Language of document : ECLI:EU:C:2017:442

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-8 ta’ Ġunju 2017 (1)

Kawża C-322/16

Global Starnet Ltd

vs

Ministero dell’Economia e delle Finanze

Amministrazione Autonoma Monopoli di Stato

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat, l-Italja)]

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Dmir ta’ qorti nazzjonali tal-aħħar istanza li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja — Sentenza tal-qorti kostituzzjonali — Restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment — Għoti ta’ konċessjonijiet ġodda għal-logħob legali — Rekwiżiti ġodda għal konċessjonarji — Ġustifikazzjoni — Proporzjonalità”






1.        Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab għal darba oħra sabiex tivvaluta jekk ċerti aspetti tal-leġiżlazzjoni Taljana fis-settur tal-imħatri u l-logħob humiex kompatibbli mar-regoli tat-Trattat dwar is-suq intern kif ukoll ma’ xi prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE (2).

2.        Il-kwistjonijiet li jinqalgħu minn din il-proċedura huma, b’mod partikolari, jekk ir-regoli tat-Trattat dwar is-suq intern, l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”), jew il-prinċipju ġenerali tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi rekwiżiti finanzjarji, tekniċi u professjonali ġodda applikabbli kemm għall-konċessjonarji tas-servizzi tal-logħob eżistenti kif ukoll għal dawk ġodda.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt nazzjonali

3.        L-Artikolu 1(77) tal-Legge del 13 dicembre 2010 n. 220, Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge di stabilità 2011) (Liġi Nru 220/2010, tat-13 ta’ Diċembru 2010, Miżuri għall-baġit annwali u multiannwali) (3) jipprovdi:

“Sabiex jiġi żgurat bilanċ bejn l-interessi pubbliċi u privati fl-organizzazzjoni u l-ġestjoni tal-attivitajiet tal-logħob, b’kont meħud tal-monopolju tal-Istat f’dan is-settur, […] u l-prinċipji, inklużi dawk stipulati mill-Unjoni Ewropea, li tiġi applikata għażla kompetittiva sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-logħob irregolari jew illegali fl-Italja, kif ukoll tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari l-protezzjoni tal-minuri, iż-żamma tal-ordni pubbliku, il-ġlieda kontra l-logħob taħt l-età u l-permeazzjoni tal-kriminalità organizzata […] L-Agenzia delle Dogane e dei Monopoli [aġenzija doganali u tal-monopolji Taljana, “l-AAMS”] se taġġorna, mingħajr dewmien, il-mudell ta’ ftehim li jagħti awtorizzazzjoni għal konċessjonijiet għall-logħob pubbliku u l-ġbir ta’ mħatri pubbliċi li ma jsirux online.”

4.        L-Artikolu 1(78) tal-Liġi Nru 220/2010 introduċa obbligi ġodda għad-detenturi tal-konċessjonijiet għal-logħob pubbliku u l-ġbir ta’ mħatri pubbliċi li ma jsirux online, li jeħtieġu b’mod partikolari:

–        żamma tal-proporzjon tad-dejn taħt limitu stabbilit (l-Artikolu 1(78)(b) numru 4);

–        applikazzjoni għal awtorizzazzjoni minn qabel għal: tranżazzjonijiet li jinvolvu bidliet suġġettivi fil-konċessjonarju; trasferimenti ta’ ishma miżmuma mill-konċessjonarju li jistgħu jwasslu għal tnaqqis fil-proporzjon tal-adegwatezza tal-kapital; l-użu ta’ profitti żejda għal skopijiet oħra għajr l-investiment fl-attivitajiet koperti mill-konċessjoni (l-Artikolu 1(78)(b) numri 8, 9 u 17);

–        obbligu għall-konċessjonarju biex ikompli l-amministrazzjoni ordinarja tal-attività sakemm dik l-attività tiġi ttrasferita lill-konċessjonarju l-ġdid (l-Artikolu 1(78)(b) numru 25).

5.        L-Artikolu 1(78)(b) numru 23 introduċa sanzjonijiet għal każijiet li fihom ma jiġux issodisfatti l-obbligi stabbiliti fil-ftehim ta’ konċessjoni.

6.        Ir-rekwiżiti għall-konċessjonarji stabbiliti fl-Artikolu 1(78) tal-Liġi 220/2010 ġew implementati minn Digriet Interdipartimentali maħruġ fit-28 ta’ Ġunju 2011 mid-Direttur tal-AAMS (“id-Digriet tal-AAMS”) (4). Dawk ir-rekwiżiti, li l-għan tagħhom kien li tittejjeb il-profittabbiltà u s-solidità finanzjarja tal-konċessjonarji u tittejjeb ir-rispettabbiltà u l-affidabbiltà tagħhom, ġew imposti kemm fuq il-konċessjonarji eżistenti kif ukoll dawk ġodda.

II.    Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

7.        Il-kumpannija B Plus Giolegale Ltd, issa Global Starnet Ltd (“Global Starnet”), hija l-konċessjonarju mill-AAMS għall-implementazzjoni u t-tħaddim tan-netwerk online għal-logħob legali. Hija pparteċipat fil-programm, imwaqqaf bid-Digriet Liġi Nru 39/2009, li ppermetta lill-konċessjonarji jwettqu provi u sussegwentement iniedu sistemi ta’ logħob partikolari. Il-parteċipazzjoni f’dak il-programm ta’ prova tat lill-konċessjonarji d-dritt li jingħataw tiġdid tal-konċessjonijiet.

8.        Wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi 220/2010 u tad-Digriet tal-AAMS, Global Starnet ippreżentat rikors quddiem it-Tribunale Amministrattivo Regionale Lazio (qorti amministrattiva reġjonali, Lazio, l-Italja, “it-TAR Lazio”) għal annullament ta’ dak id-digriet minħabba li d-drittijiet tagħha bħala konċessjonarju kienu ġew milquta b’mod illegali. Hija talbet ukoll kumpens għad-danni u l-annullament tas-sejħa għal offerti ppubblikata mill-AAMS għall-għoti ta’ konċessjoni għal servizzi relatati mal-ħolqien u t-tħaddim tan-netwerk online għal-logħob legali. It-talbiet ta’ Global Starnet kienu bbażati kemm fuq id-dritt nazzjonali kif ukoll fuq id-dritt tal-UE.

9.        It-TAR Lazio laqgħet, parzjalment, ir-rikors sa fejn dan kien jikkonċerna d-dritt nazzjonali, iżda kkonkludiet li la kien sar ksur tal-Kostituzzjoni Taljana, u lanqas tad-dritt tal-UE. Global Starnet appellat kontra din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat, l-Italja).

10.      Fis-sentenza tiegħu Nru 4371 tat-2 ta’ Settembru 2013, il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat) laqa’, parzjalment, l-appell ippreżentat minn Global Starnet. Barra minn hekk, minħabba li kien tal-fehma li qamu dubji dwar il-kostituzzjonalità tal-Artikolu 1(79) tal-Liġi 220/2010, il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat) irrefera l-kwistjoni lill-Corte Costituzionale (qorti kostituzzjonali, l-Italja).

11.      Permezz tas-sentenza tal-31 ta’ Marzu 2015, Nru 56, il-Corte Costituzionale (qorti kostituzzjonali) iddeċidiet li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni ma kisritx il-Kostituzzjoni Taljana u rrinvijat il-kawża lura quddiem il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat).

12.      Peress li kellu dubju dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata mad-dritt tal-UE, il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)      Prinċipalment: l-Artikolu 267(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti tal-aħħar istanza ma hijiex inkundizzjonalment obbligata li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari fir-rigward ta’ kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt Ewropew meta, fil-kuntest tal-istess proċedura nazzjonali, il-qorti kostituzzjonali tkun evalwat il-kostituzzjonalità tar-regoli nazzjonali, billi użat, essenzjalment, l-istess parametri regolatorji bħal dawk li l-interpretazzjoni tagħhom qed tintalab lill-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm dawn il-parametri regolatorji huma formalment differenti peress li jinsabu f’dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni u mhux f’dispożizzjonijiet tat-Trattati Ewropej?

(2)      Sussidjarjament, fil-każ li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 267(3) TFUE tkun fis-sens li t-tressiq ta’ talba għal deċiżjoni preliminari huwa obbligatorju: Id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji tal-Artikoli 26 – Suq Intern – 49 – Dritt ta’ stabbiliment – 56 – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – 63 – Moviment liberu tal-kapital – tat-Trattat FUE u tal-Artikolu 16 – Liberta tal-intrapriża – tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u l-prinċipju ġenerali ta’ aspettativi leġittimi (li “jagħmel parti mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni”, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Agrargenossenschaft Neuzelle, C‑545/11, EU:C:2013:169) jipprekludu l-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali (Artikolu 1(78)(b), numri 4, 8, 9, 17, 23 u 25 tal-Liġi Nru 220/2010), li timponi, anki fir-rigward ta’ persuni li diġà huma konċessjonarji fil-kuntest tal-ġestjoni online ta’ logħob awtorizzat mil-liġi, kundizzjonijiet jew obbligi ġodda permezz ta’ addendum għall-kuntratt eżistenti (u mingħajr ma tipprevedi terminu għal aġġustament gradwali)?”

III. Analiżi

A.      L-ewwel domanda

13.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-fatt li qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru tkun iddikjarat miżura nazzjonali kompatibbli mal-kostituzzjoni jistax ikollu xi effett fuq l-obbligu, impost fuq il-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza skont l-Artikolu 267 TFUE, li jagħmlu domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE lill-Qorti tal-Ġustizzja, meta r-regoli nazzjonali li jifformaw il-bażi tal-valutazzjoni tal-qorti kostituzzjonali jkunu simili għar-regoli rilevanti tal-UE.

14.      Ir-risposta għal din id-domanda, fil-fehma tiegħi, hija pjuttost sempliċi.

15.      F’konformità mal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Taljan u dak Ċek u mill-Kummissjoni, nikkunsidra li l-fatt li qorti kostituzzjonali tkun iddikjarat miżura nazzjonali kompatibbli mal-kostituzzjoni ma jista’ jkollu l-ebda effett fuq id-drittijiet jew l-obbligi tal-qrati nazzjonali stabbiliti taħt l-Artikolu 267 TFUE. Dan iseħħ indipendentement minn jekk id-dispożizzjonijiet jew il-prinċipji tal-kostituzzjoni nazzjonali interpretati mill-qorti kostituzzjonali jurux xebh ma’ ċerti dispożizzjonijiet jew prinċipji tal-UE.

16.      Fl-ewwel lok, nixtieq infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-possibbiltà għal qorti ta’ Stat Membru li tagħmel domanda dwar il-kostituzzjonalità ta’ miżura nazzjonali lill-qorti kostituzzjonali, jew il-fatt li saret tali domanda, ma għandu ebda effett fuq id-dritt ta’ dik il-qorti jew, kif ikun il-każ, l-obbligu tagħha, li tagħmel riferiment skont l-Artikolu 267 TFUE. Fil-fatt, il-qrati nazzjonali għandhom setgħa diskrezzjonali mill-iktar wiesgħa sabiex jirreferu kwistjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk jikkunsidraw li kawża pendenti quddiemhom tqajjem domandi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE li jeħtieġu deċiżjoni min-naħa tagħhom (5).

17.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li qorti nazzjonali li jkollha quddiemha kawża li tikkonċerna dritt tal-Unjoni, li tikkunsidra li dispożizzjoni nazzjonali mhux biss hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll affettwata b’vizzji ta’ antikostituzzjonalità, ma hijiex imċaħħda mid-dritt jew ħielsa mill-obbligu, previsti fl-Artikolu 267 TFUE, li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi minħabba l-fatt li l-konstatazzjoni tal-antikostituzzjonalità ta’ regola tad-dritt intern hija suġġetta għal rikors obbligatorju quddiem il-qorti kostituzzjonali (6). Leġiżlazzjoni nazzjonali li timpedixxi lill-qrati nazzjonali, qabel u/jew wara li jagħmlu domanda dwar il-kostituzzjonalità, milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom jew li jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jagħmlu domanda preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE hija għalhekk inkompatibbli mad-dritt tal-UE (7). Il-qrati nazzjonali għandhom, għalhekk, ikunu liberi, jekk iqisu li deċiżjoni legali ta’ qorti superjuri tista’ twassal sabiex tingħata sentenza li tmur kontra d-dritt tal-UE, li jagħmlu rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja tad-domandi rilevanti dwar l-interpretazzjoni tal-liġi tal-UE (8).

18.      Dawn il-prinċipji japplikaw a fortiori meta l-qorti kostituzzjonali ma tkunx interpretat id-dritt tal-UE iżda llimitat id-deċiżjoni tagħha għal kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali. Skont il-ġurisprudenza Cilfit (9), qorti nazzjonali tal-aħħar istanza tista’ ma tirrikorrix għal rinviju preliminari biss jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ acteclair jew ta’ acte éclairé. Dan huwa hekk għaliex, f’dawk iċ-ċirkustanzi, il-qorti nazzjonali tista’ leġittimament tikkunsidra li l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE hija tant evidenti li ma tħalli l-ebda ambitu għal dubju raġonevoli dwar il-mod li bih għandha tiġi riżolta l-kwistjoni mqajma (10).

19.      Madankollu, huwa diffiċli li wieħed jara kif l-interpretazzjoni tad-dritt intern ta’ Stat Membru mill-qorti kostituzzjonali nazzjonali tista’ tikkontribwixxi biex tneħħi kwalunkwe dubju dwar l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-UE. Minkejja li huma marbutin ma’ xulxin mill-qrib fuq livelli differenti, is-sistemi legali tal-Istati Membri u dik tal-Unjoni jibqgħu fundamentalment distinti. B’mod partikolari, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja f’Cilfit (11), anki meta jużaw l-istess kunċetti (jew kunċetti simili), dawk il-kunċetti jista’ ma jkollhomx l-istess tifsira.

20.      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE proposta f’dawn il-konklużjonijiet ma hijiex ikkontestata minħabba l-fatt — imsemmi fid-digriet tar-rinviju — li l-individwi jistgħu, skont il-ġurisprudenza ta’ Francovich (12)u Köbler (13), jiksbu kumpens għall-ksur tad-dritt tal-UE min-naħa tal-qrati nazzjonali. Kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, il-possibbiltà li tiġi invokata b’suċċess, taħt ċerti ċirkustanzi, ir-responsabbiltà tal-Istat Membru f’każ ta’ żbalji ġudizzjarji hija biss rimedju tal-aħħar istanza. Rikors għal responsabbiltà tal-Istat Membru għandu l-għan biss li jagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat minn ksur tad-dritt tal-UE, iżda ma jservix l-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE segwita mill-Artikolu 267 TFUE.

21.      Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 2/13, is-sistema ġudizzjarja maħsuba mit-Trattati tal-UE għandha l-pedament tagħha fil-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, li, filwaqt li tistabbilixxi djalogu bejn qorti u oħra — preċiżament bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri — hija intiża li tiżgura interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE (14). Għalhekk, interpretazzjoni differenti minn dik proposta hawn ma tnaqqasx l-effettività tal-Artikolu 267 TFUE.

22.      Lanqas ma nara riskju ikbar ta’ abbużi mill-partijiet, kif beżgħet il-qorti tar-rinviju. Il-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari hija proċedura li hija kompletament indipendenti minn kull inizjattiva tal-partijiet (15). Għalkemm il-partijiet jistgħu jissuġġerixxu lil qorti nazzjonali tagħmel domanda jew domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja u l-kontenut ta’ dawk id-domandi, hija l-qorti nazzjonali waħedha li għandha tiddeċiedi jekk tagħmilx dan, u jekk iva, liema domandi għandhom isiru lill-Qorti tal-Ġustizzja. Taħt is-sistema stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, il-qorti nazzjonali hija meħtieġa li jkollha rwol ewlieni fil-filtrazzjoni tal-proposti tal-partijiet sabiex isir rinviju u, jekk ikun il-każ, id-domandi ta’ interpretazzjoni jew validità tad-dritt tal-UE li għandhom neċessarjament isiru lill-Qorti tal-Ġustizzja.

23.      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-fatt li qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru tkun iddikjarat li miżura nazzjonali kompatibbli mal-kostituzzjoni ma għandu ebda effett fuq l-obbligu, impost fuq il-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza skont l-Artikolu 267 TFUE, li jagħmlu domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE lill-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk ir-regoli nazzjonali li jifformaw il-bażi tal-valutazzjoni tal-qorti kostituzzjonali jkunu simili għar-regoli rilevanti tal-UE.

B.      It-tieni domanda

24.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-regoli tat-Trattat dwar is-suq intern, l-Artikolu 16 tal-Karta, jew il-prinċipju ġenerali tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni, milli tistabbilixxi rekwiżiti finanzjarji, tekniċi u professjonali ġodda applikabbli kemm għal konċessjonarji eżistenti kif ukoll għal dawk ġodda ta’ servizzi tal-logħob.

25.      Ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv.

1.      L-Artikoli 26, 49, 56 u 63 TFUE

a)      L-eżistenza ta’ sitwazzjoni purament interna

26.      L-impetu tal-kritika ta’ Global Starnet jidher li jikkonċerna l-fatt li l-Liġi 220/2010 introduċiet rekwiżiti ġodda għal konċessjonarji li huma applikabbli wkoll għal konċessjonijiet eżistenti. Global Starnet ma tikkontestax il-possibbiltà għall-awtoritajiet Taljani li jintroduċu dawk ir-rekwiżiti għall-konċessjonarji b’mod ġenerali, iżda biss sa fejn dawn japplikaw ukoll għal konċessjonarji li kienu diġà attivi fis-suq.

27.      F’liema każ, Global Starnet essenzjalment tilmenta dwar il-ħolqien ta’ ostakolu possibbli — speċjalment fil-forma ta’ spejjeż ikbar — għat-twettiq tal-attivitajiet tal-fornituri tas-servizz li huma diġà stabbiliti fl-Italja u li jipprovdu servizzi lill-klijenti Taljani. Hija ma tallegax li dawk ir-rekwiżiti jistgħu jiddiswadu lill-impriżi stabbiliti barra mill-pajjiż milli jistabbilixxu ruħhom fl-Italja, jew milli jipprovdu servizzi tal-logħob transkonfinali.

28.      Fuq dak l-isfond, iqumu dubji leġittimi dwar jekk is-sitwazzjoni li jsir ilment dwarha hijiex purament interna għall-Italja u għalhekk taqax barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar is-suq intern. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment, tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-moviment liberu tal-kapital ma japplikawx għal sitwazzjoni li l-elementi kollha tagħha huma limitati ġewwa Stat Membru wieħed biss (16). B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet l-Artikolu 56 TFUE ma jkoprix miżuri nazzjonali li għandhom bħala effett waħdieni li jnisslu spejjeż addizzjonali għall-provvista inkwistjoni u li jaffettwaw bl-istess mod il-provvista ta’ servizzi bejn l-Istati Membri u l-provvista interna fi Stat Membru (17) Fil-fehma tiegħi, l-istess prinċipju għandu japplika, mutatis mutandis, fir-rigward tal-Artikoli 49 u 63 TFUE.

29.      Kwalunkwe effett possibbli tal-miżuri inkwistjoni fuq servizzi tal-kummerċ intern tal-Unjoni, għaldaqstant, jidher wisq inċert u indirett sabiex dawk il-miżuri jitqiesu bħala li kapaċi jostakolaw kwalunkwe libertà fundamentali (18). F’dak l-isfond, l-Artikoli 26, 49, 56 u 63 TFUE ma jidhrux applikabbli għall-kawża prinċipali.

30.      Madankollu, fis-seduta l-Kummissjoni rrakkomandat interpretazzjoni wiesgħa ħafna tal-Artikolu 49 TFUE, bl-argument li s-sempliċi fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija kumpannija mhux Taljana huwa biżżejjed biex tiġi applikata dik id-dispożizzjoni. Essenzjalment, il-Kummissjoni ssostni li peress li l-miżuri inkwistjoni jista’ jkollhom effetti restrittivi fuq it-twettiq tal-attività ekonomika kkonċernata fl-Italja, dawk il-miżuri jikkostitwixxu ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment. Il-Kummissjoni tirreferi għall-kawża CaixaBank France (19), insostenn tal-argumenti tagħha.

31.      Madankollu, mhux talli ma tikkorroborax l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, talli dik il-kawża pjuttost tappoġġja l-fehma opposta.

32.      Fil-fatt, f’CaixaBank France, l-Avukat Ġenerali Tizzano spjega fid-dettall għaliex l-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni ma hijiex korretta. B’mod partikolari, wara analiżi dettaljata tal-ġurisprudenza, huwa indika li kien “diffiċli biex wieħed jiddeskrivi miżuri nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika mingħajr ma jaffettwaw direttament l-aċċess għal dik l-attività u mingħajr ma jiddiskriminaw fil-liġi jew fil-fatt bejn operaturi nazzjonali u barranin bħala restrizzjonijiet li jmorru kontra t-Trattat għall-unika raġuni li dawn inaqqsu l-attraenza ekonomika li tiġi eżerċitata din l-attività”. Huwa kien tal-fehma li, “meta l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jiġi osservat […] miżura nazzjonali ma tistax tiġi deskritta bħala restrizzjoni fuq il-libertà ta’ moviment […] sakemm, fid-dawl tal-iskop u l-effetti tagħha, il-miżura inkwistjoni ma taffettwax direttament l-aċċess għas-suq” (20).

33.      Fuq dan l-isfond, wara li kkunsidra l-fatti tal-kawża, huwa wasal għall-konklużjoni li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni f’dik il-proċedura kienu tali li jqiegħdu lis-sussidjarji ta’ banek barranin f’sitwazzjoni defacto inqas favorevoli mill-banek Franċiżi u għalhekk ikkostitwixxew restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment ipprojbita mit-Trattat (21). Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tapprova għalkollox din l-analiżi. Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat l-aspetti diskriminatorji defacto ta’ dawk il-miżuri, filwaqt li spjegat kif dawn jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv l-aċċess għas-suq Franċiż mis-sussidjarji tal-banek barranin (22).

34.      Għall-kuntrarju, ma hemm xejn fil-fajl tal-kawża li jissuġġerixxi li l-miżuri inkwistjoni jista jkollhom xi effett fuq il-kummerċ intern tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li, għalkemm il-fatti tal-kawża jidhru limitati għal Stat Membru wieħed, ċerti effetti transkonfinali tal-miżuri inkwistjoni ma jistgħux jiġu esklużi (23), dawk il-miżuri xorta jkunu konformi mar-regoli tal-UE dwar is-suq intern, għar-raġunijiet li se nispjega iktar ’il quddiem.

b)      L-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment

35.      L-ewwel nett, għandu jiġi ddeterminat liema fost id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar is-suq intern imsemmija mill-Consiglio di Stato (Kunsill tal-Istat), għandhom jiġu applikati f’dawn il-proċeduri. Dik il-qorti tirreferi, mingħajr distinzjoni, għal għadd ta’ dispożizzjonijiet: l-Artikoli 26, 49, 56 u 63 TFUE.

36.      Jidhirli li — jekk il-każ kellu jitqies li ma huwiex limitat għat-territorju Taljan — dan ikollu jiġi eżaminat fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE. Il-miżuri introdotti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, fil-fatt, jillimitaw il-possibbiltà għall-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ logħob fl-Italja.

37.      Għall-kuntrarju, l-Artikoli 26, 56 u 63 TFUE jidhru irrilevanti f’dawn il-proċeduri. Fil-fatt, l-Artikolu 26 TFUE, għall-inqas f’dak li jikkonċerna l-fatti ta’ dan il-każ, ma jidhirx li għandu kontenut preskrittiv addizzjonali għal dak tal-Artikoli 49, 56 u 63 TFUE. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 56 TFUE huwa inapplikabbli sa fejn l-attivitajiet irregolati jeħtieġu stabbiliment fl-Italja. Finalment, analiżi separata tal-miżuri inkwistjoni skont l-Artikolu 63 TFUE ma tidhirx li hija ġġustifikata: jekk xejn, l-effetti possibbli fuq il-moviment transkonfinali tal-kapital huma aċċessorji għal, u inseparabbli minn, l-effetti restrittivi li l-miżuri inkwistjoni jista’ jkollhom fuq il-provvista ta’ servizzi li għalihom jintuża dak il-kapital (24).

38.      B’kunsiderazzjoni ta’ dan, f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ restrizzjoni skont l-Artikolu 49 TFUE, nixtieq infakkar li għandhom jitqiesu li huma restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet iggarantiti minn dik id-dispożizzjoni (25).

39.      Għalhekk, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssibx li l-effetti tagħhom huma limitati għall-Italja, hija jkollha tikkonkludi li l-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu restrizzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 49 TFUE. Fil-fatt, l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti iktar onerużi sabiex jinkisbu konċessjonijiet għas-servizzi tal-logħob tista’ tiddiswadi lill-impriżi barranin milli jistabbilixxu ruħhom fl-Italja sabiex jipprovdu servizzi ta’ logħob.

c)      L-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni xierqa u proporzjonata

40.      Sussegwentement, għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-leġiżlazzjoni dwar il-logħob tal-ażżard tagħmel parti mill-oqsma li fihom jeżistu diverġenzi kunsiderevoli ta’ natura morali, reliġjuża u kulturali bejn l-Istati Membri. Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni f’dan il-qasam, l-Istati Membri jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-għażla tal-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur u l-preżervazzjoni tal-ordni soċjali li jikkunsidraw l-iktar xieraq (26).

41.      Għaldaqstant, l-Istati Membri huma liberi li jiffissaw l-għanijiet tal-politika tagħhom fil-qasam tal-imħatri u tal-logħob u, jekk ikun il-każ, li jiddefinixxu bi preċiżjoni l-livell ta’ protezzjoni mixtieq (27). B’mod partikolari, l-Istati Membri huma intitolati li jfittxu livell ta’ protezzjoni partikolarment għoli f’dan il-qasam (28). Madankollu, ir-restrizzjonijiet li l-Istati Membri jimponu għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-ġustifikazzjoni tagħhom għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u l-proporzjonalità tagħhom (29).

42.      Għaldaqstant, sabiex jiġi aċċertat jekk ir-restrizzjonijiet jistgħux jiġu ġġustifikati huwa neċessarju li, l-ewwel, jiġu identifikati l-għanijiet segwiti mill-miżuri nazzjonali inkwistjoni u, t-tieni, jekk dawk il-miżuri humiex konsistenti mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

43.      Dwar l-ewwel punt, kif jirriżulta mit-test tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u d-digriet tar-rinviju, l-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kien speċjalment li ttejjeb il-profittabbiltà u s-solidità finanzjarja tal-konċessjonarji u ssaħħaħ ir-rispettabbiltà u l-affidabbiltà tagħhom, filwaqt li tiġi miġġielda l-kriminalità.

44.      Minħabba s-sitwazzjoni partikolari li fiha joperaw il-konċessjonarji, dawk huma — mingħajr dubju — għanijiet leġittimi li jistgħu jippermettu restrizzjoni skont l-Artikolu 49 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b’mod konsistenti li l-għan li jiġi żgurat li l-fornituri ta’ servizzi tal-imħatri u tal-logħob ikollhom kapaċità ekonomika u finanzjarja li tippermettilhom jissodisfaw l-obbligi li jista’ jkollhom fir-rigward tar-rebbieħa fil-logħob jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni fuq il-libertajiet fundamentali (30). Intlaħqet konklużjoni simili mill-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mal-imħatri u l-logħob (31).

45.      F’dak li jirrigwarda t-tieni punt, għandu jiġi ddeterminat jekk il-miżuri inkwistjoni humiex xierqa sabiex jikkontribwixxu għall-kisba ta’ dawk l-għanijiet u, imbagħad, jekk dawn imorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ għal dak il-għan.

46.      Rigward l-ewwel wieħed minn dawn l-aspetti, jiena tal-fehma li r-rekwiżiti bħall-obbligu li jinżamm proporzjon tad-dejn taħt limitu stabbilit, u l-ħtieġa li ssir applikazzjoni għal awtorizzazzjoni minn qabel għall-użu ta’ profitti għal skopijiet differenti mill-investiment fl-attivitajiet koperti mill-konċessjoni, huma marbutin b’mod ċar u dirett għall-għan li titjieb il-profittabbiltà u s-solidità finanzjarja tal-konċessjonarji. Ir-rekwiżit dwar l-użu tal-profitti jidhirli li huwa wkoll relatat, għall-inqas sa ċertu punt, mal-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mal-imħatri u l-logħob. Fil-fatt, il-miżura tidher adattata sabiex tiżgura li l-fondi li ġejjin minn attivitajiet tal-logħob u tal-imħatri ma jiġux mgħoddija lejn attivitajiet oħra ta’ natura differenti.

47.      Ir-rekwiżit tal-awtorizzazzjoni minn qabel għal tranżazzjonijiet li jinvolvu bidliet suġġettivi fil-konċessjonarju, u għat-trasferimenti ta’ ishma miżmuma mill-konċessjonarju li jistgħu jwasslu għal tnaqqis fil-proporzjon ta’ adegwatezza tal-kapital, huma wkoll funzjonali għall-għan imsemmi hawn fuq li tiġi ggarantita l-vijabbiltà tal-konċessjonarji. Fil-fatt, dawk il-miżuri huma maħsuba manifestament sabiex jiżguraw li l-kapaċità teknika, ekonomika u finanzjarja meħtieġa tal-konċessjonarji ma tintlaħaqx biss meta jingħataw il-konċessjonijiet, iżda wkoll li dik il-kapaċità ma tiġix affettwata matul it-tul tal-konċessjoni. Għal darba oħra, lanqas l-objettivi tal-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika ma jidhru esterni għal dawn ir-rekwiżiti. Fil-fatt, dawn huma intiżi wkoll sabiex tiġi evitata l-possibbiltà li l-impriżi li jista’ jkun li ma jissodisfawx l-istandards etiċi u professjonali jaf ikunu jistgħu, direttament jew indirettament, jiksbu l-konċessjonijiet billi jakkwistaw konċessjonarju.

48.      Fir-rigward, imbagħad, tal-aspett ta’ proporzjonalità stricto sensu, se nfakkar li ġeneralment hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fid-dawl tal-provi kollha quddiemha, il-miżuri inkwistjoni jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq (32).

49.      Sabiex tagħti risposta kemm jista’ jkun utli lill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tiddeċiedi li tagħti informazzjoni dwar il-fatturi li għandhom jiggwidaw l-analiżi ta’ dik il-qorti. Filwaqt li nżommu f’moħħna l-marġni ta’ diskrezzjoni li jgawdu l-awtoritajiet Taljani f’dan il-qasam, il-fatturi li ġejjin jidhru li huma potenzjalment rilevanti.

50.      L-ewwel nett, l-obbligu li l-proporzjon tad-dejn jinżamm taħt il-limitu stabbilit — sakemm dak il-limitu jkun raġonevoli u mhux sproporzjonat mar-responsabbiltà probabbli ta’ dik l-impriża lejn il-klijenti tagħha — ma jidhirx li huwa rekwiżit insormontabbli għal operatur affidabbli li jixtieq jeżerċita l-attività ta’ ġbir ta’ mħatri. Ma hemm xejn fil-fajl tal-każ li jissuġġerixxi li miżuri inqas restrittivi setgħu kienu ugwalment effettivi sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddikjarati.

51.      It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju għandha tqis il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma fihiex projbizzjoni totali fir-rigward tat-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(78)(b) numri 8, 9 u 17 tal-Liġi 220/10, iżda tagħmilhom suġġetti biss għal sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel. L-impatt restrittiv ta’ dawk il-miżuri, li sempliċiment jistabbilixxu forma ta’ superviżjoni pubblika ta’ ċerti tranżazzjonijiet, għalhekk huwa limitat. B’kunsiderazzjoni ta’ dan, nixtieq infakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji li jkunu magħrufa minn qabel, b’mod li jiċċirkonskrivi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali, sabiex din ma tintużax b’mod arbitrarju (33).

52.      Il-Kummissjoni ssostni, madankollu, li sistema ta’ notifika sempliċi setgħet kienet inqas restrittiva f’dan ir-rigward. Madankollu, jien ma narax kif tali sistema tkun tippermetti l-ilħuq tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatura Taljana bl-istess livell ta’ effettività bħall-miżuri inkwistjoni. Huwa ċar li sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tagħti lill-awtorità s-setgħa li jirreaġixxu immedjatament għal tranżazzjonijiet li jidhrulha li huma problematiċi, billi ma tippermettix li jsiru dawk it-tranżazzjonijiet jew billi titlob iktar informazzjoni qabel ma tieħu kwalunkwe deċiżjoni f’dan ir-rigward. Għall-kuntrarju, sistema ta’ notifika sservi biss l-iskop li tinforma lill-awtoritajiet li ċerti tranżazzjonijiet twettqu jew se jitwettqu, iżda ma tagħti ebda setgħa ta’ intervent speċifika lil dawk l-awtoritajiet.

53.      Fl-aħħar nett, rigward l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet f’każ ta’ ksur tar-rekwiżiti l-ġodda minn konċessjonarji, jiena tal-fehma li dawn jidhru li huma neċessarji biex imorru flimkien mar-rekwiżiti l-ġodda introdotti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, l-iskop tagħhom huwa li jiżguraw li l-operaturi jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti. Għalhekk, il-fatt jekk is-sanzjonijiet ipprovduti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni humiex kompatibbli mar-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu jew le jiddependi prinċipalment minn żewġ fatturi. L-ewwel, jekk ir-rekwiżiti li fuqhom huma bbażati dawn is-sanzjonijiet jiksru l-Artikolu 49 TFUE, allura s-sanzjonijiet ikunu wisq inkompatibbli mad-dritt tal-UE (34). It-tieni, anki jekk ir-rekwiżiti kellhom ikunu konformi mad-dritt tal-UE, is-sanzjonijiet jistgħu xorta waħda jkunu inkompatibbli mad-dritt tal-UE minħabba ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan jiġri jekk is-sanzjoni tkun tant sproporzjonata għall-gravità tal-ksur li ssir ostakolu għal-libertajiet stabbiliti mit-Trattati (35).

54.      Fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawk il-fatturi, diġà semmejt li, fil-fehma tiegħi, ir-rekwiżiti l-ġodda ma jiksrux l-Artikolu 49 TFUE. Rigward it-tieni fattur, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan, speċjalment minħabba li d-digriet tar-rinviju ma jinkludi ebda informazzjoni dettaljata dwar in-natura u l-ammont ta’ dawk is-sanzjonijiet.

d)      L-eżistenza ta’ perijodu tranżitorju suffiċjenti

55.      Il-qorti tar-rinviju tpoġġi enfasi wkoll fuq il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tipprevedix, għall-benefiċċju tal-konċessjonarji eżistenti, xi perijodu ta’ “konformità b’mod gradwali” mar-rekwiżiti l-ġodda.

56.      Ikolli nammetti li jiena kemxejn konfuż b’dik id-dikjarazzjoni. Fil-fatt, jirriżulta mit-test stess tal-Artikolu 1(79) tal-Liġi Nru 220/2010 li l-konċessjonarji eżistenti għandhom 180 jum biex jiffirmaw l-addendum għall-ftehim eżistenti li se jinkludi r-rekwiżiti l-ġodda. Global Starnet ikkonfermat dan waqt is-seduta.

57.      Fil-fehma tiegħi, il-perijodu ta’ sitt xhur ma tantx jista’ jitqies bħala qasir jew mhux sinjifikattiv.

58.      Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-adegwatezza ta’ dak il-perijodu, b’kunsiderazzjoni li, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk perijodu tranżitorju huwiex — f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali — meħtieġ qabel id-dħul fis-seħħ ta’ restrizzjonijiet ġodda jiddependi minn valutazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx li d-dritt tal-UE jeħtieġ li leġiżlazzjoni nazzjonali dejjem tipprovdi perijodu tranżitorju sabiex tippermetti lill-operaturi ekonomiċi jadattaw għal bidla fil-politika f’qasam partikolari tal-liġi (36). Dan huwa veru wkoll fir-rigward ta’ servizzi tal-imħatri u tal-logħob (37).

2.      L-Artikolu 16 tal-Karta

59.      Eżami separat tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni mill-perspettiva tal-Artikolu 16 tal-Karta, fil-fehma tiegħi, ma huwiex neċessarju.

60.      L-ewwel, ma hemm ebda element speċifiku jew argument, fid-digriet tar-rinviju, li jikkonċerna speċifikament ksur eventwali tal-Artikolu 16 tal-Karta. Id-digriet tar-rinviju huwa, fil-fatt, prinċipalment iffokat fuq ksur possibbli tar-regoli tal-UE dwar is-suq intern.

61.      It-tieni, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, eżami tal-effetti restrittivi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-provvista ta’ servizzi tal-logħob mill-perspettiva, pereżempju, tal-Artikolu 56 TFUE jkopri wkoll limitazzjonijiet possibbli fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet stipulati fl-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta. Eżami separat għalhekk ma huwiex neċessarju (38).

3.      Il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

62.      Fl-aħħar nett, ma narax kif talba bbażata fuq aspettattivi leġittimi tista’, taħt id-dritt tal-UE, titqies li hija fondata.

63.      Mill-bidu nett, nixtieq infakkar li kwalunkwe aspettattiva bħal din tista’ teżisti biss meta persuna tkun irċeviet assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli (39). Dan jimplika li, minn naħa waħda, l-aspettattivi relatati ma’ sitwazzjoni partikolari li jistħoqqilha protezzjoni skont id-dritt tal-UE huma maħluqa minn istituzzjoni tal-UE (40) jew xi korp ieħor li jaġixxi bħala “aġent” tal-Unjoni (pereżempju, l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati bil-kompitu li jittrasponu jew jimplementaw id-dritt tal-UE) (41) u, min-naħa l-oħra, dawk l-aspettattivi huma wkoll frustrati minn istituzzjoni tal-UE jew xi korp ieħor li jaġixxi bħala “aġent” tal-Unjoni (42).

64.      Madankollu, f’dan il-każ, ebda waħda minn dawk il-kundizzjonijiet ma jidhru li huma ssodisfatti. Minn naħa waħda, ma ngħatat ebda assigurazzjoni minn istituzzjoni jew korp tal-UE, jew minn awtoritajiet nazzjonali li jaġixxu bħala aġent tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, ma kien hemm ebda miżura tal-UE li affettwat is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, meta ġiet mistoqsija fis-seduta, Global Starnet ikkonfermat li: (i) l-assigurazzjonijiet allegati jidderivaw sempliċiment mill-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali partikolari (dik eżistenti qabel l-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni), u (ii) il-ksur allegat jirriżulta mis-sempliċi adozzjoni tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni.

65.      Għaldaqstant, is-sitwazzjoni li hija kkontestata fil-kawża prinċipali, inkluża dik relatata ma’ din il-kwistjoni, ma turix xi aspett sinjifikattiv ta’ rilevanza għall-UE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, talba bbażata fuq aspettattivi leġittimi — jekk ikun hemm waħda disponibbli — tista’, bħala massimu, tkun ibbażata fuq id-dritt nazzjonali. Fi kwalunkwe każ, il-kundizzjonijiet meħtieġa taħt id-dritt tal-UE sabiex tali talba tiġi invokata b’suċċess huma manifestament mhux issodisfatti.

66.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet konsistentement li, fin-nuqqas ta’ impenn ċar u espress mill-awtorità kompetenti, investitur prudenti u informat ma jistax ikollu aspettattiva li sitwazzjoni eżistenti li tista’ tiġi mibdula mill-awtoritajiet kompetenti fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom se tinżamm (43). Madankollu, ebda impenn ċar u espress, kif imsemmi hawn fuq, ma jista’ jinstab f’dan il-każ.

67.      Dan jidhirli li huwa l-iktar minnu f’dan il-każ, peress li Global Starnet aċċettat li tieħu sehem fi programm ta’ prova bi skambju għad-dritt li jkollha l-konċessjonijiet tagħha mġedda awtomatikament. Fl-opinjoni tiegħi, ir-raġuni għaliex hemm perijodu ta’ prova huwa preċiżament sabiex jiġi ttestjat, matul perijodu speċifiku, il-funzjonament ta’ servizzi ġodda u l-effettività u l-adegwatezza tar-regoli li jirregolawhom. Għalhekk għandu jkun mistenni — u operatur ekonomiku prudenti għandu jkun konxju dwar dan — li dawk ir-regoli jistgħu jiġu emendati wara l-fażi ta’ prova.

68.      Ninnota wkoll, finalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għall-inqas f’ċerti ċirkustanzi, l-awtoritajiet Taljani kienu mitluba jiżguraw li kemm il-konċessjonarji antiki kif ukoll dawk ġodda jkunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet, sabiex ikun żgurat li dawn ikollhom opportunitajiet ugwali fis-suq (44). F’dan l-isfond, u fid-dawl tan-natura sensittiva tas-servizzi tal-logħob u tal-imħatri, operatur ma jistax jippreżumi li, għat-tul kollu tal-konċessjonijiet tiegħu (u wisq inqas meta l-konċessjonijiet tiegħu jiġu mġedda), ma tista’ ssir ebda reviżjoni tar-regoli li jirregolaw dawk l-attivitajiet. Fi kliem ieħor, is-sempliċi fatt li ċerti regoli (speċjalment ta’ natura teknika, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali) huma emendati — inkluż fir-rigward ta’ konċessjonarji eżistenti — ma jistax awtomatikament jirriżulta fi ksur tal-aspettattivi leġittimi.

4.      Konklużjoni dwar it-tieni domanda

69.      Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, fuq kostruzzjoni xierqa, l-Artikoli 49, 56 u 63 TFUE, l-Artikolu 16 tal-Karta, u l-prinċipju ġenerali tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandhom jiġu interpretati bħala li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni, milli tistabbilixxi rekwiżiti finanzjarji, tekniċi u professjonali ġodda applikabbli kemm għal konċessjonarji eżistenti kif ukoll għal dawk ġodda fil-qasam tas-servizzi tal-logħob.

70.      Bħala konklużjoni fuq dan il-punt, jidher utli li jiġi enfasizzat għal darba oħra li, jekk xejn, l-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni tista’ tqajjem kwistjonijiet taħt il-liġi amministrattiva jew kuntrattwali Taljana — li hija kwistjoni li għandhom jiddeċiedu dwarha l-qrati Taljani. Fuq il-bażi tal-informazzjoni inkluża fil-fajl tal-każ, u fid-dawl tal-argumenti ppreżentati minn Global Starnet, ma nara ebda kwistjoni ta’ inkompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri mad-dritt tal-UE.

IV.    Konklużjoni

71.      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat, l-Italja) kif ġej:

–        il-fatt li qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru tkun iddikjarat miżura nazzjonali kompatibbli mal-kostituzzjoni ma għandu ebda effett fuq l-obbligu, impost fuq il-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza skont l-Artikolu 267 TFUE, li jagħmlu domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE lill-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk ir-regoli nazzjonali li jifformaw il-bażi tal-valutazzjoni tal-qorti kostituzzjonali jkunu simili għar-regoli rilevanti tal-UE;

–        fuq kostruzzjoni xierqa, l-Artikoli 49, 56 u 63 TFUE, l-Artikolu 16 tal-Karta, u l-prinċipju ġenerali tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandhom jiġu interpretati bħala li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni, milli tistabbilixxi ċerti rekwiżiti finanzjarji, tekniċi u professjonali ġodda applikabbli kemm għal konċessjonarji eżistenti kif ukoll għal dawk ġodda fil-qasam tas-servizzi tal-logħob.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Laezza, C‑375/14, EU:C:2015:788, punt 2, u Politanò, C‑225/15, EU:C:2016:456, punti 1 sa 3, għal rendikont tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak il-qasam.


3      GURI Nru 297 tal-21 ta’ Diċembru 2010.


4      L-Artikolu 1(78)(b), numri 4, 8, 9, 17, 23 u 25, tal-Liġi 220/2010 u d-Digriet tal-AAMS iktar ’il quddiem se jsir riferiment għalihom bħala “d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni”.


5      Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 88; u tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 41.


6      Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 1991, Mecanarte, C‑348/89, EU:C:1991:278, punti 39, 45 u 46; u tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 45.


7      Ara, f’dak ir-rigward, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 47.


8      Ara, f’dak ir-rigward, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 27; u tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et, C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 68.


9      Ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335 (“Cilfit”).


10      Ibid., punt 16.


11      Ibid., punt 19.


12      Sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et, C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428. Ara wkoll is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79.


13      Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513. Ara wkoll is-sentenzi tat-28 ta’ Lulju 2016, Tomášová, C‑168/15, EU:C:2016:602; u tad-9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et, C‑160/14, EU:C:2015:565.


14      Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-KEDB) tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 176.


15      Ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi u Autorità garante della concorrenza e del mercato, C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata.


16      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Venturini, C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:529, punt 26 et seq; u Gullotta u Farmacia di Gullotta Davide & C., C‑497/12, EU:C:2015:168, punt 30 et seq.


17      Ara, f’dak ir-rigward, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2005, Mobistar u Belgacom Mobile, C‑544/03 u C‑545/03, EU:C:2005:518 punt 31; u tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 36.


18      Ara s-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, Pelckmans Turnhout, C‑483/12, EU:C:2014:304, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata.


19      Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France, C‑442/02, EU:C:2004:586.


20      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano f’CaixaBank France, C‑442/02, EU:C:2004:187, punti 23 sa 76 (korsiv fil-verżjoni oriġinali).


21      Ibid. punti 77 sa 89.


22      Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France, C‑442/02, EU:C:2004:586, punt 8 sa 16.


23      Ara, f’dak ir-rigward, is-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1997, Pistre et, C‑321/94 sa C‑324/94, EU:C:1997:229, punt 45; u tal-14 ta’ Lulju 1988, Smanor, 298/87, EU:C:1988:415, punti 8 sa 10.


24      Ara, f’dak ir-rigward, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, X u Y, C‑200/98, EU:C:1999:566, punt 30.


25      Ara s-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2015, Stanley International Betting u Stanleybet Malta, C‑463/13, EU:C:2015:25, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata.


26      Ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Politanò, C‑225/15, EU:C:2016:645, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata.


27      Ara, fost ħafna, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Baw International, C‑42/07, EU:C:2009:519, punt 59.


28      Ara. f’dak ir-rigward, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Dickinger u Ömer, C‑347/09, EU:C:2011:582, punt 48.


29      Ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Politanò, C‑225/15, EU:C:2016:645, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata.


30      Ibid., punt 46.


31      Sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Laezza, C‑375/14, EU:C:2016:60, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata.


32      Ibid.,punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata.


33      Ara s-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, Ince, C‑336/14, EU:C:2016:72, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata.


34      Ara, fost ħafna, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, EU:C:2007:133, punti 68 sa 71.


35      Ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2007, Ntionik u Pikoulas, C‑430/05, EU:C:2007:410, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata.


36      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, Affish, C‑183/95, EU:C:1997:373, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:102, punti 69 u 70.


37      Ara, f’dak ir-rigward, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 76 et seq.


38      Ara s-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et, C‑390/12, EU:C:2014:281, punti 57 sa 60.


39      Ara, fost ħafna, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il-Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 132 u l-ġurisprudenza ċċitata.


40      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna, C‑221/09, EU:C:2011:153, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata.


41      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 2002, Mulligan et, C‑313/99, EU:C:2002:386, punt 48; u tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer, C‑62/00, EU:C:2002:435, punt 43 sa 47.


42      Ara, f’dak ir-rigward, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 1996, Anglo Irish Beef Processors International et, C‑299/94, EU:C:1996:148, punti 34 u 35.


43      Ara, f’dak ir-rigward, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Plantanol, C‑201/08, EU:C:2009:539, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata.


44      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Costa u Cifone, C‑72/10 u C‑77/10, EU:C:2012:80, punt 50 et seq.