituri tal-20 ta’ Marzu 2006 li tirrifjuta li tagħti lir‑rikorrenti l-pensjoni tas-superstiti, prevista mill-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, EURATOM, KEFA) Nru 2290/77, tat-18 ta’ Ottubru 1977, li jistabbilixxi l-emolumenti [sistema ta’ remunerazzjoni] tal-membri tal-Qorti tal-Awdituri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1 p. 87).

Deċiżjoni: Ir-rikors ġie rreġistrat taħt in-numru F-46/08, Thoss vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, u rrinvijat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. L‑ispejjeż tal-kawża huma rriżervati.

Sommarju

Proċedura – Tqassim tal-kompetenzi bejn id-diversi qrati Komunitarji – Rikors għal annullament ippreżentat minn membru ta’ istituzzjoni Komunitarja kontra deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni

(l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 225(1) KE, Artikoli 230 KE, 236 KE u 247(8) KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 1; Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 91(1); Regolament tal-Kunsill Nru 2290/77)

Peress li l-Qorti tal-Awdituri hija istituzzjoni Komunitarja u mhux “korp” jew “aġenzija” fis-sens tal-Artikolu 1 tal-anness tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa kompetenti li jiddeċiedi fuq rikors ippreżentat minn membru tal-Qorti tal-Awdituri kontra din l-istituzzjoni biss meta dan jista’ jitqies li tressaq taħt l-Artikolu 236 KE.

Fil-każ ta’ talba għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Awdituri li tirrifjuta l-għoti ta’ pensjoni tas-superstiti lill-armla ta’ ex membru ta’ din l-istituzzjoni, għandu jiġi stabbilit jekk membru bħal dan jistax jitqies li huwa “aġent [membru tal-persunal]” fis-sens tal-Artikolu 236 KE, jiġifieri “[persuna] […] [prevista] […] fir-Regolamenti tal‑Persunal”. Issa, fl-ewwel lok, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE jiddistingwu b’mod ċar is-sitwazzjoni tal-membri tal-istituzzjonijiet Komunitarji minn dik tal‑uffiċjali u tal-membri tal-persunal tal-Komunitajiet Ewropej. Fit-tieni lok, l-Artikolu 247(8) KE ma jipprovdix li l-kundizzjonijiet tal-ħatra tal-membri tal-Qorti tal-Awdituri jaqgħu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, iżda taħt regolament speċifiku, ir‑Regolament Nru 2290/77, dwar l-emolumenti [sistema ta’ remunerazzjoni] tal-membri tal-Qorti tal-Awdituri. Fl-aħħar nett, ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej ma humiex direttament applikabbli għall‑membri tal-Qorti tal-Awdituri, peress li s-sitwazzjoni ta’ dawn l-aħħar imsemmija hija biss affettwata mir-Regolamenti tal-Persunal b’mod indirett, sa fejn ir-Regolament Nru 2290/77 jirreferi għalihom. Il-membri tal-Qorti tal‑Awdituri b’hekk ma jistgħux jitqiesu li huma “persuna li għaliha japplikaw […] ir-Regolamenti tal-Persunal” fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal‑Persunal u, b’hekk, li huma “aġenti [membri tal-persunal]” fis-sens tal-Artikolu 236 KE. B’hekk, l‑Artikolu 1 tal-anness tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex applikabbli għar-rikors ippreżentat minn membru tal-Qorti tal-Awdituri fuq il-bażi tal‑Artikolu 236 KE. Rikors bħal dan b’hekk ma jaqax taħt il-kompetenza tal‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Rikors għal annullament ippreżentat minn membru tal-Qorti tal-Awdituri, jew mill-konjuġi superstiti tiegħu, kontra deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni dwar, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet tal-ħatra tiegħu taħt l-Artikolu 247(8) KE jaqa’ fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 230 KE.

Deċiżjoni tal-Qorti tal-Awdituri tista’ tiġi kkontestata fuq il-bażi tal‑Artikolu 230 KE, b’mod li l-Qorti tal-Awdituri ma hijiex speċifikament imsemmija fl-ewwel paragrafu tiegħu, li jistabbilixxi l-istituzzjonijiet li l-atti tagħhom jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ tal-legalità mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 225(1) KE, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija kompetenti li tisma’ fl-ewwel istanza r-rikorsi previsti, fost l-oħrajn, fl-Artikolu 230 KE, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżerva għall‑Qorti tal-Ġustizzja.

(ara l-punti 21, 25, 26, 29, 31 sa 34, 42, 46 u 47)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 11 ta’ Mejju 1989, Maurissen u Union syndicale vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, 193/87 u 194/87, Ġabra p. 1045, punt 42, u l‑konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Darmon fis-sentenza, punti 50 sa 57; 17 ta’ Mejju 1994, H vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, C‑416/92, Ġabra p. I‑1741; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 30 ta’ Settembru 1998, Ryan vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑121/97, Ġabra p. II‑3885