Language of document : ECLI:EU:C:2011:573

Kawża C-447/09

Reinhard Prigge et

vs

Deutsche Lufthansa AG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht)

“Direttiva 2000/78/KE — Artikoli 2(5), 4(1) u 6(1) — Projbizzjoni tad-diskriminazzjoni marbuta mal-età — Piloti tal-linji tal-ajru — Ftehim kollettiv — Klawżola ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol mas-60 sena”

Sommarju tas-sentenza

1.        Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età — Ammissibbiltà ta’ differenza fit-trattament li tirriżulta minn miżuri previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li huma neċessarji għas-sigurtà pubblika jew għall-protezzjoni tas-saħħa — Kunċett ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali — Miżuri previsti minn ftehim kollettiv — Inklużjoni

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 2(5))

2.        Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età — Ammissibbiltà ta’ differenza fit-trattament ibbażata fuq karatteristika li tikkostitwixxi rekwiżit essenzjali u determinanti tax-xogħol — Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 4(1))

3.        Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età — Possibbiltà għall-Istati Membri li, mill-kunċett ta’ diskriminazzjoni, jeskludu differenza fit-trattament fil-każ ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva u raġonevoli permezz ta’ għan leġittimu — Portata

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1))

1.        L-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, permezz ta’ regoli ta’ awtorizzazzjoni, lill-imsieħba soċjali sabiex jadottaw miżuri fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(5) fl-oqsma msemmija f’din id-dispożizzjoni li jagħmlu parti minn ftehim kollettivi u bil-kundizzjoni li dawn ir-regoli ta’ awtorizzazzjoni jkunu speċifiċi biżżejjed sabiex jiżguraw li l-imsemmija miżuri josservaw ir-rekwiżiti msemmija fl-imsemmi Artikolu 2(5). Miżura li tistabbilixxi l-età ta’ 60 sena bħala l-età limitu li minnha l-piloti ma jistgħux jibqgħu jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom, filwaqt li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali jistabbilixxu din l-età għal 65 sena, ma hijiex miżura neċessarja għas-sigurtà pubblika u għall-protezzjoni tas-saħħa, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 2(5).

(ara l-punt 83 u d-dispożittiv)

2.        L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi klawżola ta’ ftehim kollettiv li tistabbilixxi l-età ta’ 60 sena bħala l-età limitu li minnha l-piloti jibdew jitqiesu bħala li ma baqgħalhomx il-kapaċitajiet fiżiċi sabiex jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom filwaqt li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali jistabbilixxu din l-età għal 65 sena.

Fil-fatt, sa fejn jippermetti li ssir deroga mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, l-imsemmi Artikolu 4(1) għandu jiġi interpretat b’mod ristrett. Issa, jekk il-fatt li wieħed ikollu l-kapaċitajiet fiżiċi partikolari jista’ jitqies bħala ħtieġa essenzjali u determinanti, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ pilota tal-linji tal-ajru u jekk l-għan li tiġi żgurata s-sigurtà fl-avjazzjoni, segwit mill-imsemmija miżura, jikkostitwixxi għan oġġettiv fis-sens tal-istess Artikolu 4(1), l-iffissar tal-età ta’ 60 sena bħala l-età limitu li minnha l-piloti tal-linji tal-ajru jitqiesu li ma baqgħalhomx il-kapaċitajiet fiżiċi sabiex jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom jikkostitwixxi, f’ċirkustanzi bħal dawn u fid-dawl tal-imsemmija leġiżlazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali, ħtieġa sproporzjonata fis-sens tal-Artikolu 4(1).

(ara l-punti 67-69, 72, 75, 83 u d-dispożittiv)

3.        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sigurtà fl-avjazzjoni ma tikkostitwixxix għan leġittimu fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fil-fatt, minkejja li l-lista tal-għanijiet leġittimi elenkati fl-imsemmi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ma hijiex waħda eżawrjenti, l-għanijiet li jistgħu jitqiesu bħala li huma leġittimi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, konsegwentement, xierqa sabiex jiġġustifikaw deroga mill-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età, huma għanijiet ta’ politika soċjali, bħal dawk marbuta mal-politika tax-xogħol, mas-suq tax-xogħol jew mat-taħriġ professjonali. Għaldaqstant, għan bħalma hija s-sigurtà fl-avjazzjoni ma jaqax taħt l-għanijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1).

(ara l-punti 80-83 u d-dispożittiv)