Language of document : ECLI:EU:F:2009:130

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

29 ta’ Settembru 2009

Kawża F-114/07

Rainer Wenning

vs

L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-Europol – Tiġdid ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal tal-Europol – Artikolu 6 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol – Rapport ta’ evalwazzjoni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l‑Artikolu 40(3) tal‑Konvenzjoni bbażata fuq l‑Artikolu K.3 tat‑Trattat dwar l‑Unjoni Ewropea dwar l‑istabbiliment tal‑Uffiċċju Ewropew tal‑Pulizija (Konvenzjoni Europol) u skont l‑Artikolu 93(1) tar‑Regolamenti tal‑Persunal tal‑Europol, li permezz tiegħu R. Wenning jitlob, essenzjalment, l‑annullament tad‑deċiżjoni tal‑Europol, tal‑21 ta’ Diċembru 2006, li l‑kuntratt tiegħu ma jiġġeddidx, l‑annullament tar‑rapport ta’ evalwazzjoni għall‑perijodu minn Jannar sa Settembru 2006 kif ukoll il‑kundanna tal‑Europol għall‑ħlas ta’ kumpens għad‑danni materjali u morali allegatament subiti.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Persunal tal-Europol – Rapport ta’ evalwazzjoni – Redazzjoni – Linji gwida għall-evalwazzjoni tal-persunal tal-Europol

(Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, Artikoli 6 u 28)

2.      Uffiċjali – Persunal tal-Europol – Rapport ta’ evalwazzjoni – Redazzjoni –Assenza ta’ terminu obbligatorju

(Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, Artikoli 6 u 28)

3.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni

4.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Redazzjoni

5.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Bidla tal-evalwazzjonijiet meta mqabbla mal-evalwazzjoni preċedenti

6.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju

(Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, Artikoli 6 u 28)

7.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Koerenza meħtieġa bejn il-kummenti deskrittivi u l-evalwazzjoni biċ-ċifri

8.      Uffiċjali – Persunal tal-Europol – Reklutaġġ – Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat

(Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, Artikoli 6 u 94(1)(a))

1.      Il‑ksur tar‑regoli tal‑proċedura, bħar‑regoli stabbiliti permezz tal‑linji gwida dwar il‑proċess tal‑iżvilupp tal‑karrieri u l‑evalwazzjoni tal‑persunal adottati mill‑Europol, jikkostitwixxu irregolaritajiet sostanzjali li jistgħu jinvalidaw rapport ta’ evalwazzjoni ta’ membru tal-persunal bil‑kundizzjoni li huwa juri li l‑imsemmi rapport kien ikollu kontenut differenti fin‑nuqqas ta’ dan il‑ksur.

(ara l-punti 97 u 102)

Referenza:

Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza: 9 ta’ Marzu 1999, Hubert vs Il‑Kummissjoni, T‑212/97, ĠabraSP p. I‑A‑41 u II‑185, punt 53

It-Tribunal għas‑Servizz Pubbliku : 15 ta’ Diċembru 2008, Skareby vs Il‑Kummissjoni, F‑34/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 40, li hija s‑suġġett ta’ appell pendenti quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza, Kawża T‑91/09 P

2.      Fir‑rigward tar‑redazzjoni tar‑rapport ta’ evalwazzjoni ta’ membru tal-persunal tal‑Europol, la r‑Regolamenti tal‑Persunal tal‑Europol u lanqas il‑linji gwida dwar il‑proċess tal‑iżvilupp u l‑evalwazzjoni tal‑persunal ma jistabbilixxu data speċifika għar‑redazzjoni tar‑rapporti ta’ evalwazzjoni. L‑Artikolu 28 tal‑imsemmija regolamenti jistabbilixxi biss illi r‑rapport ta’ evalwazzjoni għandu jiġi redatt mill‑inqas darba fis‑sena. Jekk l‑amministrazzjoni għandha d‑dover imperattiv illi tiżgura r‑redazzjoni perjodika ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni fid‑dati stabbiliti mir‑Regolamenti tal‑Persunal u illi dawn jiġu redatti b’mod regolari, kemm għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll sabiex jiġu ssalvagwardati l‑interessi tal‑uffiċjali, l‑amministrazzjoni għandha terminu raġonevoli għar‑redazzjoni tar‑rapport ta’ evalwazzjoni fin‑nuqqas ta’ dispożizzjonijiet li jissuġġettaw il‑proċedura ta’ evalwazzjoni għal termini speċifiċi. Barra minn hekk, l‑ebda dispożizzjoni tal‑imsemmija Regolamenti tal‑Persunal jew tal‑imsemmija linji gwida ma tipprojbixxi li jiġi stabbilit illi għan għandu jintlaħaq qabel it‑tmiem tal‑perijodu ta’ evalwazzjoni. Anzi, l‑imsemmija linji gwida, li jsostnu illi l‑għanijiet għandhom jingħataw terminu, jimponu biss illi t‑terminu għandu jikkorrispondi mat‑tmiem tal‑perijodu ta’ evalwazzjoni.

(ara l-punti 98, 99)

Referenza:

Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza: 10 ta’ Mejju 2005, Piro vs Il‑Kummissjoni, T‑193/03, ĠabraSP p. I‑A‑121 u II‑547, punti 76 sa 78

3.      Fil‑kuntest tar‑redazzjoni ta’ rapport ta’ evalwazzjoni, l‑evalwatur għandu jagħmel l‑evalwazzjoni b’assoċjazzjoni mill‑qrib mal‑validatur, peress li dan tal‑aħħar għandu l‑possibbiltà, wara laqgħa mitluba mill‑uffiċjal evalwat, jew li jbiddel, jew li jikkonferma r‑rapport.

(ara l-punt 100)

Referenza:

Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza: 12 ta’ Lulju 2005, De Bry vs Il‑Kummissjoni, T‑157/04, ĠabraSP p. I‑A‑199 u II‑901, punt 44

4.      L‑għan stess tal‑proċedura ta’ evalwazzjoni huwa li jiġu rriveduti x‑xogħol u l‑kapaċitajiet tal‑uffiċjal ikkonċernat f’kull perijodu predeterminat. Peress illi d‑deċiżjoni tal‑evalwatur dwar il‑perijodu ta’ referenza tittieħed wara proċedura li tinvolvi liż‑żewġ partijiet, l‑uffiċjal ikkonċernat ma jistax jinvoka, a posteriori, in‑nuqqas ta’ kritika intermedja matul il‑perijodu ta’ referenza. Għalhekk ma għandux jintalab illi d‑deċiżjonijiet ta’ evalwazzjoni, magħmula mis‑superjuri ġerarkiċi fil‑kuntest tal‑konsultazzjoni organizzata fil‑proċedura ta’ evalwazzjoni għal perijodu partikolari, jiġu diskussi minn qabel bejn l‑uffiċjal evalwat u s‑superjuri tiegħu jew li jkunu s‑suġġett ta’ twissija minn qabel bil‑miktub matul il‑perijodu ta’ referenza peress illi huma s‑suġġett ta’ skambju ġenwin ta’ perspettivi matul il‑proċedura ta’ evalwazzjoni.

(ara l-punt 104)

Referenza:

Il‑Qorti tal‑Ġustizzja: 9 ta’ Novembru 2006, Il‑Kummissjoni vs De Bry, C‑344/05 P, Ġabra p. I‑10915, punti 37 sa 45

Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza: 13 ta’ Diċembru 2005, Cwik vs Il‑Kummissjoni, T‑155/03, T‑157/03 u T‑331/03, ĠabraSP p. I‑A‑411 u II‑1865, punt 142

5.      Fil‑kuntest tar‑redazzjoni ta’ rapport ta’ evalwazzjoni, l‑obbligu li tiġi ġġustifikata kull bidla mir‑rapport ta’ evalwazzjoni preċedenti huwa intiż sabiex jippermetti lill‑uffiċjal ikun jaf ir‑raġunijiet tal‑bidla fl‑evalwazzjonijiet analitiċi, jivverifika r‑realtà tal‑fatti invokati u, għalhekk, bis‑saħħa tad‑dritt għal smigħ tiegħu, jissottometti osservazzjonijiet fuq din il‑motivazzjoni, peress illi r‑rapport ta’ evalwazzjoni jkun ivvizjat b’difett proċedurali essenzjali jekk in‑nuqqas ta’ motivazzjoni jkun ippreġudika d‑dritt għal smigħ tal‑uffiċjal.

(ara l‑punt 108)

Referenza:

Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza: 16 ta’ Lulju 1992, Della Pietra vs Il‑Kummissjoni, T‑1/91, Ġabra p. II‑2145, punt 30; Hubert vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79; 25 ta’ Ottubru 2005, Micha vs Il‑Kummissjoni, T‑50/04, ĠabraSP p. I‑A‑339 u II‑1499, punt 36

6.      L‑evalwaturi għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa ħafna meta jevalwaw ix‑xogħol tal‑persuni li tagħhom huma inkarigati li jagħmlu l‑evalwazzjoni. Għalhekk, l‑istħarriġ ġudizzjarju mill‑qrati Komunitarju fuq il‑kontenut tar‑rapporti ta’ evalwazzjoni huwa limitat għal stħarriġ dwar jekk il‑proċedura saritx kif suppost, dwar l‑eżattezza tal‑fatti u dwar in‑nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ abbuż ta’ poter. Għaldaqstant, ma hijiex il‑qorti Komunitarja li għandha tistħarreġ il‑mertu tal‑evalwazzjoni magħmula mill‑amministrazzjoni dwar il‑kapaċitajiet professjonali ta’ uffiċjal, peress illi din tinvolvi deċiżjonijiet kumplessi ta’ valur li, min‑natura tagħhom stess, ma jistgħux ikunu suġġett ta’ verifika oġġettiva.

(ara l-punti 111 u 117)

Referenza:

Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza: 9 ta’ Diċembru 1999, Progoulis vs Il‑Kummissjoni, T‑53/99, ĠabraSP p. I‑A‑255 u II‑1249, punti 27 u 29; 12 ta’ Ġunju 2002, Mellone vs Il‑Kummissjoni, T‑187/01, ĠabraSP p. I‑A‑81 u II‑389, punt 51; 25 ta’ Ottubru 2005, Cwik vs Il‑Kummissjoni, T‑96/04, ĠabraSP p. I‑A‑343 u II‑1523, punt 41

Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza: 1 ta’ Frar 2007, Rossi Ferrerai vs Il‑Kummissjoni, F‑42/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 33

7.      L‑għan tal‑kummenti deskrittivi f’rapport ta’ evalwazzjoni huwa li jiġu ġġustifikati l‑evalwazzjonijiet analitiċi magħmula fir‑rapport. Dawn il‑kummenti jservu bħala bażi għall‑evalwazzjoni u jippermettu lill‑uffiċjal jifhem il‑marki miksuba. Konsegwentement, fid‑dawl tar‑rwol predominanti tagħhom fir‑redazzjoni tar‑rapport ta’ evalwazzjoni, il‑kummenti għandhom ikunu koerenti mal‑marki mogħtija, tant illi l‑marka għandha tiġi kkunsidrata bħala traskrizzjoni biċ‑ċifri jew analitika tal‑kummenti. Fid‑dawl tas‑setgħa diskrezzjonali wiesgħa ħafna li għandhom l‑evalwaturi fid‑deċiżjonijiet relatati max‑xogħol tal‑persuni li tagħhom huma inkarigati li jagħmlu l‑evalwazzjoni, inkoerenza eventwali f’rapport ta’ evalwazzjoni ma tistax madankollu tiġġustifika l‑annullament ta’ tali rapport ħlief jekk din l‑inkoerenza tkun waħda manifesta.

(ara l‑punt 132)

Referenza:

Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza: 13 ta’ Diċembru 2005, Cwik vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80

8.      Bħala regola, l‑amministrazzjoni ma hijiex mitluba timmotiva l‑att li permezz tiegħu hija tiddeċiedi li ma ġġeddidx kuntratt ta’ impjieg, konkluż għal żmien determinat, meta dan jiskadi. Kull waħda mill‑partijiet kontraenti għandha tistenna, sa mill‑bidu tar‑relazzjoni kuntrattwali tagħhom, illi l‑parti l‑oħra se tużufruwixxi mid‑dritt tagħha illi, fid‑data tal‑iskadenza tal‑kuntratt, tibbaża ruħha fuq it‑termini ta’ dak il‑kuntratt kif miftehma, jiġifieri fis‑sens illi l‑kuntratt jintemm fid‑data hemm imsemmija. Fin‑nuqqas ta’ dritt għat‑tiġdid ta’ kuntratt ta’ żmien determinat, għalhekk jidher li mhux normalment meħtieġ illi l‑amministrazzjoni timmotiva l‑insistenza tagħha li żżomm mal‑iskadenza tal‑kuntratt fid‑data kif inizjalment stabbilita.

Madankollu, l‑Europol, permezz ta’ deċiżjoni adottata mid‑direttur tagħha, fit‑8 ta’ Diċembru 2006, dwar l‑implementazzjoni tal‑Artikolu 6 tar‑Regolamenti tal‑Persunal tal‑Europol, li fihom dispożizzjonijiet dwar it‑tiġdid ta’ kuntratti fi ħdan l‑Europol, fassal sistema speċjali intiża sabiex tiggarantixxi t‑trasparenza tal‑proċess ta’ tiġdid tal‑kuntratti. Bl‑introduzzjoni ta’ din is‑sistema speċjali, l‑Europol speċifika l‑kriterji li huwa kellu f’moħħu japplika fil‑kuntest tal‑eżerċizzju tas‑setgħa diskrezzjonali tiegħu fil‑qasam tat‑tiġdid jew tan‑nuqqas tat‑tiġdid tal‑kuntratti ta’ impjieg. Dan wassal sabiex ikun hemm limitazzjoni imposta fuqu nnifsu ta’ din is‑setgħa, peress illi l‑Europol kellu jikkonforma ruħu mal‑linji gwida li kien impona fuqu nnifsu.

Minn dan isegwi illi membru tal-persunal tal‑Europol, li għandu kuntratt ta’ żmien determinat, għandu d‑dritt illi l‑Europol teżamina b’attenzjoni u b’mod oġġettiv jekk huwa jissodisfax il‑kundizzjonijiet meħtieġa sabiex il‑kuntratt tiegħu jiġġedded. Fil‑każ ta’ rifjut ta’ tiġdid, huwa għandu interess leġittimu illi jingħata motivazzjoni li turi li tali eżami sar b’attenzjoni u b’mod oġġettiv.

(ara l-punti 142 sa 147)

Referenza:

Il‑Qorti tal‑Prim’Istanza: 1 ta’ Marzu 2005, Smit vs Europol, T‑143/03, ĠabraSP p. I‑A‑39 u II‑171, punti 26 sa 28, 30 u 32 ; 1 ta’ Marzu 2005, Mausolf vs Europol, T‑258/03, ĠabraSP p. I‑A‑45 u II‑189, punti 21 sa 23, 25 u 27