Language of document : ECLI:EU:C:2008:479

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

POIARES MADURO

ppreżentati fid-9 ta’ Settembru 2008 1(1)

Kawża C-465/07

M. Elgafaji,

N. Elgafaji

vs

Staatssecretaris van Justitie

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nederlandse Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Status ta’ refuġjat – Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat – Livell ta’ protezzjoni ugwali għal dak tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali”





1.        Il-kwistjoni li wasslet għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni biex tippreċiża l-kundizzjonijiet tal-protezzjoni sussidjarja mogħtija abbażi tal-istatus ta’ refuġjat liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat [apolidi] bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (2) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”). It-talba mressqa mill-qorti tar-rinviju hija magħmula b’mod li tistieden lill-qorti Komunitarja sabiex tagħmel studju komparattiv dwar il-portata tal-protezzjoni Komunitarja fid-dawl tal-protezzjoni prevista fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Din il-materja twassal biex jiġu ttrattati r-rapporti li hemm bejn iż-żewġ sistemi legali, liema rapporti ma jistgħux jiġu injorati fid-dawl tal-għan li tinħoloq żona Ewropea ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali bħalma huwa d-dritt tal-ażil. Iktar importanti hija l-kwistjoni fundamentali li tirriżulta f’din il-kawża u li hija intiża li tistabbilixxi x’grad ta’ individwalizzazzjoni ta’ riskju reali, li għalih xi persuna tista’ tkun esposta, huwa meħtieġ sabiex din tkun eleġibbli għal protezzjoni sussidjarja mogħtija mid-Direttiva.

I –    Il-fatti fil-kawża prinċipali, il-kuntest ġuridiku u d-domandi preliminari

2.        Il-kwistjoni li fil-kuntest tagħha saru d-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, irriżultat mir-rifjut tal-iStaatssecretaris van Justitie milli jagħti permess ta’ residenza temporanju fil-Pajjiżi l-Baxxi lil M. u N. Elgafaji, li huma ċittadini Iraqini.

3.        L-iStaatssecretaris van Justitie, li huwa l-konvenut fil-kawża prinċipali, immotiva d-deċiżjoni tar-rifjut tiegħu, bid-data tal-20 ta’ Diċembru 2006, billi sostna li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinux urew b’mod suffiċjenti r-riskju reali tal-periklu serju u individwali li huma kienu qegħdin isofru fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. B’mod partikolari, huwa jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 29(1)(b) u (d) tal-liġi Olandiża tal-2000 dwar l-istatus tal-barranin (Vreemdelingenwet 2000, iktar ’il quddiem il-“Vw 2000”) u fuq l-interpretazzjoni li ngħatat lill-istess liġi.

4.        Skont l-Artikolu 29(1)(b) u (d) tal-Vw 2000:

“Permess ta’ residenza temporanju, kif ikkontemplat fl-Artikolu 28, jista’ jingħata lil barrani:

[…]


b)      li jkun wera li huwa għandu raġunijiet validi sabiex wieħed jissupponi li, fil-każ ta’ tkeċċija, huwa jkun qiegħed fir-riskju reali li jiġi suġġett għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti;

[…]

d)      li r-ritorn tiegħu lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tkun, fil-fehma [tal-iStaatssecretaris van Justitie], partikolarment iebsa fis-sitwazzjoni ġenerali li tipprevali hemmhekk.”

5.        Iċ-ċirkulari tas-sena 2000 dwar il-barranin (Vreemdelingencirculaire 2000, iktar ’il quddiem iċ-“ċirkulari 2000”) fil-verżjoni li kienet fis-seħħ fl-20 ta’ Diċembru 2006, tiddisponi fil-punt C 1/4.3.1:

“L-Artikolu 29(1)(b) tal-[Vw 2000] jippermetti li jingħata permess ta’ residenza jekk il-barrani juri suffiċjentement li huwa għandu raġunijiet validi sabiex jaħseb li, fil-każ ta’ tkeċċija, huwa jkun qiegħed f’riskju reali li jiġi suġġett għat-tortura, għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti”. Iċ-ċirkulari 2000 tippreċiża li din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 3 tal-KEDB li jgħid li “Ħadd ma għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal trattament jew piena inumana jew degradanti”. B’hekk, it-tkeċċija ta’ xi persuna lejn pajjiż li fih hija tkun qiegħda fir-riskju reali li tiġi suġġetta għal tali trattament tikkostitwixxi ksur ta’ dan l-artikolu. Jekk dan ir-riskju reali jkun ġie stabbilit, normalment jingħata permess ta’ residenza temporanju (ażil) mill-awtoritajiet Olandiżi kompetenti.

6.        Ir-rikorrenti jsostnu li huma ġabu l-prova tar-riskju reali li huma jkunu qegħdin fih fil-każ ta’ tkeċċija lejn l-Iraq. Insostenn tal-argument tagħhom huma jinvokaw iċ-ċirkustanzi fattwali li huma speċifiċi għalihom. B’hekk huma jsemmu li M. Elgafaji li huwa ta’ oriġini Xiita ħadem, għal madwar sentejn, bħala aġent tas-sigurtà f’Bagdad fl-organizzazzjoni Britannika Janusian Security li tieħu ħsieb is-sigurtà fit-trasport ta’ persuni bejn iż-“żona ħadra” u l-ajruport. Iz-ziju ta’ Elgafaji, li kien jaħdem fl-istess organizzazzjoni, kien it-tir ta’ xi militanti, fejn iċ-ċertifikat tal-mewt isemmi li l-mewt tiegħu seħħet wara attakk terroristiku. Xi jiem wara, twaħlet ittra ta’ theddid mal-bieb ta’ M. u N. Elgafaji, li hija martu ta’ oriġini Sunnita, fejn kien hemm miktub “mewt għall-kollaboraturi”. Abbażi ta’ dawn l-avvenimenti, il-konjuġi Elgafaji ppreżentaw it-talba ta’ ażil tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi fejn hemm jgħixu diġà l-missier, l-omm u l-aħwa bniet ta’ M. Elgafaji.

7.        Madankollu, l-iStaatssecretaris van Justitie sostna li d-dokumenti miġjuba mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u iktar u iktar in-nuqqas ta’ dokumenti uffiċjali ma kinux biżżejjed biex juru r-riskju fil-każ ta’ tkeċċija lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom b’mod li s-sitwazzjoni tagħhom ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 29(1)(b) u (d) tal-Vw 2000.

8.        Ir-rikorrenti kkontestaw din id-deċiżjoni billi invokaw l-eleġibbiltà tal-Artikolu 15(ċ) fid-dawl tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva.

9.        Fil-fatt, l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva jiddefinixxi l-persuni eleġibbli għal protezzjoni sussidjarja bħala “[kull] ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat [apolidi] li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tiegħu jew tagħha, jiffaċċja riskju [reali] li [wieħed] jsofri periklu serju kif definit fl-Artikolu 15 […]”.

10.      Skont l-Artikolu 15, “[p]eriklu serju jikkonsisti minn:

a) piena kapitali jew eżekuzzjoni; jew

b) tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig ta’ applikant fil-pajjiż ta’ l-oriġini; jew

(ċ) theddida serja u individwali għal ħajja [jew għall-persuna ta’ pajżan] minħabba fi vjolenza [indiskriminata] f'sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern.”

11.      Ir-rikorrenti josservaw li hija biss l-ipoteżi kkontemplata fl-Artikolu 15(b) li hija koperta mill-Artikolu 29(1)(b) tal-Vw 2000 li jirriproduċi kważi letteralment l-istess termini tiegħu. Peress li l-periklu kkontemplat f’dan l-Artikolu 15(ċ) huwa differenti minn dawk imsemmijin qablu u peress li huma jaqgħu taħt din l-ipoteżi, għal din ir-raġuni huma kellhom, jew tal-inqas setgħu, jiksbu deċiżjoni favorevoli għat-talba għal ażil tagħhom.

12.      L-iStaatssecretaris van Justitie ċaħad dan il-motiv. Skont l-istess Staatssecretaris van Justitie, l-oneru tal-prova jibqa’ l-istess kemm jekk jirrigwarda l-protezzjoni mogħtija skont l-Artikolu 15(b) tad-Direttiva kif ukoll jekk taħt l-Artikolu 15(ċ). Il-konvenut jenfasizza li dawn iż-żewġ artikoli, l-istess bħall-Artikolu 29(1)(b) tal-Vw 2000, jeħtieġu li dawk li jitolbu l-ażil juru b’mod suffiċjenti l-perikli gravi u individwali li jkunu jeżistu kieku huma jkollhom jirritornaw lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom. Fin-nuqqas li tinġieb tali prova fil-kuntest tal-Artikolu 29(1)(b) tal-Vw 2000, huma ma jkunux jistgħu jinvokaw utilment l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva li jitlob li tinġieb prova simili.

13.      Wara dik id-deċiżjoni, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors quddiem ir-Rechtbank (il-Pajjiżi l-Baxxi). Din il-qorti tagħti interpretazzjoni differenti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva. B’mod partikolari, il-qorti nazzjonali ssostni li l-grad għoli ta’ individwalizzazzjoni tal-periklu rikjest mill-Artikolu 15(b) tad-Direttiva u mid-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni, huwa mitlub f’livell inqas fil-każ ikkontemplat fl-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt ta’ kunflitt armat fil-pajjiż tal-oriġini. Il-prova dwar l-eżistenza ta’ periklu individwali u serju li taqa’ fuq ir-rikorrent tista’ tiġi ttrattata b’mod iktar faċli fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva, bi paragun mal-Artikolu 15(b). Konsegwentement, ir-Rechtbank annullat id-deċiżjonijiet tal-20 ta’ Diċembru 2006, li ċaħdu l-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja inkwantu l-oneru tal-prova mitluba fil-kuntest tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva hija simili għal dik mitluba għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15(b) kif riprodott fl-Artikolu 29(1)(b) tal-Vw 2000. Skont din il-qorti, il-Ministru tal-Ġustizzja Olandiż kellu jeżamina jekk kienx hemm raġunijiet sabiex l-applikanti jingħataw permess ta’ residenza temporanju skont l-Artikolu 29(1)(d) tal-Vw 2000 minħabba l-perikli serji kkontemplati fl-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva.

14.      Il-qorti tar-rinviju, in-Nederlandse Raad van State, li hija l-qorti tal-appell fil-kawża prinċipali, taqsam l-istess diffikultajiet fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva kif espressi permezz tal-pożizzjonijiet li żammew il-konvenut u l-qorti tal-ewwel istanza. Barra minn hekk, l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva kien għadu ma ġiex traspost fil-liġi Olandiża fl-20 ta’ Diċembru 2006, meta M. u N. Elgafaji kienu ppreżentaw it-talbiet tagħhom. B’hekk, sabiex tkun tista’ tevalwa jekk tali traspożizzjoni kinitx meħtieġa, ir-Raad van State ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 15[(ċ)] tad-Direttiva […] għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni toffri biss protezzjoni f’sitwazzjoni li tirrigwarda l-Artikolu 3 tal-[KEDB] skont l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jew fis-sens li din l-ewwel dispożizzjoni toffri protezzjoni addizzjonali jew differenti fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-[KEDB]?

2)      Jekk l-Artikolu 15[(ċ)] tad-Direttiva joffri protezzjoni addizzjonali jew differenti fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-[KEDB], liema huma, f’dan il-każ, il-kriterji li għandhom jintużaw għall-evalwazzjoni ta’ jekk persuna, li ssostni li tista’ titlob status ta’ protezzjoni sussidjarja, hijiex f’riskju reali ta’ theddid serju u individwali minħabba vjolenza indiskriminata, skont l-Artikolu 15[(ċ)], fid-dawl tal-Artikolu 2[(e)] tad-Direttiva?”.

II – Analiżi ġuridika

15.      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 15(ċ) joffrix protezzjoni addizzjonali jew sempliċiment ekwivalenti għal dik li tirriżulta mill-Artikolu 3 tal-KEDB dwar dawk li jitolbu l-ażil. It-tieni domanda hija intiża sabiex jiġu ddeterminati l-kriterji li fuqhom ikun ibbażat l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja.

16.      Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi fuq il-portata tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva bi paragun ma’ dik offerta mill-Artikolu 3 tal-KEDB. L-osservazzjonijiet tal-partijiet essenzjalment jirrigwardaw din il-kwistjoni. Madankollu, huma qabel xejn jindikaw id-diverġenzi bejn l-Istati Membri dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 u tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li tirriżulta minnha. Dawn l-oppożizzjonijiet jinsabu fil-fatt li, anki fost l-Istati Membri li jsostnu li l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva ma jagħti ebda protezzjoni addizzjonali għal dik diġà mogħtija mill-KEDB, hemm minnhom li jsostnu madankollu li l-protezzjoni mogħtija mill-Konvenzjoni testendi, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg, għall-każijiet li Stati Membri oħra, min-naħa l-oħra, jippruvaw jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva billi jqisu preċiżament li l-protezzjoni sussidjarja li toffri d-Direttiva hija limitata għal dik il-protezzjoni li wieħed ikun eleġibbli għaliha taħt il-KEDB.

17.      Dan in-nuqqas ta’ qbil dwar il-portata tal-Artikolu 3 tal-KEDB ma jaħbix il-veru pern tad-diskussjoni li tirrigwarda fir-realtà l-portata tal-protezzjoni li għandha tingħata lill-persuna li titlob l-ażil abbażi tad-dritt Komunitarju. B’hekk, qabel l-analizi ġuridika vera u proprja tal-protezzjoni offruta mid-dritt Komunitarju lill-dawk li jitolbu l-ażil, jidher li, fid-dawl tal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet, huwa utli li wieħed jerġa jittratta l-kontroversji li jirriżultaw mill-interpretazzjoni u mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 3 tal-KEDB għall-finijiet tar-risposta għad-domandi preliminari li saru.

A –    Preċiżazzjonijiet dwar il-portata kif ukoll dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 3 tal-KEDB fil-kuntest tar-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju

18.      Apparti mill-paragun tal-kampi ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikolu 3 tal-KEDB u tal-Artikolu 15 tad-Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba, prinċipalment u fis-sustanza, tgħid jekk il-protezzjoni mogħtija bis-saħħa tad-Direttiva tkoprix biss is-sitwazzjonijiet fejn il-persuna tista’ tkun vittma ta’ ksur partikolarment serju tad-drittijiet fundamentali tagħha minħabba kundizzjonijiet li jkunu partikolari jew speċifiċi għaliha, jew jekk l-imsemmija protezzjoni tkoprix ukoll is-sitwazzjonijiet fejn persuna tista’ tiġi esposta għal riskju simili minħabba sitwazzjoni ġenerali ta’ vjolenza indiskriminata?

19.      Fil-fehma tiegħi r-risposta għal din id-domanda ma tistax tiġi dedotta mill-Artikolu 3 tal-KEDB, iżda għandha tiġi mfittxija prinċipalment fid-dawl tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet Komunitarji, tkun xi tkun id-dispożizzjoni inkwistjoni, jiġu interpretati b’mod indipendenti li, konsegwentement, ma jistax ivarja skont u/jew jiddependi mill-iżviluppi fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

20.      Barra minn hekk, jiena nżid li l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni mill-Qorti ta’ Strasbourg hija interpretazzjoni dinamika u li tevolvi. Minħabba din l-interpretazzjoni dinamika, għandu jiġi enfasizzat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tal-KEDB ma kinitx lineari u li, illum il-ġurnata, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tagħti tifsira u għaldaqstant portata iktar wiesa’ lil dan l-artikolu (3). Barra minn hekk, l-interpretazzjoni ta’ dan it-test hija intiża li tevolvi u, konsegwentement, m’għandhiex tkun iffriżata. F’dan il-kuntest, mhuwiex fl-obbligu tal-qorti Komunitarja li tistabbilixxi l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni.

21.      Fl-istess ħin, m’għandhiex tiġi injorata l-importanza li l-KEDB jista’ jkollha fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji inkwistjoni. Id-Direttiva għandha l-obbjettiv li tiżviluppa dritt fundamentali tal-ażil li joħroġ mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju fejn, l-imsemmija prinċipji stess jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u mill-KEDB kif jinsabu riprodotti, min-naħa l-oħra, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iddikjarata f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU 2000, C 364, p. 1) (4). Kif jiena diġà enfasizzajt f’kawża preċedenti, “għalkemm din il-karta ma tistax tikkostitwixxi fiha nfisha bażi ġuridika suffiċjenti biex tagħti lill-individwi drittijiet li jistgħu jiġu invokati direttament, hija madankollu mhijiex irrilevanti bħala kriterju għall-interpretazzjoni ta’ l-istrumenti ta’ protezzjoni tad-drittijiet imsemmijin fl-Artikolu 6(2) UE. Taħt din il-perspettiva, din il-karta jista’ jkollha funzjoni doppja. Fl-ewwel lok, hija tista’ toħloq il-preżunzjoni ta’ l-eżistenza ta’ dritt li jkollu, għalhekk, jirċievi konferma dwar l-eżistenza tiegħu kemm fit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri kif ukoll fid-dispożizzjonijiet tal-KEDB. Fit-tieni lok, meta d-dritt jiġi identifikat bħala dritt fundamentali protett mill-ordni ġuridiku Komunitarju [mis-sistema legali Komunitarja], il-Karta sservi ta’ strument partikolarment utli sabiex jiġi stabbilit il-kontenut, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-portata li għandha tingħata lil dak id-dritt” (5).

22.      F’dan ir-rigward, il-KEDB tinsab riprodotta fil-ġurisprudenza Komunitarja għal żewġ raġunijiet prinċipali. L-ewwel nett, minħabba li l-impenn li kull Stat Membru esprima lejn il-Konvenzjoni juri biċ-ċar l-istatus ta’ dawn id-drittijiet bħala li jikkorrispondu għall-valuri komuni għall-Istati Membri, liema Stati għandhom neċessarjament jikkonservawhom u jimplementawhom fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fis-sistema legali Komunitarja teżisti b’mod parallel ma’ sistemi oħra Ewropej ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Dawn is-sistemi jinvolvu kemm is-sistemi żviluppati fi ħdan is-sistemi legali nazzjonali kif ukoll dawk li jirriżultaw mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Ċertament, kull wieħed minn dawn il-mekkaniżmi ta’ protezzjoni għandu obbjettivi li huma speċifiċi għalih u li dawn il-mekkaniżmi jinbnew fuq strumenti ġuridiċi li jkunu apposta għalihom, iżda xi kultant, madankollu, japplikaw għall-istess ċirkustanzi fattwali. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li għal kull sistema ta’ protezzjoni eżistenti, wieħed jieħu ħsieb li, filwaqt li jippriserva l-awtonomija tal-istess sistema, jifhem kif is-sistemi l-oħra jinterpretaw u jiżiluppaw dawn l-istess drittijiet fundamentali sabiex, mhux biss, jimminimizza r-riskji ta’ kunflitti, imma wkoll jipparteċipa fi proċess ta’ kostruzzjoni informali ta’ żona Ewropea ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Iż-żona Ewropea hekk maħluqa tkun, fil-parti l-kbira tagħha, il-prodott ta’ diversi kontribuzzjonijiet individwali li jirriżultaw mis-sistemi differenti ta’ protezzjoni eżistenti fuq livell Ewropew.

23.      Hekk ukoll, għalkemm il-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg mhijiex sors imperattiv għall-interpretazzjoni tad-drittijiet fundamentali Komunitarji, hija tikkostitwixxi madankollu l-punt tat-tluq sabiex jiġi stabbilit il-kontenut u l-portata tal-imsemmija drittijiet fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, dan it-teħid inkunsiderazzjoni huwa indispensabbli sabiex jiggarantixxi li l-Unjoni, li hija bbażata fuq il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali (6), jikkontribwixxi sabiex jifrex il-protezzjoni tal-istess drittijiet fiż-żona Ewropea. F’dan ir-rigward, huwa perfettament naturali li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, filwaqt li tirrikonoxxi li hija “fiha drittijiet li jikkorrispondu għad-drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija” (7), iżżid li “[d]in id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva” (8).

24.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li mhijiex wisq kwistjoni li jiġi stabbilit jekk il-protezzjoni sussidjarja prevista mid-Direttiva hijiex bejn wieħed u ieħor identika għal dik mogħtija abbażi tal-Konvenzjoni, iktar milli jiġi ddefinit il-kontenut Komunitarju, inkwantu dan l-obbjettiv bl-ebda mod ma jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza riżultanti mill-applikazzjoni tal-KEDB.

B –    L-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva

25.      L-eżerċizzju tal-interpretazzjoni mhuwiex xi ħaġa faċli u spiss iqajjem diskussjoni sal-punt li l-interpretazzjoni fl-aħħar nett tiġi meqjusa bħala arti, bħala ermenewtika. Madankollu, huwa rari li abbażi ta’ argument simili ħafna u bbażat fuq argument sod u aċċettat, ir-riżultat madankollu jkun kontrastanti inkwantu jkun jeħtieġ li wieħed jerġa’ janalizza l-metodoloġija stess tal-interpretazzjoni.

1.      Interpetazzjoni kontrastanti abbażi ta’ argument simili

26.      Huwa sorprendenti kif il-ħamsa u għoxrin u s-sitta u għoxrin premessa tad-Direttiva ġew suċċessivament użati mill-partijiet insostenn ta’ interpretazzjonijiet li jmorru dijametrikalment fl-oppost tal-Artikolu 15(ċ). B’hekk, skont l-ewwel linja ta’ ħsieb, minn dawn il-premessi jirriżulta li r-rekwiżit ta’ rabta individwali bejn il-vjolenza indiskriminata u t-theddida għall-ħajja jew għall-persuna ta’ pajżan tissupponi li l-applikant juri li dan huwa minħabba karatteristiċi li huma partikolari għalih mentri skont it-tieni linja ta’ ħsieb, dawn il-premessi jtendu li jxejnu r-rabta individwali rikjesta. Barra minn hekk, hemm min, li mhuwiex neċessarjament dak li jsostni li r-rabta individwali rikjesta taħt l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva għandha tkun inqas minn dik rikjesta meta jiġi applikat l-Artikolu 3 tal-KEDB, li jsostni li l-Artikolu 15(ċ) jirrappreżenta protezzjoni li hija addizzjonali għal dik taħt l-Artikolu 3 tal-KEDB meta oħrajn isostnu li hija l-istess.

27.      B’hekk, il-premessa ħamsa u għoxrin skont liema “[…] Dawk il-kriterji [li fuq il-bażi tagħhom applikanti għal protezzjoni internazzjonali jridu jintgħarfu bħala eleġibbli għal protezzjoni sussidjarja] għandhom jitfasslu mill-obbligi internazzjonali skond strumenti u prattiċi tad-drittijiet tal-bniedem li jeżistu fl-Istati Membri” tapplika insostenn tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(ċ) li tvarja b’mod sinjifikattiv fiż-żewġ argumenti prinċipali. F’dan is-sens, il-Gvern Olandiż u r-Renju Unit, minn din il-premessa jiddeduċu li l-Artikolu 15 tad-Direttiva u b’mod partikolari l-paragrafu (ċ) tiegħu huwa bbażat fuq l-Artikolu 3 tal-KEDB li, skont dawn l-istess Stati, il-ġurisprudenza relattiva għall-istess Konvenzjoni turi li hija meħtieġa rabta individwali qawwija (9). Tal-inqas, huma jsostnu li skont din il-premessa, il-leġiżlatur Komunitarju ma riedx jgħabbi lill-Istati Membri b’obbligi ġodda tali li joffru protezzjoni iktar wiesa’ liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz fil-qasam tad-dritt għall-ażil. B’dan l-istess argument, huma jimminimizzaw ossija jevitaw ir-referenza li hemm fil-premessa ħamsa u għoxrin għall-istrumenti internazzjonali u Ewropej l-oħra għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll għall-prattiki eżistenti fl-Istati Membri. L-Istati ċertament adottaw sistemi ta’ protezzjoni differenti ħafna iżda n-nuqqas ta’ uniformità m’għandhiex twassal sabiex jeskludi l-valur interpretattiv tagħhom. B’hekk il-fatt li ċerti Stati, fis-sistema legali tagħhom, ipprovdew għal protezzjoni ogħla minn dik mogħtija taħt l-Artikolu 3 tal-KEDB ma jistax jiġi injorat (10). Il-Gvern Svediż, fuq ir-referenza li tagħmel il-premessa ħamsa u għoxrin għall-prattiki diġà eżistenti tal-Istati Membri, jinsisti preċiżament f’das-sens sabiex jiddeduċi minnha li l-protezzjoni kkontemplata fl-Artikolu 15(ċ) bilfors tiżdied, għaldaqstant, ma’ dik prevista fl-Artikolu 15(a) u (b). Hija tirrappreżenta protezzjoni addizzjonali għal dik diġà ggarantita mill-KEDB u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha, li barra minn hekk jinsab riprodott litteralment fl-Artikolu 15(b) tad-Direttiva.

28.      Bl-istess mod, għalkemm il-partijiet, minn naħa u minn oħra, isemmu l-premessa sitta u għoxrin tad-Direttiva fejn tgħid “[ir-r]iskji li għalihom popolazzjoni ta’ pajjiż jew taqsima tal-popolazzjoni hija ġeneralment esposta normalment ma joħolqux fihom nfushom theddida individwali li tikkwalifika bħala periklu serju” insostenn ta’ interpretazzjoni minnhom tal-Artikolu 15(ċ), madankollu, minn din id-dispożizzjoni, huma jirnexxielhom joħorġu interpretazzjoni kuntrastanti. B’hekk, għall-parti l-kbira mill-partijiet, din il-premessa bilfors timponi fuq l-applikant tal-ażil l-obbligu li juri l-eżistenza tar-rabta individwali billi japplika l-prinċipju, b’referenza għat-terminu “normalment”, li r-riskju li għalih il-popolazzjoni ta’ pajjiż jew taqsima tal-popolazzjoni hija ġeneralment esposta ma jirrappreżentax theddida individwali. Għaldaqstant, id-Direttiva mhijiex intiża li tkopri s-sitwazzjonijiet ta’ vjolenza indiskriminata kkontemplati fl-Artikolu 15(ċ) tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi hija biss il-prova tat-theddida li jkun qed ibati l-applikant li jitlob l-ażil minħabba l-karatteristiċi li huma speċifiċi għalih, li tista’ tiġġustifika l-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja. Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Italja tammetti li t-terminu “normalment” jimplika li f’ċirkustanzi oħra, jiġifieri ċirkustanzi eċċezzjonali li jmorru lil hinn min-“normal”, ir-riskju li għalih il-popolazzjoni jew taqsima mill-popolazzjoni tkun ġeneralment esposta jista’ jiġi kkwalifikat bħala “theddida individwali”. Huwa possibbli li wieħed isostni li bis-saħħa ta’ din l-interpretazzjoni, iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali huma dawk koperti bl-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva.

29.      Bl-istess mod, l-oriġini tad-Direttiva, fejn jintwera li l-insistenza fuq l-introduzzjoni espressa tar-rekwiżit tat-theddida li għandha tkun individwali saret wara l-proposta inizjali tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jew fuq ir-rieda li tiġi rriprodotta l-aħjar sistema fost is-sistemi nazzjonali ta’ protezzjoni, tista’ twassal biex issostni interpretazzjoni waħda jew l-oħra.

30.      Fl-aħħar mill-aħħar, għandu jiġi aċċettat li t-test innifsu tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva jitfa’ liż-żewġ linji ta’ ħsieb interpretattivi fuq l-istess livell. Madankollu din l-ekwivalenza ma tistax timpedixxi li tingħata interpretazzjoni xierqa li tiżgura d-dritt fundamentali għall-ażil.

2.      Il-metodoloġija tal-interpretazzjoni

31.      Ċertament, wieħed għandu jammetti li, f’dan il-kuntest, l-interpretu jkollu jipprova jikkonċilja dak li prima facie jidher li huwa inkonċiljabbli. F’dan l-eżerċizzju huwa għandu jkun iggwidat mill-għan ewlieni tal-liġi inkwistjoni. Fi kliem ieħor, wieħed għandu jasal għal interpretazzjoni li, filwaqt li tirrikonoxxi li l-Artikolu 15(ċ) huwa, qabel xejn, intrinsikament marbut mal-kunċett ta’ “vjolenza indiskriminata”, għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżit tat-theddida individwali (11).

32.      F’dan ir-rigward, jidhirli li l-interpretazzjoni fejn jingħad li l-Artikolu 15(ċ) ikopri kwalunkwe sitwazzjoni ta’ vjolenza indiskriminata tinjora din il-kundizzjoni ta’ interpretazzjoni doppja, bl-istess mod li l-interpretazzjoni fejn jingħad li l-kunċett ta’ “theddida individwali” jikkorrispondi għal theddida kontra persuna minħabba ċirkustanzi li huma partikolari jew speċifiċi għaliha (jew għal grupp soċjali li tifforma parti minnu) tikkuntrasta mal-Artikolu 15(ċ) li huwa intiż preċiżament u anki espressament għas-sitwazzjonijiet ta’ vjolenza indiskriminata (12). Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ikun inkoerenti li bl-istess mod bħal ċerti Stati Membri, wieħed isostni li l-Artikolu 15(ċ) ma joffrix protezzjoni addizjonali b’żieda ma’ dik prevista fl-Artikoli 15(a) u 15(b). Fil-fatt kif jista’ wieħed jifhem li l-Artikolu 15(ċ) huwa intiż li jikkjarifika biss il-possibbilità li wieħed ikun eleġibbli għal protezzjoni sussidjarja definita fil-każijiet ikkontemplati fil-paragrafi (a) u (b) fis-sitwazzjonijiet fejn tkun teżisti wkoll vjolenza indiskriminata jekk il-paragrafi (a) u (b) japplikaw b’mod ġenerali u indipendenti mill-istess kuntest ta’ vjolenza indiskriminata. Fil-fatt, tkun assurdità li wieħed jagħmel regola speċjali intiża li tikkjarifika l-protezzjoni mogħtija minn regola ġenerali filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-istess regola ġenerali tapplika wkoll fil-każijiet fejn il-protezzjoni tkun iktar u iktar indispensabbli.

33.      Fir-realtà, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(ċ) tissupponi li, kif diġà ġie enfasizzat, wieħed joqgħod mal-għan ewlieni tad-Direttiva u tad-dritt fundamentali tal-ażil. L-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni huwa li tingħata protezzjoni internazzjonali lil persuna mpoġġija f’sitwazzjoni fejn hija tirriskja li ssofri ksur ta’ wieħed mid-drittijiet tagħha, li jkun wieħed fost dawk l-iktar fundamentali (bħalma huwa d-dritt għal ħajja, id-dritt li ma tiġix ittorturata …). B’hekk, il-kriterju implementat mid-Direttiva, sabiex wieħed jikseb kemm l-istatus ta’ refuġjat kif ukoll il-protezzjoni sussidjarja għandu jinftiehem bħala l-istrument li jippermetti li tiġi evalwata l-probabbiltà li jseħħ dan ir-riskju u dik tat-theddida għad-drittijiet fundamentali. Għaldaqstant, l-importanza u n-natura tar-rabta individwali rikjesta għall-ksib tal-protezzjoni sussidjarja għandhom jiġu evalwati taħt din il-perspettiva.

34.      Fil-fatt, ir-rekwiżit tar-rabta individwali ġeneralment joħloq il-preżunzjoni li l-persuna inkwistjoni jkollha riskju partikolari li ssofri ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha minħabba raġunijiet li huma speċifiċi għaliha jew minħabba li hija tappartjeni lil ċertu grupp. Barra minn hekk, id-diskriminazzjoni li hija intrinsikament marbuta u għaldaqstant inerenti għal dik l-individwalizzazzjoni jew l-appartenenza għal grupp soċjali taggrava l-ksur tad-drittijiet fundamentali. F’dan il-każ, jidher li huwa diffiċli li wieħed jiċħad li, abbażi ta’ argument simili, jistgħu jeżistu ċirkustanzi li fihom il-ksur sostanzjali tad-drittijiet fundamentali jista’ jseħħ anki fin-nuqqas ta’ kull diskriminazzjoni. Dan l-aħħar każ jirreferi għas-sitwazzjonijiet li l-Artikolu 15 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 15(ċ) huwa intiż li jkopri, jiġifieri: is-sitwazzjoni ta’ vjolenza indiskriminata li s-serjetà tagħhom hija tali li, jekk ikun il-każ, kull individwu li jkun suġġett għal dik il-vjolenza jista’ jkun suġġett għal riskju ta’ theddid serju kontra l-persuna tiegħu jew ħajtu. Dan ir-riskju, jekk wieħed irid ikejlu, fir-realtà huwa ugwali għar-riskju li jkunu suġġetti għalih dawk li jistgħu jippretendu li jkollhom l-istatus ta’ refuġjati jew li jiġi applikat l-Artikolu 15(a) jew (b).

35.      Taħt din il-perspettiva, il-kundizzjoni ta’ theddida li tkun “individwali” tkun għal kollox iġġustifikata. Dan ir-rekwiżit iservi biex juri l-fatt li l-vjolenza indiskriminata għandha tkun tali li tirrappreżenta neċessarjament theddida probabbli u serja għal dak li jkun qed jitlob l-ażil. Hekk tispikka l-importanza tad-distinzjoni bejn grad għoli ta’ riskju individwali u r-riskju minħabba karatteristiċi individwali. Fil-fatt, għalkemm persuna ma tkunx tikkwalifika minħabba l-karatteristiċi li huma partikolari għaliha, hija xorta waħda tibqa’ kkonċernata individwalment meta vjolenza indiskriminata tkattar b’mod sostanzjali r-riskju li jkun hemm theddid serju għal ħajja jew il-persuna tagħha; fi kliem ieħor għad-drittijiet fundamentali tagħha.

36.      Biex nirrispondi b’mod iktar speċifiku għat-tieni domanda li tressqet u b’mod partikolari taħt l-aspett tal-oneru tal-prova li l-applikant tal-ażil għandu fuqu, għandu jiġi nnutat li l-oneru tal-prova fir-rigward tar-rabta individwali rikjesta, huwa ċertament inqas qawwi għall-individwu kkonċernat taħt l-Artikolu 15(ċ) milli huwa taħt l-Artikolu 15(a) u (b). Madankollu, l-oneru tal-prova jkun iktar qawwi fir-rigward tal-prova tal-vjolenza indiskriminata, vjolenza din li għandha tiġi ġġeneralizzata (fis-sens li ma tkunx diskriminatorja) u ta’ serjetà tali li toħloq preżunzjoni qawwija li l-persuna inkwistjoni hija l-mira tal-istess vjolenza. Fil-fatt hawnhekk issir referenza għall-interpretazzjoni tal-premessa sitta u għoxrin tad-Direttiva li din il-vjolenza teċċedi r-riskji li għalihom popolazzjoni ta’ pajjiż jew taqsima tal-popolazzjoni hija ġeneralment esposta.

37.      Dawn iż-żewġ aspetti, fir-realtà, jistgħu jkunu marbutin mill-qrib: iktar mal-persuna tkun ikkonċernata individwalment (pereżempju, minħabba l-appartenenza tagħha għal grupp soċjali speċifiku), inqas ma jkun meħtieġ li jintwera li hija qiegħda taffronta vjolenza indiskriminata f’pajjiżha jew fuq parti mit-territorju tiegħu ta’ serjetà tali li jesiżti riskju serju li hija tisfa vittma personalment. Bl-istess mod, inqas mal-persuna tkun tista’ turi li hija kkonċernata individwalment, iktar mal-vjolenza tkun trid tkun gravi u indiskriminata sabiex hija tkun eleġibbli għall-protezzjoni sussidjarja mitluba.

38.      Finalment, hija biss din l-interpretazzjoni li tippermetti li jiġi sodisfatt l-obbjettiv ewlieni tad-Direttiva. Kwalunkwe għażla oħra ddaħħal diskriminazzjoni inġustifikata bejn l-applikanti għall-ażil fir-rigward tal-protezzjoni li tagħha huma jistgħu jkunu eleġibbli. Dan iwassal għar-riżultat assurd li iktar ma tkun indiskriminata l-vjolenza u, konsegwentement, iktar ma jkun kbir in-numru ta’ persuni suxxettibbli li jsofru theddid għall-ħajja jew il-persuna tagħhom, inqas tkun ta’ importanza l-protezzjoni Komunitarja. Fil-fatt, għalkemm ir-rabta individwali għandha tinftiehem bħala li teħtieġ li l-persuna tkun milquta minħabba l-karatteristiċi li huma partikolari għaliha, u dan anki f’ċirkustanzi ta’ vjolenza indiskriminata ta’ gravità tali li r-riskju individwali li jkunu qegħdin fih il-persuni li jkunu ġejjin minn territorju partikolari jkun ogħla minn dak li jkunu qegħdin fih dawk li jkunu qegħdin jitolbu l-istatus ta’ refuġjati, huma biss dawn li semmejt l-aħħar li huma eleġibbli għal protezzjoni minkejja li huma jkunu ġejjin minn territorju fejn il-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom ma tkunx daqshekk sostanzjali, fejn il-vjolenza ma tkunx daqshekk “indiskriminata”. Fi kliem ieħor, il-protezzjoni mogħtija abbażi tad-Direttiva tkun tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk il-persuna sofrietx diskriminazzjoni jew le fir-rigward tad-drittijiet fundamentali tagħha iżda ma tkunx tiddependi fuq il-livell tat-theddida fil-konfront tad-drittijiet fundamentali tagħha. Dan ifisser li l-uniku obbjettiv tal-istatus tar-refuġjat huwa li jiġu protetti l-persuni ddiskriminati fir-rigward ta’ ċerti drittijiet fundamentali u min-naħa l-oħra, l-imsemmi obbjettiv mhuwiex intiż li jipproteġi persuni oħra li jkunu vittmi ta’ ksur simili ossija iktar gravi, ta’ dawk l-istess drittijiet fundamentali inkwantu dawn il-ksur ikunu ġenerali.

39.      Finalment jiena nqis li l-ġurisprudenza l-iktar reċenti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (13), fejn jirriżulta ċar li persuna f’kuntest ta’ vjolenza indiskriminata tista’ tkun eleġibbli għal protezzjoni internazzjonali sakemm hija turi madankollu li hija kkonċernata individwalment minħabba karatteristiċi speċifiċi, ma tikkonċernax il-protezzjoni sussidjarja iżda tirrigwarda l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. Barra minn hekk, l-obbjettiv imfittex mill-imsemmija qorti huwa sewwasew li testendi l-protezzjoni mogħtija taħt l-Artikolu 3 tal-KEDB fuq il-persuni mhedda bit-tortura u minn trattament inuman u degradanti. Konsegwentement, jidher li huwa mhux biss kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg li wieħed jipprova jillimita l-protezzjoni internazzjonali tal-applikanti għall-ażil imma wkoll diffiċli li wieħed jittrasponi l-kundizzjonijiet li japplikaw biss għall-applikanti li, barra minn hekk, ikunu talbu l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat taħt l-Artikolu 3 biss ossija xi kultant taħt l-Artikolu 2 tal-KEDB.

40.      Bħala konklużjoni, l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat bħala li jagħti protezzjoni sussidjarja meta l-persuna kkonċernata turi li hija tkun qiegħda f’riskju reali ta’ theddid kontra l-ħajja jew il-persuna tagħha f’sitwazzjoni ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali minħabba vjolenza indiskriminata li tkun gravi tant li bilfors tirrappreżenta theddid probabbli u serju għal dik il-persuna. Huwa l-obbligu tal-qrati nazzjonali li jiżguraw li dawn il-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti.

41.      Barra minn hekk, mill-aspett tal-oneru tal-prova dan jimplika li n-natura individwali tat-theddida m’għandhiex tiġi ppruvata bl-istess saħħa taħt l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva milli ġiet hekk ippruvata taħt il-paragrafi (a) u (b) tal-istess artikolu. Madankollu, il-gravità tal-vjolenza għandha bilfors tiġi ppruvata b’mod li ma jkun hemm ebda dubju fir-rigward tan-natura tal-vjolenza li tkun kemm indiskriminata u kif ukoll gravi, li tkun qiegħda tiffaċċja l-persuna li titlob il-protezzjoni sussidjarja.

III – Konklużjoni

42.      Bħala konklużjoni, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domandi preliminari bil-mod segwenti:

“1)      L-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat [apolidi] bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat bħala li joffri protezzjoni sussidjarja meta l-persuna kkonċernata turi li hija tkun qiegħda f’riskju reali ta’ theddid kontra l-ħajja jew il-persuna tagħha f’sitwazzjoni ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali minħabba vjolenza indiskriminata li tkun gravi tant li bilfors tirrappreżenta theddida probabbli u serja għal dik il-persuna. Huwa l-obbligu tal-qrati nazzjonali li jiżguraw li dawn il-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti.

2)      Barra minn hekk, mill-aspett tal-oneru tal-prova dan jimplika li n-natura individwali tat-theddida m’għandhiex tiġi ppruvata bl-istess saħħa taħt l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva milli għandha tiġi ppruvata taħt il-paragrafi (a) u (b) tal-istess artikolu. Madankollu, il-gravità tal-vjolenza għandha bilfors tiġi ppruvata b’mod li ma jkun hemm ebda dubju fir-rigward tan-natura tal-vjolenza li tkun kemm indiskriminata u kif ukoll gravi, li tkun qiegħda tiffaċċja l-persuna li titlob il-protezzjoni sussidjarja.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96.


3 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Vilvarajah et vs Ir-Renju Unit, tat-30 ta’ Ottubru 1991 (Rikorsi Nri 13163/87; 13164/87; 13165/87; 13447/87; 13448/87, punt 37); kif ukoll Salah Sheekh vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, tal-11 ta’ Jannar 2007 (Rikors Nru 1948/04, punt 148).


4 – L-għaxar premessa tad-Direttiva ma tonqosx milli tfakkar għal dan il-għan li “Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji magħrufa b’mod partikolari mill-Kapitolu ta’ Drittijiet Fondamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjita tal-bniedem u d-dritt għal kenn (asylum) għal applikanti għal kenn (asylum) u l-membri tal-familja li jakkompanjawhom.”


5 – Punt 48 tal-konklużjonijiet ippreżentati fis-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C-305/05, Ġabra p. I-5305).


6 – Ara l-Artikolu 6(1) u (2) TUE.


7 – Artikolu 52(3) tal-Karta. Wieħed jista’ jara wkoll li l-Artikolu 18 tal-Karta jistabbilixxi u jikkonferma d-dritt għall-ażil.


8 – Ibidem.


9 – Ara s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Vilvarajah et vs Ir‑Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq; Salah Sheekh vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, u Saadi vs L-Italja tat-28 ta’ Frar 2008 (Rikors Nru 37201/06).


10 – Ara b’mod partikolari: l-istudju tal-UNHCR, Asylum in the European Union. A study of the implementation of the Qualification directive. Novembru 2007, www.unhcr.org.


11 – Ċerti awturi jilmentaw fuq l-ambigwità tal-Artikolu 15 għax jidhrilhom li l-kunċett ta’ vjolenza indiskriminata ma tistax tkun rikonċiljabbli mal-kunċett ta’ theddida individwali, ara b’mod partikolari: J. McAdam, Complementary Protection in International Refugee Law, p.70.


12 – F’dan is-sens, ara wkoll l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, li tirrileva li “[l]-valur miżjud tal-kundizzjoni li tinsab fil-paragrafu (ċ) fil-konfront tal-kundizzjoni li tinsab fil-paragrafu (b) [tal-Artikolu 15] madankollu qiegħed fil-fatt li din ir-rabta [individwali] ma tissupponix li jkun hemm forom speċifiċi ta’ vjolenza intiżi, biex wieħed jgħid hekk, kontra l-persuna kkonċernata, iżda tissupponi li l-personalizzazzjoni tat-theddida tkun tista’ tiġi dedotta miċ-ċirkustanzi kollha.”


13 – Sentenza Salah Sheekh vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 148.